Language of document : ECLI:EU:T:2007:349

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Novembru 2007 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TEK – Suġġett tal-kawża – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (g), u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑458/05,

Tegometall International AG, stabbilita f’Lengwil-Oberhofen (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn H. Timmann, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Weberndörfer, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Wuppermann AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn H. Huisken, wara minn I. Friedhoff, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-21 ta’ Ottubru 2005 (Każ R 1063/2004-2), kif ikkoreġuta fis-16 ta’ Novembru 2005, dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Wuppermann AG u Tegometall International AG,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ April 2006,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ April 2006,

wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-2 ta’ Lulju 1999, Tegometall International AG ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja verbali fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali TEK.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jaqgħu fil-klassijiet 6 u 20 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nizza”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        klassi 6 : “Xkafef u biċċiet minn xkafef, b’mod partikolari qofof li jiddendlu ma’ xkafef, l-oġġetti metalliċi kollha ċċitati iktar’il fuq”;

–        klassi 20 : “Xkafef u biċċiet minn xkafef, b’mod partikolari qofof li jiddendlu ma’ xkafef”.

4        Fit-18 ta’ Mejju 2001, it-trade mark TEK ġiet irreġistrata bħala trade mark Komunitarja.

5        Fit-23 ta’ Lulju 2003, Wuppermann AG talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark Komunitarja TEK, skond l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li r-reġistrazzjoni kienet tmur kontra r-raġuni assoluti għal rifjut previst fl-Artikolu 7 (1)(b)(ċ) u (g) ta’ l-imsemmi regolament.

6        Fit-3 ta’ Frar 2004, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni għar-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 20, li ġiet milqugħa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Wara restrizzjoni, il-prodotti tal-klassi 20 previsti mit-trade mark TEK huma s-segwenti:

“Xkafef u biċċiet minn xkafef, b’mod partikolari qofof li jiddendlu ma’ xkafef, l-oġġetti metalliċi kollha ċċitati iktar’il fuq li mhumiex ta’ l-injam”.

7        Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal annullament ta’ l-intervenjenti u kkundannata għall-ispejjeż, peressi li kkunsidrat li r-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(b)(ċ) u (g) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux applikabbli f’dan il-każ partikolari.

8        Fis-16 ta’ Novembru 2004, l-intervenjenti ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (Każ R 1063/2004-2) għar-raġunijiet li kull waħda mill-kawżi ta’ invalidità previsti mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 51(1)(a), u ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (g), tar-Regolament Nru 40/94 kienu applikabbli.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2005, kif ikkorreġuta fis-16 ta’ Novembru 2005 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ Appell laqa’ r-rikors ta’ l-intervenjenti, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal- Kanċellazzjoni u ordna l-kanċellazzjoni tat-trade mark, peress li t-trade mark kienet deskrittiva skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u mhijiex ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), ta’ dan ir-regolament.

10      Essenzjalment, it-Tieni Bord ta’ Appell ikkunsidra, fl-ewwel lok, li fejn il-kelma “tek” tfisser injam tat-tik fit-Taljan u fil-Franċiż, li huwa stabbilit li xkafef u biċċiet minn xkafef huma maħduma mill-injam tat-tik u li mhuwiex eskluż li xi xkafef u biċċiet minn xkafef tal-metall u ta’ materjal tal-plastik jistgħu jimitaw l-injam tat-tik, il-kelma “tek”, użata għal xkafef u biċċiet minn xkafef tal-metall u mhux ta’ l-injam, isservi sabiex “tagħti l-apparenza, l-aspett estern u skond il-każ, aspetti kwalitattivi oħra ta’ injam tat-tik”. Konsegwentement, dan il-Bord wasal għall-konklużjoni li t-trade mark TEK tikkostitwixxi indikazzjoni esklużivament deskrittiva, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li kellha tibqa’ disponibbli għall-kompetituri. Fit-tieni lok, dan il-Bord ikkunsidra li l-kelma “tek” ma kinitx adatta sabiex tiddistingwi l-prodotti mitluba skond il-provenjenza tagħhom, kif ukoll li għandha tiġi rrifjutata t-trade mark għal reġistrazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Min-naħa l-oħra, dan ikkunsidra li mhuwiex marbut li jeżamina jekk it-trade mark in kwistjoni kinitx ta’ natura li tqarraq bil-pubbliku, skond l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94.

11      Fid-29 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti informat, permezz ta’ ittra lill-UASI, li hija kienet qed tirrestrinġi l-lista tal-prodotti previsti mit-trade mark TEK għas-segwenti:

–        klassi 6: “Xkafef u biċċiet minn xkaffef, b’mod partikolari qofof li jiddendlu ma’ xkaffef, l-oġġetti metalliċi kollha ċċitati u mhux magħmulin minn materjal li jimita l-injam”;

–        klassi 20: “Xkafef u partijiet minn xkafef, b’mod partikolari qofof li jiddendlu ma’ xkaffef, l-oġġetti kollha ċċitati iktar’il fuq li mhumiex ta’ l-injam u lanqas magħmulin minn materjal li jimita l-injam”.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        temenda d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddikjara ċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni għal invalidità tat-trade mark Komunitarja verbali TEK;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI għal eżami ġdid;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll mar-rikors quddiem il-UASI u quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

13      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti ssostni li r-restrizzjoni ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, fid-29 ta’ Diċembru 2005, għall-prodotti fil-klassijiet 6 u 20 li ma jimitawx l-injam għandha tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, safejn din hija element ġdid skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li seħħet biss wara li t-Tieni Bord ta’ Appell kien ħa d-deċiżjoni tiegħu. Jirriżulta a contrario mid-dispożizzjonijiet magħqudin ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 u ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura li, bħala prinċipju, hija awtorizzata l-produzzjoni ta’ raġunijiet ġodda fil-kuntest tal-proċedura għal invalidità [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Novembru 2003, HERON Robotunits vs UASI (ROBOTUNITS), T‑222/02, Ġabra p. II‑4995, punti 50 et seq].

