Language of document : ECLI:EU:C:2023:271

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 (1)

Kawża C143/22

Association Avocats pour la défense des droits des étrangers (ADDE),

Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (ANAFE),

Association de recherche, de communication et d’action pour l’accès aux traitements (ARCAT),

Comité inter-mouvements auprès des évacués (CIMADE),

Fédération des associations de solidarité avec tou-te-s les immigré-e-s (FASTI),

Groupe d’information et de soutien des immigré-e-s (GISTI),

Ligue des droits de l’homme (LDH),

Le paria,

Syndicat des avocats de France (SAF),

SOS - Hépatites Fédération

vs

Il-Ministru għall-Intern,

fil-preżenza ta’:

Id-Difensur tad-Drittijiet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntiera, ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera – Regolament (UE) 2016/399 – Introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni – Konsegwenzi għall-applikabbiltà tad-Direttiva dwar ir-Ritorn”






 Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija parti minn sensiela ta’ kawżi li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill‑2011 ’l hawn, dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Franċiż dwar id-dħul u r-residenza tal-persuni barranin u d-dritt għall-ażil (iktar ’il quddiem, iċ-“Ceseda”) mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115/KE (2) kif ukoll ma’ dawk tar-Regolament (UE) 2016/399 (3) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) (4). Huma b’mod partikolari l-aħħar tnejn minn dawn il-kawżi, li wasslu għas-sentenzi Affum u Arib et, li huma rilevanti f’dan il-każ.

2.        F’dan il-każ, diversi assoċjazzjonijiet ippreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) bl-għan, b’mod partikolari, li jiġi annullat id-Digriet Nru 2020‑1733, tas‑16 ta’ Diċembru 2020, li jirrigwarda l-parti leġiżlattiva tal-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal-persuni barranin u d-dritt għall-ażil(5) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2020-1733”). Il-kwistjoni prinċipali li tqum f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija dwar jekk, meta Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi kontrolli fil-fruntieri interni skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan ikunx obbligat li japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 jew jekk jistax jirrikorri għall-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi sabiex jadotta deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li sitwazzjoni bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju hija bħal dawk li wasslu għas-sentenzi Affum u Arib et u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 huma applikabbli. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandha tiġi eskluża.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlKodiċi talFruntieri ta’ Schengen

4.        Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘fruntieri interni’ tfisser:

(a)      il-fruntieri tal-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, tal-Istati Membri;

(b)      l-ajruporti tal-Istati Membri għal titjiriet interni;

(c)      il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bil-ferry;

2)      ‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]”

5.        L-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

(a)      ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera u li jkun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(i)      il-validità tiegħu għandha testendi għal mill-inqas tliet xhur wara d-data ppjanata tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri; F’każ ta’ emerġenza ġġustifikat, dan l-obbligu jista’ jitneħħa;

(ii)      għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti;

(b)      huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta skont ir-[Regolament (KE) Nru 539/2001 (6)], ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

(c)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’pożizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

(d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

[…]”

6.        L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li m’għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva [2008/115].”

7.        Skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen:

“1.      Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji tal-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

2.      Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skont fl-Anness V, parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

3.      Persuni li jkun mċaħħda d-dħul, għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skont il-liġi nazzjonali. Indikazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali għandha wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajiż terz.

L-applikazzjoni għal appell m’għandiex ikollha l-effett li tissospendi d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul.

Mingħajr preġudizzju għal xi kumpens mogħti skont il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkun intitolat għal korrezzjoni tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, u għal kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kinitx fondata.

4.      Il-gwardji tal-fruntieri għandhom jiżguraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li ġie miċħud lilu d-dħul ma jidħolx fit-territorju tal-Istat Membru konċernat.

[…]

6.      Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fil-parti A tal-Anness V.”

