Language of document : ECLI:EU:T:2014:1077

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Garanzija mill-Istat marbuta ma’ self bankarju — Għajnuna intiża li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà — Konformità mal-avviżi tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Aspettattiva leġittima — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑487/11,

Banco Privado Português, SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall),

Massa Insolvente do Banco Privado Português, SA, stabbilita f’Lisbona,

irrappreżentati minn C. Fernández Vicién, F. Pereira Coutinho, M. Esperança Pina, T. Mafalda Santos, R. Leandro Vasconcelos u A. Kéri, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u M. Afonso, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/346/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP (ĠU 2011, L 159, p. 95),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Banco Privado Português, SA (iktar ʼil quddiem il-“BPP”) huwa stabbilment finanzjarju li għandu s-sede tiegħu f’Lisbona (Il-Portugall) u li jipprovdi servizzi ta’ ġestjoni tal-patrimonju, ta’ konsulenza lill-impriżi u ta’ investiment tal-kapital fil-Portugall, fi Spanja u, fuq skala iżgħar, fil-Brażil u fl-Afrika t’Isfel. Il-klijenti tal-BPP huma, b’mod partikolari, id-depożituri privati u istituzzjonali, fosthom ħames banek ta’ kreditu agrikoli reċiproċi, bank ta’ tfaddil, diversi fondi tal-pensjoni u kumpanniji tal-assigurazzjoni. L-azzjonijiet tal-BPP ma humiex ikkwotati fil-Borża. Fit-30 ta’ Ġunju 2008, l-attivi inklużi fil-karta tal-bilanċ tal-BPP kienu jammontaw għal EUR 2.9 miljun, jiġifieri 1 % tal-attivi kollha tas-settur bankarju fil-Portugall. L-ishma tal-BPP huma proprjetà 100 % tal-kumpannija holding Privado Holding SGPS (sociedade gestora de participações sociais), SA (iktar ʼil quddiem il-“holding”).

2        Minn Settembru tal-2008, il-BPP iffaċċja problemi ta’ likwidità minħabba d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika dinjija. Għalhekk, fl-24 ta’ Novembru 2008, huwa informa formalment lill-bank ċentrali tal-Portugall (iktar ʼil quddiem il-“Bank tal-Portugall”) li kien jeżisti riskju li huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jonora l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-ħlasijiet. Mill-1 ta’ Diċembru 2008, il-Bank tal-Portugall iddeċieda, b’mod partikolari, li “jeżenta lill-BPP, għal perijodu ta’ tliet xhur, mill-osservanza puntwali tal-obbligi assunti preċedentement, b’mod partikolari fil-kuntest tal-attività ta’ ġestjoni tal-patrimonji, sa fejn dan kien jidher neċessarju għar-ristrutturazzjoni tiegħu u għall-organizzazzjoni mill-ġdid tiegħu”.

3        Permezz tad-Digriet 31268‑A/2008, tal-1 ta’ Diċembru 2008, ippubblikat fid-Diário da República, it-tieni serje, Nru 235, tal-4 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Portugiżi ddeċidew li jagħtu lill-BPP garanzija mill-Istat skont il-Liġi Nru 112/97, tas-16 ta’ Settembru 1997, barra l-kuntest tas-sistema Portugiża tal-garanziji li tirriżulta mil-Liġi Nru 60‑A/2008, tal-20 ta’ Ottubru 2008, kif approvata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2008) 6527, tad-29 ta’ Ottubru 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 60/08 mogħtija mill-Portugall — Sistema ta’ garanzija għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Portugall (ĠU 2009, C 9, p. 2). Din il-garanzija mill-Istat ingħatat fil-5 ta’ Diċembru 2008 u kienet intiża li tiggarantixxi self ta’ EUR 450 miljun li kellu jingħata lill-BPP permezz ta’ konsorzju kompost minn sitt banek Portugiżi, jiġifieri l-Banco Comercial Português, SA, il-Caixa Geral de Depósitos, SA, il-Banco Espírito Santo, SA, il-Banco BPI, SA, il-Banco Santander Totta, SA u l-Caixa Central — Caixa Central de Crédito Agrícola Mútuo, CRL (iktar ʼil quddiem il-“banek kredituri”). Skont il-klawżoli rilevanti tal-istrumenti ta’ ftehim ta’ self u tal-garanzija mill-Istat, l-ammont imsellef kien intiż esklużivament sabiex ikopri l-elementi tal-passiv tal-BPP inklużi fil-karta tal-bilanċ fid-data tal-24 ta’ Novembru 2008 u kellu jservi biss sabiex jiġu rrimborsati d-depożituri u l-kredituri l-oħra, u mhux sabiex ikopri d-djun tal-kumpanniji sussidjarji holding l-oħrajn. Il-perijodu tas-self kien limitat għal perijodu ta’ sitt xhur, li jista’ jiġi estiż għal perijodu massimu ta’ erbgħa u għoxrin xahar. Ir-rata tal-interessi fiss kien jekwivali għar-rata Euribor miżjuda b’100 punt bażiku. Ir-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat kienet iffissata għal 20 punt bażiku, fid-dawl tal-garanziji offruti mill-BPP.

4        Skont kuntratt ta’ garanzija konkluż fil-5 ta’ Diċembru 2008 bejn il-BPP, l-Istat Portugiż u l-Bank tal-Portugall, il-BPP ikkostitwixxa, bħala garanzija favur l-Istat Portugiż, dritt ta’ garanzija prijoritarja fuq diversi attivi tiegħu, fosthom valuri mobbli u beni mobbli, kif ukoll ipoteka li tirranka l-ewwel fuq beni immobbli li huma proprjetà tal-kumpanniji sussidjarji holding. F’dan l-istadju, il-valur ta’ dawn il-garanziji kien stmat li jammonta għal EUR 672 miljun, filwaqt li fis-7 ta’ Mejju 2010, il-Bank tal-Portugall stmah li jammonta għal EUR 582 miljun.

5        Fil-5 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Portugiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għoti ta’ garanzija mill-Istat favur il-BPP.

6        Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 1892 finali, tat-13 ta’ Marzu 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 71/08 — Portugal, Auxílio estatal ao Banco Privado Português — BPP (ĠU C 174, p. 1, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009”), il-Kummissjoni, bħala miżura ta’ emerġenza, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-għoti lill-BPP tal-garanzija mill-Istat peress li din kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 87(3)(b) KE.

7        Permezz tad-Digriet 13364-A/2009, ippubblikat fid-Diário da República, it-tieni serje, Nru 109, tal-5 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Portugiżi estendew b’sitt xhur il-garanzija mill-Istat inkwistjoni. Dawn informaw lill-Kummissjoni b’posta elettronika tat-23 ta’ Ġunju 2009, mingħajr madankollu ma informawha formalment b’din l-estensjoni skont l-Artikolu 88(3) KE.

8        Fit-23 ta’ Diċembru 2008, fit-12 ta’ Jannar 2009, fid-19 ta’ Frar 2009, fl-24 ta’ April 2009 u fl-10 ta’ Lulju 2009, il-BPP ippreżenta rispettivament quddiem il-Bank tal-Portugall pjanijiet ta’ rkupru, li ma ġewx innotifikati mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni.

[omissis]

10      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Portugiżi kkonfermaw li l-estensjoni tal-garanzija mill-Istat ta’ sitt xhur kienet intiża li tippermetti lill-BPP li jiffinalizza pjan ta’ ristrutturazzjoni u ta’ organizzazzjoni mill-ġdid kif ukoll li jikkonkretizza, f’perijodu ta’ żmien qasir, soluzzjoni sabiex jiġu protetti l-interessi tal-klijenti tiegħu, b’mod partikolari dawk li investew fi prodott ta’ rendiment iggarantit.

11      Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jippreżentaw mingħajr dewmien il-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP, anki fuq bażi provviżorja, filwaqt li fakkrithom li l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkunsidrata bħala illegali mis-6 ta’ Ġunju 2009. Fin-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-awtoritajiet Portugiżi, il-Kummissjoni bagħtitilhom ittra biex tfakkarhom fis-6 ta’ Ottubru 2009, abbażi tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2009 u ittra bl-istess data indirizzati lir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ eżami formali abbażi tal-Artikolu 88(2) KE dwar l-għoti tal-garanzija mill-Istat lill-BPP u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ĠU C 56, p. 10, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni interpellat ukoll lir-Repubblika Portugiża, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP f’terminu ta’ 30 jum minn meta tirċievi l-ittra tagħha, jiġifieri sat-22 ta’ Diċembru 2009.