16      Matul is-seduta, hija speċifikat li din l-applikazzjoni għal restrizzjoni kienet ġiet introdotta matul il-preżentazzjoni tar-rikors u li kienet ġiet irreġistrata mill-UASI. Hija ssostni wkoll li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619), ma kinitx rilevanti f’dan il-każ, f’każ fejn il-restrizzjonijiet negattivi huma previsti fil-klassifikazzjoni stabbilita mill-Ftehim ta’ Nizza.

17      L-UASI jsostni li d-dikjarazzjoni ta’ ċessjoni tar-rikorrenti dwar il-prodotti f’materjal li jimita l-injam ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni, safejn din twassal għal emenda irregolari tas-suġġett tal-kontroversja [kawża], skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli ta’ Proċedura [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, Ġabra p. II‑1401, punt 21].

18      L-UASI jikkunsidra wkoll li huwa żbaljat li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni awtorizzat ir-restrizzjoni tal-lista tal-prodotti tat-3 ta’ Frar 2004, safejn restrizzjoni bħal din tal-prodotti kienet irregolari, fid-dawl tal-ġurisprudenza (sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar’il fuq, punti 114 u 115). Madankollu, skond l-UASI, anki jekk tiġi kkunsidrata din ir-restrizzjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra korrettement li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-qasam ta’ l-invalidità kienu applikabbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

19      Skond l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ biss tannulla jew tbiddel deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell “fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, tar-[Regolament Nru 40/94] jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”. Skond l-Artikolu 74 ta’ l-imsemmi Regolament, dan l-istħarriġ dwar il-legalità għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif tressqet quddiem il-Bord ta’ Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II‑287, punt 17; tal-15 ta’ Settembru 2005, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T‑320/03, Ġabra p. II‑3411, punt 16, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Novembru 2006, Anheuser-Busch vs UASI – Budĕjovický Budvar (BUDWEISER), T‑366/05, Ġabra p. II-89, punt 27].

20      Isegwi, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew temenda d-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors ħlief meta, fil-mument li ttieħdet, hija kienet ivvizzjata minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ tibdil. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew tbiddel l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet li jiġu esposti wara li din tkun ittieħdet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C‑416/04 P, Ġabra p. I‑4237, punt 55).

21      Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 26(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, “Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tikkonsisti f’ […] lista ta’ prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liema ir-reġistrazzjoni hija mitluba”.

22      L-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “[l]-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Meta l-applikazzjoni tkun diġà ġiet ippubblikata, l-irtirar jew ir-restrizzjoni għandhom jiġu ippubblikati wkoll”.

23      F’dan il-każ partikolari, huwa stabbilit li r-rikorrenti pproċediet b’miżura ta’ restrizzjoni tal-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha ta’ trade mark Komuniutarja wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, ikun xi jkun l-eżitu ta’ din l-applikazzjoni mill-UASI, din ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li hija l-unika kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens, id-digriet BUDWEISER, iċċitat iktar’il fuq, punti 40 sa 48).

24      Ċertament, għandu jiġi rrilevat li, peress li kienet applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri bosta prodotti, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat dikjarazzjoni ta’ l-applikant tat-trade mark quddiemha, u għaldaqstant, wara d-deċiżjoni tal-Bord ta’ Appell, li tgħid li huwa rtira l-applikazzjoni għal ċerti prodotti biss li huma msemmija fl-applikazzjoni inizjali, kemm bħala dikjarazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija kkontestata biss safejn din tkopri l-bqija tal-prodotti mitluba [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs UASI (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T‑289/02, Ġabra p. II‑2851, punti 13 u 14], kif ukoll, jekk dikjarazzjoni bħal din saret fi stadju avvanzat tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala rinunzja parzjali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Unilever vs UASI (Pillola fil-forma ta’ bajda), T‑194/01, Ġabra p. II‑383, punti 13 sa 17].

25      Madankollu, jekk, permezz tal-restrizzjoni tiegħu tal-lista tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-applikant tat-trade mark m’għandux l-għan li jirtira wieħed jew bosta prodotti minn din il-lista, iżda li jemenda karatteristika, bħad-destinazzjoni tal-prodotti kollha li jidhru f’din il-lista, ma jistax ikun eskluż li din l-emenda tista’ jkollha effett fuq l-eżami tat-trade mark Komunitarja mwettqa mid-dipartimenti ta’ l-UASI matul il-proċedura amministrattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissjoni ta’ din l-emenda fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza hija ekwivalenti għal emenda tas-suġġett tal-kontroversja fl-istanza, li huwa pprojbit mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Konsegwentment, restrizzjoni bħal din ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-eżami tal-mertu tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza monBeBé, iċċitata iktar’il fuq, punti 20 sa 22).

26      Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk ir-referenza, fir-rikors, għal restrizzjoni, mir-rikorrenti, fid-29 ta’ Diċembru 2005, tal-prodotti mitluba għat-trade mark in kwistjoni, tistax tiġi interpretata bħala dikjarazzjoni tar-rikorrenti li hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata biss meta din tirrigwarda l-prodotti li jidhru fil-lista emendata.

