Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Marzu 2012 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-109/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: A. Rubio González)

Konvenuta: il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 9992, tat-22 ta' Diċembru 2011, li tnaqqas l-għajnuna tal-Fond ta' Koeżjoni mogħtija għall-proġetti li ġejjin: "Azzjonijiet li għandhom jiġu implementati fil-kuntest tal-iżvilupp tat-tieni fażi tal-pjan ewlieni ta' ġestjoni tal-iskart solidu urban tal-Komunità Awtonoma ta' Extremadura" (CCI Nruº 2000.ES.16.C.PE.020); Żbokkijiet tal-ilma: "Baċir medju Getafe u baċir inferjuri tal-Arroyo Culebro (Baċir tat-Tago-Tisfija)" (CCI Nru 2002.ES.16.C.PE.002) "Użu mill-ġdid ta' ilmijiet ittrattati għall-irrigazzjoni ta' żoni ħodor fi Santa Cruz de Tenerife" (CCI Nruº2003.ES.16.C.PE.003) u "Għajnuna teknika għall-istudju u t-tfassil tal-proġett ta' estensjoni u ta' provvista ta' ilma tal-Mancomunidad de Algodor" (CCI Nru 2002.ES.16.C.PE.040);

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta' Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fond ta' Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji 2, peress li kienu għaddew iktar minn tliet xhur bejn id-data tas-seduta u d-deċiżjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni , peress li l-proċedura prevista f'dan ir-regolament kienet inbdiet mingħajr ma twettqu l-verifiki neċessarji.

It-tienet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1999, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni, minħabba nuqqas ta' kontrolli li jinvalidaw id-dikjarazzjonijiet ta' għeluq ta' proġett.

Ir-raba motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni, peress li ma ġietx ipprovata l-eżistenza ta' irregolaritajiet.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-proġett CCI Nru 2000.ES. 16.C PE.020, sa fejn il-Kummissjoni użat, fir-rigward tiegħu, kriterji stabbiliti f'dokument (Linji gwida dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-kuntratti pubbliċi, ippreżentati lill-Istati Membri waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta' Koordinazzjoni tal-Fond tat-28 ta' Novembru 2007) li ma kienx sar pubbliku fil-mument meta l-awtorijtajiet Spanjoli ppreżentaw id-dokumenti dwar il-bilanċ, iżda li kien sar pubbliku 29 xahar wara.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162.

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9; emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1264/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 73).