8.        L-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprovdi:

“L-assenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

(a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fit-tifsira tal-ewwel sentenza, l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

(ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità transkonfini;

(iii)      huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

(iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

[…]”

9.        L-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.      Fejn, f’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ eċċezzjonalment jerġa’ jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tagħhom għal perijodu limitat ta’ mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum. L-iskop u t-tul ta’ żmien tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m’għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b’risposta għat-theddida serja.

2.      Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f’konformità mal-Artikoli 27, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f’kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 28 jew 29 rispettivament.

3.      Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perijodu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f’konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, filwaqt li jittieħed kont ta’ kwalunkwe element ġdid, għal perijodi li jistgħu jiġġeddu ta’ mhux aktar minn 30 jum.

4.      Il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, m’għandux jaqbeż is-sitt xhur. Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, dak il-perijodu totali jista’ jiġi estiż għal żmien massimu ta’ sentejn b’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.”

10.      L-Artikolu 32 tal-imsemmi kodiċi tal-fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi:

“Fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

11.      L-Artikoli 5, 13 u 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jagħmlu parti mit-Titolu II tiegħu, intitolat “Fruntieri esterni”, filwaqt li l-Artikoli 23, 25 u 32 ta’ dak il-kodiċi jagħmlu parti mit-Titolu III, intitolat “Fruntieri interni”.

12.      Il-parti A tal-Anness V tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tipprevedi:

“1.      Meta jiċħad dħul, il-gwardja tal-fruntiera kompetenti għandu:

(a)      jimla l-formola standard għal dħul miċħud, kif muri fil-Parti B. Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiffirma l-formola u għandu jingħata kopja tal-formola ffirmata. Jekk iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jirrifjuta li jiffirma, il-gwardja tal-fruntiera għandu jindika dan ir-rifjut fil-formola taħt it-taqsima “kummenti”;

(b)      iwaħħal timbru ta’ dħul fuq il-passaport, ingassat b’salib magħmul b’inka sewda li ma titħassarx, u jikteb faċċata tiegħu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’inka li ma titħassarx, l-ittra/i li jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għaċ-ċaħda tad-dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud imsemmija hawn fuq;

(c)      il-viżi jiġu annullati jew revokati, jekk ikun il-każ, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tar-[Regolament (KE) Nru 810/2009 (7)];

(d)      iniżżel kull ċaħda ta’ dħul f’reġistru jew f’lista u tingħata l-identità u ċ-ċittadinanza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ir-referenzi tad-dokument li jawtorizza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jaqsam il-fruntiera u r-raġuni għaliex, u d-data ta’ meta ġie miċħud id-dħul;

2.      Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, imċaħħad milli jidħol, ikun twassal fil-fruntiera minn trasportatur, l-awtorità lokalment responsabbli għandha:

(a)      tordna lit-trasportatur jinkariga ruħu miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u jittrasportah mingħajr dewmien lejn il-pajjiż terz minn fejn ikun inġieb, lejn il-pajjiż terz li jkun ħareġ id-dokument li jawtorizzah jaqsam il-fruntiera, jew lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor fejn huwa ggarantit il-permess tad-dħul, jew li jsib mezz ta’ tkomplija tat-trasportazzjoni skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u d-[Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE (8)];

(b)      sakemm titkompla t-trasportazzjoni, tieħu miżuri xierqa, skont il-liġi nazzjonali u wara li tqis iċ-ċirkostanzi lokali, biex ma tħallix li jidħlu illegalment iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz imċaħħda milli jidħlu.

[…]”

 Id-Direttiva 2008/115

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

14.      Skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

15.      L-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)      jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta’ protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta’ miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f’emerġenza u b’kont meħud tal-bżonnijiet ta’ persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)      jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

16.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

[…]

6.      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

 Iddritt Franċiż

17.      L-Artikolu L. 332‑2 taċ-Ceseda, kif emendat mid-Digriet Nru 2020-1733, jipprovdi:

“Id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul, li għandha tkun bil-miktub u motivata, għandha tittieħed minn uffiċjali ta’ kategorija stabbilita mir-regolamenti.

