Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2023 – Abramovich vs Il-Kunsill

(Kawża T-1105/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Roman Arkadyevich Abramovich (Nemchinovo, ir-Russja) (rappreżentanti: T. Bontinck, C. Zatschler, S. Bonifassi, J. Goffin, J. Bastien u M. Brésart, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment,

tiddikjara illegali l-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) 2014/269, sa fejn jirreferi għal “negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, jew negozjanti involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna” u b’konsegwenza:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn testendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn jestendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022;

sussidjarjament, fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 sa fejn testendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 sa fejn jestendi l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/429 tal-15 ta’ Marzu 2022 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/427 tal-15 ta’ Marzu 2022.

tikkundanna lill-Kunsill iħallas EUR 1 000 000 provviżorjament għad-dannu morali subit mir-rikorrent.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kriterju ġdid (g) kif emendat bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094 u bir-Regolament (UE) 2023/1089.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

____________