27      Dan mhuwiex il-każ. Permezz ta’ din il-restrizzjoni, ir-rikorrenti ma rtiratx ċerti prodotti mil-lista tal-prodotti li għalihom ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni qed ssir applikazzjoni għaliha, iżda emendat il-karatteristiċi tal-prodotti kollha li jidhru f’din il-lista, billi żiedet il-preċiżazzjoni li dawn m’għandhomx ikunu prodotti minn “imitazzjoni ta’ l-injam”. Madankollu, kif intqal fil-punti 11 u 25 iktar’il fuq, restrizzjoni bħal din ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li tbiddel is-suġġett tal-kawża.

28      B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-prodotti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rikors preżenti huma dawk inklużi fil-lista tal-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal trade mark inizjali tar-rikorrenti, hekk kif ristretta fit-3 ta’ Frar 2004 (ara punti 3 u 6 iktar’il fuq).

29      Fir-rigward ta’ l-argument imqajjem mill-UASI li skond dan, id-Diviżjoni tal- Kanċellazzjoni awtorizzat b’mod żbaljat l-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-prodotti li mhumiex ta’ l-injam, fit-3 ta’ Frar 2004, għandu jingħad li, anki jekk jiġi presuppost li dan l-argument huwa ammissibbli, din ir-restrizzjoni tal-prodotti, kif josserva l-UASI, ma kellhiex effett fuq l-analiżi magħmula mill-Bord ta’ Appell fir-rigward tal-karattru deskrittiv u n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni. Argument bħal dan għandu għalhekk jiġi skartat bħala nieqes minn kull effett fuq is-soluzzjoni għall-kawża preżenti.

 Fuq il-mertu

30      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, li jirrigwardaw, rispettivament, il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ), (b) u (g) u tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

31      Jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-ksur tat-tieni frażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura amministrattiva ta’ invalidità kollha, hija ma setgħetx tesprimi ruħha fuq il-punt dwar jekk ir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kinitx ikkaratterizzata mill-fatt li t-tifsira ta’ “injam tat-tik” invokat mit-trade mark in kwistjoni setgħetx isservi sabiex tiddeskrivi l-prodotti magħmula minn imitazzjonijiet ta’ dan l-injam. Peress li ma kienx hemm proċedura orali, hija tikkunsidra li fl-ebda mument ma kellha l-okkazjoni li tieħu pożizzjoni fuq ir-riflessjonijiet magħmula mill-Bord ta’ Appell li dehru biss fid-deċiżjoni tiegħu.

33      F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-intervenjenti invokat quddiem il-Bord ta’ Appell raġunijiet assoluti għal rifjut ibbażati fuq l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 fejn illimitat ruħha li ssostni li t-trade mark in kwistjoni setgħet tuża’ l-kliem “teknoloġija” jew “teknika”. Hija sosstni wkoll li l-intervenjenti bbażat ruħha esklużivament fuq raġuni għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94, sabiex issostni li t-trade mark verbali TEK setgħet tqarraq il-persuni li jitkellmu bil-Franċiż u bit-Taljan, fejn tħalli lil wieħed x’jaħseb li l-prodotti tar-rikorrenti setgħu jimitaw l-injam tat-tik.

34      Hija tfakkar li jeżisti ksur tal-prinċipju dwar id-dritt li wieħed jinstema’, peress li l-proprjetarju tat-trade mark ma kellux l-okkażjoni li jesprimi ruħu dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet assoluti ta’ rifjut fejn il-Bord ta’ Appell applika ex officio (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II 663, punt 21).

35      Hija tosserva wkoll li kienet ġiet miċħuda mill-possibbiltà li titkellem fuq ir-raġunament tal-Bord ta’ Appell u b’mod partikolari fuq il-possibbiltà li tiġi ristretta wkoll il-lista tal-prodotti li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

36      L-UASI jirribatti li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-prinċipju tad-dritt li wieħed jinstema’ ma kienx inkiser.

37      Huwa josserva, min-naħa, li l-intervenjenti espliċitament ibbażat ir-rikors tagħha fuq kull waħda mill-kawżi għal invalidità previsti mill-Artikolu 51(1)(a), u l-Artikolu 7(1)(b)(ċ) u (g) tar-Regolament Nru 40/94. Min-naħa l-oħra, anki jekk l-intervenjenti rreferiet għal imitazzjonijiet ta’ injam tat-tik fil-kuntest ta’ l-argument tagħha mhux għall-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, iżda għall-Artikolu 7(1)(g) ta’ l-imsemmi Regolament, mhuwiex ikkontestat li huwa l-fatt ta’ l-eżistenza ta’ imitazzjonijiet ta’ injam tat-tik li sar is-suġġett tal-kawża.

38      Konsegwentement, skond dan, ir-rikorrenti kienet ġiet informata mhux biss dwar il-kawżi kollha ta’ invalidità, iżda wkoll tal-fatti kollha meħuda in kunsiderazzjoni mill-Bord ta’ Appell fid-deċiżjoni tiegħu.

39      L-UASI tfakkar li r-raġunijiet assoluti għal rifjut huma dejjem is-suġġett ta’ evalwazzjoni, għall-inqas fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti kollha msemmija fil-lista tal-prodotti li jinsabu fis-suq. Huwa kkunsidra li, skond dan il-prinċipju, il-Bord ta’ l-Appell kien obbligat li jieħu in kunsiderazzjoni l-eżistenza mhux ikkontestata ta’ imitazzjonijiet ta’ l-injam fil-kuntest tad-diskussjoni tal-kawżi ta’ invalidità kollha inklużi dawk previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

40      Fl-aħħar nett, huwa jżid li l-Bord ta’ Appell mhux marbut li jissottometti lill-partijiet għall-kummenti tagħhom abbozz ta’ deċiżjoni li tinkludi l-kunsiderazzjonijiet u l-argumenti ġuridiċi kollha kkunsidrati rilevanti.

