Language of document : ECLI:EU:T:2011:43

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Xandir televiżiv – Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE – Miżuri adottati mir-Renju Unit li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membu – Kampjonat tal-Ewropa tal-futbol – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt Komunitarju – Motivazzjoni – Artikoli 49 KE u 86 KE – Dritt ta’ proprjetà”

Fil-Kawża T‑55/08,

Union des associations européennes de football (UEFA), stabbilita fi Nyon (l‑Isvizzera), irrappreżentata minn A. Bell, K. Learoyd, solicitors, D. Anderson, QC, u B. Keane, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Benyon u E. Montaguti, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, u M. Lester, barrister,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn J. Stuyck, avukat,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer u V. Jackson, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer u L. Seeboruth, bħala aġenti, assistiti minn T. de la Mare u B. Kennelly, barristers,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2007/730, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal‑liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, L. Truchot u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jipprovdi li:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal‑persuna li lilha jingħataw is-servizzi.”

2        Skont l-Artikolu 86(1) KE, “[d]war impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 [KE] u fl-Artikoli 81 [KE] sa 89 [KE] inkluż”.

3        L-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif miżjuda bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li temenda d-Direttiva [89/552] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321), jipprovdi li:

“1. Kull Stat Membru jista jieħu miżuri skont il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew differita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista’ ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ mportanza kbira [primarja] għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l‑avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira differita sħiħa jew parzjali.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skont il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l‑Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil‑Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jeżerċitawx id‑drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal‑pubblikazzjoni ta din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill‑pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skont il-paragrafu 1.”

4        Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 huma fformulati b’dan il-mod:

“(18) Billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa mill-pubbliku għax-xandir televiżiv ta avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, bħal-logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol; billi għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kompatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta drittijiet esklussivi tax-xandir għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

(19)      Billi huwa neċessarju li jsiru arranġamenti fi ħdan il-qafas Komunitarju, sabiex jiġi evitat il-potenzjal ta’ inċertezza legali u xkiel tas-suq u sabiex iċ‑ċirkolazzjoni libera tas-servizzi televiżivi tiġi rikonċiljata mal-bżonn li tiġi evitata l-possibiltà ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li jipproteġu interess ġenerali leġittimu;

(20)      Billi, b’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stipulati dispożizzjoniet f’din id‑Direttiva dwar l-eżerċizzju minn xandara ta drittijiet esklussivi tax-xandir li huma setgħu xtraw għal avvenimenti li huma meqjusa bħala ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà fi Stat Membru li m’huwiex dak li għandu l‑ġurisdizzjoni fuq ix-xandara; […]

(21)      Billi avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà għandhom, għall‑iskopijiet ta din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta interess għall-pubbliku inġenerali fl‑Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment;

(22)      Billi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘televiżjoni mingħajr ħlas’; tfisser xandir fuq kanal, pubbliku jew kummerċjali, ta programmi li huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas apparti mill-mezzi ta’ l-iffinanzjar tax-xandir li jinsabu f’kull Stat Membru (bħall-miżata tal-liċenzja u/jew il‑miżata ta’ abbonament għas-servizz bażiku ta sistema interkonnessa bil-fil).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Ir-rikorrenti, l-Union des associations européennes de football (UEFA), hija l‑korp diriġenti tal-futbol Ewropew. L-għan prinċipali tagħha huwa li tiżgura l‑iżvilupp tal-futbol Ewropew u li torganizza ċertu numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol fosthom il-fażi finali tal-kampjonat tal-Ewropea tal‑futbol (iktar ’il quddiem l-“EURO”), li fl-ambitu tiegħu kull erba’ snin 16-il tim nazzjonali jilgħabu kontra xulxin matul total ta’ 31 logħba. Bis-saħħa tad-dħul mill-bejgħ tad-drittijiet kummerċjali konnessi ma’ dawn il-kompetizzjonijiet hija tkun tista’ tippromwovi l-iżvilupp tal-futbol Ewropew. F’dan il-kuntest, l-UEFA ssostni li 64 % tad-dħul provenjenti mill-bejgħ tad-drittijiet kummerċjali li jirrigwardaw l-EURO jirriżulta miċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal‑logħob.

6        B’deċiżjoni tal-25 Ġunju 1998, il-Ministru tal-Kultura, tax-Xandir u tal-Isports tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem il‑“Ministru”) stabbilixxa, skont it-Taqsima IV tal-Broadcasting Act 1996 (Liġi tal-1996 fuq ix-Xandir Televiżiv), lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, li fiha kien inkluż l-EURO.

7        L-adozzjoni ta’ din il-lista kienet ippreċeduta minn konsultazzjoni ta’ 42 organu differenti mnieda mill-Ministru f’Lulju 1997 dwar il-kriterji li abbażi tagħhom kellha tiġi evalwata l-importanza tad-diversi avvenimenti għas-soċjetà tar-Renju Unit. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni ta’ lista ta’ kriterji li jinsabu f’dokument tal-Ministru tal-Kultura, tax-Xandir u tal-Isports datat Novembru 1997, li l-Ministru applika sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Skont dan id-dokument, avveniment jista’ jiġi inkluż fil-lista, b’mod partikolari, meta jkollu reżonanza ġenerali speċjali fil-livell nazzjonali u mhux biss fost dawk li ġeneralment isegwu d-dixxiplina sportiva inkwistjoni. Skont l-istess dokument, jista’ jiġi kklassifikat b’dan il-mod avveniment sportiv nazzjonali jew internazzjonali li huwa prominenti jew li jinvolvi t-tim nazzjonali jew atleti tar-Renju Unit. Fost l-avvenimenti li jissodisfaw dawn il-kriterji, dawk li jattiraw ħafna telespettaturi jew li huma tradizzjonalment imxandra permezz ta’ xandira diretta fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas ikollhom iktar possibbiltà li jiġu inklużi fil-lista. Barra minn hekk, il-Ministru jieħu wkoll kont, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, fatturi oħrajn li jirrigwardaw konsegwenzi għall-isport ikkonċernat, bħall-opportunità li tiġi offruta xandira diretta ta’ avveniment kollu kemm hu, l-impatt fuq id-dħul fis-settur sportiv inkwistjoni, il-konsegwenzi għas-suq tax-xandir u l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jiggarantixxu l-aċċess għall-avveniment permezz ta’ trażmissjoni televiżiva jew radjufonika differita.

8        Sussegwentement, il-Ministru nieda, skont l-Artikolu 97 tal-Broadcasting Act 1996, proċedura ta’ konsultazzjoni li tikkonċerna l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jitniżżlu fil-lista. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, il-Ministru talab l-opinjoni ta’ diversi korpi u operaturi kkonċernati kif ukoll tat-titolari tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva, bħall-UEFA. Barra minn hekk, Kumitat Konsultattiv stabbilit mill-Ministru u intitolat “Advisory Group on listed events” (Grupp konsultattiv fuq l-avvenimenti mniżżla fil-lista) ta l-opinjoni tiegħu fuq l‑avvenimenti li għandhom jitniżżlu billi ppropona, fir-rigward tal-EURO, li jitniżżlu l-finali, is-semi-finali u l-logħob li jinvolvi t-timijiet nazzjonali tar-Renju Unit.

9        Skonti l-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 196, kif emendata bit-Television Broadcasting Regulations 2000 (Regolamenti tal-2000 dwar ix-Xandir Televiżiv), ix-xandara ta’ xandir televiżiv huma maqsuma f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija tinkludi x-xandara li jipprovdu servizz mingħajr ħlas li, barra minn hekk, jista’ jiġi riċevut minn tal-inqas 95 % tal-popoluzzjoni tar-Renju Unit. It-tieni kategorija tinkludi x-xandara li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

10      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996, kif emendata bit-Television Broadcasting Regulations 2000, fornitur ta’ programmi televiżivi li jaqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji ma jistax ixandar permezz ta’ xandira diretta avveniment kollu kemm hu jew parti minnu ħlief meta fornitur ta’ programmi televiżi li jaqa’ taħt kategorija oħra akkwista d-dritt li jxandar l-istess avveniment kollu kemm hu jew l-imsemmija parti minnu permezz ta’ xandira diretta fl-istess, jew essenzjalment fl-istess żona. Jekk din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta, ix-xandar li jixtieq ixandar permezz ta’ xandira l-avveniment inkwistjoni kollu kemm hu jew parti minnu għandu jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Office of Communications (Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet).

11      Skont l-Artikolu 3 tal-Code on Sports and Other Listed and Designated Events (Kodiċi li jirrigwarda l-avvenimenti sportivi u oħrajn inklużi fil-lista), fil-verżjoni fis-seħħ fil-2000, l-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huma maqsuma f’żewġ gruppi. Il-“Grupp A” jinkludi l-avvenimenti li ma jistgħux jixxandru permezz ta’ xandira diretta fuq bażi esklużiva jekk ċerti kriterji ma humiex sodisfatti. Il-“Grupp B” jinkludi l-avvenimenti li jistgħu jixxandru permezz ta’ xandira diretta fuq bażi esklużiva biss jekk ġew adottati dispożizzjonijiet sabiex jiggarantixxu trażmissjoni differita.

12      Skont l-Artikolu 13 tal-Code on Sports and Other Listed and Designated Events, awtorizzazzjoni tal-Office of Communications tista’ tingħata għall-avvenimenti li jaqgħu taħt il-“Grupp A”, li jifforma parti minnu l-EURO, meta d-drittijiet ta’ trażmissjoni konnessi miegħu ġew offruti pubblikament taħt kundizzjonijiet xierqa u raġonevoli lix-xandara kollha ta’ xandir televiż, mingħajr ma xandar li jaqa’ taħt il-kategorija l-oħra ma esprima l-interess tiegħu sabiex jixtrihom.

13      B’ittra tal-25 ta’ Settembru 1998, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-lista ta’ avvenimenti stabbilita mill-Ministru. Wara skambju ta’ korrispondenza bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni u notifika ġdida tal-miżuri li seħħew fil-5 ta’ Mejju 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Edukazzjoni u kultura” tal-Kummissjoni informa lir-Renju Unit, b’ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, li l-Kummissjoni ma hijiex ser tqajjem oġġezzjonijiet għall-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru, li kienu ser jiġu, għaldaqstant, f’qasir żmien ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

14      Bis-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni (T‑33/01, Ġabra p. II‑5897), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni li kienet tinsab fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, għar-raġuni li din kienet tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, li kellha tiġi adottata mill-istess kulleġġ ta’ membri tal-Kummissjoni (sentenza Infront WM/Commission, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178).

15      Wara s-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/730, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] (ĠU L 295, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontesata”).

16      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat b’dan il-mod:

“Artikolu 1

Il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE u nnotifikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fil- 5 ta’ Mejju 2000, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 328 tat-18 ta’ Novembru 2000, huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Il-miżuri, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552].”

17      B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata permezz tal-premessi li ġejjin:

“(4)      Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, li hija inkluża fil-miżuri tar-Renju Unit, kienet imfassla b’mod ċar u trasparenti u tnediet konsultazzjoni estensiva [f’dan l-Istat Membru].

(5)      Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit kienu jilħqu [jissodisfaw] mill-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li kienu kkunsidrati bħala indikaturi ta’ min jorbot fuqhom rigward l-importanza ta’ avvenimenti għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali speċjali fl-Istat Membru, u mhux sempliċement importanza għal dawk li s-soltu jsegwu l-isport jew l-attività kkonċernata; (ii) importanza kulturali distinta rikonoxxuta b’mod ġenerali għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikolari bħala katalista ta’ identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar fuq televiżjoni bla ħlas u ġibed lejh udjenzi kbar permezz tat-televiżjoni.