[omissis]

14      Fit-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Portugiżi informaw lill-Kummissjoni bl-estensjoni tal-garanzija mill-Istat ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2010, minħabba li, b’mod partikolari, “in-nuqqas immedjat tal-BPP kien manifestament jippreġudika s-soluzzjoni li qiegħda tiġi eżaminata preżentement” u li “l-banek kredituri [kienu] aċċettaw li jestendu [il-]perijodu [tas-self] b’sitt xhur mingħajr tibdil tal-kundizzjonijiet marbuta u mingħajr finanzjament addizzjonali, bil-kundizzjoni li tiġi estiża wkoll il-garanzija tal-Istat korrispondenti”. Din l-estensjoni tal-garanzija mill-Istat saret permezz tad-Digriet 26556‑B/2009, ippubblikat fid-Diário da República, it-tieni serje, Nru 236, tas-7 ta’ Diċembru 2009, mingħajr madankollu ma ġiet innotifikata formalment mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

15      F’dokument mibgħut lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2010, l-awtoritajiet Portugiżi esponew l-elementi li, fl-opinjoni tagħhom, kellhom iservu bħala bażi għas-soluzzjoni tal-problemi maħluqa mill-BPP fir-rigward ta’ parti importanti tal-klijenti tiegħu, jiġifieri dawk li investew fil-prodott b’“rendiment assolut”, li, inter alia, taw lok, fit-30 ta’ Marzu 2010, għall-ħolqien tal-Fundo Especial de Investimento (FEI) (fond speċjali tal-investiment).

16      F’dan l-istess dokument, minbarra l-miżuri previsti sabiex tinstab soluzzjoni favur il-klijenti tal-BPP, l-awtoritajiet Portugiżi tennew in-neċessità tal-għoti u tal-estensjoni tal-garanzija mill-Istat, peress li l-operazzjoni ta’ finanzjament tal-BPP kkostitwiet strument ta’ perijodu qasir neċessarju sabiex jinżamm il-funzjonament tiegħu u sabiex ikun jista’ jitkompla t-twettiq ulterjuri tal-istudju ta’ vijabbiltà, kif ukoll sabiex tiġi stabbilita s-sistema finanzjarja nazzjonali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Portugiżi enfasizzaw f’dan id-dokument l-għan esklużiv tal-garanzija mill-Istat sabiex il-BPP ikun jista’ jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni u, fl-aħħar lok, l-implementazzjoni ta’ soluzzjoni maħsuba sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-investituri. Fl-aħħar, fid-dokument inkwistjoni, l-awtoritajiet Portugiżi ddeskrivew il-kontenut tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni u ta’ organizzazzjoni mill-ġdid tal-BPP tat-12 ta’ Jannar, tas-“27 ta’ April” u tal-10 ta’ Ġunju 2009 kif ukoll iċ-ċaħda mill-Bank tal-Portugall u mill-Gvern Portugiż tal-imsemmija pjanijiet.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ April 2010 fl-12.00, il-Bank tal-Portugall irtira l-liċenzja bankarja tal-BPP, fid-dawl tal-impossibbiltà li dan jiġi rristrutturat jew irrikapitalizzat.

18      Fil-21 ta’ April 2010, il-banek kredituri talbu l-eżekuzzjoni tal-garanzija mill-Istat u, fis-7 ta’ Mejju 2010, l-Istat Portugiż irrimborsathom l-ammont totali tas-self li huwa s-suġġett ta’ din il-garanzija.

19      Fit-22 ta’ April 2010, il-Bank tal-Portugall talab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ tal-BPP (Każ 519/10.5TYLSB), quddiem it-Tribunal tal-kummerċ ta’ Lisbona, skont l-Artikolu 8(2) tad-Digriet-Liġi Nru 199/2006, tal-25 ta’ Ottubru 2006, u ppropona l-ħatra ta’ kumitat għall-istralċ. Permezz ta’ digriet tat-23 ta’ April 2010, it-Tribunal tal-kummerċ ta’ Lisbona ddeċieda li jipproċedi bl-istralċ billi ħatar kumitat għall-istralċ u billi stabbilixxa terminu ta’ 30 ġurnata għall-preżentata tal-krediti.

20      Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/346/UE, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP (ĠU 2011, L 159, p. 95, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tiddikjara din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 1) u li tordna lir-Repubblika Portugiża li tirkurparha b’mod immedjat u effettiv (Artikoli 2 u 3).

[omissis]

22      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Frar 2011, wara talba mill-awtoritajiet Portugiżi, il-kumitat għall-istralċ irrikonoxxa d-dritt ta’ kreditu tal-Istat Portugiż sal-ammont tas-self li fuqu huwa bbenefika minn surroga.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2011, il-BPP u Massa Insolvente do Banco Privado Português, SA (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien bħala, ir-“rikorrenti”) ippreżentaw dan ir-rikors.

24      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiddikjara illegali u inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna inkwistjoni għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009;

–        b’mod iktar sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni;

–        b’mod iktar sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009;

–        tikkunsanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

[omissis]

29      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet prinċipali u sussidjarji;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

[omissis]

32      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

33      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-14 ta’ Marzu 2014. Waqt is-seduta, b’risposta għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li huma jaċċettaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li r-risposta tiġi inserita fil-proċess, minkejja n-natura tardiva tagħha, u ta’ dan ittieħdet nota fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

 Sunt tal-motivi għal annullament

35      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

[omissis]

43      Skont l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li jiġi eżaminat qabel xejn, it-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati t-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjoni derogatorja prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif ukoll ir-raba’ sas-seba’ motiv u, fl-aħħar biss, l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

 Osservazzjonijiet preliminari

44      Skont ir-rikorrenti, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa “diskrezzjonali” wiesgħa skont l-Artikolu 107(1) TFUE, hija għandha l-obbligu madankollu li teżamina b’akkuratezza u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-kawża. Għalhekk hija obbligata li twettaq analiżi korretta tas-sitwazzjoni tas-suq, tal-pożizzjoni tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu f’dak is-suq, tal-kundizzjonijiet ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri u li “tindika l-vantaġġ mogħti mill-[għajnuna] f’dan il-kummerċ” fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għamlet klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-BPP ma kinitx għadha teżerċita attività li tikkorrispondi għall-għan tagħha normali mill-24 ta’ Novembru 2008, u lanqas li l-garanzija mill-Istat kienet intiża esklużivament sabiex tagħmel tajjeb għal ċerti elementi tal-passiv, li jippreċedu d-data tal-għoti tal-imsemmija garanzija. Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni injorat il-fatt li, minn dik id-data, il-BPP ma kienx għadu kompetitur tal-istabbilimenti l-oħra ta’ kreditu, minkejja li, billi kkonstatat li l-BPP “seta’ jidħol jew jirritorna fis-suq fi żmien qasir”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess li l-BPP ma kienx għadu jopera fis-suq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-garanzija mill-Istat kellha l-għan esklużiv li tagħmel tajjeb għal ċerti elementi tal-passiv inklużi fil-karta tal-bilanċ tal-BPP fid-data tal-24 ta’ Novembru 2008 u li din setgħet tintuża biss sabiex jiġu rrimborsati d-depożituri jew il-kredituri oħra, u mhux sabiex tiġi operata fis-suq jew sabiex jiġu koperti kemm id-djun tal-kumpanniji sussidjarji holding l-oħra, jew ir-responsabbiltajiet mhux patrimonjali jew oħrajn li jirriżultaw minn attivitajiet jew servizzi finanzjarji oħra, direttament jew indirettament mill-BPP. Għaldaqstant, l-għoti tal-imsemmija garanzija la ppermettiet lill-BPP li jeżerċita attività normali ta’ stabbiliment ta’ kreditu fis-suq, bħala kompetitur attwali jew potenzjali, u lanqas setgħet tagħtih vantaġġ kompetittiv li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ stabbilimenti ta’ kreditu oħra jew li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma din il-konklużjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat fiha li l-likwidazzjoni tal-BPP uriet li ma kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

[omissis]

46      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li “il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’” skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li dan l-argument jinjora b’mod manifest il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li l-għajnuna tippreżenta natura legali u għandha tiġi interpretata abbażi ta’ elementi oġġettivi, b’tali mod li, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha, bħala prinċipju, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u, min-naħa l-oħra, ħlief eċċezzjonalment, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punti 111 sa 113). Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

47      Madankollu hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, kif esposti fil-premessi 56 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, humiex ivvizzjati bi żbalji ta’ fatt jew ta’ liġi, peress li r-raġunament tar-rikorrenti, sa fejn dan jagħmel riferiment għall-“klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti”, għandu jinftiehem bħala li jirreferi kemm għall-kriterju ta’ vantaġġ kif ukoll għall-kriterji ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

48      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi evalwat fl-ewwel lok jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikatx korrettement il-garanzija mill-Istat bħala miżura ta’ għajnuna li tagħti vantaġġ ekonomiku lill-BPP.

 Dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur il-BPP

49      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, bla ħsara għad-derogi previsti mit-Trattati, huma inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

50      Għaldaqstant, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali għall-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mit-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni u mir-regoli tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija minn mezzi oħra li ma humiex riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat b’mod partikolari l-interventi li, f’diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma huma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi statali skont l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et, punt 50 iktar ʼil fuq, punti 101 u 102, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Barra minn hekk, intervent tal-Istat li jista’, kemm il-darba, ipoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn u li joħloq riskju suffiċjentement konkret għall-ħolqien, fil-futur, ta’ piż addizzjonali għall-Istat, jista’ jkun ta’ piż fuq ir-riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, il-vantaġġi kkonsentiti fil-forma ta’ garanzija mill-Istat jistgħu jimplikaw piż addizzjonali għall-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et, punt 50 iktar ʼil fuq, punti 106 u 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-garanzija mill-Istat bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li, permezz tal-garanzija mill-Istat, il-BPP kiseb finanzjament li huwa ma kienx ikun kapaċi jikseb fis-suq u li, sa dan il-punt, huwa ngħata vantaġġ ekonomiku li jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għal effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-premessa 38 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat, essenzjalment, li primjum ta’ 20 punt bażiku kien inferjuri għal dak li għandu japplika skont ir-rakkomandazzjoni tal-BĊE tal-20 ta’ Ottubru 2008 li tindika primjum fiss ta’ 50 punt bażiku għall-garanziji kkonsentiti lil banek solventi għal perijodu ta’ inqas minn sena. Fil-premessa 39 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet żiedet b’mod partikolari li, “[m]inkejja l-valur elevat tal-garanziji offruti, ir-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat tibqa’ sostanzjalment inferjuri għal dak li jiġi normalment ikkunsidrat adegwat fil-każ ta’ banek f’diffikultà”.

[omissis]

55      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni kostanti u koerenti tal-garanzija mill-Istat bħala miżura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li min-naħa l-oħra, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, hija wieġbet għall-argument tal-awtoritajiet Portugiżi, kif imtenni, essenzjalment, mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din l-istanza, li l-BPP waqaf milli jkun attiv fis-suq sa mill-1 ta’ Diċembru 2008.

56      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx, la fil-kuntest ta’ dan il-motiv u lanqas f’dak ta’ motivi oħra mressqa insostenn tar-rikors tagħhom, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li, minn naħa, mingħajr il-garanzija mill-Istat, jiġifieri f’ċirkustanzi “normali” tas-suq, il-BPP ma kienx f’pożizzjoni li jikseb self bil-kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi mogħtija mill-banek kredituri u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat sa fejn din kienet nettament inferjuri għal-livell ġeneralment ikkunsidrat bħala adegwat għall-banek f’diffikultà (ara l-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma jikkontestawx lanqas li dan il-vantaġġ ekonomiku ġie ffinanzjat permezz ta’ riżorsi statali, peress li dan l-aħħar kriterju ġie ssodisfatt l-iktar tard wara r-rimbors tas-self mill-Istat Portugiż lill-banek kredituri sabiex tiġi eżegwita l-garanzija mill-Istat (ara l-premessa 56 in fine tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkontestaw biss li l-għoti ta’ dan il-vantaġġ kien marbut ma’ attività kompetittiva tal-BPP fis-suq fil-konfront ta’ stabbilimenti finanzjarji oħra. Issa, anki jekk jiġi kkunsidrat li dan l-argument jista’ jintlaqa’, dan ma jistax jinċidi fuq il-klassifikazzjoni tal-vantaġġ bħala garanzija mill-Istat.

58      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-BPP kien ibbenefika minn vantaġġ li jirriżulta minn riżorsi statali.

 Fuq il-kriterji ta’ attivita’ ekonomika, ta’ effett fuq il-kummerċ u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

59      Fir-rigward tal-argument li, sa mill-24 ta’ Novembru 2008, il-BPP ma kienx għadu attiv fis-suq bħala kompetitur attwali jew potenzjali ta’ stabbilimenti finanzjarji oħra, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma jikkontestawx li, f’dan l-istadju, il-BPP żamm l-istatus tiegħu ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE sa fejn huwa baqa’ jeżerċita attività ekonomika, għalkemm ridotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2011, AG2R Prévoyance, C‑437/09, Ġabra p. I‑973, punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑347/09, punti 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ġie deċiż li, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala influwenzati mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li settur ekonomiku, bħal dak tas-servizzi finanzjarji, ikun suġġett għal proċess importanti ta’ liberalizzazzjoni fil-livell Komunitarju, li aċċentwa l-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta diġà miċ-ċirkulazzjoni libera tal-kapital prevista mit-Trattat, hija ta’ natura li tikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punti 141, 142 u l-ewwel inċiż tal-punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jitfakkar li l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala regola toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Wam, C‑494/06 P, Ġabra p. I‑3639, punt 54; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 30).

62      Fir-raba’ lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura statali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u dik ta’ distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 134).

63      F’dan il-każ, il-liċenzja bankarja tal-BPP ġiet irtirata biss fis-16 ta’ April 2010 u l-BPP ġie suġġett għal stralċ mhux qabel it-22 u t-23 ta’ April 2010. Għaldaqstant, bejn l-24 ta’ Novembru 2008 u d-dati ċċitati iktar ʼil fuq, huwa baqa’ attur preżenti fis-suq. Għalhekk, waqt l-għoti tal-garanzija mill-Istat, il-BPP kien jikkostitwixxi mhux biss “impriża” benefiċjarja fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda eżerċita wkoll, matul dan il-perijodu, tal-inqas, attività kummerċjali ridotta li kienet tikkonsisti fl-offerta jew fil-ġestjoni ta’ ċerti prodotti jew servizzi finanzjarji, ġestjoni li l-kontinwità tagħha kienet possibbli permezz tas-self u tal-garanzija mill-Istat.

64      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li tali attività kummerċjali tal-BPP kienet tikkostitwixxi ksur.

65      Għalhekk, fl-ewwel lok, fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Bank tal-Portugall iddeċieda b’mod partikolari li “jeżenta lill-BPP, għal perijodu ta’ tliet xhur, mill-osservanza puntwali tal-obbligi assunti preċedentement, b’mod partikolari fil-kuntest tal-attività ta’ ġestjoni tal-patrimonji, sa fejn dan kien jidher neċessarju għar-ristrutturazzjoni tiegħu u għall-organizzazzjoni mill-ġdid tiegħu”, fatt li jimplika neċessarjament il-kontinwità tal-preżenza tiegħu fis-suq matul il-perijodu inkwistjoni.

66      Fit-tieni lok, kemm il-kuntratt ta’ self kif ukoll dak li jirrigwarda l-garanzija mill-Istat, kif awtorizzata mid-Digriet 31268‑A/2008 tal-1 ta’ Diċembru 2008, kienu intiżi li jkopru l-elementi tal-passiv tal-BPP inklużi fil-karta tal-bilanċ tiegħu fid-data tal-24 ta’ Novembru 2008 kif ukoll ir-rimbors tad-depożituri tiegħu u tal-kredituri l-oħra tiegħu li mmanifestaw ruħhom f’din id-data. Peress li l-problema tal-finanzjament ta’ dawn id-djun ġiet riżolta provviżorjament, din iċ-ċirkustanza tindika fiha nnifisha li l-BPP seta’ jkompli, sa ċertu punt, l-attività kummerċjali tiegħu.