41      L-intervenjenti ssostni, fir-rigward tagħha, li r-rikorrenti setgħet tieħu pożizzjoni fuq ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, peress li jirriżulta mill-fatt li l-prodotti tagħha setgħu jimitaw l-injam tat-tik.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta’ l-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni.

43      Skond din id-dispożizzjoni, Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punt 42, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2005, Sunrider vs UASI (TOP), T‑242/02, Ġabra p. II‑2793, punt 59].

44      L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża (sentenza LIVE RICHLY, iċċitata iktar’il fuq, punt 21). Skond dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sustanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; u sentenza LIVE RICHLY, iċċitata iktar’il fuq, punt 22).

45      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, jekk id-dritt li wieħed jinstema’, kif stabbilit mit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, ikopri l-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt kif ukoll l-elementi ta’ prova li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell, dan madankollu ma japplikax għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 62, u tal-5 ta’ April 2006, Kachakil Amar vs UASI (Linja lonġitudinali li tispiċċa fi trijangolu), T‑388/04, Ġabra p. II-35, punt 20]. Konsegwentement, il-Bord ta’ Appell mhuwiex obbligat li jisma’ rikorrent fuq kunsiderazzjoni fattwali li taqa’ taħt il-pożizzjoni finali tiegħu.

46      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tallega li, fil-proċedura amministrattiva għal invalidità kollha, hija ma setgħetx tesprimi ruħha fuq il-punt dwar jekk ir-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 kinitx tfisser li t-tifsira ta’ “injam tat-tik” setgħet tapplika għal imitazzjonijiet ta’ l-injam.

47      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li sa mill-istadju ta’ l-eżami tat-trade mark quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, kien hemm dibattitu dwar il-kwistjoni jekk it-trade mark kinitx deskrittiva fir-rigward tat-tifsira ta’ “injam tat-tik”, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

48      Fil-fatt, l-intervenjenti bbażat l-applikazzjoni tagħha ta’ invalidità tat-trade mark Komunitarja in kwistjoni fuq id-dispożizzjonijiet magħqudin ta’ l-Artikolu 51(1)(a) u ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (g) tar-Regolament Nru 40/94, fejn qalet b’mod partikolari li s-sinjal verbali rreġistrat TEK kien jikkostitwixxi indikazzjoni li sservi sabiex tindika l-kwalità tal-prodotti li jikkontjenu l-injam tat-tik. L-applikazzjoni għal invalidità ġiet innotifikata lir-rikorrenti li, sussegwentement, irrinunzjat għall-prodotti segwenti : “xkafef u biċċiet minn xkaffef ta’ l-injam” inklużi fid-deskrizzjoni tal-prodotti tal-klassi 20 previsti mit-trade mark in kwistjoni.

49      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li wara l-esklużjoni ta’ l-ixkaffef u tal-biċċiet minn xkafef ta’ l-injam mil-lista tal-prodotti koperti mit-trade mark Komunitarja, it-trade mark TEK ma setgħetx tiġi iktar ikkunsidrata bħala indikazzjoni li sservi sabiex tindika kwalità tal-prodott.

50      Għandu jiġi stabbilit, fit-tieni lok, li l-Bord ta’ Appell ma approvax il-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fil-fatt, il-Bord ta’ Appell ikkunsidra li, jekk ċertament kien preċiż li l-proprejetarju tat-trade mark Komunitarja kien eskluda l-prodotti ta’ l-injam mil-lista tal-prodotti, dan ma jfissirx li l-xkafef tal-metall jew ta’ materjali tal-plastik ma jistgħux jimitaw għamara ta’ l-injam tat-tik. Huwa jikkonkludi li “użata fir-rigward ta’ l-ixkafef tal-metall jew tal-materjal tal-plastik, l-espressjoni ‘tek’ b’konsegwenza sservi sabiex tindika l-apparenza, l-aspett estern u, skond il-każ, aspetti kwalitattivi oħra ta’ injam tat-tik”.

51      Meta jiġi kkunsidrat li l-esklużjoni tal-prodotti ta’ l-injam mhijiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li t-trade mark in kwistjoni mhijiex deskrittiva, minħabba l-fatt li l-prodotti li għalihom din ġiet irreġistrata setgħu jimitaw l-injam tat-tik, il-Bord ta’ l-Appell instab fl-istess kuntest ġuridiku – ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 – u fattwali bħal dak tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

52      Għandu jiġi rrilevat fit-tielet lok li, jekk il-Bord ta’ Appell wasal għall-konklużjoni differenti minn dik tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa rrefera għall-argument imqajjem mill-intervenjenti quddiemu, li jgħid li t-trade mark in kwistjoni tagħti lill-persuni kkonċernati li jitkellmu bil-Franċiż u bit-Taljan, l-illużjoni li prodott iservi għal żmien twil, għandu l-piż ta’ l-injam tat-tik u li ma jimmuffax, peress li xkafef u biċċiet minn xkafef mhumiex ta’ spiss magħmula minn injam tat-tik, iżda minn materjali oħra, li huma mogħtija ż-żejt, lewn, verniċ jew rikoperti sabiex jipproduċu l-effett ta’ injam tat-tik. Madankollu, dan l-argument ta’ l-intervenjenti juri b’mod ċar il-fatt li ma kienx eskluż li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jkomplu jevokaw il-kwalità u l-karatteristiċi ta’ l-injam tat-tik.

