Language of document : ECLI:EU:F:2012:16

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

tat-13 ta’ Frar 2012

Kawża F‑118/11 R

Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Assenza”

Suġġett:      Talba, imressqa abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 157 KEEA, kif ukoll tal-Artikolu 279 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħha L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba, li tinsab fl-ittra tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 2011, intiża għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li huwa stess jikkwalifika li hija “relattiva għall-oriġini professjonali” tal-inkarigu li wassal għall-irtirar tiegħu minħabba invalidità.

Deċiżjoni:      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — “Fumus boni juris” — Urġenza — Natura kumulattiva – Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova

(Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 102(2))

1.      Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, it-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tintalab.

Il-kundizzjonijiet dwar l-urġenza u l-apparenza ġustifikata tat-talba (fumus boni juris) huma kumulattivi, b’tali mod li talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll jibbilanċja l-interessi kollha inkwistjoni.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ, il-mod li bih dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponi fuqu skema ta’ evalwazzjoni stabbilita minn qabel sabiex jevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni provviżorja.

(ara l-punti 16 sa 18)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 3 ta’ Lulju 2008, Plasa vs Il-Kummissjoni, F‑52/08 R, punti 21 u 22, u l-ġurisprudenza ċċitata; 15 ta’ Frar 2011, de Pretis Cagnodo u Trampuz de Pretis Cagnodo vs Il-Kummissjoni, F‑104/10 R, punt 16

2.      L-għan tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma huwiex li jiġi kkumpensat dannu, iżda li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza fuq il-mertu. Sabiex jintlaħaq dan l-aħħar għan, hemm bżonn li l-miżuri mitluba jkunu urġenti fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li dawn jiġu ppronunzjati u li joħolqu l-effetti tagħhom minn qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-parti li titlob il-ħruġ tal-miżuri provviżorji li għandha tippreżenta l-prova li hija ma tistax tistenna l-konklużjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma tbati dannu ta’ dan it-tip.

(ara l-punt 20)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Diċembru 2002, Esch-Leonhardt et vs BĊE, T‑320/02 R, punt 27