In-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul għandha ssemmi d-dritt tal-persuna barranija li tavża jew li tara li jiġu avżati l-persuna li hija kienet indikat li kienet ser tmur għandha, il-konsulat tagħha jew l-avukat tal-għażla tagħha. Għandha ssemmi d-dritt tal-persuna barranija li tirrifjuta li tiġi rripatrijata qabel ikun għadda jum liberu wieħed fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 333‑2.

Id-deċiżjoni u n-notifika tad-drittijiet li takkumpanjaha għandhom jiġu kkomunikati lilha f’lingwa li tifhimha.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli, b’mod partikolari lil tfal akkumpanjati jew mhux akkumpanjati minn adulti.”

18.      L-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda, kif emendat mid-Digriet Nru 2020‑1733, jipprevedi:

“Il-proċedura prevista fl-Artikolu L. 332‑2 hija applikabbli għad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul meħuda kontra barrani skont l-Artikolu 6 tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]. Għandha tapplika wkoll meta jsiru kontrolli fil-fruntieri interni f’każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni skont il-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen].”

 Ilfatti, ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

19.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) intiż sabiex jiksbu, fost l-oħrajn, l-annullament tal-Artikolu L. 332‑3 taċ-Ceseda. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li dan l-artikolu jikser id-Direttiva 2008/115 sa fejn jippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ dħul fil-fruntieri interni fejn ikunu ġew introdotti mill-ġdid il-kontrolli.

20.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Arib et, li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 32 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna u li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, il-kontroll f’dik il-fruntiera, minħabba theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-imsemmi Stat Membru.

21.      Fis‑27 ta’ Novembru 2020, din il-qorti qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑3‑1 taċ-Ceseda, li kienu jipprevedu li, f’każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni, persuna barranija li tkun ġejja direttament mit-territorju ta’ Stat parti mill-Konvenzjoni ta’ Schengen tista’ tingħata deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑2 ta’ dan il-kodiċi meta tkun daħlet fit-territorju metropolitan billi taqsam fruntiera interna fuq l-art mingħajr ma tkun ġiet awtorizzata tagħmel dan u tkun ġiet soġġetta għal kontroll f’żona bejn din il-fruntiera u linja għaxar kilometri ’l ġewwa minnha, imorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Arib et.

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu L. 332-3 taċ-Ceseda, li huwa s-suġġett tar-rikors pendenti quddiemha f’din il-kawża, ma jirriproduċix id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 213‑3‑1 ta’ dan il-kodiċi, u għalhekk l-Artikolu L. 332‑3 tal-imsemmi kodiċi ma jiksirx l-awtorità ta’ res judicata. Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 332‑3 tal-istess kodiċi jipprevedi li deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul tista’ tittieħed waqt il-kontrolli fil-fruntieri interni f’każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli f’dawn il-fruntieri fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

23.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’tali każ, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li jkun ġej dirett mit-territorju ta’ Stat parti għall-Konvenzjoni ta’ Schengen u li jippreżenta ruħu f’punt ta’ qsim tal-fruntiera awtorizzat, mingħajr ma jkollu fil-pussess tiegħu dokumenti li jiġġustifikaw awtorizzazzjoni ta’ dħul jew dritt ta’ residenza fi Franza, jistax jingħata deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul, abbażi tal-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, mingħajr ma tapplika d-Direttiva 2008/115.

24.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), permezz tad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2022, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], barrani li jkun ġej direttament mit-territorju ta’ Stat li huwa parti għall-Ftehim iffirmat f’Schengen […] jista’ jiġi suġġett għal deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, fil-mument tal-verifiki mwettqa f’din il-fruntiera, fuq il-bażi tal-Artikolu 14 ta’ dan [il-kodiċi] mingħajr ma d-Direttiva [2008/115] tkun applikabbli?”