(6)      Għadd sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit, inkluż il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa kif ukoll il-Finali tat-Tazza tad-Dinja u t-turnew tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew, jaqgħu fil-kategorija ta’ l-avvenimenti kkunsidrati tradizzjonalment bħala ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, kif imsemmi b’mod espliċitu fil-premessa 18 tad-Direttiva [97/36]. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali speċjali fir-Renju Unit fl-intier tagħhom, peress li dawn huma partikolarment importanti mal-pubbliku ġenerali (irrispettivament min-nazzjonalità tal-parteċipanti), u mhux ma’ dawk biss li s-soltu jsegwu avvenimenti sportivi.

[…]

(18)      L-avvenimenti elenkati, li jinkludu dawk li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali, ġew tradizzjonalment imxandra fuq televiżjoni bla ħlas u ġibdu lejhom udjenzi kbar fuq it-televiżjoni […]

19)      Il-miżuri tar-Renju Unit jidhru proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mil-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li jiġu fornuti servizzi fuq il-bażi tar-raġuni dominanti ta’ interess pubbliku[, li jiġi żgurat aċċess pubbliku wiesa’ sabiex ikunu jistgħu jiġu mxandra avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà].

20)      Il-miżuri tar-Renju Unit huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni ta[t-Trattat KE] minħabba li d-definizzjoni ta’ xandâra kkwalifikati sabiex ixandru l-avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu l-kompetizzjoni attwali u potenzjali sabiex jinkisbu d-drittijiet li jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti elenkati mhuwiex sproporzjonat sabiex jgħawweġ [jikkawża distorsjoni tal-] il-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni bla ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

21)      Il-proporzjonalità tal-miżuri tar-Renju Unit hija msaħħa bil-fatt li għadd ta’ avvenimenti elenkati jeħtieġu biss kopertura sekondarja adegwata.

[…]

24)      Mid-deċiżjoni [sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni] wieħed jikkonkludi li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja tikkostitwixxi deċiżjoni, li għalhekk għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi ddikjarat b’din id-Deċiżjoni li l-miżuri notifikati mir-Renju Unit huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja. Il-miżuri, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552].”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2008, l-UEFA ppreżentat dan ir-rikors.

19      L-UEFA titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, tipproduċi diveri dokumenti li, fil-fehma tagħha, jgħinu għall-iżvolġiment effikaċji tal-proċedura bil-miktub, għall-kjarifika tal-kwistjonijiet kontroversji u għall-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali hija msejħa teżerċita.

20      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 u fis-16 ta’ Ġunju 2008 rispettivament, ir-Renju Unti u r-Renju tal-Belġju talbu sabiex jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Settembru 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet dawn l-interventi. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-UEFA ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn fit-termini stabbiliti.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċeduri, għamlet bil-miktub mistoqsija lill-UEFA u żewġ mistoqsijiet lill-Kummissjoni. Dawn wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-termini stabbiliti.

23      L-UEFA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tiddikjara konformi mad-dritt Komunitarju l-inklużjoni fil-lista nazzjonali tar-Renju Unit tal-EURO kollu kemm hu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-UEFA għall-ispejjeż.

25      Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

26      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-UEFA la hija individwalment u lanqas direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tevalwa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, peress li l-UEFA ma ppreżentatx rikors kontra l-miżuri adottati mir-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali, b’tali mod li r-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali kien ippreżentat wara t-terminu sabbilit, l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestat ma jippreġudikax il-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

27      L-UEFA tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċernaha direttament u individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Il-motivi tal-inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Belġju jirrigwardaw l-ordni pubbliku peress li, fil-kuntest tagħhom, iqiegħdu inkwistjoni l-interess ġuridiku tal-UEFA, l-osservazzjoni tat-terminu tar-rikors u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina ex officio dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, minkejja li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Belġju, bħala intervenjenti, ma għandux il-kwalità li jqajjem l-imsemmija eċċezzjonijiet u l-Kummissjoni ma kkontestatx l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens u b’anoloġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 sa 23).

29      Fir-rigward tal-interess dirett tal-UEFA, għandu jitfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, kif stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, teħtieġ li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), l-ebda xandar televiżiv li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji deskritti fil-punt 9 iktar ’il fuq ma jista jxandar permezz ta’ xandira diretta jew fuq bażi esklużiva ta’ avveniment inkluż fil-lista tar-Renju Unit. Huwa biss fil-każ li l-ebda xandar li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji l-oħrajn ma juri interess għall-akkwist tad-drittijiet ta’ ritranżmissjoni ta’ dan l-avveniment u jekk il-kundizzjonijiet l-oħrajn imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq huma sodisfatti li l-Office of Communications jista’ jawtorizza x-xandar li kiseb id-drittijiet li jxandar permezz ta’ xandira diretta jew fuq bażi esklużiva l-avveniment inkwistjoni.

31      Minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO, li l-UEFA hija l-organizzatriċi tiegħu fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, lil xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit b’mod li jċaħħdu xandara oħrajn, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat Membru u li wrew interess li jakkwistawhom, mill-possibbiltà li jxandru dan l-avveniment kollu kemm hu jew parti minnu f’dan il-pajjiż ma jipproduċiex l-effetti legali li huma normalment marbuta ma’ din il-klawżola ta’ esklużività.

32      Għalkemm huwa veru li dawn il-konsegwenzi legali jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u mhux mid-deċiżjoni kkontestata, jibqa’ xorta l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit minn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, joħloq għall-Istati Membri obbligu li dawn il-konsegwenzi jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tax-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fir-Renju Unit tal-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ dan l-Istat Membru, kif iddefinita mir-Renju Unit fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tax-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri li ma huwiex ir-Renju Unit u li jixtiequ jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni fir-Renju Unit miżmuma oriġinarjament mill-UEFA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commission vs Infront WM, punt 29 iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

33      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Istati Membri li jeskludu l-implementazzjoni tad-drittijiet bħala dawk deskritti fil-punt 31 iktar ’il fuq mix-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, b’mod li d-drittijiet li oriġinarjament kellha l-UEFA ġew ukoll affettwati meta dawn ġew offruti pubblikament lil xandara li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, iżda taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

34      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-UEFA fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnha u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex, li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, punt 29 iktar ’il fuq, punti 60 u 61).

35      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament lill-UEFA.

36      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-UEFA hijiex individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitfakkar li individwi li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ fejn din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, punt 29 iktar ’il fuq, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’din il-kawża, huwa paċifiku, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO, li dan huwa avveniment skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u li l-UEFA hija l-organizzatriċi inkwistjoni. Din is-sitwazzjoni tapplika wkoll fil-mument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, peress li l-UEFA kienet perfettament identifikabbli f’dan il-mument.

38      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna individwalment lill-UEFA.

39      Fir-rigward tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti li tevalwa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 230 KE u li l-UEFA ma kkontestatx il-miżuri tar-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, permezz tar-rikors tagħha, l-UEFA tikkontesta b’mod partikolari l-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-miżuri tar-Renju Unit huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

40      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ mitlub mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jirrigwarda l-legalità ta’ dan il-fatt, mingħajr man-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-miżuri tar-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali ma jaffettwa b’mod jew ieħor l-ammissibbiltà tar-rikors li ġie ppreżentat skont it-terminu previst fl-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 109).

41      Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mir-Renju tal-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

42      L-UEFA tressaq tmien motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, il-ħames nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sitt nett, fuq il-ksur tad-dritt tagħha, is-seba’ nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tmien nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

43      Qabel jinbeda l-eżami tal-motivi mressqa mill-UEFA, hemm lok li jiġu spjegati ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali li għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom.

44      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 kkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jillimitaw, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali, stabbiliti bid-dritt Komunitarju primarju.

45      Fil-fatt, minkejja li l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 japplikaw b’mod nondiskriminatorju kemm għall-impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali kif ukoll għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa biżżejjed li dawn il-miżuri jivvantaġġjaw ċerti impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali sabiex jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 16, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punti 37 u 38).

46      Issa, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat jistgħu jiġu ġġustifikati meta jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn ikunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et, punt 45 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-libertà tal-espressjoni, kif protetta bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, tinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja u tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika din ir-restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et, punt 45 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

48      F’din il-kawża, kif irrilevat ukoll fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri adottati mir-Renju Unit jikkostitwixxu xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huma intiżi li jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesgħa lill-pubbliku għat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti nazzjonali jew le li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

49      Minn dan jirriżulta li, peress li huma jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

50      Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 46 iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu wkoll adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hemm lok li jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li tirreferi għalih din il-premessa, ma jarmonizzax avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Fil-fatt, kuntrarjament għall-verżjoni ta’ dan l-artikolu li deher fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill bil-ħsieb li d-Direttiva 97/36 tiġi adottata (ĠU 1996 C 362, p. 56) u li tirreferi espressament għal-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa u għall-kampjonati tad-Dinja u tal-Ewropa tal-futbol, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal avvenimenti speċifiċi li jistgħu jiġu inklużi fil-listi nazzjonali.

52      Minn dan jirriżulta, li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma għandhiex tinftiehem li l-fatt li l-EURO ġie inkluż fil-lista nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jwassal sabiex jitqies bħala awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li l-EURO jista’ validament dejjem jiġi inkluż kollu kemm hu f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħob ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

53      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 44 sa 49 iktar ’il fuq, din il-premessa timplika li, meta Stat Membru jinkludi l-logħob tal-EURO fil-lista li għażel li jistabbilixxi, ma hemmx bżonn li jniżżel fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni motivazzjoni speċjali dwar in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

54      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-fondatezza tal-motivi mqajma mill-UEFA għandha tiġi evalwata.

55      Fl-aħħar nett, sa fejn l-UEFA ssostni, fis-sitt motiv tagħha, nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kjarezza u trasparenza tal-proċedura implementata mir-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali ser tqajjem dan il-motiv qabel ma teżamina l-ewwel motiv peress li jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

56      L-UEFA ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement u, minħabba dan il-fatt, tostakola lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha. Peress li kkawżat restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għall-kompetizzjoni u għad-dritt ta’ proprjetà, id-deċiżjoni kkontestata kellha tingħata motivazzjoni dettaljata. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludiex motivazzjoni suffiċjenti dwar il-kjarezza u t-trasparenza tal-proċedura segwita mir-Renju Unit u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar id-dritt ta’ kompetizzjoni.

57      Fil-fatt, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ebda żvilupp li sar mill-2000 għall-finijiet tal-adozzjoni tagħha, b’tali mod li hija ma kellhiex elementi neċessarji għall-adozzjoni, fl-2007, ta’ deċiżjoni korrettament motivata. Issa, in-numru ta’ udjenza tal-EURO tal-2000 u dak tal-2004 juru li l-logħob li fih ma kienx jipparteċipa tim nazzjonali tar-Renju Unit f’dan il-pajjiż attiraw biss terz mit-telespettaturi tal-logħob li fih kien involut tim nazzjonali ta’ dan il-pajjiż. Billi naqset milli tiġbor informazzjoni dwar kull bdil ta’ ċirkustanzi wara s-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, li imponiet in-neċessità li tiġi adottata deċiżjoni fuq il-lista tar-Renju Unit, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, din is-sentenza tal-aħħar ma kkonfermatx l-evalwazzjoni fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000 (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq) rigward il-kompatibbiltà tal-lista tar-Renju Unit mad-dritt Komunitarju.

58      Il-Kummissjoni sempliċement ittrasformat l-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000 f’deċiżjoni, mingħajr għaldaqstant ma wettqet analiżi iktar fil-fond mill-analiżi sommarja li hija wettqet skont l-espożizzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-kawża li tat l-lok għas-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq. Dan il-ksur tad-dmir li twettaq inkjesta fil-fond wassal inevitabbilment għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-dritt tal-kompetizzjoni.

59      F’dan ir-rigward, l-UEFA ssostni li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkun immotivata bis-sempliċi invokazzjoni tal-aċċess televiżiv għall-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, li tikkostitwixxi biss rinviju għall-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 mingħajr espożizzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw din id-deroga għal dispożizzjoni fundamentali tat-Trattat. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata lanqas tinkludi tentattiv ta’ definizzjoni tas-swieq rilevanti.

