Language of document : ECLI:EU:T:2015:1002

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

17 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Pollakk tat-telekomunikazzjonijiet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE – Kundizzjonijiet imposti mill-operatur storiku sabiex jiġi awtorizzat l-aċċess remunerat ta’ operaturi ġodda fin-netwerk u għas-servizzi ta’ broadband għall-operaturi – Interess leġittimu sabiex jiġi kkonstatat ksur – Multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006”

Fil-Kawża T‑486/11,

Orange Polska S.A., li kienet Telekomunikacja Polska S.A., stabbilita f’Varsavja (Il-Polonja), inizjalment irrappreżentata minn M. Modzelewska de Raad, P. Paśnik, S. Hautbourg, avukati, A. Howard, barrister, u C. Vajda, QC, sussegwentement minn Modzelewska de Raad, Paśnik, Hautbourg, Howard u D. Beard, QC,

rikorrenti,

sostnuta minn

Polska Izba Informatyki i Telekomunikacji, inizjalment irrappreżentata minn P. Rosiak, sussegwentement minn K. Karasiewicz, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn B. Gencarelli, K. Mojzesowicz u G. Koleva, sussegwentement minn Mojzesowicz, Koleva u M. Malferrari u fl-aħħar minn Koleva, Malferrari, É. Gippini Fournier u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

European Competitive Telecommunications Association, inizjalment irrappreżentata minn P. Alexiadis u J. MacKenzie, sussegwentement minn M. MacKenzie, solicitors,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament integrali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4378 final, tat-22 ta’ Ġunju 2011, dwar proċedura ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ COMP/39.525 – Telekomunikazzjonijiet Pollakki), u, min-naħa l-oħra, talba maħsuba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

Rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Orange Polska S.A., hija impriża ta’ telekomunikazzjoni stabbilita wara l-akkwist minn Telekomunikacja Polska S.A. (iktar 'il quddiem “TP”), tas-7 ta’ Novembru 2013, ta’ żewġ kumpanniji: Orange Polska sp. z o.o. u Polska Telefonia Komórkowa sp. z o.o. (iktar 'il quddiem “PTK”). B’hekk ir-rikorrenti hija s-suċċessur legali ta’ TP, impriża ta-telekomunikazzjonijiet stabbilita fl-1991 wara l-privatizzazzjoni tal-monopolju tal-Istat “Poczta Polska, Telegraf i Telefon”.

2        Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C (2011) 4378 finali, dwar proċedura ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ COMP/39.525 – Telekomunikazzjonijiet Pollakki) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), mibgħuta lil TP.

1.     Il-kuntest teknoloġiku, regolatorju u fattwali tad-deċiżjoni kkontestata

3        Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna servizzi ta’ broadband għall-operaturi tramite l-aċċess disassoċjat mil-linja lokali fil-Polonja fis-snin 2005 sa 2009.

4        Il-linja lokali hija iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par metalliku milwi tan-network tat-telefon pubbliku fiss li jqabbad il-punt tat-terminazzjoni tan-network fil-fond tal-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti.

5        L-aċċess disassoċjat mil-linja lokali jippermetti lil operaturi li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq – imsejħa abitwalment “operaturi alternattivi” (iktar 'il quddiem l-“OA”), b’differenza mill-operaturi storiċi tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet – li jużaw l-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet diġà eżistenti u li jappartjenu lil dawn l-operaturi storiċi bil-għan li joffru diversi servizzi lill-utenti finali, f’kompetizzjoni mal-operaturi storiċi. L-aċċess disassoċjat għal-linja lokali żviluppa u ġie rregolat fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Ir-raġuni prinċipali għal dan l-iżvilupp kien il-fatt li ma kienx ekonomikament vijabbli għall-OA li jirriproduċu infrastruttura ta’ telekomunikazzjonijiet paragunabbli, f’termini ta’ prestazzjoni teknoloġika u ta’ portata ġeografika, għal dik tal-operaturi storiċi.

6        Id-disassoċjazzjoni mil-linja lokali fl-Unjoni Ewropea ġiet implementata billi ġie segwit il-kunċett imsejjaħ tal-“iskala tal-investimenti”. Skont dan il-kunċett, sabiex jaċċedu għan-netwerk tal-operatur storiku, l-OA għandhom jagħżlu qabel xejn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi l-inqas onerużi, bħall-kiri tal-linji li jappartjenu lill-operatur storiku. Sussegwentement, ladarba tiġi stabbilita il-klijentela tagħhom, l-OA jgħaddu għas-soluzzjonijiet li jirrikjedu iktar investimenti fil-kostruzzjoni ta’ partijiet tan-netwerk proprju tagħhom konness man-netwerk tal-operatur storiku. Dawn l-aħħar imsemmija soluzzjonijiet, għalkemm iktar onerużi, jagħtu lill-OA iktar awtonomija mill-operatur storiku u jippermettu li joffru lill-abbonati servizzi iktar kumplessi u iktar varjati.