67      Fit-tielet lok, huwa stabbilit li, bejn it-23 ta’ Diċembru 2008 u l-10 ta’ Lulju 2009, il-BPP issottometta diversi pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni lill-Bank tal-Portugall li ma ġewx aċċettati minn dan tal-aħħar, fatt li jikkostitwixxi r-raġuni l-ebda wieħed minnhom ma ġie nnotifikat mill-awtoritajiet Portugiżi lill-Kummissjoni (ara l-punt 8 iktar ʼil fuq). Issa dawn il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni setgħu biss ikollhom l-għan aħħari li jorganizzaw mill-ġdid u li jirkupraw lill-BPP bil-għan li jkun jista’ jerġa’ jibda b’mod sħiħ l-attivita’ kummerċjali normali tiegħu. F’dan ir-rigward, hemm lok ukoll li jsir riferiment, qabel xejn għall-paragrafi 2, 30 u 31 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (ĠU 2008, C 270, p. 8, iktar ʼil quddiem l-“Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji”), li jistabbilixxi rabta bejn ir-ristrutturazzjoni u r-ritorn għall-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati, sussegwentement, għall-punt 4 tal-[Avviż dwar] ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 195, p. 9), u, finalment, fil-paragrafu 17 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà” (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ʼil quddiem il-“Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni”). F’dan l-istess sens, il-Kummissjoni sostniet ġustament li l-ittra tal-awtoritajiet Portugiżi tat-23 ta’ Ġunju 2009 kif ukoll id-dokument mibgħut mill-imsemmija awtoritajiet lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 2010 jikkonfermaw li l-imsemmija awtoritajiet kienu rabtu l-għoti kif ukoll l-estensjoni tal-garanzija mill-Istat man-neċessità li l-BPP jiġi permess, b’mod partikolari, li jfassal pjan ta’ ristrutturazzjoni u, b’hekk, li jżomm provviżorjament il-preżenza tiegħu fis-suq.

68      Fir-raba’ lok, kif jirriżulta mill-paragrafu 15 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, li l-prinċipji ġenerali tagħhom huma ddikjarati applikabbli skont il-paragrafu 10 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, għajnuna għas-salvataġġġ, bħall-garanziji mill-Istat, tista’, min-natura tagħha stess tikkostitwixxi biss sostenn ta’ natura temporanja u riversibbli, limitat għal terminu massimu ta’ sitt xhur, u li jkollu bħala “għan prinċipali” li “jippremetti s-sopravvivenza tal-impriża f’diffikultà matul il-perijodu neċessarju għat-tfassil ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ”. Bl-istess mod, il-paragrafu 30 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddikara li, “[f]ejn l-iskema tal-garanzija trid tiġi konvolta għall-benefiċċju tal-istituzzjonjiet finanzjarji individwali huwa indispensabbli illi din il-miżura ta’ salvagwardja ta’ emerġenza mmirata sabiex iżżomm l-istituzzjoni falluta fil-wiċċ […] tkun segwita […] b’passi xierqa li jwasslu għal ristrutturazzjoni jew stralċ tal-benefiċarju” li jwasslu għar-“rekwiżit tan-notifika tal-pjan tar-ristrutturazzjoni jew stralċ għal dawk li jirċievu l-pagamenti taħt il-garanzija”. Għalhekk, f’dan il-każ, skont dawn il-prinċipji, il-garanzija mill-Istat, kif awtorizzata fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 għal perijodu ta’ sitt xhur, kienet tipprevedi prinċipalment, jekk mhux esklużivament, iż-żamma temporanja tal-attività kummerċjali tal-BPP sakemm l-awtoritajiet Portugiżi jippreżentaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni previst.

69      L-ebda mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huma ta’ natura li juru l-assenza ta’ kontinwità tal-attività kummerċjali tal-BPP sas-16 ta’ April 2010, meta ġiet irtirata b’mod effettiv il-liċenzja bankarja tiegħu.

[omissis]

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-BPP ma kienx jeżerċita iktar, mill-24 ta’ Novembru 2008, attività kummerċjali li tippermettilu li jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni stabbiliet fid-deċiżjoni kkontestata li, f’dan l-istadju, il-BPP kien jikkostitwixxi impriża li teżerċita tali attività kummerċjali, anki jekk ridotta, u li tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku.

73      Barra minn hekk, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 60 sa 62 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni ma setax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jwassal għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, billi ppermettiet lill-BPP li jkompli matul ċertu perijodu u sa ċertu punt l-attività kummerċjali tiegħu, l-għajnuna inkwistjoni, minn naħa, saħħet il-pożizzjoni ekonomiku tiegħu fil-konfront ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju u, min-naħa l-oħra, illiberah provviżorjament mill-ispejjeż — jiġifieri spejjeż ta’ finanzjament iktar għoljin sabiex jonora l-obbligi tiegħu ta’ ħlas — li huwa normalment kien ikollu jassumi fil-kuntest tal-ġestjoni kurrenti tal-patrimonju tiegħu jew tal-attivitajiet kummerċjali tiegħu ta’ kuljum.

74      Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonstata, b’mod kontradittorju, li ma kinitx teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din il-premessa tagħmel riferiment biss għas-sitwazzjoni futura tal-BPP wara l-irtirar tal-liċenzja bankarja tiegħu u l-istralċ tiegħu, fatt li wassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni, b’mod kompatibbli mal-evalwazzjoni preċedenti tagħha dwar is-sitwazzjoni kif kienet qabel l-imsemmi irtirar, li, fil-futur, “ma għandux ikun hemm riskju ta’ tfixkil [distorsjoni] tal-kompetizzjoni fil-futur fir-rigward ta’ BPP”.

75      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi miċħud it-tielet motiv bħala infondat fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

 Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

76      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni la l-fatt li l-garanzija mill-Istat tissodisfa l-kundizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, sa fejn din il-garanzija kienet maħsuba “sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Ġunju 2009 u l-15 ta’ April 2010, u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ppreċiżati fl-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji taħt it-titolu “3. Garanziji li jkopru l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw, essenzjalment, li l-kuntest li fih il-Kummissjoni kienet tawtorizza l-garanzija mill-Istat permezz tad-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009 ma nbidilx u kompla sal-15 ta’ April 2010. Għalhekk, din il-miżura kienet tibqa’ ġġustifikata u l-estensjoni tagħha kienet ukoll indispensabbli sabiex jiġi ġestit ir-riskju sistematiku marbut ma’ nuqqas tal-BPP. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi injorat dan l-aspett u billi naqset milli tagħti l-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-allegata għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

[omissis]

 Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009

[omissis]

 Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

 Evalwazzjoni

82      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jallegaw essenzjalment li l-Kummissjoni ma żammitx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni inizjali tagħha li tinsab fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-kriterji esposti fl-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, minkejja li l-estensjoni tal-garanzija mill-Istat, li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħha ma ġewx emendati, kienet tkun neċessarja sabiex “jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija” Portugiża. Għaldaqstant hemm lok li jiġi evalwat jekk, permezz ta’ dan, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

83      Qabel xejn jeħtieġ li jitfakkar li, minn naħa, id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, għaldaqstant, il-kunċett ta’ “taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, C‑57/00 P u C‑61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punt 98). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjonji ta’ din id-dispożizzjoni li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jitwettqu f’kuntest Komunitarju. Il-qorti tal-Unjoni, meta tivverifika l-legalità tal-eżerċizzju ta’ tali libertà, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta’ l-awtorità kompetenti, iżda għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 71, u Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq, punt 176).

84      Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi rrilevat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 tinkludi biss evalwazzjoni provviżorja u ta’ emerġenza dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni u li l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni kienet limitata b’mod ċar ratione temporis u akkumpanjata mill-kundizzjoni li l-awtoritajiet Portugiżi għandhom josservaw l-impenn tagħhom li jippreżentaw, f’terminu ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009, pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni tieħu kont espliċitament tal-impenn ta’ dawn l-awtoritajiet li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull estensjoni possibbli tal-garanzija mill-Istat lil hinn mill-perijodu inizjali ta’ sitt xhur, kif koperta mill-awtorizzazzjoni provviżorja (ara l-premessi 39, 41 u 44 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009). F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li dawn l-elementi essenzjali ġew esposti espliċitament biss fil-motivi tal-imsemmija deċiżjoni u mhux fid-dispożittiv tagħha li jesponi biss id-deċiżjoni li ma jiġux invokati oġġezzjonijiet, peress li dan tal-aħħar għandu jinqara fid-dawl tal-imsemmija motivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il‑Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, fil-premessi 31 u 32 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, li, fil-paragrafu 10 tiegħu, jagħmel riferiment għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni. Għalhekk, fil-paragrafu 30 tal-imsemmi avviż, huwa rikjest, essenzjalment, ċertament fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ garanzija f’każijiet individwali, li l-miżura ta’ salvagwardja ta’ emerġenza maħsuba sabiex iżżomm fi stat ta’ sopravvivenza l-istituzzjoni finanzjarja insolventi, tiġi segwita minn miżuri adegwati bil-għan li ssir ir-ristrutturazzjoni jew l-istralċ tal-benefiċjarju, fatt li jimplika n-neċessità li jiġi nnotifikat pjan ta’ ristrutturazzjoni maħsub sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tal-vijabbiltà fit-tul tagħha jew pjan għal stralċ. Barra minn hekk, mill-paragrafu 10 tal-istess avviż, moqri flimkien mal-paragrafu 15 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, li miżuri eċċezzjonali ta’ salvataġġ, bħall-garanzija mill-Istat, ma għandhomx, bħala prinċipju, jeċċedu perijodu ta’ sitt xhur. Bl-istess mod, mill-paragrafu 25(a) u (c) tal-imsemmija linji gwida jirriżulta li l-għajnuna ta’ salvataġġ fil-forma ta’ garanzija għandha “tispiċċa f’terminu massimu ta’ sitt xhur” u “tkun akkumpanjata, meta tiġi nnotifikata, minn impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jittrażmetti lill-Kummissjoni, f’terminu massimu ta’ sitt xhur dekorribbli mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ […], pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew pjan ta’ stralċ, jew il-prova […] li l-garanzija spiċċat”. Fl-aħħar, fil-paragrafi 28 u 29 tal-istess linji gwida, huwa ppreċiżat, minn naħa, li “[l]l-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura […] jekk hija tqis li […] l-garanzija [ġiet] implementata b’mod abbużiv jew li wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur in-nuqqas ta’ rimbors tal-għajnuna ma kienx għadu ġġustifkat” u, min-naħa l-oħra, li “[l]-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna ta’ salvataġġ ma timplikax neċessarjament li l-għajnuna li taqa’ taħt pjan ta’ ristrutturazzjoni għandha tiġi awtorizzata, peress li din tal-aħħar għandha tiġi eżaminata fuq il-mertu tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b)TFUE, tillimita l-awtorizzazzjoni tagħha ratione temporis u torbotha mal-kundizzjoni tal-osservanza tal-impenji assunti mill-Istat Membru b’applikazzjoni tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, u lanqas ma kkontestaw il-fatt li f’dan il-każ, l-awtoritajiet Portugiżi effettivament impenjaw ruħhom bil-mod deskritt fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009.