53      Huwa veru, hekk kif issostni r-rikorrenti, mingħajr ma huwa kkontestat mill-UASI, li l-fatt li l-ixkaffef u biċċiet minn xkaffef jistgħu jimitaw l-injam tat-tik ma kienx allegat mill-intervenjenti quddiem il-Bord ta’ Appell ħlief fil-kuntest tar-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(g) tar-Regolament Nru 40/94, u mhux f’dik ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti setgħet tesprimi ruħha matul il-proċedura fuq il-fatt li fuqu l-Bord ta’ Appell ibbaża r-raġunament tiegħu.

54      Fil-fatt, huwa stabbilit li l-imitazzjoni ta’ l-injam tat-tik huwa marbut ma’ l-apparenza ta’ l-injam tat-tik veru. Barra minn hekk, l-apparenza ta’ l-injam tat-tik tal-prodotti, bħal xkafef u biċċiet minn xkafef, għandha tippreżenta ruħha inevitabbilment bl-istess mod, kemm jekk dawn huma ffabbrikati minn injam tat-tik veru jew f’imitazzjoni ta’ injam tat-tik, jiġifieri b’materjali oħra li mhumiex ta’ l-injam.

55      Madankollu, għandu jiġi stabbilit li, matul il-proċedura għal invalidità, ir-rikorrenti esprimiet ruħha jew setgħet tesprimi ruħha fuq il-fatt li s-sinjal verbali rreġistrat kien jista’ jfakkar l-apparenza ta’ l-injam tat-tik. Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha fuq ir-raġuni għal rifjut tar-reġistrazzjoni prevista mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, imressqa mill-intervenjenti fl-applikazzjoni tagħha għall-nullament, li skond din is-sinjal verbali rreġistrat TEK kien jikkostitwixxi indikazzjoni bil-għan li tiddeskrivi l-kwalita tal-prodotti li jikkontjenu injam tat-tik u fuq il-kostatazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li skond din huwa veru li, skond l-estratti tad-dizzjunarju, bit-Taljan u bil-Franċiż, il-kelma “tek” għandha l-għan li tindika l-injam tat-tik (ara l-punt 10 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta’ Appell ma kisirx id-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-rikorrenti, peress li din ta’ l-aħħar kienet fil-pożizzjoni li tesprimi ruħha fuq l-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom il-Bord ta’ Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fil-kuntest ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

57      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma setgħux invalidaw din l-evalwazzjoni.

58      Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza EUROCOOL, iċċitata iktar’il fuq. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Bord ta’ Appell kien sab ex officio raġuni assolut għal rifjut, mingħajr ma ta lill-applikant il-possibbiltà li tesprimi ruħha dwar l-applikazzjoni tagħha. F’dan il-każ partikolari, min-naħa l-oħra, il-Bord ta’ Appell kieb ikkunsidra kull waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut u b’mod partikolari dik ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li kienet ġiet eżaminata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Il-Bord ta’ Appell ibbaża r-raġunament tiegħu fuq il-karatteristiċi kollha tal-prodotti li jkopru l-kwalità tagħhom ta’ imitazzjoni ta’ l-injam li huma l-kriterji ta’ analiżi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

59      Minbarra dan, huwa ta’ ftit importanza li dan l-argument dwar l-imitazzjonijiet ta’ l-injam kien tqajjem mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ raġuni assoluta oħra li mhijiex dik ikkunsidrata mill-Bord ta’ Appell. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni tal-fatti tappartjeni lill-att deċiżjonali stess u d-dritt li wieħed jinstema’ ma jestendix għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta’ Appell mhux marbut li jisma’ r-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ fatt li fuqha hija għażlet li tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salvita, iċċitata iktar’il fuq, punt 62, u Linja lonġitudinali li tispiċċa f’trijanglu, iċċitata iktar’il fuq, punt 20).

60      Jirriżulta li, għal dawn il-motivi kollha, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrenti tikkontesta li t-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni.

62      Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-konsumatur normalment informat, attent u raġonevolment avżat ma jifhimx bil-kelma “tek” bħala li għandha valur deskrittiv tal-prodotti indikati, f’każ fejn it-trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti mhux ta’ l-injam u fejn l-imsemmija prodotti mhumiex la ta’ l-injam tat-tik u lanqas f’imitazzjoni ta’ injam tat-tik.

63      Skond din, fir-rigward ta’ l-ixkafef u l-biċċiet ta’ xkaffef iffabbrikati f’materjali oħra barra l-injam, il-konsumatur medju informat, attent u raġonevolment avżat jagħti għall-kelma “tek” tifsira oħra milli dik ta’ l-injam tat-tik u, b’mod partikolari, huwa probabbli li jifhem it-trade mark TEK bħala taħlita ta’ l-ewwel żewġ ittri tad-denominazzjoni tal-kumpannija Tegometall.

64      Matul is-seduta, ir-rikorrenti qalet ukoll li, jekk il-kelma “tek” kienet effettivament imniżżla fid-dizzjunarji bit-tifsira “injam tat-tik”, kienet madankollu użata rarament.

65      Fir-rigward tal-fatt li l-kelma “tek” tagħmel referenza għall-kulur kannella skur ta’ l-injam tat-tik, hija ssostni li dan l-argument imqajjem mill-intervenjenti huwa tardiv u li fi kwalunkwe każ ma jistax jiġi dedott minn dan li l-prodotti għandhom, skond il-każ, il-kulur tik ħlief jekk dawn huma effettivament f’injam tat-tik. Fuq kollox, id-dizzjunarju tal-kuluri juża’ l-kelma Ingliża “teak” u mhux “tek”, għalkemm il-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż mhuwiex il-pubbliku rilevanti f’dan il-każ partikolari.