7        Fost is-servizzi differenti ta’ telekomunikazzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti lill-utenti finali tramite l-linja lokali hemm inkluża t-trażmissjoni tad-data broadband għal aċċess fiss għall-internet u għall-applikazzjonijiet tal-multimedji mit-teknoloġija tal-linja diġitali tal-abbonat (Digital Subscriber Line jew DSL).

8        L-aċċess fiss għall-broadband internet jista’ jiġi pprovdut ukoll abbażi ta’ teknoloġiji oħra li jużaw infrastrutturi oħra, pereżempju, linji ġodda tal-fibra ottika b’kapaċità għolja, infrastrutturi tat-televiżjoni bil-kejbil (teknoloġija ta’ modem bil-kejbil), jew netwerks LAN Ethernet li l-portata territorjali tagħhom tista’ tiġi estiża bl-użu ta’ teknoloġiji WLAN li jippermettu t-trasferiment tad-data bil-mewġ tar-radju (Wireless-Fidelity jew Wi-Fi). Id-daqs ta’ dawn l-infrastrutturi huwa madankollu ġeneralment limitat u l-iżvilupp tagħhom jimplika investimenti kbar.

9        L-użu tal-infrastruttura diġà eżistenti u li tkopri żoni ġeografiċi wiesgħa ħafna b’hekk jispjega l-popolarità tat-teknoloġija DSL meta mqabbla ma’ teknoloġiji alternattivi. Fil-Polonja, matul is-snin 2005 sa 2010, għalkemm kellha xejra dekrexxenti (minn 62% għal iktar minn 50 %), il-parti tat-teknoloġija DSL fis-suq tat-teknoloġiji li tippermetti l-aċċess fiss għall-broadband internet baqgħet dejjem f’livell li jeċċedi l-50 %.

10      L-OA li jkunu jixtiequ joffru lill-utenti finali servizzi ta’ aċċess għall-broadband internet abbażi tat-teknoloġija DSL jistgħu jakkwistaw mingħand l-operatur tan-netwerk storiku prodotti tal-aċċess broadband għall-operaturi. Fis-suq Pollakk, matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata, kienu jeżistu żewġ prodotti tal-aċċess broadband għall-operaturi, jiġifieri, minn naħa, l-aċċess disassoċjat għal-linja lokali proprjament imsejjaħ (Local Loop Undbundling, iktar 'il quddiem l-“aċċess bil-metodu LLU”) u, min-naħa l-oħra, l-aċċess imsejjaħ “broadband” (Beatstream Access, iktar 'il quddiem l-“aċċess bil-metodu BSA”).

11      L-aċċess bil-metodu LLU huwa differenti mill-aċċess bil-metodu BSA, lil hinn mill-modalitajiet teknoloġiċi, minħabba żewġ elementi essenzjali. Fl-ewwel lok, l-aċċess bil-metodu LLU jirrikjedi mill-OA il-kostruzzjoni ta’ partijiet tan-netwerk proprju tagħhom bil-għan li jiksbu l-aċċess fiżiku għall-infrastrutturi tan-netwerk tal-operatur storiku. Konsegwentement, dan jimplika investimenti ogħla min-naħa tal-OA. Fit-tieni lok, dan jagħti lill-OA kmand ikbar tal-parametri tas-servizzi offruti lill-klijenti bl-imnut, kif ukoll il-possibbiltà li jipproponu lil dawn tal-aħħar kemm is-servizzi ta’ aċċess għall-internet kif ukoll is-servizzi ta’ komunikazzjoni bil-leħen. L-aċċess bil-metodu BSA, għalkemm irħas, jinvolvi iktar restrizzjonijiet teknoloġiċi għall-OA.

12      L-aċċess għan-netwerk tal-operatur storiku, li huwa jgħaddi bil-metodu BSA jew LLU, huwa proċess li jiġi eżegwit f’diversi stadji. Jistgħu jiġu identifikati tlett stadji prinċipali tal-aċċess għan-netwerk. Fl-ewwel stadju, l-OA jinnegozjaw mal-operatur storiku l-ftehimiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għan-netwerk tiegħu. Fit-tieni stadju, l-OA jingħaqdu man-netwerk tal-operatur storiku. Fit-tielet stadju, l-OA jitolbu l-attivazzjoni tal-linji tal-abbonati. Kull wieħed minn dawn l-istadji ta’ aċċess huwa diviż f’diversi sotto-stadji li jiddependu, b’mod partikolari, fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi applikati għall-aċċess bil-metodi BSA u LLU. Matul dawn it-tliet stadji, l-OA jistgħu jitolbu lill-operatur storiku, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura ġenerali marbuta man-netwerk tiegħu.