87      Fl-ewwel lok, jirriżulta b’hekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fil-premessi 31 u 32 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni segwiet fedelment il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, moqrija fid-dawl tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, il-limiti ratione temporis u l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni billi bbażat ruħha fuq applikazzjoni tal-imsemmi avviż.

88      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat korrettement li, mill-5 ta’ Ġunju 2009, il-kriterji rilevanti tal-awtorizzazzjoni provviżorja tal-għajnuna inkwistjoni, kif mogħtija fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, ma kinux jew ma kinux għadhom issodisfatti, peress li, għall-kuntrarju tal-impenji tagħhom, minn naħa, anki wara l-iskadenza tat-terminu previst għal dan l-għan, l-awtoritajiet Portugiżi naqsu milli jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet estendew il-garanzija mill-Istat darbtejn lil hinn mit-terminu massimu ta’ sitt xhur, kif awtorizzat minn din id-deċiżjoni u mill-avviż marbut mal-istituzzjonijiet finanzjarji, moqri flimkien mal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, mingħajr madankollu ma nnotifkaw formalment dawn l-estensjonijiet lill-Kummissjoni.

89      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, hemm lok li jitfakkar li, anki fil-premessa 39 tad-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, essenzjalment, li, minn naħa, minkejja l-valur għoli tal-garanziji offruti, ir-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat kienet sostanzjalment inferjuri għal dak li normalment jitqies bħala adegwat fil-każ ta’ banek f’diffikultà u li, min-naħa l-oħra, huwa biss eċċezzjonalment li hija tista’ taċċetta tali remunerazzjoni bħala adegwata sa fejn din tiżgura s-sopravvivenza tal-BPP għal perijodu qasir ta’ salvataġġ, u dan unikament bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu ta’ sitt xhur. Din l-evalwazzjoni tikkorrispondi għar-rekwiżiti previsti fil-paragrafu 30 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, moqri flimkien mal-paragrafi 15 u 25 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, li jistabbilixxu li għajnuna ta’ salvataġġ għandha tkun biss provviżorja u riversibbli, limitata għal perijodu ta’ sitt xhur, u għandha tiġi segwita bil-preżentata jew ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ, jew bi prova li s-self ġie rrimborsat integralment u, f’każ ta’ garanzija mill-Istat, li l-imsemmija garanzija spiċċat. Barra minn hekk, huwa b’mod koerenti ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li r-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat kienet inferjuri għall-livell normalment rikjest mill-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex għajnuna tiġi kkunsidrata kompatibbli u li l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-livell ta’ remunerazzjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009 kien suġġett għall-preżentata ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ.

90      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li l-kuntest li fih il-Kummissjoni kienet awtorizzat provviżorjament il-garanzija mill-Istat permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 ma nbidilx u baqa’ validu sal-15 ta’ April 2010.

91      Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, definita mill-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li illegalment ma segwietx ir-regoli li hija stess imponiet f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-Kummissjoni f’dan il-każ segwiet fedelment ir-regoli tal-imsemmi avviż sabiex tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern.

92      Għalhekk, kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE li l-Kummissjoni kkonkludiet li, fin-nuqqas tal-preżentata ta’ tali pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ obbligu ta’ stralċ fil-5 ta’ Ġunju 2009, il-garanzija mill-Istat kif ukoll l-estensjoni tagħha lil hinn mill-5 ta’ Ġunju 2009 kellhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

93      Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE

94      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni, essenzjalment, injorat il-fatt li l-garanzija mill-Istat ma tat lill-BPP l-ebda vantaġġ ekonomiku li seta’ jiġġustifika ordni ta’ irkupru. Fil-fatt, l-għoti ta’ din il-garanzija la wasslet għal tnaqqis tat-telf tal-BPP u lanqas għal tibdil tas-sitwazzjoni ta’ żbilanċ finanzjarju li kien jinsab fih. Għalhekk, l-ordni ta’ rkupru ma jistax ikun adattat għall-għan prinċipali li għandu jiġi segwit, jiġifieri l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ ekonomiku riżultanti. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 108(2) TFUE.

95      Huwa suffiċjenti li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 58 iktar ʼil fuq sabiex jiġi konkluż li din l-aħħar parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Dan l-argument huwa ineffettiv sa fejn ir-rikorrenti żiedu li l-għoti tal-garanzija mill-Istat ma wassalx għal tnaqqis tat-telf tal-BPP u lanqas għal tibdil tas-sitwazzjoni ta’ żbilanċ li kien jinsab fiha. Fil-fatt, minn naħa, huwa biss minħabba l-imsemmija garanzija li l-BPP kien f’pożizzjoni li jikseb is-self bil-kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġużi mogħtija mill-banek kredituri u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni ta’ din il-garanzija kienet nettament inferjuri għal-livell ġeneralment ikkunsidrat bħala adegwat għall-banek f’diffikultà (ara l-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 89 iktar ʼil fuq), u din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata realment mir-rikorrenti.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, prinċipalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni esklużivament għal raġunijiet proċedurali, jiġifieri l-assenza tal-preżentata ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni u ta’ notifika tal-estensjonijiet tal-garanzija mill-Istat. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-“prinċipji ta’ ġustizzja materjali, ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza”. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ordnat illegalment l-irkupru għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009, minkejja li, matul dan il-perijodu, il-BPP ibbenefika mill-awtorizzazzjoni tal-imsemmija għajnuna, mogħtija fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009.

97      Fir-rigward tal-ilment prinċipali ta’ din it-tieni parti, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li huwa intiż li jimplementa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, f’każ ta’ deċiżjoni negattiva dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju tagħha, ħlief meta tali rkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, t-tħassir ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra l-għajnuna illegali huwa obbligat li jadotta l-miżuri kollha adegwati sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, l-Istat ikkonċernat għandu jasal għall-irkupru effettiv tal-ammonti dovuti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑243/10, Ġabra, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ irkupru għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. B’mod iktar preċiż, l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li jkun approfitta minnu l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu, billi jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑348/93, Ġabra p. I‑673, punt 27, u tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑496/09, Ġabra p. I‑11483, punt 61). Dawn il-prinċipji jissemmew ukoll fil-paragrafi 13 u 14 tal-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi [illegali u inkompatibbli mas-suq intern]” (ĠU 2007, C 272, p. 4).

99      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u tal-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, favur l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u, għaldaqstant, favur l-illegalità tagħha, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li kien b’mod ġust li hija ordnat lill-Istat Portugiż jirkupra l-għajnuna inkwistjoni, inkluż il-vantaġġ li kien marbut mal-għoti tal-garanzija mill-Istat. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 56, 73 u 95 iktar ʼil fuq, permezz tal-għoti tal-imsemmija garanzija, il-BPP ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jiġġustifika l-ordni li jiġi rtirat dan il-vantaġġ kompetittiv sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid fis-suq rilevanti, is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna. Għaldaqstant, l-ilment prinċipali tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni esklużivament għal raġunijiet proċedurali huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

100    Fir-rigward tal-kwistjoni sussidjarja dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt li tordna l-irkupru tal-vantaġġ ekonomiku mogħti mill-garanzija mill-Istat matul il-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009 (ara l-premessi 71 u 85 tad-deċiżjoni kkontestata), kif prevista mill-awtorizzazzjoni provviżorja mogħtija fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, hemm lok li jsir riferiment, qabel xejn, għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 88 u 89 iktar ʼil fuq.