60      Fl-aħħar nett, l-UEFA ssostni l-Kummissjoni kellha tagħti motivazzjoni speċifika tal-għażla tagħha li ssegwi approċċ differenti minn dak li adottat fir-rigward tal-Istati Membri li fil-listi rispettivi tagħhom inkludew biss ċerti logħob tal-EURO.

61      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u l-argument tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li jippermetti li l-partijiet kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont il-fatti tal-kawża, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom mill-fatt li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 93).

63      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li din taqa taħt il-legalità tal-mertu ta’ l-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 94).

64      Rigward il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura implementata mir-Renju Unit tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kjarezza u ta’ trasparenza, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit kienet ġiet stabbilita b’mod ċar u trasparenti u kienet tnediet konsultazzjoni estensiva f’dan l-Istat Membru (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, l-UEFA stess ipparteċipat fil-proċedura inkwistjoni, bħala organizzattriċi tal-EURO, billi ppreżentat, b’ittra tat-23 ta’ Diċembru 1997 indirizzata lill-Ministru, l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-inklużjoni eventwali ta’ din il-kompetizzjoni fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit.

66      It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tal-Broadcasting Act 1996 dwar l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jinsabu fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 97 ta’ dan it-test leġiżlattiv jipprovdi li l-lista inkwistjoni hija stabbilita mill-Ministru wara konsultazzjoni, b’mod partikolari, mal-persuna li mingħandha jistgħu jinxtraw id-drittijiet ta’ xandir televiżiv ta’ kull avveniment li jippreżenta interess fil-livell nazzjonali li l-Ministru jipproponi li jinkludi jew le f’din il-lista.

67      It-tielet nett, mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-premessi 6 u 18 tagħha, jirriżulta li l-inklużjoni tal-EURO fil-lista tar-Renju Unit kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni peress li din il-kompetizzjoni għandha reżonanza ġenerali speċjali f’dan l-Istat Membru mhux biss għal dawk li ġeneralment isegwi l-avvenimenti sportivi fuq it-televiżjoni u li huwa kien dejjem ritrażmess minn stazzjonijiet mingħajr ħlas u attira numru ta’ telespettaturi. Il-kriterji inkwistjoni huma inklużi fost dawk li l-Ministru stabbilixxa qabel il-proċedura ta’ konsultazzjoni fuq l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-lista tar-Renju Unit (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq).

68      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-informazzjon neċessarja li tippermetti lill-UEFA li tifhem ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni ddeċidiet li l-proċedura segwita mill-Ministru kienet ċara u trasparenti fir-rigward tal-kriterji adottati għas-selezzjoni tal-avvenimenti li għandhom jiġu inklużi fil-lista, għall-konsultazzjoni dwar din is-selezzjoni u għad-definizzjoni tal-awtorità kompetenti għal dan il-għan u għall-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha rigward il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

69      Għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni insuffiċjenti fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tad-dritt tal-kompetizzjoni sostnuta wkoll b’mod ġenerali mill-UEFA, għandu jitfakkar li, fil-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-motivi li għalihom li hija tqis li l-miżuri tar-Renju Unit ma jiksrux id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar dawn l-oqsma (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

70      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet li l-miżuri tar-Renju Unit jirriżultaw proporzjonati u jiġġustifikaw deroga mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għal numru kbir ta’ pubbliku għall-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Mill-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex hija tqis li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jostakolawx l-inklużjoni tal-EURO fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit b’mod li jippermettu lill-UEFA tifhimhom u li tikkonstata l-fondatezza tagħhom u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, peress li l-premessi 5, 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu l-motivi għaliex il-Kummissjoni qieset li l-EURO huwa avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-UEFA, possessur oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO, tista’ tevalwa jekk jeżistux elementi li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni din l-evalwazzjoni jew li juru l-eventwali natura sproporzjonata jew b’mod ieħor kuntrarja għad-dritt Komunitarju tal-inklużjoni tal-logħob kollu ta’ din il-kompetizzjoni fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit.

71      Fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterji implementati sabiex jiġu kkategorizzati x-xandara huma objettivi u li l-miżuri tar-Renju Unit li jippermettu kompetizzjoni effettiva u potenzjali għall-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-avvenimenti inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissoni qieset li n-numru ta’ avvenimenti inklużi ma huwiex sproporzjonat, b’tali mod li l-inklużjoni tagħhom ma twassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

72      Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-premessa, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-miżuri tar-Renju Unit ma jiksrux l-Artikolu 86 KE. Barra minn hekk, minn din l-istess premessa jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet il-pożizzjoni tagħha billi rreferiet għas-suq tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-avvenimenti inkwistjoni kif ukoll għas-swieq downstream tat-televiżjoni mingħajr ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex l-għan li teżamina l-legalità tal-aġir tal-impriżi fir-rigward tal-Artikoli 81 u 82 KE u, skont il-każ, li tadotta miżuri abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iżda li jevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri tal-Istat mal-Artikolu 86 KE. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 253 KE huwa sodisfatt meta din l-istituzzjoni tesponi b’mod inekwivoku r-raġunijiet għaliex hija tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħtix lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkompatibbli mar-regoli rilevanti tat-Trattat fir-rigward tal-impriżi li lilhom huma mogħtija drittijiet speċjali jew esklużivi.

73      Peress li dawn il-motivi jirriżultaw mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, l-UEFA tista’ tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u li tikkontesta l-fondatezza tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li din tista’ barra minn hekk teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

74      Rigward l-argumenti tal-UEFA li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti skont il-liġi peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi suċċessivi għas-sena 2000 sabiex tikkontrolla l-eżatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Ministru li wasslu għall-inkużjoni tal-EURO fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jirrigwardawx il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda l-fondatezza tal-motivi tagħha. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 5, 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-EURO jista’ jiġi validament inkluż fil-lista inkwistjoni, il-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi li jistgħu jinvalidaw l-evalwazzjoni tal-istituzzjoni f’dan ir-rigward, jekk dan jiġi stabbilit, jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata rigward il-mertu. Dawn l-argumenti ser jiġu għaldaqstant eżaminati fil-kuntest tat-tielet motiv.

75      Rigward l-argument li l-Kummissjoni kellha tagħti motivazzjoni speċifika tal-għażla tagħha li ssegwi approċċ differenti minn dak li adottat fir-rigward tal-Istati Membri li fil-listi rispettivi tagħhom inkludew biss ċerti logħob tal-EURO, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex tali obbligu f’dan il-każ.

76      F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jarmonizzax avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri li huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq), diversi approċċi li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-logħob tal-EURO fil-lista nazzjonali jistgħu wkoll ikunu kompatibbli mad-dispożizzjoni inkwistjoni.

77      F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk l-inklużjoni tal-EURO kollu kemm hu fil-lista nazzjonali huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, xejn ma jostakola li tkun kompatibbli wkoll l-inklużjoni biss ta’ ċertu logħob ta’ din il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjonijiet tagħha, diversi approċċi li huma wkoll kompatibbli mad-dritt Komunitarju ma jimmanifestax bħala tali ebda kontradizzjoni u jeħtieġ ebda motivazzjoni speċjali kuntrarjament għal dakli tallega r-rikorrenti.

78      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552

–       L-argumenti tal-partijiet

79      L-UEFA tfakkar li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 jimponi fuq l-Istati Membri li jistabblixxu l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà skont proċedura ċara u trasparenti fi żmien xieraq u effettiv. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha li tiddikjara, fil-premessa 4 tagħha, li din il-kundizzjoni hija sodisfatta u li konsultazzjoni estensiva tniedet mir-Renju Unit.

80      Issa, din il-konsultazzjoni ma kinitx tkompliet, peress li l-Mnistru ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod korrett il-kummenti fformulati mill-UEFA fil-kuntest tagħha. Barra minn hekk, il-Ministru injora l-opinjoni tal-Advisory Group on listed events (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li kien irrakomanda li jiġu inklużi l-logħob li fihom ma kinux jipparteċipaw it-tims nazzjonali tar-Renju Unit fil-“grupp B” tal-lista, kif ukoll dik tal-Office of Fair Trading (OFT, awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit), li kien ippropona li l-inklużjoni tal-logħob fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ssir biss meta tkun imposta minn “interess pubbliku irreżistibbli”. Madankollu, il-Ministru ma esponiex ir-raġunijiet għaliex huwa ma segwiex dawn l-opinjonijiet u lanqas spjega għaliex kull logħba tal-EURO għandha titqies bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit.

81      Barra minn hekk, ma saret ebda konsultazzjoni li tikkonċerna l-kriterji ta’ qsim tax-xandara fil-kategoriji stabbiliti bl-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 1996 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), kriterji li jsaħħu r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni imposti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u li jrendu prattikament impossibbli l-akkwist tad-drittijiet esklużivi ta’ ritranżmissjoni televiżiva tal-avvenimenti inklużi fil-lista min-naħa tax-xandara li ma humiex stabbiliti f’dan l-Istat Membru. Il-qsim tax-xandara f’kategoriji jaffettwa barra minn hekk il-portata tal-konswegwenzi li jirriżultaw mid-dħul ta’ avveniment fil-lista.

82      L-UEFA tirrileva li r-Renju Unit ma emendax il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà mill-1998 filwaqt li s-suq inbidel ħafna minn dak iż-żmien. Għaldaqstant, konsultazzjoni mwettqa fl-1997 u fl-1998 ma tistax titqies xierqa għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Ottubru 2007.

83      Il-Broadcasting Act 1996 ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, peress li ma jobbligax lill-Ministru sabiex jeżamina jekk trażmissjoni differita hijiex suffiċjenti sabiex tħares l-interess ġenerali għall-aċċess televiż għal avveniment ta’ importanza primarja. Barra minn hekk, il-proċedura li abbażi tagħha jintgħażel il-grupp tal-lista li jifforma parti minnu kull avveniment la hija ċara u lanqas trasparenti. F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-proporżjonalità tal-miżuri tar-Renju Unit hija kkorroborata mill-fatt li ċertu numru ta’ avvenimenti inklużi fil-lista jeħtieġu trażmissjoni adatta biss, ma tiddikjarax għaliex kien raġonevoli u proporzjonat li jiġi inkluż il-logħob kollu tal-EURO fil-“grupp A” tal-lista.

84      L-UEFA ssostni li l-miżuri tar-Renju Unit jimponu restrizzjonijiet għad-drittijiet esklużivi akkwistati mill-1 ta’ Ottubru 1996, filwaqt li l-EURO ġie inkluż fil-lista ta’ dan l-Istat Membru biss fil-25 ta’ Ġunju 1998. Issa, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-legalità tal-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet retroattivi fuq id-drittijiet relattivi għall-EURO, anki jekk din l-azzjoni ma tidhirx kompatibbli la mal-leġiżlazzjoni mar-Renju Unit u lanqas mal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552.

85      Fl-aħħar nett, l-UEFA tenfasizza li l-ilmenti tagħha jqiegħdu inkwistjoni l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ma kkonkludietx li l-proċedura segwita fil-livell nazzjonali ma kinitx la ċara u lanqas trasparenti, mingħajr ma l-fatt li ma kkontestatx il-miżuri tar-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali ma jċaħħduha mill-possibbiltà li tqajjem dan il-motiv. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

86      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ma jistabbilixxix l-elementi speċifiċi li għandhom jikkaratterizzaw il-proċeduri implementati fuq livell nazzjonali għall-finijiet li tiġi abbozzata l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jorganizzaw il-proċeduri inkwistjoni fir-rigward tal-istadji tagħhom, tal-konsultazzjoni eventwali tal-persuni kkonċernati u tal-għoti tal-kompetenzi amministrattivi, billi tippreċiża li dawn kollha għandhom ikunu ċari u trasparenti.

