Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Settembru 2011 - Telekomunikacja Polska vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-486/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Telekomunikacja Polska SA (Varsavja, ir-Repubblika tal-Polonja) (rappreżentanti: M. Modzelewska de Raad, P. Paśnik, S. Hautbourg, avukati, C. Vajda, QC, u A. Howard, barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4378 finali, tat-22 ta' Ġunju 2011, fl-intier tagħha; sussidjarjament

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tiegħu; jew sussidjarjament

tnaqqas il-multa stabbilita fih, kif xieraq; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, li jallega

żball ta' liġi u raġunament żbaljat, billi naqset milli tistabbilixxi interess leġittimu kwanlunkwe fit-twettiq ta' investigazzjoni u fl-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ksur fir-rigward ta' kondotta fil-passat;

It-tieni motiv, li jallega

li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem ("KEDB") u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"), billi jiddetermina akkuża kriminali minn organu amministrattiv, f'dan il-każ il-Kummissjoni, minflok qorti indipendenti li tosserva l-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 6;

It-tielet motiv, li jallega

li l-Artikolu 2 huwa null peress li l-Kummissjoni naqset milli tosserva d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva billi naqset milli tispeċifika l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta' ċirkustanzi aggravanti u attenwanti fil-kalkolu tal-multa;

Ir-raba' motiv, intiż

għal tnaqqis fil-livell tal-multa fuq il-bażi li l-Kummissjoni żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-gravità tal-ksur u kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità meta stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa:

(a)    naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur kien jinvolvi prattiki differenti b'tul u intensitajiet differenti;

(b)    żbalji ta' evalwazzjoni meta kkonstatat li l-ksur kellu effett negattiv attwali fuq il-kompetizzjoni u l-konsumaturi fis-suq rilevanti.

Il-ħames motiv, intiż

għal tnaqqis fil-livell tal-multa fuq il-bażi li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b'mod żbaljat u inġust iċ-ċirkustanzi attenwanti:

(a)    nuqqas li tagħti kreditu għall-miżuri kumpensatorji adottati mir-rikorrenti fil-forma ta' investimenti sostanzjali sabiex ittejjeb l-infrastruttura broadband fil-Polonja favur il-kompetituri u l-konsumaturi;

(b)    nuqqas li tirrikonoxxi t-terminazzjoni volontarja tal-ksur;

(ċ)    nuqqas li tagħti kreditu għall-offerta ta' impenji magħmula mir-rikorrenti.

____________