101    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-paragrafu 15 u l-paragrafu 25(a) u (c) tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, li l-prinċipji ġenerali tagħhom huma applikabbli skont il-paragrafu 10 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, la jispeċifikaw l-għan, la l-portata ratione materiae jew ratione temporis, u lanqas il-modalitajiet ta’ ordni ta’ irkupru. Għalhekk, il-paragrafu 25(a) u (c) tal-imsemmija linji gwida huma limitati biex jiddeskrivu l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni possibbli ta’ għajnuna ta’ salvataġġ. Skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 25(a) ta’ dawn il-linji gwida, huwa rikjest li, wara t-terminu massimu ta’ sitt xhur, bħala prinċipju, “kull self għandu jiġi rrimborsat u kull garanzija għandha tispiċċa” u, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 25(c), tal-istess linji gwida, huwa rikjest ukoll li tiġi prodotta “il-prova li s-self ġie rrimborsat integralment u/jew li l-garanzija ġiet mitmuma” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, l-imsemmi paragrafu 25 la jiddefinixxi l-vantaġġ marbut mal-għoti ta’ tali self jew ta’ tali garanzija, li jista’ jkun suġġett għal ordni ta’ rkupru, u lanqas il-mod kif għandu jiġi kkalkolat l-ammont tiegħu, li, fir-rigward tal-garanziji, huwa suġġett għall-punt 4.2 tal-Avviż [tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 [...] KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-garanziji”] kif ukoll għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Jannar 2008, dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, p. 6, iktar ʼil quddiem l-“Komunikazzjoni dwar il-kalkolu tar-rata ta’ riferiment”).

102    Madankollu, billi jillimitaw il-possibbiltà ta’ awtorizzazzjoni tal-għajnuna ta’ salvataġġ “fil-forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self” għal dik li tkun ta’ “natura temporanja u riversibbli”, il-paragrafi 15 u 25 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni huma bbażati fuq il-premessa ġenerali li kull vantaġġ mogħti provviżorjament abbażi ta’ għajnuna ta’ salvataġġ, taħt kwalunkwe forma, għandu jiġi mħallas lura jekk il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni li għalihom huwa suġġett l-għoti provviżorju tiegħu ma jkunux jew ma jkunux għadhom issodisfatti. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għan-natura riversibbli u mal-ispirtu tal-għajnuna ta’ salvataġġ, li hija intiża biss sabiex tippermetti lill-impriża f’diffikultà li tgħaddi perijodu qasir ta’ kriżi, li fi tmiemu, jew tasal hija stess sabiex tirkupra minnu, li jkun jimplika l-obbligu tagħha li tirrimborsa l-għajnuna, jew tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ. F’każ ta’ garanzija mill-Istat, dan il-prinċipju jirrikjedi neċessarjament il-ħlas lura tal-vantaġġ ekonomiku li l-imsemmija garanzija tipprokura lill-benefiċjarju matul il-perijodu tal-għoti tagħha, fejn is-sempliċi tħassir b’effett ex nunc ma huwiex suffiċjenti għal dan l-effett u, barra minn hekk, jikser il-kunċett ta’ irkupru, kif imfakkar fil-punti 97 u 98 iktar ʼil fuq.

103    Issa, peress li, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Portugiżi ma osservawx l-impenji tagħhom abbażi tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, li kienet ibbażata fuq applikazzjoni fidila u koerenti tal-paragrafu 30 tal-Avviż dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji, moqri flimkien mal-paragrafi 15 u 25 tal-Linji gwida ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni kellha dritt tinkludi dan il-perijodu fl-ordni ta’ rkupru għall-finijiet tal-ħlas lura sħiħ tal-vantaġġ mogħti.

104    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE billi ordnat l-irkupru tal-vantaġġ marbut mal-għoti tal-garanzija mill-Istat sa fejn dan kien ikopri l-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009.

105    Konsegwentement, l-ilment sussidjarju ta’ din it-tieni parti għandha wkoll tiġi miċħuda.

106    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret, b’mod partikolari fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni previsti mis-sistema speċjali ta’ garanziji favur stabbilimenti ta’ kreditu li jkollhom is-sede tagħhom fil-Portugall, skont il-Liġi Portugiża 60‑A/2008, tal-20 ta’ Ottubru 2008, implementata bid-Digriet 1219‑A/2008, tat-23 ta’ Ottubru 2008, kif approvati bid-Deċiżjoni C (2008) 6527, u, fit-tielet lok, l-“ispreads” (firxa tar-rata) ipprattikati fil-Portugall bejn Diċembru 2008 u April 2010 għal tranżazzjonijiet ġodda ta’ self mogħti minn istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali.

107    Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-kriterji previsti fil-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji kienu jikkorrispondu għal “kriterju prinċipali” u għal “kriterju sussidjarju”. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkalkolatx l-ammont tal-għajnuna allegata billi bbażat ruħha fuq id-“differenza bejn ir-rata tal-interess teoretika tas-suq u r-rata tal-interess miksub permezz tal-garanzija mill-Istat, wara tnaqqis tal-primjums imħallsa”, peress li kienu jeżistu elementi kumparabbli fis-suq li ma ġewx analizzati.

108    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji jipprevedi li, “[g]ħal garanzija individwali l-ekwivalenti fi flus ta’ garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-garanzija u l-prezz li fil-fatt tħallas”. Barra minn hekk dan il-punt jippreċiża li:

“Fejn is-suq ma jipprovdix garanziji għat-tip ta’ tranżazzjoni kkonċernata, ma jkun disponibbli l-ebda prezz tas-suq għall-garanzija. F’dak il-każ, l-element ta’ l-għajnuna għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod bħall-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli (soft loan), jiġifieri bħad-differenza bejn ir-rata ta’ imgħax speċifika tas-suq li din il-kumpannija kienet tassumi mingħajr il-garanzija u r-rata ta’ imgħax miksuba permezz ta’ l-għajnuna mill-Istat wara li jitqiesu kwalunkwe premiums imħallsa. Jekk m’hemmx rata ta’ imgħax tas-suq u jekk l-Istat Membru jkun jixtieq juża r-rata ta’ referenza minflokha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kundizzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza […] huma validi sabiex tiġi kkalkulata l-intensità ta’ l-għajnuna ta’ garanzija individwali. Dan ifisser li hija meħtieġa attenzjoni speċjali għaż-żieda fuq ir-rata bażika sabiex jittieħed kont tal-profil tar-riskju rilevanti marbut ma’ l-operazzjoni koperta, l-impriża garantita u l-kollaterali pprovduti”.

109    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi favur l-assenza ta’ prezz tas-suq tal-garanzija inkwistjoni, hija obbligata li tikkalkola l-element tal-għajnuna “bl-istess mod bħall-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli”, mingħajr ma tkun tista’, minħabba l-awtolimitazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ʼil fuq), tiddevja minn dan l-obbligu jew metodu ta’ kalkolu.

110    Madankollu mill-kliem tal-premessi 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minkejja r-riferiment korrett għall-Avviż dwar il-garanziji kif jinsab fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u kif huwa applikabbli f’dan il-każ, il-Kummissjoni, bi żball semmiet id-dispożizzjonijiet tal-avviż preċedenti tagħha “dwar l-applikazzjoni tal-artikoli 87 u 88 […] għal għajnuna mill-istat f’forma ta’ garanziji” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 369) u, b’mod partikolari, l-ewwel inċiż tal-punt 3.2, li jistabbilixxi li “[l]-għotja ta’ flus ekwivalenti għal garanzija fuq self f’sena partikolari tista’ tkun […] kalkolata bl-istess mod ta’ l-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’imgħax baxx, bis-sussidju ta’ imgħax jirrappreżenta d-differenza bejn ir-rata tas-suq u r-rata miksuba grazzi għall-garanzija ta’ l-Istat wara li kwalunkwe ħlasijiet barranija li jkunu tħallsu jiġu mnaqqsa”. Fil-fatt, fil-premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret, essenzjalment, li kien impossibbli li jiġi ddeterminat prezz tas-suq adegwat għar-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat, b’tali mod li għandu jiġi stabbilit valur ta’ riferiment raġonevoli. Issa, mingħajr madankollu ma tagħmel riferiment għall-obbligu assolut u mhux ikkondizzjonat tagħha msemmi fil-punt 108 iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat dan li ġej:

“Kif stabbilit fl-ewwel inċiż tal-punt 3.2 tal-Avviż […] dwar il-garanziji, l-‘ekwivalenti tal-għotja tal-flus’ ta’ garanzija ta’ self f’sena partikolari jista’ jiġi kkalkolat fl-istess mod bħall-ekwivalenti tal-għotja ta’ self b’rata ta’ imgħax [interessi] baxxa. Għalhekk l-ammont tal-għajnuna jista’ jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn rata tal-imgħax tas-suq teoretika u r-rata tal-imgħax miksuba permezz tal-garanzija tal-Istat, wara li jiġu mnaqqsa kwalunkwe primjums imħallsa.”