66      Ir-rikorrenti żżid li, sabiex il-persuni kkonċernati jifhmu t-trade mark TEK, bħala li għandha funzjoni deskrittiva ta’ prodotti li mhumiex ta’ l-injam, it-terminu għandu jiġi użat mill-utent f’kuntest li jirreferi b’mod univokali għal tifsira deskrittiva. Dan ikun il-każ tal-folji li jitwaħħlu li jagħtu, fuq wiċċ oġġett ieħor, il-kulur, l-istruttura u l-vina ta’ injam tat-tik, biss bil-għan li jagħtu lill-prodotti in kwistjoni apparenza li tixbaħ dik ta’ l-injam tat-tik. Madankollu, il-prodotti li għalihom hija saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni mhumiex użati bl-għan speċifiku li jimitaw l-injam tat-tik.

67      F’dan ir-rigward, hija ssostni li, sabiex il-karatterisika reġistrabbli ta’ trade mark tista’ tiġi evalwata, il-kriterju determinanti mhuwiex il-kwistjoni jekk, f’ċertu kuntest, it-trade mark tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala deskrittiva, iżda għandu jiġi eżaminat jekk, minnha nfisha, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom hija tista tiġi wżata, it-trade mark tista’ jkollha, għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni, rwol purament deskrittiv [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (CARCARD), T‑356/00, Ġabra p. II‑1963, punt 46, u tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T‑360/00, Ġabra p. II‑3867, punt 52].

68      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li mhux possibbli li wieħed jorbot fuq it-terminu “tech” ipperċepit mill-pubbliku bħala taqsira, akronimu li jiġi ppronunzjat b’dan il-mod, għas-sinjal verbali TEK li huwa pperċepiet bħala taħlita ta’ ittri u, b’hekk, huwa ppronunzjat b’mod differenti bħala r-riżultat ta’ l-ittri “t”, “e” u “k”.

69      Hija tikkunsidra li, sabiex jiġi deċiż dwar jekk reġistrazzjoni ta’ trade mark hijiex waħda adatta, għandu jiġi stabbilit jekk is-sinjal li huwa s-suġġett tal-kawża jistax jiġi rreġistrat u mhux li jiġi eżaminat jekk sinjali li jixxiebħu jistħgux jiġu rreġistrati. B’hekk, anki jekk il-pronunzja tkun identika, xi differenzi fil-mod kif jinkitbu s-sinjali jistgħu jwasslu għal evalwazzjoni differenti għar-reġistrazzjoni tagħhom.

70      Skond ir-rikorrenti, anki jekk wieħed jattribwixxi għas-sinjal verbali TEK it-tifsira tat-taqsira ta’ “teknoloġija” jew ta’ “teknika”, wieħed ma jikkunsidrax li l-imsemmija trade mark tista’ tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti li huma s-suġġett tar-reġistrazzjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ xkafef u biċċiet minn xkafef, it-termini “teknika” jew “teknoloġija” m’għandhomx tifsira deskrittiva partikolari jew univokali u ma jiddeskrivux il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn il-prodotti.

71      Hija ssostni wkoll li, jekk ċerti elementi ta’ xkaffa jista’ jkollhom karattru tekniku u, b’dan il-mod, huma s-suġġett ta’ privattiva, wieħed ma jistax jiddeduċi li l-pubbliku jikkunsidra li prodotti bħal dawn għandhom, minħabba n-natura tagħhom stess tagħhom, karattru tekniku.

72      L-UASI tosserva li huwa stabbilit li, fil-Franċiż u fit-Taljan, it-terminu “tek” ifisser injam tat-tik, u li l-ixkafef u l-biċċiet minn xkafef jistgħu jkunu ta’ l-injam tat-tik. Skond dan, ma jidhirx li hemm dubju li l-pubbliku jifhem “tek” bħala deskrittiv ta’ injam tat-tik, għall-inqas fil-każ li fih il-wiċċ ta’ l-oġġett jingħata lewn, struttura u sensazzjoni li jikkorrispondu għal dawk ta’ l-injam tat-tik.

73      Huwa jsostni li l-Bord ta’ Appell ġustament ikkunsidra li, sabiex jiġi analizzat il-karattru deskrittiv tat-trade mark, il-lista tal-prodotti li takkumpanja t-trade mark ma kinitx wisq importanti u li, anki jekk sinjal jiddeskrivi biss parti mill-prodotti inklużi f’kategorija partikolari, dan ma setax jiġi rreġistrat għal din il-kategorija. (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Telefon & Buch vs UASI – Herold Business Data (WEISSE SEITEN), T 322/03, Ġabra p. II 835, punt 83).

74      L-intervenjenti ssostni, bħal fil-każ ta’ l-UASI, li t-trade mark TEK hija deskrittiva tal-prodotti in kwistjoni. Skond din, “teak” huwa kulur ta’ lewn kannella, jiġifieri kannella tat-tik iddefinit hekk fid-dizzjunarju tal-kulur ta’ Maerz u Paul. Konsegwentement, f’każ fejn il-kulur huwa indikazzjoni normali ta’ l-apparenza esterna ta’ l-oġġetti u fil-każ in eżami għall-ixkafef, mhux eskluż li l-pubbliku kkonċernat li jitkellem bit-Taljan u bil-Franċiż jifhem it-trade mark TEK bħala indikazzjoni ta’ kwalità.

75      Hija ssostni li t-trade mark TEK hija purament deskrittiva tal-prodotti li huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni, indipendentement mill-kuntest li fih huma jistgħu jintużaw. Jekk wieħed jaċċetta li l-restrizzjoni tal-prodotti għal dawk li mhumiex magħmula f’imitazzjoni ta’ l-injam tittieħed in kunsiderazzjoni, hija ssostni li kull rabta deskrittiva bejn is-sinjal u l-prodotti ma tistax madankollu tiġi skartata, minħabba li t-terminu “tek” jiddeskrivi l-kulur tal-prodotti kkonċernati li mhumiex ta’ l-injam u li mhumiex magħmulin f’imitazzjoni ta’ l-injam.