88      Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat permezz ta’ miżuri nazzjonali ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku xorta għandhom ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u ma għandhomx imorru lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara l-punt 46 iktar ’il fuq).

89      Għalhekk, anki meta leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dak imsemmija fl-Artikolu 3(a)(1) tad-Direttiva 89/552, għandhom l-għan li jħarsu d-dritt tal-libertà ta’ espressjoni (ara l-punti 47 sa 49 iktar’il fuq), ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-miżuri intiżi sabiex jimplementaw tali politika għandhom f’kull każ ikunu proporzjonati fir-rigward tal-imsemmi għan u l-metodi ta’ applikazzjoni tagħhom ma għandhomx ikunu diskriminatorji għad-dannu ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I-5659, punt 82).

90      Huwa f’dan il-kuntest li l-proċeduri implementati mill-Istati Membri sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan-Europe Communications Belgium et, punt 45 iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista jeħtieġ, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li l-imsemmi avveniment ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, jibqa’ xorta l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jkunu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward (ara l-punt 119 iktar ’il quddiem).

91      Ir-rekwiżit ta’ kjarezza u ta’ trasparenza tal-proċedura jimplika wkoll li d-dispożizzjoni konnessi magħha jindikaw li l-korp kompetenti sabiex jistabbilixxi l-lista ta’ avvenimenti kif ukoll il-kundizzjonijet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

92      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżistenza ta’ elementi intiżi sabiex jinvalidaw l-evalwazzjoni ta’ awtorità nazzjonali rigward l-importanza ta’ avveniment speċifiku għas-soċjetà ma tikkonċernax la l-kjarezza u lanqas it-trasparenza tal-proċedura segwita, iżda l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni. Dan huwa l-każ wkoll meta dawn l-elementi jikkonsistu f’opinjonijiet jew osservazzjonijiet esposti minn korpi konsultattivi, minn servizzi li jaqgħu taħt l-awtorità kompetenti jew minn persuni kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura.

93      Għaldaqstant, l-argumenti tal-UEFA bbażati fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Advisory Group on listed events, tal-Office of Fair Trading u tal-osservazzjoni tagħha stess ma humiex adatti sabiex iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kjarezza jew it-trasparenza tal-proċedura segwita mill-Ministru għall-finijiet tal-adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit (ara l-punti 6 sa 8 iktar ’il fuq).

94      Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ kjarezza u ta’ trasparenza stabbilit bl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 la għandu l-għan u lanqas l-effett li jġiegħel lill-awtorità nazzjonali li tesponi r-raġunijiet għaliex hija ma segwitx l-opinjonijiet jew l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni. L-argumenti tal-UEFA bbażati fuq il-fatt li la l-Ministru u lanqas il-Kummissjoni ma esponew ir-raġunijiet għaliex l-opinjoni tal-Advisory Group on listed events ma ġietx segwita ma humiex adatti sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball rigward il-klassifikazzjoni bħala ċara u trasparenti tal-proċedura implementata mir-Renju Unit.

95      Din l-evalwazzjoni hija imposta iktar u iktar fir-rigward tal-EURO, li huwa msemmi fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 u jista’ raġonevolment jitqies bħala avveniment wieħed milli pjuttost bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħob “ta’ importanza primarja”, f’logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” u f’logħob li fih jipparteċipa t-tim nazzjonali relattiv magħhom (ara l-punt 103 iktar ’il quddiem).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk persuna kkonċernata tqis li l-opinjonijiet jew l-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni fihom elementi li jinvalidaw l-evalwazzjoni finali tal-awtorità kompetenti rigward l-importanza tal-avveniment inkwistjoni għas-soċjetà, hija għandha l-possibbiltà, l-ewwel nett, li tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali u, it-tieni nett, li tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-fondatezza tal-eventwali deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova din l-evalwazzjoni, kif barra minn tagħmel l-UEFA fil-kuntest tat-tielet motiv.

97      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni li tikkonċerna l-kriterji ta’ qsim tax-xandara, jekk dan jiġi stabbilit, ma jqiegħedx inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kjarezza jew it-trasparenza tal-proċedura segwita mill-Ministru għall-finijiet tal-adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Fil-fatt, l-obbligu ta’ kjarezza u ta’ trasparenza jikkonċerna, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, il-proċedura ta’ istabbiliment tal-lista inkwistjoni u mhux il-proċedura li abbażi tagħha l-kuntest ġuridiku kollu intiż sabiex iħares id-dritt għall-informazzjoni kienet ġiet implementata. Barra minn hekk, il-kompatibbiltà ta’ dan il-kuntest ġuridiku mad-dritt Komunitarju huwa evalwat mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

98      Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tibbaża ruħha fuq l-elementi li jirriżultaw minn konsultazzjoni li seħħet qabel l-1998 sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata fl-2007 ma tikkonċernax la l-kjarezza jew it-trasparenza tal-proċedura implementata fil-livell nazzjonali, iżda l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummisjoni dwar id-dħul tal-EURO fil-lista tar-Renju Unit, kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv.

99      L-istess, l-argumenti tal-UEFA li jirrigwardaw il-fatt li l-Broadcasting Act 1996 ma jobbligax lill-Ministru li jeżamina qabel kollox jekk l-interess pubbliku jistax jiġi adegwatament imħares minn trażmissjoni differita tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit minn stazzjonijet mingħajr ħlas ma jistgħux jintlaqgħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jibbaża ruħu fuq il-qari żbaljat tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 3a(a) tad-Direttiva 89/552. Fil-fatt, din il-parti tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma tobbligax l-Istati Membri sabiex jeżaminaw jekk l-għan għal aċċess televiżiv ta’ parti sostanzjali tal-pubbliku għal avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà jistax jiġi adegwatament jiġi mħares fil-każ li dan jiġi mxandar permezz ta’ xandira diretta minn stazzjoni bi ħlas u b’differita minn stazzjoni mingħajr ħlas. Din is-sentenza tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu li avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandu jkun is-suġġett ta’ trażmissjoni televiżiva, possibbiltà li r-Renju Unit ma użax. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma toħloqx obbligi ta’ trażmissjoni għax-xandara kif indikat dan barra minn hekk mill-Artikolu 9 tal-Code on Sports and Other Listed and Designated Events.

100    Korrellativament, l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu proċeduri distinti għad-determinazzjoni ta’ kull kategorija li fiha huwa setgħu qiesu utli li jaqsmu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-avvenimenti inklużi fil-lista jkunu effetivament ta’ importanza primarja għas-soċjetà, mingħajr ma tintervjeni fl-evalwazzjoni ta’ Stat Membru rigward l-opportunità li jaqsmu dawn l-avvenimenti f’diversi kategoriji. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ proċedura waħda għall-istabbiliment tal-lista inkwistjoni kollha kemm hi ma tinvalidax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kjarezza u t-trasparenza tal-proċedura implementata mir-Renju Unit għal dan il-għan. Għaldaqstant l-ilment tal-UEFA ma jistax jintlaqa’.

101    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tesponi fid-deċiżjoni kkontestata speċifikament ir-raġunijiet għaliex kien rilevanti li tinkludi l-logħob kollu tal-EURO fil-“grupp A” tal-lista tar-Renju Unit, għalhekk l-argument tal-UEFA relatat magħhom ma għandux jintlaqa.

102    Rigward l-argument li jirrigwarda l-fatt l-Ministru ma esponiex r-raġunijiet għaliex kull logħba tal-EURO kellha titqies bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li l-EURO huwa msemmi fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà. It-tieni nett, fil-kuntest tat-tielet motiv, l-UEFA sostniet li l-logħob biss magħruf “ta’ importanza primarja”, bħala dak ta’ ftuħ u tal-finali, u l-logħob li jinvolvi tim nazzjonali tar-Renju Unit huma effettivament ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

103    Issa, it-tielet nett, jekk huwa veru li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma tiħux pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar d-dħul tal-logħob tal-EURO kollu kemm hu jew parti minnhom f’lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), l-ebda kunsiderazzjoni valida ma tippermetti li jiġi konkluż li, fil-prinċipju, il-logħob “ta’ importanza primarja” u l-logħob li jinvolvi tim nazzjonali tar-Renju Unit, jista għaldaqstant jiġi kklassifikat fir-rigward tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u, minħabba dan il-fatt, li jifforma parti minn tali lista. Fil-fatt, l-EURO huwa kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost li bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħob “ta’ importanza primarja”, f’logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” u f’logħob li fih jipparteċipa t-tim nazzjonali relattiv magħhom. F’dan ir-rigward, huwa nnotat li, fil-kuntest tal-EURO, ir-riżultati tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” jiddeterminaw ix-xorti tat-timijiet, għalkemm il-parteċipazzjoni tagħhom għal logħob “ta’ importanza primarja” jew għal logħob li fihom jipparteċipa t-tim nazzjonali relatat magħhom tista’ tiddependi fuq dan. B’dan il-mod, il-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” jiddefinixxu l-avversarji tat-tim nazzjonali relatat magħhom fil-fażi suċċessi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” jistgħu wkoll jiddeterminaw il-preżenza jew in-nuqqas ta’ dan it-tim fil-fażi suċċessiva tal-kompetizzjoni.

104    Fid-dawl ta’ dan il-kuntest speċifiku li jippermetti li l-EURO jitqies bħala avveniment wieħed, il-Ministru ma kellux l-obbligu li jimmotiva b’mod iktar iddettaljat l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ kull logħba ta’ din il-kompetizzjoni, jiġifieri wkoll fir-rigward tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja”, partikolarment meta l-elementi statistiċi rilevanti ma jurux li dawn il-logħob jattiraw sistematikament numru negliġibbli ta’ telespettaturi (ara l-punti 126 sa 135 iktar ’il quddiem).

105    Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-allegat effett retroattiva tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma jikkonċerna la l-kjarezza u lanqas it-trasparenza tal-proċedura segwita għall-istabbiliment tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Sa fejn l-UEFA għandha l-intenzjoni li ssostni, permezz ta’ dan l-argument, ksur tal-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni tiddefinixxi, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku, l-obbligi tal-Istati Membri differenti minn dak li adotta lista ta’ avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Għaldaqstant, ir-riferiment għad-drittijiet akkwistati wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 97/36 jikkonċerna l-legiżlazzjoni li għalihom għandhom jipproċedu l-Istati Membri l-oħrajn sabiex josservaw l-obbligi tagħhom ta’ rikonoxximent reċiproku u mhux l-azzjoni tal-Istat Membru li adotta l-lista, f’dan il-każ ir-Renju Unit.

106    Għaldaqstant, l-argumenti tal-UEFA ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-proċedura deskritta fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq kienet ċara u trasparenti.

107    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3b(2) tad-Direttiva 89/552

–       L-argumenti tal-partijiet

108    L-UEFA ssostni li l-ebda wieħed mill-kriterji msemmi mill-Kummissjoni (ara l-punt 7 iktar’il fuq) ma huwa sodisfatt għal-logħob kollu tal-EURO.

109    Rigward l-ewwel kriterju, l-UEFA ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-EURO kollu kemm hu għandu reżonanza ġenerali speċjali għar-Renju Unit, għaliex huwa partikolarment popolari għall-pubbliku in ġenerali u mhux biss għat-telespettaturi li ġeneralment isegwu l-avvenimenti sportivi fuq it-televiżjoni, hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan l-iżball jaffettwa l-klassifikazzjoni tal-EURO kollu kemm hu bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-EURO ma jissodisfax l-ewwel kriterju msemmi fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

110    Fil-fatt, minn żewġ inkjesti li jirrigwardaw ir-Renju Unit, li l-UEFA kkummmissjonat lil stabbiliment speċjalizzat, jirriżulta li, fost il-persuni li “normalment ma humiex interessati” jew “li ma għandhom ebda interess” fil-futbol, perċentwal baxx biss huwa interessat fil-logħob tal-EURO li ma jinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit. Għalhekk, 20 % minn dawk l-“normalment ma humiex interessati” mill-futbol juru ċertu interess kontra l-1 % li huma estramament interessati fih u l-45 % li huma interessati fil-logħob tal-EURO li fih jipparteċipa tim nazzjonali tar-Renju Unit. Barra minn hekk, fost dawk li okkazjonalment isegwu trażmissjonijiet televiżivi ta’ logħob tal-futbal, 33 % biss huma interessati minn logħba li ma tinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit kontra l-56 % li juru interess f’każ kuntrarju, filwaqt li, fost dawk li ma jaraw qatt futbol fuq it-televiżjoni, 4 % biss huma interessati minn logħba li fiha ma jipparteċipax tim nazzjonali tar-Renju Unit.