25.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-difensur tad-drittijiet, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet. L-istess partijiet instemgħu fis-seduta li saret fid‑19 ta’ Jannar 2023.

 Analiżi

26.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tiddetermina jekk, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandhomx japplikaw l-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi jew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115.

27.      Qabelxejn irrid nenfasizza li din ma hijiex kwistjoni fejn trid tiġi ddeterminata l-legalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, iżda biss il-konsegwenzi ta’ tali introduzzjoni mill-ġdid (9).

28.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 japplikaw u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma japplikax. Din il-konklużjoni tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mir-raġunament li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Affum u Arib et.

 Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2008/115

29.      Id-Direttiva 2008/115 għandha bħala suġġett, kif jgħid l-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skont id-drittijiet fundamentali u skont id-dritt internazzjonali. Mill-premessa 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-direttiva hija intiża sabiex jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

30.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tagħha, huwa wiesa’ ħafna (10). Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, hija tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin f’soġġorn illegali fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-kunċett ta’ “soġġorn illegali” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva bħala “il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu [6] tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (11) jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru (12)”. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul, soġġorn jew residenza f’dak il-pajjiż ikun, bis-saħħa ta’ dak il-fatt biss, f’soġġorn illegali, mingħajr ma jkun hemm għalfejn li dik il-preżenza tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ perijodu minimu jew ta’ intenzjoni li wieħed jibqa’ f’dak it-territorju (13). Barra minn hekk, in-natura temporanja jew tranżitorja biss ta’ tali preżenza lanqas ma hijiex waħda mir-raġunijiet, elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, li għalihom l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (14).

31.      Barra minn hekk, il-Qorti diġà kkonstatat li, fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, il-kunċetti ta’ “soġġorn illegali” u “dħul illegali” huma marbuta mill-qrib, għaliex tali dħul jikkostitwixxi, fil-fatt, waħda miċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jwasslu għal soġġorn illegali min-naħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (15). Ladarba ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun daħal irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru u li, minħabba f’hekk, jitqies li huwa residenti hemmhekk b’mod irregolari jaqa’ għalhekk, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u suġġett għall-Artikolu 2(2) tagħha, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, huwa għandu jkun suġġett għall-istandards u l-proċeduri komuni previsti minnha għat-tneħħija tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, irregolarizzata(16).

32.      Skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-direttiva għal ċerti sitwazzjonijiet ristretti ħafna. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax id-direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul skont l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (17) jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu l-awtorizzazzjoni jew id-dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkjarifika li mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li ż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni jirrigwardaw esklużivament il-qsim ta’ fruntiera esterna ta’ Stat Membru, kif iddefinita fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u għalhekk ma jikkonċernawx il-qsim ta’ fruntiera komuni ma’ Stati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen. Din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk tippermetti lill-Istati Membri jeskludu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’soġġorn illegali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba d-dħul irregolari tagħhom minn fruntiera interna (18). Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti ċċarat li huwa stabbilit li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul konformement mal-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jaqsmu fruntiera esterna sabiex jidħlu f’din iż-żona (19).

34.      Abbażi ta’ dan it-tagħlim, l-argument tal-Gvern Franċiż li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ma jkunx qiegħed jirrisjedi fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri ma jistax jintlaqa’, peress li tali argument huwa ekwivalenti għal restrizzjoni unilaterali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 minn Stat Membru. Dak l-Istat Membru jista’ fil-fatt jirrevoka residenza li tkun diġà ġiet stabbilita. Jiena tal-fehma li ma hemmx lok għal tali restrizzjoni unilaterali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35.      Bħala konklużjoni provviżorja, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża ma tistax tiddeċiedi, abbażi tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115, li ma tapplikax din id-direttiva għal ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali li jiġi arrestat fi fruntiera.

