Language of document :





Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011 – Land Wien vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-267/10)

“Enerġija nukleari – Rikors promotur – Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment dwar proġett ta’ estensjoni ta’ partijiet minn impjant nukleari – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Astensjoni tal-Kummissjoni li tittrażmetti d-dokumenti kollha mitluba relatati ma’ dan il-proġett – Rekwiżiti proċedurali – Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Inammissibbiltà”

1.                     Proċedura - Rikors promotur - Rekwiżiti proċedurali - Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża - Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati - Assenza ta’ ċarezza - Inammissibbiltà (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 17-20, 24, 25)

2.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Kunċett - Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija limitata għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna l-istat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà nukleari - Inammissibbiltà (Artikolu 263 TFUE) (ara l-punti 28-30)

3.                     Rikors għal annullament - Atti li jistgħu jiġu kkontestati - Rifjut tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Esklużjoni (Artikoli 258 TFUE u 263 TFUE) (ara l-punti 33, 34)

4.                     Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni - Persuni fiżiċi jew ġuridiċi - Ommissjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati - Rifjut tal-Kummissjoni li titlob il-kunsens ta’ Stat Membru sabiex tibgħat ċerti dokumenti lir-rikorrent - Assenza ta’ obbligu li tittieħed azzjoni - Rimedju ġudizzjarju adegwat - Rikors għal annullament - Inammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (Artikoli 263 TFUE u 265 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2011, Artikoli 7 u 8) (ara l-punti 41-45)

Suġġett

Essenzjalment, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Marzu 2010, li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent marbut mal-proġett ta’ estensjoni tal-partijiet 3 u 4 tal-impjant nukleari ta’ Mochovce (ir-Repubblika Slovakka) u, min-naħa l-oħra, talba intiża li tikkonstata n-nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, sa fejn id-dokumenti kollha mitluba dwar dan il-proġett ma ġewx trażmessi lir-rikorrent, bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Il-Land Wien huwa kkundannat għall-ispejjeż.