76      Hija tikkunsidra li t-terminu “tek” huwa mifhum ukoll mill-parti l-kbira tal-konsumaturi bħala taqsira tal-kelma “teknika”. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, skond il-linji gwida permanenti ta’ kontroll tad-Diviżjoni tat-Trade marks ta’ l-United Kingdom Intellectual Property Office (Uffiċċju tal-privattivi tar-Renju Unit), l-indikazzjonijiet “tek” u “tec” huma kkunsidrati bħala ekwivalenti u mhumiex ammessi għal prodotti mhux tekniċi u li l-Bord ta’ Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali CYBERTEK f’każ fejn il-konsumatur medju jista’ jagħmel il-konnessjoni bejn il-kunċett “tek” u l-kliem “teknika” jew “teknoloġija” [ara d-deċiżjoni R 826/2004-1, tal-15 ta’ Diċembru 2004 (CYBERTEK)].

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

77      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7(1)(ċ), tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi li sinjali jew indikazzjonijiet li jaqgħu taħtu jkunu riżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu wżati liberament minn kullħadd [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs UASI (Quick), T‑348/02, Ġabra p. II‑5071, punt 27; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, Ġabra p. I‑2779, punt 25].

78      Minbarra dan, is-sinjali previsti mill-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma sinjali li huma magħrufa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas- servizz, sabiex tippermettri b’hekk lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tindika li tagħmel, matul akkwist ulterjuri, l-istess għażla, jekk l-esperjenza tirriżulta pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (ara s-sentenza Quick, iċċitata iktar’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Is-sinjali u indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, il-prodott jew is-servizz li għalih sasret applikazzjoni għal reġistrazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 39, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, Ġabra p. II‑2383, punt 24].

80      Jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn illi jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi in kwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2004, Lissotschenko u Hentze vs UASI (LIMO), T‑311/02, Ġabra p. II‑2957, punt 30, u PAPERLAB, iċċitata iktar’il fuq, punt 25].

81      Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal ma tistax isseħħ ħlief, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li huwa kompost mill-konsumatur ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CARCARD, iċċitata iktar’il fuq, punt 25, u tat-12 ta’ Jannar 2005, Wieland-Werke vs UASI (SnTEM, SnPUR, SnMIX), T‑367/02 sa T‑369/02, Ġabra p. II‑47, punt 17].

82      F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li r-rikors preżenti jikkonċerna biss il-prodotti previsti mill-applikazzjoni għat-trade mark segwenti: xkafef u biċċiet minn xkafef b’mod partikolari, qofof li jiddendlu minn ma’ xkaffef, l-oġġetti metalliċi kollha ċċitati iktar’il fuq fil-klassi 6, u l-prodotti kollha ċċitati iktar’il fuq li mhumiex ta’ l-injam fil-klassi 20. Fil-fatt, kif intwera fil-punti 19 sa 29, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni r-restrizzjoni tal-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark għall-prodotti kollha li ma jimitawx l-injam tat-tik, li seħħet sussegwentement għad-deċiżjoni kkontestata.

83      Il-pubbliku rilevanti huwa mifhum li huwa l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T‑219/00, Ġabra p. II‑753, punt 30; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26]. Fil-fatt, minħabba t-tip ta’ prodotti in kwistjoni (xkafef, biċċiet minn xkafef u qofof li jiddendlu), dawn huma ddestinati għall-konsum ġenerali. Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-terminu “tek” għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-konsumatur li jitkellem bil-Franċiż u bit-Taljan, peress li t-terminu in kwistjoni huwa terminu tal-lingwa Franċiża u Taljana.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi stabbilit, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jekk teżistix mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, konnessjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejn it-trade mark TEK u l-prodotti previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hekk kif analizzati mill-Bord ta’ Appell.

85      Għal dak li jirrigwarda t-tifsira tas-sinjal verbali TEK, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx, quddiem il-Bord ta’ Appell, il-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tinsab fil-punt 10 tad-deċiżjoni tagħha, li skond din huwa veru li, skond l-estratti mid-dizzjunarju li ġew ippreżentati, fit-Taljan u fil-Franċiż, il-kelma “tek” isservi sabiex tindika l-injam tat-tik. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti huma limitati, sostanzjalment, li jallegaw li l-użu ta’ struttura ta’ xkaffa metallika ma’ xkafef tal-metall jew tal-ħġieġ bl-ebda mod ma joħloq l-impressjoni li l-ixkaffa jew il-biċċiet ta’ l-ixkaffa huma ta’ l-injam tat-tik.

86      Ir-rikorrenti ppreċiżat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma kkontestat li t-terminu “tek” huwa effettivament imniżżel fid-dizzjunarju Franċiż u dak Taljan, li hija madankollu tiddubita li din il-kelma hija effettivament użata f’dan is-sens.

87      Huwa b’hekk stabbilit li l-kelma “tek” tfisser injam tat-tik fid-dizzjunarju Franċiż u dak Taljan u li tikkostiwixxi waħda mit-tifsiriet ta’ injam tat-tik f’dawn id-dizzjunarji. Huwa tip ta’ injam kannella, iebes, dens ħafna u li ma jimmoffax u t-terminu “tek” b’hekk jindika tip ta’ injam u l-karattarestiċi ta’ dan l-injam.