36.      Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, inżid li din tikkorrispondi eżattament mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, arrestat fil-viċinanza immedjata ta’ fruntiera interna u li jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, anki meta dan l-Istat Membru jkun introduċa mill-ġdid, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontroll f’din il-fruntiera (20). Fil-fehma tiegħi, l-istess soluzzjoni tapplika wkoll jekk il-persuna kkonċernata tiġi arrestata fl-istess fruntiera.

37.      Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, Stat Membru huwa għalhekk obbligat li japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 fir-rigward ta’ kull persuna arrestata fi fruntiera interna fiż-żona Schengen.

38.      Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, inkluż l-Artikolu 14 tiegħu, ma jistgħux ibiddlu din il-konstatazzjoni.

 Fuq lapplikabbiltà talArtikolu 14 talKodiċi talFruntieri ta’ Schengen

39.      Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxi regoli għall-qsim tal-fruntieri mill-persuni.

40.      Il-persuni, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, ma għandhomx jiġu soġġetti għal kontroll meta jaqsmu l-fruntieri interni. Il-fruntieri jistgħu jkunu mingħajr kontroll biss jekk dan ikun il-każ de facto għal kulħadd (21). Għalhekk, it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni neċessarjament testendi wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minħabba l-proprja natura tan-nuqqas ta’ kontroll (22). Dan jimplika wkoll li l-aċċess permezz tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri huwa kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

41.      L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jinkludi l-obbligu għall-Istati Membri li jirrifjutaw id-dħul fit-territorju, fi fruntiera esterna, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-kodiċi (23), ma huwiex intiż li japplika għal fruntiera interna, lanqas – abbażi tal-Artikolu 32 tal-imsemmi kodiċi– mutatis mutandis. Fil-fatt, ir-ratio legis ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li l-Istati Membri li għandhom fruntieri esterni għandhom jiżguraw li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx dritt ta’ dħul ma jidħlux fiż-żona Schengen. Ladarba dawn iċ-ċittadini jkunu daħlu, kull Stat Membru huwa obbligat mhux li jagħti deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ dħul abbażi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iżda li japplika d-Direttiva 2008/115.

42.      Barra minn hekk, l-Istati Membri (24) ma jipproteġux l-istess interessi ġuridiċi fil-fruntieri esterni u fil-fruntieri interni: Stat Membru li, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, huwa responsabbli li jikkontrolla l-fruntieri esterni f’dik iż-żona jkun qiegħed jaġixxi fl-interess tal-Istati Membri kollha taż-żona Schengen. Min-naħa l-oħra, Stat Membru li jiddeċiedi li jistabbilixxi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni jagħmel dan fl-interess tiegħu stess (25).

43.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi għandha tiġi eskluża.

 Kunsiderazzjonijiet finali – lgħażliet li jifdal lillIstati Membri midDirettiva 2008/115

44.      Minkejja li, fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, fil-kundizzjonijiet deskritti mill-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 japplikaw u minkejja li l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma japplikax, l-Istati Membri madankollu jibqgħulhom diversi possibbiltajiet sabiex jiggarantixxu r-ritorn effikaċi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu fil-pajjiż illegalment.

45.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115 tiffoka fuq deċiżjoni ta’ ritorn li l-Istati Membri, skont l-Artikolu 6(1) ta’ dik id-direttiva, huma obbligati (26) jadottaw fir-rigward ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz f’soġġorn illegali fit-territorju tagħhom (27). Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-qalba tal-imsemmija direttiva, li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet l-oħrajn (28). L-obbligi tal-Istati Membri bħala riżultat tal-Artikoli 6 et seq. tad-Direttiva 2008/115 huma persistenti, kontinwi u japplikaw mingħajr interruzzjoni fis-sens li jitnisslu awtomatikament malli l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli jiġu ssodisfatti (29). Fi kliem ieħor, mill-mument li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun f’soġġorn illegali u l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ dik id-direttiva ma jkunux japplikaw, Stat Membru huwa obbligat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn u jinfurzaha.