111    Dawn ir-riżultati huma kkorroborati miċ-ċifri ta’ telespettaturi li jirrigwardaw ir-Renju Unit, li jipprovdu li l-logħob tal-EURO tal-2004 li fihom ma kienx jipparteċipa tim nazzjonali tar-Renju Unit attiraw biss, bħala medja, 32 % tal-pubbliku li kien qed jara t-televiżjoni fil-mument meta dawn iseħħu, kontra l-67 % ta’ telespettaturi, bħala medja, attirati mil-logħob li kien jinvolvi tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Id-data li tirrigward l-EURO tal-2000 u dik tal-2008 tagħti stampa analoga, filwaqt li, fir-rigward tal-EURO tal-1996, il-logħob ta’ gruppi li fihom ma kienx jipparteċipa tim nazzjonali tar-Renju Unit kienu attiraw, bħala medja, in-nofs tat-telespettaturi li raw il-logħob ta’ gruppi ta’ tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-UEFA, dawn l-elementi juru li l-logħob tal-EURO li ma jinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit ma għandhomx reżonanza ġenerali speċjali fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru, minkejja li jkun żbaljat li jiġi konkluż li t-telespettaturi li ġeneralment ma jsegwux il-futbol ma humiex interessati minn dawn il-logħob u li dawn tal-aħħar ma humiex ta’ importanza kbir għas-soċjetà tar-Renju Unit.

112    Barra minn hekk, l-UEFA ssostni li żewġ logħbiet tal-EURO tal-2004 u żewġ logħbiet tal-EURO tal-2008 ġew ritrażmessi, bl-awtorizzazzjoni tal-Office of Communications, minn stazzjonijiet ta’ televiżjoni li jappartjenu għat-tieni kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (ara l-punt 9 iktar ’il fuq) u kienu attiraw bejn 4 000 u 739 000 telespettatur. Issa, skont l-UEFA, jekk tali logħob kien verament ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-BBC u l-ITV ma kinux talbu l-awtorizzazzjoni għar-trażmissjoni tagħhom fuq l-istazzjonijiet sekondarji tagħhom u dawn il-logħob ma għamlux ċifri ta’ telespettaturi daqshekk baxxi. L-UEFA żiedet li l-istazzjonijiet ittrażmettew dawn il-logħob ikopru parti importanti tal-pubbliku tar-Renju Unit (31.6 miljun fl-2004 u 50.4 miljun fl-2008), minkejja li ċ-ċifri ta’ telespettaturi inkwistjoni ma jistgħux jiġu attribwiti lil rata baxxa ta’ kopertura.

113    Rigward ir-raba minn dawn il-kriterji, li l-Kummissojni jidher li adottat fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-EURO, l-UEFA ssostni li ma huwiex adatt sabiex tiġi mkejla l-importanza ta’ avveniment għas-soċjetà. Fil-fatt, qabel l-iżvilupp tat-televiżjoni bi ħlas, dan il-kriterju kien sodisfatt għall-avvenimenti kollha sportivi trażmessi fuq it-televiżjoni.

114    Barra minn hekk, il-logħob tal-EURO li fihom ma jipparteċipax tim nazzjonali tar-Renju Unit jattiraw, f’dan l-Istat Membru, sistematikament numru ta’ telespettaturi sostanzjalment inferjuri minn dak tat-telespettaturi li huma attirati mil-logħob li jinvolvi tali tim, b’tali mod li, minbarra l-logħob “ta’ importanza primarja”, il-logħob li jinvolvi tali tim biss huma verament ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit kollha kemm hi. Dan il-fatt kien rikonoxxut ukoll fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ kompetizzjoni fis-settur tal-awdjoviżwali. Barra minn hekk, għandu natura rivelatorja l-fatt li l-logħob tal-EURO li fih ma huwiex involut tim nazzjonali ma laħaqx iċ-ċifri ta’ telespettaturi tal-aħħar tal-għaxar avvenimenti sportivi l-iktar popolari tal-2007 u lanqas dawk tal-aħħar tal-100 trażmissjoni televiżiva l-iktar popolari tal-2006 u tal-2007.

115    Peress li l-interess predominanti għat-tim nazzjonali jikkaratterizza wkoll l-abitudni tat-telespettaturi fi Stati Membri oħrajn, bħall-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Baxxi l-Pajjiżi, id-data li tirrigwarda r-Renju Unit turi tendenza dejjem iktar importanti f’dan is-sens, u dan ukoll fir-rigward ta’ dixxiplini sportivi oħrajn. Issa, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju u tar-Renju Unit, kważi l-Istati Membri kollha stabbilew listi ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom, fir-rigward tal-EURO semmew fihom biss il-logħob “ta’ importanza primarja” u l-logħob li jinvolvi t-tim nazzjonali rispettiv. Madankollu, l-ebda differenza oġġettiva ma tiġġustifika l-approċċ adottat mir-Renju Unit, fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata kieku wettqet inkjesta fuq din il-kwistjoni.

116    Konsegwentement, billi waslet għall-konklużjoni li tipprovdi li l-EURO huwa, kollu kemm hu, ta’ importanza primarja għas-soċjeta tar-Renju Unit, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan l-iżball ifisser ukoll diskriminazzjoni de facto kontra l-UEFA fil-kuntest taċ-ċessjoni tad-drittjiet ta’ trażmissjoni televiża tal-EURO fir-Renju Unit. B’hekk, il-Kummissjoni ma vverifikatx korrettament il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt Komunitarju bi ksur tal-obbligu li jimponi fuqha l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552.

117    L-UEFA żżied li, jekk il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 kellha tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-EURO huwa, kollu kemm hu, ta’ importanza primarja għas-soċjetà, hiija vvizzjat minn illegalità li tista’ tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 241 KE.

118    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondetezza ta’ dan il-motiv u tenfasizza li l-UEFA ma setgħetx validament tqajjem eċċezzjoni skont l-Artikolu 241 KE kontra d-Direttiva 97/36. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-EURO kkunsidrat kollu kemm hu jissodisfa l-ewwel u r-raba kriterji msemmija fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta barra minn hekk tal-premessi 6 u 18 ta’ din tal-aħħar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, billi jitqies li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens stabbilit fil-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 jirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward.

120    Sussegwentement, minkejja l-fatt li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jarmonizzax avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq), il-fatt li l-EURO jissemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-inklużjoni ta’ logħob ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti bħala kuntrarju għad-dritt Komunitarju għar-raġuni li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-inklużjoni tal-EURO kollu kemm hu f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għar-raġuni li din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment uniku, jista’ jitqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex ta’ tali importanza għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

121    Fil-fatt, kif ġie ddikjarat fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, la l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 u lanqas l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma janalizzaw il-kwistjoni dwar jekk l-EURO jistax validament jiġi inkluż kollu kemm hu f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà irrispettivament mill-interess li joħolqu l-logħob tiegħu, u b’mod partikolari l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja”, fl-Istat Membru kkonċernat.

122    Konsegwentement, kull diskussjoni dwar il-legalita tad-Direttiva 97/36 għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-EURO kollu kemm hu, pjuttost mis-sempliċi logħob “ta’ importanza primarja” u dawk li jinvolvu tim nazzjonali tar-Renju Unit, bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru (ara l-punt 117 iktar ’il fuq) hija insinjifikattiva peress li l-premessa 18 tagħha ma eżaminatx din il-kwistjoni. B’dan il-mod, ma hemmx lok li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-UEFA setgħetx validament tqajjem eċċezzjoni skont l-Artikolu 241 KE f’dan ir-rigward fir-risposta tagħha.

123    Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-punt 103 iktar ’il fuq, l-EURO jista’ raġonevolment jitqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’diversi livelli ta’ interess, minkejja li l-approċċ tal-Ministru ma huwiex arbitrarju, iżda fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

124    L-importanza tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” tirriżulta barra minn hekk ukoll mis-sempliċi fatt li huma jifformaw parti minn din il-kompetizzjoni, bħal fil-każ ta’ sports ieħor li l-interess fih, normalment limitat, jiżdied meta jiġi organizzat fil-kuntest tal-Logħob Olimpiku.

125    Minn dan jirriżulta li, billi ma qegħditx inkwistjoni l-pożizzjoni li tipprovdi li ma hemmx lok li ssir distinzjoni, għall-finijet tal-evalwazzjoni dwar l-importanza tal-EURO għas-soċjetà tar-Renju Unit, bejn logħob “ta’ importanza primarja” u dawk li jinvolvu tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, min-naħa, u logħob “mhux ta’ importanza primarja”, min-naħa l-oħra, iżda li tqis lil din il-kompetizzjoni fl-intier tagħha u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali (premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 17 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball.

126    Fl-aħħar nett, ir-riżultati tal-inkjesti kkummissjonati mill-UEFA jikkonfermaw din il-konklużjoni minflok jinvalidawha, għaldaqstant l-argumenti li hija tressaq dwar din tal-aħħar fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jikkontradixxux l-evalwazzjonijiet li hemm fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata.

127    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dħul ta’ logħob “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà ma jeħtieġx la li huma jattiraw in-numru ta’ telespettaturi attirati mil-logħob “ta’ importanza primarja” u l-logħob li jinvolvu t-tim nazzjonali rispettiv u lanqas li huma joħolqu, fost dawk li ma jħobbux il-futbol, interess ta’ intensità ugwali għal dak ipprovokat mil-logħob “ta’ importanza primarja” jew il-logħob li fih jipparteċipa t-tim nazzjonali relatat magħhom.

128    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-UEFA, il-fatt li 21 % tal-abitanti tar-Renju Unit li normalament ma għandhomx interess fil-futbol jiddikjaraw ruħhom interessati fil-logħob tal-EURO li ma jinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit, kontra l-45 % li jiddikjaraw ruħhom interessati fil-logħob li jinvolvi tali tim (ara l-punt 110 iktar ’il fuq), juri l-ewwel waħda minn dawn il-kategoriji ta’ logħob inissel, fost dawk li ma jħobbux il-futbol, interess iktar għoli minn dak ipprovokat, mill-istess grupp, mil-logħob li ma jifformawx parti minn kompetizzjoni internazzjonali importanti tal-futbol fil-livell ta’ timijiet nazzjonali u li ma jinvolvux tim nazzjonali tar-Renju Unit. Dan japplika wkoll għas-7 % tal-abitanti tar-Renju Unit li ma għandhom ebda interess fil-futbol li jiddikjaraw ruħhom madankollu interessati fil-logħob tal-EURO li ma jinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit, kontra s-17 % li jaqgħu taħt l-istess grupp li jiddikjaraw ruħhom interessati fil-logħob ta’ tali tim. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li rriżulta li huwa l-każ għal-logħob “mhux ta’ importanza primarja”, il-persuna li, skont il-premessa stess tal-inkjesta inkwistjoni, li normalment ma għandhom interess jew ma għandhom ebda interess fil-futbol ma jurux bħala definizzjoni interess għal-logħob li ma jifformax parti minn kompetizzjoni internazzjonali importanti tal-futbol fil-livell tat-timijiet nazzjonali u li fihom, barra minn hekk, ma jipparteċipax tim nazzjonali tar-Renju Unit.

