Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2024 – ePure u Pannonia Bio vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-45/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ePURE, de Europese Producenten Unie van Hernieuwbare Ethanol (Etterbeek, il-Belġju), Pannonia Bio Zrt. (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: M.-S. Dibling u G. Michaux, avukati)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 3(8)(c), l-Artikolu 4(1), (4) u (5) kif ukoll l-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2405 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwi għal transport bl-ajru sostenibbli 1 , sa fejn jeskludu bijokarburanti prodotti minn uċuħ tar-raba' tal-ikel u tal-għalf u uċuħ tar-raba’ intermedji mid-definizzjoni u/jew ishma minimi ta’ karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli u jimponu sehem minimu għall-karburanti tal-avjazzjoni sintetiċi;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-konvenuti wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkontradixxew id-data xjentifika u teknika disponibbli fit-tħejjija tal-politika tagħhom, u b’hekk kisru l-Artikolu 191 TFUE, u billi naqsu milli jipprovdu motivazzjoni suffiċjenti, u b’hekk kisru wkoll l-Artikolu 296 TFUE, għall-esklużjoni ta’ bijokarburanti ibbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (iktar ʼil quddiem ir-“RED”) filwaqt li jingħataw preferenzi għall-karburanti sintetiċi tal-avjazzjoni.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti kisru l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi pprojbew b’mod effettiv l-użu ta’ bijokarburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mar-RED, jiġifieri għalf manifestament sostenibbli, għall-użu ta’ karburanti tal-avjazzjoni.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-konvenuti kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi (i) ittrattaw ugwalment bijokarburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mar-RED minn naħa, u karburanti fossili u bijokarburanti bbażati fuq iż-żejt tal-palm min-naħa l-oħra, (ii) ittrattaw bijokaerburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mar-RED b’mod differenti fis-settur tal-avjazzjoni u fis-setturi tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija, u, (iii) ittrattaw bijokarburanti magħmulin minn għalf li jinsabu fl-Anness IX B tar-RED b’mod differenti meta mqabbel ma’ bijokarburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mar-RED, u (iv) eskludew bijokarburanti konformi mar-RED ibbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mad-definizzjoni tal-karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli filwaqt li jagħtu sehem obbligatorju ta’ karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli lill-karburanti sintetiċi tal-avjazzjoni.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-konvenuti kisru l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika billi iddikjaraw bħala r-raġuni ewlenija għall-promozzjoni ta’ tip wieħed ta’ karburant (jiġifieri l-kaburanti sintetiċi għall-avjazzjoni) il-kapaċità tiegħu li jiksbu ffrankar ta’ sa 100 % ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li rrifjutaw trattament favorevoli simili għal, u anke esklużjoni kategorika mid-definizzjoni stess ta’ karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli, bijokarburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ konformi mar-RED (u karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli oħra) li jistgħu jaqbżu l-iffrankar ta’ 100% ta’ emissjonijiet ta’ gass serra.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-konvenuti naqsu milli josservaw il-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiddevjaw b’mod sinjifikattiv mit-trattament tal-bijokarburanti bbażati fuq l-uċuħ tar-raba’ mir-RED, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, li jwassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali u ċ-ċaħda tal-aspettattivi leġittimi tal-operaturi kkonċernati.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuti użaw ħażin il-poteri tagħhom billi adottaw miżura li għaliha ma ġewx mogħtija l-poteri tagħha.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq li l-konvenuti kisru d-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

____________

1 ĠU L, 2023/2405.