46.      Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn ikun ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, id-Direttiva 2008/115 ma għandhiex twaqqaf lil Stat Membru milli jadotta, fir-rigward ta’ dak iċ-ċittadini, miżura ta’ arrest (30). F’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx meħtieġ jagħti perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) ta’ dik id-direttiva.

47.      Barra minn hekk, nixtieq infakkar fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115, li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ikkonċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skont ftehimiet jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

48.      Fl-aħħar nett, meta numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn ikun ta’ piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv u ġudizzjarju tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jieħu miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115.

 Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej:

Fil-każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, fil-kundizzjonijiet previsti fil-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament ma għandux jiġi applikat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2020, L 245, p. 32).


4      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807); tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega (C‑166/13, EU:C:2014:2336); tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida (C‑249/13, EU:C:2014:2431); tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum (C‑47/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Affum”, EU:C:2016:408), u tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et (C‑444/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Arib et, EU:C:2019:220).


5      JORF Nru 315 tat‑30 ta’ Diċembru 2020, Test Nru 41.


6      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39).


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).


8      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160).


9      Fil-fatt, din il-legalità ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ.


10      Ara wkoll Lutz, F., “Directive 2008/115/EC of the European Parliament and of the Council of 16 December 2008 on common standards and procedures in Member States for returning illegally staying third-country nationals”, f’Hailbronner, K., u Thym, D., (edituri) EU immigration and Asylum law – a Commentary, it-2 edizzjoni, 2016, C.H. Beck, Hart, Nomos, Munich, Oxford, Baden-Baden, punt 3 tal-Artikolu 2.


11      Dan l-Artikolu 6 ssostitwixxa l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), li jirreferi għalih l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/115.


12      Il-korsiv huwa tiegħi.


13      Ara s-sentenza Affum (punt 48).


14      Ara s-sentenza Affum (punt 48).


15      Ara s-sentenza Affum (punt 60).


16      Ara s-sentenza Affum (punt 61).


17      L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issostitwixxa l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 562/2006, li jirreferi għalih dan l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2008/115.


18      Ara s-sentenza Affum (punt 69).


19      Ara s-sentenza Affum (punt 70).


20      Ara Arib et (punt 67).


21      Ara, f’dan ir-rigward, Hoppe, M., f’Lenz, C. O., u Borchardt, K.-D., (edituri), EU-Verträge Kommentar, Bundesanzeiger Verlag, is‑6 edizzjoni, Köln, 2013, Artikolu 77 AEUV, punt 5.


22      Ara, f’dan ir-rigward, Müller-Graff, P.-Chr., f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U., (edituri), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, punt 1 tal-Artikolu 77 AEUV.


23      U li ma jappartjenix għal waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


24      Għandu jiġi speċifikat li t-terminu “Stati Membri” jinkludi biss l-Istati Membri tal-Unjoni li huma partijiet għall-acquis ta’ Schengen kif ukoll l-Istati terzi li huma partijiet għalih; ara wkoll il-premessi 21 sa 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.


25      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Arib et (C‑444/17, EU:C:2018:836, punti 58 u 59).


26      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 31). Dwar in-natura obbligatorja tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, ara wkoll Slama, S., “La transposition de la directive ‘retour’: vecteur de renforcement ou de régression des droits des irréguliers?” f’Dubin, L., La Légalité de la lutte contre l’immigration irrégulière par l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2012, p. 289 sa 345, speċjalment paġna 330.


27      Dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għal sensiela sħiħa ta’ eċċezzjonijiet, elenkati fl-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(6) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.


28      Ara wkoll Hörich, D., “Die Rückführungsrichtlinie: Entstehungsgeschichte, Regelungsgehalt und Hauptprobleme”, Zeitschrift für Ausländerrecht und Ausländerpolitik, 2011, p. 281 sa 286, speċjalment paġna 283.


29      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Celaj (C‑290/14, EU:C:2015:285, punt 50).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arib et (punt 66), u tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main (C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 41 et seq.).