111    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għażlet il-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-vantaġġ ekonomiku marbut mal-garanzija inkwistjoni li, fi kwalunkwe każ, hija kellha tagħżel skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, jiġifieri dak tal-kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt innifsu li jkunu ġew iċċitati b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-avviż preċedenti u li jsir riferiment għat-terminu “jista’” minflok “għandha” ma jistgħux jivvizzjaw l-approċċ fid-deċiżjoni kkontestata.

112    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud, sa fejn dan jinvoka interpretazzjoni żbaljata tal-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, peress li l-eżistenza eventwali ta’ elementi komparabbli fis-suq sabiex jiġi ddeterminat prezz tas-suq tal-garanzija mill-Istat għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet ilment.

113    Permezz tat-tieni u tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni la r-remunerazzjoni prevista mis-sistema soċjali tal-garanziji favur l-istabbilimenti ta’ kreditu li jkollhom s-sede tagħhom fil-Portugall, kif approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6527, u lanqas l-“ispreads” ipprattikati fil-Portugall bejn Diċembru 2008 u April 2010 fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ġodda ta’ self mogħti mill-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, li kienu b’mod sinjifikattiv inferjuri għar-rata msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl b’mod partikolari tal-valur għoli tal-garanziji pprovduti.

114    Fir-rigward tat-tieni lment, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, din is-sistema speċjali tipprovdi biss għal stabbilimenti finanzjarji Portugiżi li jissodisfaw il-kriterji ta’ solvenza tal-liġi inkwistjoni, u ta’ dan ittieħed kont fil-punt 39 ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ċċitata iktar ʼil fuq. Huwa għaldaqstant b’mod ġust li l-Kummissjoni kkunsidrat li stabbiliment f’diffikultà u qrib il-falliment, bħall-BPP fil-mument tal-għoti tal-garanzija mill-Istat, ma jistax jibbenefika mill-imsemmija sistema speċjali u, għaldaqstant, mir-rati li kienu previsti fiha. Il-Kummissjoni hija fondata tirrileva li, fi kwalunkwe każ, ir-rati ta’ remunerazzjoni skont l-imsemmija sistema speċjali ma jikkorrispondux, f’termini ta’ definizzjoni, mal-kundizzjonijiet tas-suq.

115    Fir-rigward tat-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tieħu kont tal-“ispreads” ipprattikati fil-Portugall bejn Diċembru 2008 u April 2010, jiġifieri r-rati tas-suq, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-BPP fl-istadju tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha dritt tikkunsidra li ma kienx probabbli wisq li l-BPP ikun f’pożizzjoni li jikseb self bankarju fis-suq mingħajr l-intervent tal-Istat Portugiż u li kien impossibbli li jiġi ddeterminat prezz tas-suq adegwat għar-remunerazzjoni tal-garanzija mill-Istat (premessi 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi li taw lok għall-għoti tal-imsemmija garanzija, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, id-diffikultajiet finanzjarji tal-BPP li rrikjedew eżenzjoni temporanja mill-ħlas min-naħa tal-bank tal-Portugall, fit-tieni lok, l-ammont għoli ħafna tal-fondi neċessarji sabiex tinżamm il-preżenza tal-BPP fis-suq, jiġifieri EUR 450 miljun, u, fit-tielet lok, il-kriżi tas-swieq finanzjarji nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, kien tali li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball, li, minkejja l-volum tal-garanziji offruti, il-BPP ma kienx f’pożizzjoni li jikseb fis-suq garanzija komparabbli għas-sostenn finanzjarju ta’ tali ammont. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet fondata meta bbażat ruħha, skont il-punt 4.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, fuq il-metodu tal-kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja ta’ self b’kundizzjonijiet favorevoli.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal “amministrazzjoni tajba”

[omissis]

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

122    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludu l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni, tal-inqas fir-rigward tal-irkupru ordnat għall-perijodu ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009, kopert mill-awtorizzazzjoni ddikjarata fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009. Skont ir-rikorrenti, il-BPP seta’ jemmen b’mod leġittimu, minn naħa, li l-proċedura “kienet issegwi il-proċess legali tagħha” u, min-naħa l-oħra u sussidjarjament, li l-garanzija mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq intern matul dan il-perijodu.

[omissis]

124    Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li r-raġunament tar-rikorrenti espost fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa bbażat biss fuq argumenti maħsuba sabiex isostnu l-frustrazzjoni tal-istennija jew tal-aspettattivi allegati tagħhom, u mhux ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif interpretata mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C‑17/01, Ġabra p. I‑4243, punt 34, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 80). Għaldaqstant, jeħtieġ li l-analiżi jiġi limitat għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

125    Dan il-prinċipju jipproteġi kull persuna li fir-rigward tagħha, istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, billi jkun ipprovdilha garanziji preċiżi, ikun nissel fiha aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, inkondizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, Ġabra p. I‑12917, punt 63, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, Ġabra, punt 132). Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 KE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura tiġi osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, Ġabra, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza li jeħtieġ li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-ilmenti differenti u l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv.

127    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-Kummissjoni tathom, f’xi stadju tal-proċedura amministrattiva, garanziji preċiżi, li jistgħu jnisslu fihom aspettattivi fondati. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punt 119 iktar ʼil fuq, id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 kienet biss deċiżjoni provviżorja u ta’ emerġenza dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, akkumpanjata mill-kundizzjoni li l-awtoritajiet Portugiżi josservaw l-impenji tagħhom li jippreżentaw, f’terminu ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009, pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP kif ukoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull estensjoni possibbli tal-garanzija mill-Istat lil hinn mill-perijodu inizjali ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, jirriżulta diġà minn qari flimkien tal-premessi 39, 41 u 44 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, li tagħhom ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-BPP kellha konoxxenza waqt il-proċedura amministrattiva, kif ukoll tal-premessi 8 sa 10 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ (ara l-punt 13 iktar ʼil fuq) li l-BPP ma setax inissel aspettattivi leġittimi li, fi tmiem l-imsemmija proċedura, l-għajnuna inkwistjoni kienet ser tiġi finalment iddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

128    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-terminu dekors bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 u dik tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma javvanzaw l-ebda argument ta’ natura li juri li l-imsemmi terminu kien irraġonevoli jew kapaċi joħloq aspettattivi leġittimi min-naħa tal-BPP. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Portugiżi, fil-15 ta’ Lulju u fis-6 ta’ Ottubru 2009, jiġifieri ftit wara l-iskadenza tal-5 ta’ Ġunju 2009, in-neċessità li jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP (ara l-punt 11 iktar ʼil fuq). Barra minn hekk, kien biss madwar xahar wara, jiġifieri fl-10 ta’ Novembru 2009, li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ, ċertament ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fis-6 ta’ Marzu 2010, li tesponi r-raġunijiet li jsejsu d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-garanzija mill-Istat mas-suq intern (punti 8 sa 10 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ). Barra minn hekk, fil-punt 9 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, hija ma setgħetx “tivvaluta jekk il-garanzija tal-Istat mogħtija fil-5 ta’ Diċembru 2008 u l-estensjoni tal-5 ta’ Ġunju 2009 [kinux] kompatibbli mas-suq [intern] fir-rigward tad-dewmien u l-prezz tal-garanzija”. Fl-aħħar, din id-deċiżjoni kienet marbuta ma’ ordni indirizzat lill-awtoritajiet Portugiżi li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP sat-22 ta’ Diċembru 2009 (ara l-punt 12 iktar ʼil fuq), u r-rikorrenti lanqas ma jallegaw li l-BPP ma kienx konxju ta’ dan f’dan l-istadju.