129    Dawn il-konklużjonijiet huma barra minn hekk ikkonfermati mill-fatt li, skont l-istess inkjesta, 33 % tal-abitanti tar-Renju Unit li okkażjonalment isegwu l-futbol fuq it-televiżjoni jinteressaw ruħhom fil-logħob tal-EURO li ma jinvolviex tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, kontra l-56 % li jinteressaw ruħhom fil-logħob li fihom jipparteċipa tali tim. Dawn il-perċentwali jiżdiedu għal 36 % u għal 55 % rispettivament billi jkabbru l-kampjun sabiex jinkludu fih dawk li ma jsegwu qatt il-futbol fuq it-televiżjoni u juru li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-logħob kollu tal-EURO għandu reżonanza ġenerali speċjali fil-pubbliku ġenerali ma hijiex ivvizzjata minn żball.

130    Rigward id-data dwar iċ-ċifri ta’ telespettaturi prodotti mill-UEFA li tikkonċerna l-EURO tal-2004, għandu jiġi osservat li l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” attiraw bejn il-25.5 u l-44.2 % tat-total tat-telespettaturi, b’massimu ta’ 8.8 miljuni ta’ telespettaturi, filwaqt li l-perċentwali korrispondenti li jirrigwardaw il-logħob tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra jinsabu bejn il-65.9 u t-72.5 %, b’massimu ta’ 20.7 miljun ta’ telespettaturi.

131    Id-data dwar l-EURO tal-2000 tagħti stampa simili, il-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” li attiraw bejn il-25.7 u d-49.6 % tat-total tat-telespettaturi, b’massimu ta’ 9.7 miljuni ta’ telespettaturi, il-logħob tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra li attiraw bjen it-58.5 u s-74.9 % tal-istess totali, b’massimu ta’ 16.9-il miljun ta’ telespettaturi.

132    L-elementi li jikkonċernaw l-EURO tal-1996, li huma espressi f’ċifri sħaħ ta’ telespettaturi, jirrilevaw li l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” attiraw bejn 2.9 u 8.5 miljuni ta’ telespettaturi, filwaqt li l-logħob tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra attiraw bjen 8.7 u 23.8 miljuni ta’ telespettaturi.

133    Għandu jiżdied ukoll li, skont l-istess inkjesta, il-finali tal-Football Association Cup tal-2007 (il-kompetizzjoni nazzjonali tal-futbol għat-tazza) kien attira madwar 10.1 miljuni ta’ telespettaturi.

134    Ikkunsidrati kemm bħala sħaħ kif ukoll b’relazzjoni mal-perċentwali u ċ-ċifri ta’ telespettaturi miksuba mil-logħob li kienu jinvolvu t-tim nazzjonali tal-Ingilterra, iżda wkoll maċ-ċifri ta’ telespettaturi tal-finali tal-Football Association Cup tal-2007, il-perċentwali u ċ-ċifri ta’ telespettaturi li jirrigwardaw il-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw li dawn il-logħob jattiraw, fir-Renju Unit, udjenzi eċċezzjonalment kbar, u li l-unika spejgazzjoni hija dovuta għall-fatt li dawn il-logħob ġew inklużi fil-kalendarju tal-EURO. Għaldaqstant din id-data statistika tikkonferma l-evalwazzjoni li jinsabu fil-punti 103 u 124 iktar ’il fuq u jsostnu l-pożizzjoni esposta fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-logħob tal-EURO, inklużi dawk ta’ “mhux ta’ importanza primarja” attiraw tradizzjonalment ħafna telespettaturi. Għaldaqstant, anki jekk, kif issostni l-UEFA, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzoni data ta’ wara s-sena 2000, dan il-fatt ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-konklużjonijiet li hija adottat abbażi ta’ elementi eqdem.

135    Din l-analiżi ma hijiex imqiegħda inkwistjoni miċ-ċifri ta’ telespettaturi allegatament u partikolarment baxxi invokati mill-UEFA fir-rigward ta’ żewġ logħbiet tal-EURO tal-2004 u ta’ żewġ logħbiet tal-EURO tal-2008 (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif enfasizzat l-UEFA, tlieta mil-logħbiet inkwistjoni ntlagħbu fl-istess ħin waqt logħbiet oħrajn li ma kinux jinvolvu tim nazzjonali tar-Renju Unit u attiraw bejn 4.6 u 8.8 miljuni ta’ telespettaturi fuq stazzjonijiet bla ħlas li jaqgħu taħt l-ewwel waħda mill-kategoriji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Minn dan jirriżulta li dan l-argument juri biss li l-logħob li ma jinvolvux tim nazzjonali tar-Renju Unit ma jattirawx, b’mod ġenerali, ħafna telespettaturi. Rigward ir-raba logħba, bejn Franza u l-Isvizzera, din intlagħbet fl-istess ħin waqt logħba tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra li attirat 18.2-il miljun ta’ telespettatur, fatt li jispjega b’mod wiesgħa għaliex attirat biss 4 000 telespettatur, barra minn hekk fuq stazzjoni internet bħal dak tal-BBCi.

136    Rigward l-argument li jgħid li, jekk dawn il-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” kienu ta’ importanza primarja għas-soċjetà, ix-xandara kellhom jittrażmettuhom fuq l-istazzjonijiet prinċipali tagħhom, ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-inklużjoni ta’ dawn il-logħob fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit huwa ġġustifikat mill-fatt li l-EURO jista’ validament jitqies bħala tali avveniment kollu kemm hu (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u, it-tieni nett, li l-inklużjoni tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” f’din il-lista ma jeħtieġx li dawn ikunu ta’ importanza ugwali għal dik tal-logħob “ ta’ importanza primarja” jew għal-logħob li fih jipparteċipa tim nazzjonali konness magħhom (ara l-punt 127 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, mhux neċessarjament il-logħob kollu ta’ “mhux ta’ importanza primarja” li għandhom ikunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit sabiex l-EURO jista’ jiġi validament inkluż, kollu kemm hu, fil-lista ta’ tali avvenimenti ta’ dan l-Istat Membru. Bil-kontra, huwa biżżejjed li l-karatteristika deskritta fil-punt 103 iktar ’il fuq tikkonċerna ċertu logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja”, li la n-numru u lanqas il-parteċipanti tagħhom ma jistgħu jiġu ppreċiżati fil-mument tal-istabbiliment tal-lista jew tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni, sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li ma ssirx distinzjoni bejn il-logħob tal-EURO fir-rigward tal-importanza tagħhom għas-soċjetà. B’dan il-mod, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali u sjegabbli taċ-ċifri ta’ telespettaturi li jirrigwardaw dawn il-logħob konkret (ara l-punti 134 u 135 iktar ’il fuq), il-fatt li l-BBC jew l-ITV għażlu li ma jitrażmettuhomx fuq wieħed mill-istazzjonijiet prinċipali tagħhom ma jirrigwardax il-konklużjoni li tinsab fil-punt 125 iktar ’il fuq.

137    Barra minn hekk, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 134 iktar ’il fuq ma tikkontradixxix dik fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/400/KE, tal-10 ta’ Mejju 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Kawża Nru IV/32.150 – Eurovision, ĠU L 151, p. 18), li l-UEFA tirreferi għaliha (ara l-punt 114 iktar ’il fuq). Skont din il-premessa, l-avvenimenti internazzjonali huma ġeneralment iktar interessanti għall-pubbliku ta’ pajjiż partikolari minn avvenimenti nazzjonali, peress li t-tim nazzjonali jew campjin nazzjonali jipparteċipa fl-avveniment, filwaqt li l-avvenimenti internazzjonali li fih l-ebda tim jew campjin nazzjonali ma jipparteċipa spiss ma tantx inisslu interess. Issa, l-EURO spiss jintlagħab bil-parteċipazzjoni ta’ tim nazzjonali tar-Renju Unit. Barra minn hekk, anki meta dan ma huwiex il-każ, il-fatt li tim nazzjonali kollu tar-Renju Unit ma jipparteċipax għall-EURO huwa normalment ikkonstatat wara li tiġi stabbilita l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll wara ċ-ċessjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva li jikkonċernaw is-sena partikolari.

138    Il-fatt li r-Renju Unit segwa approċċ differenti minn dak adottat mill-Istati Membri l-oħrajn, li inkludew fil-listi tagħhom prinċipalment logħob “ta’ importanza primarja” jew li jinvolvu t-tim nazzjonali tagħhom rispettiv, ma għandux rilevanza fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li ppermettew li tiġi kkunsidrata validament din il-kompetizzjoni kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jarmonizzax avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq), diversi approċċi li jirrigwardaw l-inklużjoni tal-logħob tal-EURO fil-lista nazzjonali jistgħu jitqiesu wkoll kompatibbli mad-dispożizzjoni inkwistjoni.

139    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tal-UEFA intiżi sabiex juru li l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw ir-reżonanza ġenerali speċjali li l-EURO kollu kemm hu għandu għas-soċjetà tar-Renju Unit u għan-numru ta’ telespettaturi attirati mil-logħob kollu ta’ din il-kompetizzjoni huma vvizzjati minn żball ma jistgħux jintlaqgħu.

140    L-istess japplika għall-argument ibbażat fuq il-fatt li, qabel l-introduzzjoni tat-televiżjoni bi ħlas, l-avvenimenti kollha kienu trażmessi fuq stazzjonijiet mingħajr ħlas, minkejja li l-kriterju korrispondenti ma jkunx rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-televiżjoni bi ħlas ġiet introdotta ħafna qabel it-televiżjoni mingħajr ħlas, il-fatt li avveniment kien tradizzjonalment trażmess fuq stazzjon mingħajr ħlas preċedentement jibqa’ kriterju rilevanti. Fil-fatt, anki qabel l-introduzzjoni tat-televiżjoni bi ħlas, numru kbir ta’ avvenimenti ma kinux trażmessi fuq l-istazzjonijiet mingħajr ta’ dak iż-żmien, minkejja li dan il-kriterju ma jistax jitqies bħala awtomatikament sodisfatt illum fir-rigward ta’ tali avveniment. Mill-Avviż tar-Renju Unti lill-Kummissjoni, tal-24 ta’ Marzu 1999 li l-kontenut tiegħu jinsab f’dokument intitolat “Abbozz ta’ tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 1998”, anness mar-risposta, jirriżulta li l-EURO kien tradizzjonalment trażmess fir-Renju Unit fuq stazzjonijiet mingħajr ħlas u li mill-1988 kull logħba kienet trażmessa permezz ta’ xandira diretta. Peress li l-UEFA ma kkontestatx dawn l-elementi, għandu jiġi miċħud l-argument tagħha li jirrigwarda t-trażmissjoni tradizzjonali tal-EURO minn stazzjonijiet bla ħlas.

141    Peress l-argumenti tal-UEFA bbażati fuq il-fatt li, billi jikkonfermaw l-evalwazzjoni tal-Ministru li tipprovdi li l-EURO jikkostitwixxi, kollu kemm hu, avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-Kummissjoni wettqet żball ma għandhomx jintlaqgħu, għandu jiġi miċħud dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

–       L-argumenti tal-partijiet

142    L-UEFA ssostni li, kif tirrikonoxxi l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, din iċċaħħad lix-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħrajn mill-possibbiltà li jittrażmettu permezz ta’ xandira diretta logħob tal-EURO fir-Renju Unit, għaldaqstant tillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, jekk huwa veru li restrizzjonijiet għal din il-libertà jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-għanijiet tat-Trattat, japplikaw mingħajr diskriminazzjoni u jkunu proporzjonati. L-oneru ta’ prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq il-persuna li tinvoka li r-restrizzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata.

143    F’dan il-każ, il-lista tar-Renju Unit tinkludi avvenimenti bħal-logħob li ma jinvolviex tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li ma jistgħux raġonevolement jitqiesu bħala ta’ importanza primarja għas-soċjeta. Ir-restrizzjoni għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi tirriżulta mill-inklużjoni ta’ dawn il-logħob fil-lista tar-Renju Unit ma sservix għaldaqstant għal interess ġenerali u lanqas hija kompatibbli mal-għanijiet tat-Trattat.