88      F’dan ir-rigward, mhux importanti li jkun stabbilit jekk it-terminu “tek” huwiex użat fis-sens ta’ injam tat-tik. Fil-fatt, sabiex l-UASI tirrifjuta li tirreġistra trade mark abbażi ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark u li għalihom jirreferi dan l-Artikolu jkunu effettivament użati, fil-mument meta ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom tkun tressqet l-applikazzjoni jew tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi. Kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li s-sinjali w indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati għal tali finijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 32, u s-sentenza LIMO, iċċitata iktar’il fuq, punt 32).

89      Fid-dawl tan-natura tar-rabta eżistenti bejn is-sinjal verbali TEK u l-prodotti kkonċernati, il-Bord ta’ Appell ikkunsidra, fil-punti 13 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’każ fejn l-ixkafef u biċċiet minn xkaffef jistgħu jiġu ffabbrikati b’injam tat-tik u fejn ma jistax jiġi eskluż li dawn il-prodotti tal-metall u ta’ materjal tal-plastik jistgħu jimitaw l-injam tat-tik, użat għal xkafef tal-metall jew ta’ materjal tal-plastik, l-espressjoni “tek” isservi sabiex tindika l-apparenza, l-aspett estern u, skond il-każ, aspetti kwalitattivi oħra ta’ injam tat-tik.

90      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-ixkafef, biċċiet minn xkafef u qofof li jiddendlu jistgħu jiġu ffabbrikati b’injam tat-tik, la li l-prodotti ċċitati jistgħu madankollu jkollhom l-apparenza ta’ injam tat-tik minħabba l-fatt li attwalment jiġu ffabbrikati xkafef magħmula minn materjali oħra mhux injam tat-tik, li huma mogħtija ż-żejt, verniċ jew huma koperti minn folji li jitwaħħlu li jagħtu l-impressjoni ta’ dan it-tip ta’ injam. Hija ssostni li l-pubbliku rilevanti ma jifhimx il-kelma “tek” bħala karatteristika tal-prodotti tagħha f’każ fejn il-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata huma tal-metall u la huma magħmula mill-injam tat-tik u lanqas f’imitazzjoni ta’ l-injam tat-tik.

91      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha għall-ixkafef u biċċiet minn xkafef, qofof li jiddendlu, l-oġġetti ċċitati iktar’il fuq kollha tal-metall fil-klassi 6, u għall-prodotti ċċitati iktar’il fuq kollha li mhumiex ta’ l-injam fil-klassi 20. B’hekk, il-Bord ta’ Appell ikkusidra b’mod ġust, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-lista tal-prodotti “ma [kinitx] assolutament limitata għal xkafef tal-ħġieġ jew tal-metall rikonoxxibbli inkwantu tali”.

92      Għaldaqstant, fir-rigward tal-lista tal-prodotti li għalihom it-trade mark TEK ġiet irreġistrata, ir-rikorrenti hija f’pożizzjoni li tippreżenta fil-ġejjieni l-prodotti tagħha f’materjali bħall-plastik jew fil-metall li madankollu jagħtu l-apparenza ta’ injam tat-tik. Fil-fatt, il-prodotti in kwistjoni, b’mod partikolari dawk iffabbrikati minn materjali tal-plastik, jistgħu minn naħa tal-lewn tagħhom, l-aspett estern tagħhom, minħabba t-teknika kollha eżistenti ta’ imitazzjoni ta’ l-injam attwalment fis-suq, jagħtu l-impressjoni li huma magħmula mill-injam tat-tik jew li għandhom ta’ l-anqas ċerti karatteristiċi ta’ injam tat-tik.

93      B’hekk, ir-rabta eżistenti bejn is-sens tat-terminu “tek”, minn naħa, u l-ixkafef u biċċiet minn xkafef u qofof li jiddendlu, l-oġġetti kollha ċċitati iktar’il fuq tal-metall u mhux ta’ l-injam, min-naħa l-oħra, jidhru suffiċjentement qrib sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ELLOS, iċċitata iktar’il fuq, punt 37).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit li huwa ta’ ftit importanza li r-rikorrenti ma tipproponix il-prodotti li għalihom hija applikat għar-reġistrazzjoni bil-għan li timita l-injam tat-tik. Fil-fatt, hekk kif issemma iktar’il fuq, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal ma tistax tiġi applikata ħlief fir-rigward ta’ kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara punt 81 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, il-fatt li sinjal verbali jkun deskrittiv fir-rigward ta’ parti biss tal-prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt kategorija msemmija inkwantu tali fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jipprojbixxix li dan is-sinjal verbali jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 40].

95      B’hekk, fir-rigward tal-konnessjoni konkreta u diretta bejn is-sinjal verbali TEK u l-ixkafef, biċċiet minn xkaffef u qofof li jiddendlu tal-metall u mhux ta’ l-injam, il-Bord ta’ Appell, ġustament, ikkunsidra li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, is-sinjal verbali TEK ma setax jikkostitwixxi trade mark Komunitarja.

96      F’każ fejn sinjal verbali għandu miċħud ir-reġistrazzjoni, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jekk, għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata iktar’il fuq, punt 32), għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ma analizzax jekk it-trade mark TEK kinitx xorta waħda pperċepita bħala indikazzjoni deskrittiva ta’ ċerti aspetti tekniċi jew teknoloġiċi tal-prodotti fl-oqsma lingwistiċi ta’ persuni li jitkellmu bl-Ingliż u bil-Ġermaniż.

97      Għaldaqstant, l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

98      Għal dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet motiv, ibbażati rispettivament fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (g) tar-Regolament 40/94, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 29).

99      Għalhekk, mhux neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (g) tar-Regolament Nru 40/94.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż magħmula mill-UASI, skond it-talbiet tiegħu.

102    Peress illi l-intervenjenti m’għamlitx talba f’dan is-sens, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata għall-ispejjeż, ħlief dawk ta’ l-intervenjenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.