129    Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kkontestat il-kompatibbiltà tal-garanzija mill-Istat mas-suq intern għall-perijodu kollu kkonċernat, inkluż dak ta’ bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-5 ta’ Ġunju 2009, u dan abbażi tal-motivi stabbiliti fil-punt 127 iktar ʼil fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-dekorrenza ta’ perijodu ta’ ħmistax-il xahar bejn id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala ta’ natura li tista’ tnissel aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, il-fatt innifsu li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 ma semmietx espressament il-possibbiltà ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ulterjuri li tista’ tagħti lok għal irkupru ex tunc tal-vantaġġ mogħti ma huwiex suffiċjenti sabiex jissejsu fuqu tali aspettattivi leġittimi, peress li l-approċċ sussegwenti tal-Kummissjoni osserva r-regoli rilevanti mfakkra fil-punti 85, 101 u 102 iktar ʼil fuq u d-deċiżjoni ta’ ftuħ indikat b’mod inekwivoku li, fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP, l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-għajnuna inkwistjoni, kif mogħtija fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, ma setgħetx tiġi kkonfermata jew ipperpetwata bid-deċiżjoni li kellha tiġi adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

130    Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud bħala infondat u, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li l-assenza tal-preżentata ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP hija imputabbli interament lill-awtoritajiet Portugiżi. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ u indipendentement mir-raġunijiet li għalihom tali pjan ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni, dawn tal-aħħar ma jistgħux jinżammu responsabbli għal dan in-nuqqas jew għall-ħolqien ta’ xi aspettattivi leġittimi tal-BPP f’dan il-kuntest. Għall-kuntrarju, kif tfakkar fil-punt 128 iktar ʼil fuq, wara l-iskadenza tal-5 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni adottat il-miżuri kollha adegwati sabiex tħajjar lill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jissottomettu quddiemha pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP kemm jista’ jkun malajr.

131    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ħolqot, permezz tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fir-rigward ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra milquta mill-kriżi finanzjarja, aspettattivi leġittimi tal-BPP li l-għajnuna inkwistjoni tiġi finalment iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la allegaw u lanqas urew li, f’dawn il-kawżi l-oħra, il-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata b’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li tat lok għal din il-kawża. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontradixxewx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, f’dawn il-kawżi l-oħra, l-Istati Membri ppreżentaw pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ tal-istabbilimenti finanzjarji kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, sa fejn ir-rikorrenti għandhom il-ħsieb li jsostnu, f’dan il-kuntest, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tagħhom, dan l-aspett huwa indirizzat fil-kuntest tas-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal “trattament xieraq” (ara l-punti 136 sa 143 iktar ʼil quddiem).

132    Fil-ħames lok, huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat fid-dritt l-argument tar-rikorrenti li l-ordni ta’ irkupru jikkostitwixxi “sanzjoni” fir-rigward tal-BPP u huwa ta’ ħsara gravi għall-interessi tal-investituri u l-kredituri tiegħu. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ordni ta’ irkupru ta’ għajnuna illegali ma jikkostitwixxix sanzjoni fis-sens strett, iżda huwa intiż biss sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punti 178 sa 182; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 377). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx jekk u sa liema punt il-klassifikazzjoni bħala “sanzjoni” ta’ ordni ta’ irkupru tista’ tinċidi fuq il-portata tal-protezzjoni li l-BPP seta’ jibbenefika minnha abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, peress li, f’dan il-każ, il-kriterji rilevanti ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma humiex issodisfatti.

133    Fis-sitt lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 89 u 99 iktar ʼil fuq, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru unikament għal motivi proċedurali. Barra minn hekk, il-benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistgħux, bħala prinċipju, inisslu aspettattivi leġittimi għar-regolarità ta’ għajnuna meta din tal-aħħar tingħata, bħala estensjoni ripetuta tal-garanzija mill-Istat f’dan il-każ, bi ksur tal-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni u ta’ interdizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija għajnuna abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, kienet illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ʼil fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni ġustament li l-obbligu tal-Istati Membri li jirkupraw l-għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern ma huwiex limitat jew ikkontestat mill-fatt li l-benefiċjarju huwa insolventi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑42/93, Ġabra p. I‑4175, punt 33).

135    F’dawn il-kundizzjonijiet, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal “trattament xieraq”

136    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw diversi deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil stabbilimenti finanzjarji li l-Kummissjoni adottat fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. Minn dan huma konkludew, essenzjalment, li l-BPP ġiet ttrattat b’mod mhux ugwali u mhux xieraq. Skont ir-rikorrenti, b’mod partikolari, fid-deċiżjoni tagħha 2012/660/UE, tas-27 ta’ Marzu 2012, dwar il-miżuri SA. 26909 (2011/C) implimentati mill-Portugall fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-Banco Português de Negócios (il-BPN) (ĠU L 301, p. 1), il-Kummissjoni tat prova ta’ “tolleranza” ikbar fir-rigward tal-awtoritajiet Portugiżi meta mqabbel ma’ dik murija fil-każ odjern, minkejja li, fl-ewwel lok, iż-żewġ miżuri inkwistjoni ġew innotifikati kważi fl-istess ħin, fit-tieni lok, fil-każ tal-BPN, l-awtoritajiet Portugiżi kienu wkoll tardivi fil-preżentata ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni u, fit-tielet lok, il-miżuri ta’ sostenn favur il-BPN, inkluża garanzija statali, kienu “inkomparabbilment iktar sinjifikattivi mill-perspettiva finanzjarja”.

[omissis]

138    Fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti mqassar fil-punt 136 iktar ʼil fuq, dan il-motiv għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

139    Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 23, 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punti 31 u 32).

140    Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti wrewx biżżejjed li s-sitwazzjonijiet li taw lok għad-deċiżjonijiet l-oħra adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja kinux, tal-inqas, komparabbli ma’ dawk li taw lok għad-deċiżjoni kkontestata.

141    Fir-rigward b’mod partikolari tal-komparabbiltà tas-sitwazzjoni li tat lok għad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-BPN ma’ dik li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatti prodotti mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi sostnut li l-BPN u l-BPP kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-unika notifika bejn wieħed u ieħor parallela tal-miżuri ta’ għajnuna prevista mill-awtoritajiet Portugiżi favur dawn iż-żewġ banek ma ġietx iddeterminata f’dan ir-rigward. Għalhekk, minn naħa, jirriżulta mill-premessi 9 sa 14 tad-deċiżjoni li tikkonċerna lill-BPN li, b’mod differenti mill-każ preżenti, l-awtoritajiet Portugiżi kienu effettivament ssottomettew quddiem il-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPN, ċertament tardivament u pprovdew ulterjorment, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni addizzjonali. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-BPN, il-Kummissjoni kienet bdiet, permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-24 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 371, p. 14 u 15), il-proċedura ta’ eżami formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE mhux minħabba li kien nieqes pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda minħabba li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ppreżentat inizjalment kien skada minħabba l-bejgħ tal-BPN u li l-preżentata ta’ pjan rivedut kellu jkun suġġett għal evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni. Issa, fid-dawl tan-natura deċiżiva tal-assenza tal-preżentata mill-awtoritajiet Portugiżi ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-BPP għad-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern (ara, b’mod partikolari, premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn id-differenzi essenzjali fis-sitwazzjonijiet rispettivi tal-BPN u tal-BPP jiġġustifikaw fihom infushom il-konklużjoni li l-imsemmija sitwazzjonijiet ma kinux komparabbli u li, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif invokat mir-rikorrenti, ma setax japplika għal dan il-każ.

142    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn naqsu milli jipproduċu preċiżjonijiet li jippermettu li tingħata deċiżjoni dwar il-komparabbiltà eventwali tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, b’tali mod li dan l-argument ma jistax jintlaqa’ għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 131 iktar ʼil fuq.

143    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

[omissis]

162    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr il-bżonn li tiġi evalwata t-talba tar-rikorrenti maħsuba sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata, abbażi ta’ miżura istruttorja skont l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, li tinserixxi fil-proċess verżjoni sħiħa tad-dokument prodott bħala Anness B.2 tar-risposta, inklużi ċerti atti mehmuża mal-imsemmi dokument.

 Fuq l-ispejjeż

163    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

164    Peress illi r-rikorrenti tilfu fit-talbiet kollha tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Banco Privado Português, SA u Massa Insolvente do Banco Privado Português, SA huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2014.


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Sunt tal-motivi għal annullament

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Osservazzjonijiet preliminari

Dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku favur il-BPP

Fuq il-kriterji ta’ attivita’ ekonomika, ta’ effett fuq il-kummerċ u ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

Tfakkira tal-argumenti tal-partijiet

Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009

Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

Evalwazzjoni

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal “amministrazzjoni tajba”

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal “trattament xieraq”

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.