144    Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet inkwistjoni jwasslu, fil-fatt, għal diskriminazzjoni kontra xandara televiżivi stabbiliti fi Stati Membri differenti mir-Renju Unit, peress li tliet xandara biss ta’ dan l-Istat Membru, il-BBC, l-ITV u Channel 4, jistgħu jaqgħu taħt l-ewwel kategorija. Issa, l-esperjenza turi li tali xandara jistgħu jippenetraw is-suq tar-Renju Unit permezz tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal-logħob ta’ futbol li ma humiex inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

145    L-UEFA tqiegħed ukoll inkwistjoni l-proporzjonalità tal-miżuri adottati mir-Renju Unit għar-raġuni li diversi logħob tal-EURO ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll vvizzjata minn ksur ta’ dan il-prinċipju. In-natura sproporzjonata tal-miżuri tar-Renju Unit hija ulterjorment ipprovokata mir-rekwiżiti imposti sabiex xandar ikun jista’ jappartjeni għall-ewwel kategorija ta’ xandara.

146    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

147    Hekk kif ġie rrikonoxxut fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, l-effett tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huwa li jillimita l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, kif stabbilit bl-Artikolu 49 KE.

148    Fil-fatt, kif tenfasizza l-UEFA, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni deskritta fil-punti 9 u 10 iktar ’il fuq tapplika indistintament għax-xandara li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, ma tantx huwa probabbli li l-ebda xandar tal-ewwel kategorija, stabbilit b’kull probabbiltà f’dan l-Istat Membru, mhu ser jinteressa ruħu li jittrażmetti l-EURO u b’hekk jagħti lil kompetittur stabbilit fi Stat Membru ieħor il-possibbiltà li jikseb mingħand l-Office of Communications l-awtorizzazzjoni li jittrażmetti l-imsemmi avveniment prattikament b’mod esklussiv, milli bil-kontra (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

149    Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati peress li huma intiżi li jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess wiesgħa għat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti, nazzjonali jew le, ta’ importanza primarja għas-soċjetà, bil-kundizzjoni addizzjonali li jkunu adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara l-punti 44 sa 55 iktar ’il fuq).

150    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-UEFA tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn il-Kummissjoni tapprova l-inklużjoni tal-logħob li ma jinvolvux tim nazzjonali tar-Renju Unit fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-UEFA, dawn il-logħob ma jissodisfawx din il-klassifikazzjoni, b’mod li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi hija sproporzjonata.

151    Għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-UEFA jagħmel konfużjoni bejn, minn naħa, l-importanza primarja tal-avveniment għas-soċjetà, li hija l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta u li tikkostitwixxi r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara l-punti 49 sa 49 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi t-tieni kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din il-libertà sabiex tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

152    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti 123 sa 141 iktar ’il fuq, l-EURO jista’ validament jitqies bħala avveniment uniku ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li ċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħob li ma jinvolvux tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li jirrigwarda l-fatt li l-logħob inkwistjoni ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà, għaliex il-miżuri tar-Renju Unit huma spropozjonati, huwa, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq premessa żbaljata. Għalhekk, dan l-ilment ma jinvalidax il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura xierqa u proporzjonata tad-dħul tal-logħob kollu tal-EURO fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, fid-dawl tan-natura unitarja ta’ din il-kompetizzjoni.

153    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

154    L-UEFA ssostni li, bi ksur tat-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Infront WM vs Il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx eżami tal-impatt tal-miżuri tar-Renju Unit fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, mill-kliem tal-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni la tat definizzjoni tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati. F’dan ir-rigward, l-UEFA tosserva li, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2000/400, l-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni fuq ċerti avvenimenti sportivi importanti, bħall-EURO, jikkostitwixxi sup separat. Il-Kummissjoni ma pprovatx li tkun taf jekk l-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni permezz ta’ xandira diretta tal-EURO jikkostitwixxiex fih innifsu suq tal-input tat-televiżjoni, li fih diversi xandara jikkompetu bejniethom.

155    Jekk kellu jiġi aċċettat li tali suq jeżisti, id-deċiżjoni kkontestata, u mhux id-Direttiva 89/552, twassal għal tnaqqis u distorsjoni notevoli tal-kompetizzjoni fil-kuntest tagħha. F’dan ir-rigward, l-UEFA tenfasizza li d-definizzjoni ta’ xandara li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija maħluqa bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (ara l-punt 9 iktar ’il fuq) għandha l-effett prattiku li tippermetti biss lill-BBC, lill-ITV u liċ-Channel 4 li jakkwistaw id-drittijiet ta’ trażmissjoni permezz ta’ xandira diretta tal-logħob tal-EURO, bil-konsegwenza li l-kompetituri kollha tagħhom li joperaw stazzjonijiet bi ħlas kienu inizjalment eskludew dan is-suq.

156    Għaldaqstant il-miżuri tar-Renju Unit għandhom l-effett li jqiegħdu f’pożizzjoni privileġġata dawn it-tliet xandara, li tnejn minnhom kienu użawha għad-detriment tal-UEFA. Ir-riżultat prattiku ta’ din is-sitwazzjoni huwa analogu għall-għoti tad-drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tagħti lil numru limitat ta’ xandara, f’dan il-każ dawk li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija li hija stabbiliet, il-possibbiltà li jakkwistaw id-drittijiet ta’ trażmissjoni permezz ta’ xandira diretta tal-EURO lir-Renju Unit u teskludi fil-fatt l-operaturi ta’ stazzjonijiet bi ħlas minn din il-proċedura. F’dan il-kuntest, hemm biss akkwirent potenzjali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħob tal-EURO għar-Renju Unit, peress li l-BBC u l-ITV, l-uniċi operaturi li wrew interess f’dan ir-rigward, tradizzjonalment ppreżentaw offerti komuni. B’hekk, id-definizzjoni restrittiva ta’ xandara li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit għandha l-effett li ssaħħaħ u tinkoraġġixxi, għad-detriment tal-UEFA u tal-konsumaturi ta’ dan l-Istat Membru, l-aġir antikompettitiv tax-xandara protetti minn kull kompetizzjoni li ġejja minn operaturi stabbiliti fir-Renju Unit jew fi Stati Membri oħrajn. Fi kwalunkwe każ, ix-xandara li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tokkupa pożizzoni dominanti kollettiva fuq is-suq tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO f’dan l-Istat Membru.

157    Issa, mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-effetti fuq il-kompetizzjoni qabel ma kkonkludiet li l-miżuri tar-Renju Unit huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat il-pożizzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Office of Fair Trading, li tipprovdi li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu miżura eċċezzjonali adottata f’każijiet li jippreżentaw natura manifesta, speċifikament minħabba effetti antikompettitivi li hija tipproduċi.

158    Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball meta ddistingwiet, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn suq tat-televiżjoni mingħajr ħlas u suq tat-televiżjoni bi ħlas, peress li l-operaturi ta’ żewġ mudelli ta’ operat jikkompetu bejniethom għall-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni, għat-telespettaturi u għar-reklamar. Dan il-fatt kien irrikonoxxut mill-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni tar-Renju Unit (Competition Commission).

159    Dawn l-ommissjonijiet isiru iktar ovvji fil-każ li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzoni informazzjoni li tirrigwarda l-iżvilupp tas-suq tal-awdjoviżwali wara s-sena 2000. Issa, kull analiżi fil-qasam ta’ kompetizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-mument li tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

160    Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-miżuri tar-Renju Unit ma pproduċewx distorsjoni sinjifikattiva u sproporzjonata tal-kompetizzjoni.

161    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesa l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

162    Għandu jitfakkar li l-argument tal-UEFA fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ ilmenti.

163    L-ewwel ilment jikkonċerna l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li, fid-dawl tal-importanza li n-natura esklużiva tat-trażmissjoni televiżiva tal-logħob tal-EURO għandha għax-xandara li jaqgħu taħt it-tieni kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, dawn ix-xandara ma għandhomx interess li jixtru drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi. Dan il-fatt iwassal, skont l-UEFA, għal restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq diversi swieq, bħal dak tax-xiri tal-imsemmija drittijiet, is-suq tar-reklamar u s-suq ta’ trażmissjoni ta’ avvenimenti sportivi permezz ta’ stazzjonijiet bi ħlas, minħabba t-tnaqqis ta’ xandara attivi f’dawn is-swieq. Fl-istess kuntest, l-UEFA tilmenta wkoll lill-Kummissjoni li ma ddefinitix dawn is-swieq fl-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konsegwenzi inkwistjoni jirriżultaw indiretttament mir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mill-miżuri tar-Renju Unit. Issa, kif diġà ġie ddikjarat fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mid-dħul tal-logħob kollu tal-EURO fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit la huma inadatti u lanqas sproporzjonati. L-effetti fil-livell tan-numru ta’ kompetituri potenzjali, li jirriżultaw bħala konsegwenza inevitabbli ta’ dan l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu li huma kuntrarji għall-artikoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkusanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi iktar dettaljata minn dik li kienet għamlet fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi.

165    It-tieni ilment jikkonċerna d-drittijiet speċjali allegatament mogħtija lill-BBC u lill-ITV għandhom l-effett li jawtorizzaw jew li jrendu possibbli l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti li dawn ix-xandara għandhom fis-suq rilevanti, jiġifieri, skont l-UEFA, is-suq tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħob tal-EURO.

166    Fil-fatt, skont l-Artikolu 86(1) KE, regola ta’ kompetizzjoni applikabbli fir-rigward ta’ miżuri tal-Istat, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jqiegħdu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li huma jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi f’sitwazzjoni li fiha dawn l-impriżi ma jistgħux jqiegħdu lilhom infushom b’aġir awtonomu mingħajr ma jiksru l-Artikoli 12 KE u 81 KE sa 89 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB-Inno-BM, C‑18/88, Ġabra p. I‑5941, punt 20).

167    F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jingħataw meta protezzjoni tingħata mill-Istat lil numru limitat ta’ impriżi u li hija tali li taffettwa sostanzjalment il-kapaċità ta’ impriżi oħrajn milli jeżerċitaw l-attività ekonomika inkwistjoni fl-istess territorju f’kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 24), xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma toffrix tali protezzjoni lix-xandara inkwistjoni.

168    B’hekk, jirrigwarda tali drittijiet meta l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu monopolju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et, C‑163/96, Ġabra p. I‑533, punt 23), meta huma jistgħu jibblokkjaw id-dħul ta’ kompetitur fis-suq ta’ attività tat-titolari tad-drittijiet jew fis-suq viċin għal raġunijiet li jirrigwardaw effetti negattivi li tali dħul jikkawża fuq il-funzjonament u l-profittabiltà tal-attività tal-imsemmi titolari (sentenza Ambulanz Glöckner, punt 167 iktar ’il fuq, punti 7, 23 u 25) jew għall-ħtiġijiet ta’ xogħol (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C‑22/98, Ġabra p. 5665, punt 23), jew meta t-possessuri huma intitolat, permezz tal-leġiżlazzjoni korrispondenti, li jinfluwenza l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-attività inkwistjoni min-naħa tal-kompetituri tiegħu skont l-interessi tiegħu jew il-konsegwenzi li jkollha l-attività tagħhom fuq dan is-suq, jiġifieri fuq suq viċin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑202/88, Ġabra p. I‑1223, punt 51; tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 25, u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 43).

169    Madankollu, mhux talli ma tipprojbiex hija stess jew ma tawtorizzax lill-BBC, l-ITV jew liċ-Channel 4 li jipprojbixxi li kwalunkwe xandara li jakkwista drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħob tal-EURO jew li jinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni tagħhom, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tillimita ruħha li telimina l-possibbiltà tat-trażmissjoni tagħhom fuq il-bażi esklużiva fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ xandara f’dan ir-rigward (ara l-punti 9 u 10 iktar’il fuq). Għal dan il-għan, għandu jiġi ppreċiżat li l-UEFA tallega żbaljament li l-BBC u l-ITV huwa l-uniċi xandara li għandhom il-permess li jakkwistaw drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO għar-Renju Unit. Bil-kontra, qabel kollox, l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996 jistabbilixxi, essenzjalment, projbizzjoni ta’ trażmissjoni esklużiva. Sussugwentement, kif ġie ddikjarat, din il-projbizzjoni tikkonċerna bl-istess mod lix-xandar taż-żewġ kategoriji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni inkwistjoni japplika flimkien mal-Artikolu 99 tal-Broadcasting Act 1996, li jiddikjara invalidu kull kuntratt ta’ trażmissjoni ta’ avveniment imdaħħal fil-lista sa fejn għandu l-għan li jikkonferixxi dritt esklużiv, mingħajr ma tingħata kunsiderazzjoni lill-identità tax-xandar.

170    Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprojbixxi l-esklużività lil kull xandar mhux biss fl-istadju tat-trażmissjoni, iżda wkoll fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xandir li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma jistax jikkonkludi b’mod validu kuntratt għat-trażmissjoni esklużiva ta’ avveniment imdaħħal fil-lista. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni tippermetti bl-istess mod lix-xandara taż-żewġ kategoriji li hija stabbilit li jippreżentaw offerti għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni televiżivi mhux esklużivi tal-logħob tal-EURO.

171    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li jipprovdi li ċerti xandara tal-ewwel kategorija biss, bħall-BBC u l-ITV, jitrażmettu finalment, wara l-awtorizzazzjoni tal-Office of Communications, l-EURO fir-Renju unit, peress li l-kompetituri tagħhom jinteressaw ruħhom biss fi trażmissjoni esklużiva u, minħabba dan il-fatt, ma jippreżentaw l-ebda offerta sabiex jakkwistaw id-drittijiet korrispondenti (ara l-punt 12 iktar’il fuq), ma huwiex ekwivalenti għal għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi lilhom fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza, jekk tiġi stabbilita, hija r-riżultat tal-importanta mogħtija lill-esklużività fil-kuntest tal-mudell ta’ impriża implementata mix-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas u mhux minn kwalunkwe projbizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, peress li t-termini ta’ din il-leġiżlazzjoni japplikaw mingħajr distinzjoni għax-xandara taż-żewġ kategoriji. Minn dan jirriżulta li l-miżuri tar-Renju Unit bħala tali ma jaffettwawx il-kapaċità tal-operaturi ta’ stazzjonijiet bi ħlas li jeżerċitaw, fir-rigward tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni televiża tal-EURO, l-attività tagħhom f’kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti għal dawk fis-seħħ għall-BBC jew l-ITV.

172    Konsegwentement, ir-raba motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà tal-UEFA

–       L-argumenti tal-partijiet

173    L-UEFA tirrileva li d-dritt ta’ proprjetà huwa ggarantit mill-ordni ġuridiku Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tagħha u stabbiliet fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1). L-UEFA tosserva li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali meta huma jimplementaw dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

174    F’dan il-każ, kif il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kienu rrikonoxxew fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Infront WM vs il-Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, il-lista approvata mill-Kummissjoni taffettwa d-dritt ta’ proprjetà tal-UEFA, peress li hija eskludiet il-possibbiltà li ċċedi d-drittijiet tagħha ta’ trażmissjoni tal-EURO fuq bażi esklużivia, fatt li naqqas sostanzjalment iċ-ċirku ta’ persuni kkonċernati minn tali tranżazzjoni. Issa, peress li din ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ proprjetà tal-UEFA, rikonnoxxuta barra minn hekk mill-Kummissjoni f’dan il-każ, ma kinitx ġiet iġġustifikata, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex li għandhom jiġu analizzati mir-Renju Unit minn din il-perspettiva.

175    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma awtorizzatx, f’dan il-każ, l-inklużjoni biss tal-logħob ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, iżda l-inklużjoni tal-logħob kollu tal-EURO, u għaldaqstant il-miżuri inkwistjoni ma humiex l-iktar restrittivi possibbli fir-rigward tal-għan mixtieq.

176    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

177    Għandu jitfakkar li, kif inhu paċifiku bejn il-partijiet, l-UEFA hija l-organizzattriċi tal-EURO fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/26, b’tali mod li kull persuna li tixtieq topera drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva ta’ dan l-avveniment għandhom tiksibhom mingħandha jew mingħand persuna li kisbithom mingħandha.

178    Għalhekk, sa fejn il-valur ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jiġu affettwati mill-effetti legali li d-deċiżjoni kkontestata toħloq (ara l-punti 30 sa 34 iktar ’il fuq), id-dritt ta’ proprjetà tal-UEFA wkoll huwa affettwat mill-imsemmija deċiżjoni.

179    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk hija konformi mad-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarju jiżguraw l-osservanza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERT, C‑260/89, punt 168 iktar ’il fuq, p. 43). Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 67), tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

180    Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ proprjetà fil-kuntest tad-dritt Komunitarju ma jidhirx bħala prerogattiva assoluta, iżda għandu jitqies fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan mixtieq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, Ġabra p. I‑3785, punt 119, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 126).

181    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 123 sa 141 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li ssostni l-UEFA, l-EURO jista’ validament jitqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li ċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, kif ġie deċiż fil-punt 152 iktar ’il fuq, in-natura unitarja tal-EURO bħala avveniment twassal sabiex il-Kummissjoni ma wettqietx żball billi qieset li l-inklużjoni tal-logħob kollu fil-lista tar-Renju Unit kienet miżura proporzjonata.

182    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-oġġezzjoni l-inklużjoni tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli għad-dritt ta’ proprjetà tal-UEFA għaliex dawn il-logħob ma jikkostitwixxux dawn l-avvenimenti tibbaża fuq premessa żbaljata.

183    Barra minn hekk, jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ taffettwa l-prezz li l-UEFA ser tikseb għall-għoti tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-EURO fir-Renju Unit, din ma tnaqqasx drastikament il-valur kummerċjal ta’ dawn id-drittijiet, għaliex, l-ewwel nett, din ma tobbligax lill-UEFA li ċċedihom għal kwalunkwe kundizzjoni u, it-tieni nett, din tal-aħħar hija protetta kontra prattiki miftiehma jew abbużivi kemm mid-dritt Komunitarju kif ukoll mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqietx żball meta kkonkludiet għall-proporzjonalità tal-miżuri tar-Renju Unit.

184    Għaldaqstant, is-sitt motiv ma għandux jintlaqa’.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

185    Skont l-UEFA, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, iddedikat mill-Artikolu 5 KE, sa fejn hija approvat l-inklużjoni tal-logħob kollu tal-UEFA fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li l-logħob ma jinvolvux tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ma jissodisfawx din il-klassifikazzjoni.

186    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-UEFA f’dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

187    Għandu jitfakkar li kull miżura adottata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li tirristrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali stabbilita bit-Trattat għandha tkun proporzjonata fir-rigward tal-għan tagħha (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dan il-motiv huwa wkoll affettwat mill-konfużjoni kkonstatata fir-rigward tal-ħames motiv (ara l-punt 151 iktar ’il fuq).

188    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 123 sa 141 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li ssostni l-UEFA, l-EURO jista’ validament jitqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li l-elementi statistiċi li jirrigwarda l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni u li ma jinvolvux tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni espressa fil-premessi 6 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata.

189    Għaldaqstant, l-oġġezzjoni li tipprovdi li d-dħul tal-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” u li ma jinvolviex tim nazzjonali tar-Renju Unit fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru jikkostitwixxi azzjoni sproporzjonata peress li dawn il-logħob ma jissodisfawx din il-klassifikazzjoni li tibbaża, fi kwalunkwe każ, fuq premessa żbaljata.

190    Għaldaqsant is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

–       L-argumenti tal-partijiet

191    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-UEFA ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija sors ta’ trattament inugwali jew diskriminatorju għad-detriment tagħha rigward il-kummerċjalizzazzjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal-EURO. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw id-dħul tal-logħob kollu tal-EURO fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li avveniment oħrajn għandhom b’mod ċar reżonanza ġenerali speċjali f’dan l-Istat Membru mingħajr madankollu ma humiex mdaħħla f’din il-lista. B’hekk, il-Kummissjoni ma aġixxietx la b’mod koerenti u lanqas razzjonali, u għaldaqstant il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li hija wettqet iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippreġudika l-funzjonament tas-suq komuni.

192    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

193    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, l-prinċipju ta’ trattament ugwali jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament bħal dan [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C‑422/02 P, Ġabra p. I‑791, punt 33].

194    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 la jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà u lanqas ma timponi fuqhom, fil-każ fejn din il-lista hija stabbilita, li jinkludu avveniment minkejja li dan tal-aħħar seta’ validament jiġi inkluż. Fil-fatt, apparti l-fatt li din id-dispożizzjoni tindika li kull Stat Membru “jista’” jadotta miżuri li jwasslu għall-għanijiet stabbiliti, din tikkonkretizza l-possibbiltajiet li l-Istati Membri għandhom li jidderogaw minn ċerti reġoli tat-Trattat, bħal dawk li jirregolaw il-moviment liberu tas-servizzi. Issa, fir-rigward tal-għażla fost il-bosta avvenimenti konkreti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tad-Direttiva 97/36, ma jistax jiġi direttament jew indirettament impost fuq l-Istati Membri li jdaħħlu fil-listi tagħhom avvenimenti li ma humiex dawk li huma jagħżlu li jdaħħlu u li jidderogaw mir-regoli tat-Trattat bl-iktar mod wiesgħa kif jidhrilhom xieraq. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 fir-rigward tan-natura tal-avvenimenti mdaħħla bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandu jsir fil-konfront tal-karatteristi tagħhom stess.

195    Għaldaqstant, meta avveniment huwa ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-istħarriġ li teżerċita abbażi tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, billi ma topponix id-dħul tiegħu fil-lista stabbilita tal-Istat Membru inkwisjtoni għar-raġuni li avveniment ieħor, eventwalment ta’ importanza iktar sinjifikattiva għas-soċjetà, ma huwiex inkluż fiha.

196    Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li hemm avvenimenti oħra, fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, ta’ importanza iktar sinjifikattiva mill-EURO għas-soċjetà tar-Renju Unit, iżda li ma jinsabux fil-lista stabbilita mill-Ministru, il-Kummissjoni, l-awtriċi tal-att li l-legalità tiegħu qed tiġi eżaminata mill-Qorti Ġenerali, ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi aċċettat li ddaħħal din il-kompetizzjoni f’din il-lista.

197    Barra minn hekk, diġà ġie ddikjarat li l-EURO jista’ validament jitqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, peress li l-elementi statistiċi li jirrigwarda l-logħob “mhux ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni u li ma jinvolvux tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni espressa fil-premessi 18 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 123 sa 141 iktar ’il fuq).

198    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-pretensjonijiet tal-UEFA, il-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod inkoerenti jew irrazzjonali f’dan il-każ u ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

199    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-UEFA

200    Il-konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-motivi mqajma mill-UEFA hija li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minnha ma għandhomx għalfejn jiġu adottati.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif ġie ddikjarat fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mqajma mill-UEFA, l-argumenti kollha li insostenn tagħhom din tal-aħħar tixtieq tinvoka elementi potenzjalment li jinsabu fid-dokumenti li hija talbet li jiġu prodotti ma jistgħux jinfluwenzaw fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

202    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll r-rikors kollhu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

203    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-UEFA tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

204    Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Union des associations européennes de football (UEFA) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Truchot

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-17 ta’ Frar 2011.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mertu

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3b(2) tad-Direttiva 89/552

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertŕ li jiġu pprovduti servizzi

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ proprjetŕ tal-UEFA

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-UEFA

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.