13      Id-disassoċjazzjoni tal-linja lokali hija rregolata fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83), u tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349). Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti ġew implementati fil-Polonja qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar fl-Unjoni, bl-emendi suċċessivi tal-ustawa Prawo telekomunikacyjne (liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet).

14      Essenzjalment, dan il-qafas regolatorju jobbliga lill-operatur identifikat mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala l-operatur dotat b’setgħa sinjifikattiva fis-suq, li huwa b’mod ġenerali l-operatur storiku, li jagħti lill-OA l-aċċess disassoċjat għal-linja lokali u għal servizzi koannessi taħt kundizzjonijiet trasparenti, ekwi, nondiskriminatorji u tal-inqas favorevoli daqs il-kundizzjonijiet iddeterminati fl-offerta ta’ riferiment. L-offerta ta’ riferiment tiġi adottata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li ssir quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-operatur dotat b’setgħa sinjifikattiva fis-suq huwa obbligat li jipprepara abbozz ta’ offerta ta’ riferiment u li jissottomettiha għall-approvazzjoni tal-imsemmija awtorità. Sussegwentement, l-abbozz tal-offerta ta’ riferiment tiġi suġġetta għal konsultazzjonijiet mal-atturi tas-suq. L-awtorità regolatorja nazzjonali hija awtorizzata timponi emendi għall-abbozz tal-offerta ta’ riferiment u, fi tmiem il-konsultazzjoni, hija tadotta deċiżjoni li timplementa l-offerta ta’ riferiment definittiva.

15      Lil hinn mir-rwol li hija għandha fil-proċedura ta’ identifikazzjoni tal-operatur dotat b’setgħa sinjifikattiva fis-suq u f’dik tal-adozzjoni tal-offerta ta’ riferiment, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha kompetenzi oħra. B’mod partikolari, hija tintervjeni fuq inizjattiva tagħha stess, jew fuq talba ta’ operatur interessat, sabiex tiżgura in-nondiskriminazzjoni, kompetizzjoni ekwa u effikaċi ekonomika fis-suq u tieħu deċiżjonijiet vinkolanti bil-għan li ssolvi vertenzi bejn l-operatur dotat b’setgħa sinjifikattiva fis-suq u l-OA.

16      Fil-Polonja, l-awtorità regolatorja nazzjonali, jiġifieri, il-President tal-Urząd Telekomunikacji i Poczty (Uffiċċju tat-telekomunikazzjoni u tal-posta), issostitwita mis-16 ta’ Jannar 2006 mill-President tal-Urząd Regulacji Komunikacji Elektronicznej (Uffiċċju tar-Regolament tal-Komunikazzjonijiet, iktar 'il quddiem, meta jsir riferiment għall-awtorità regolatorja nazzjonali, l-“UKE”) ikkonstatat li TP kellha setgħa sinjifikattiva fis-suq tal-aċċess għall-broadband għall-operaturi. Għaldaqstant TP kienet obbligata li tiżgura lill-OA aċċess trasparenti u mhux diskriminatorju għan-netwerk tal-broadband u li tippreżenta offerti ta’ riferiment applikabbli għas-servizzi ta’ aċċess bil-metodu BSA u għas-servizzi ta’ suċċess bil-metodu LLU. Dawn l-offerti, wara li ġew issuġġettati għal konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, ġew implementati bid-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ewwel offerta ta’ riferiment marbuta mal-aċċess bil-metodu LLU ġiet adottata fit-28 ta’ Frar 2005 u l-ewwel offerta ta’ riferiment marbuta mas-servizzi ta’ aċċess bil-metodu BSA (iktar 'il quddiem l-“offerta ta’ riferiment BSA”), fl-10 ta’ Mejju 2006. Dawn l-offerti ġew sussegwentement emendati diversi drabi permezz ta’ deċiżjonijiet suċċessivi tal-UKE.

17      B’hekk, mill-2005, l-awtorità regolatorja nazzjonali intervjeniet diversi drabi bil-għan li tirrimedja n-nuqqasijiet ta’ TP fl-obbligi regolatorji tagħha, inkluż billi imponiet fuqha xi multi. Fl-2009, l-UKE beda proċess li kellu jwassal għal separazzjoni funzjonali ta’ TP. Bil-għan li tiġi evitata din is-separazzjoni funzjonali, fit-22 ta’ Ottubru 2009, TP iffirmat mal-UKE protokoll ta’ ftehim (iktar il-quddiem il-“ftehim mal-UKE”), li skontu hija obbligat ruħha volontarjament, qabel xejn, li tosserva l-obbligi regolatorji tagħha, li tikkonkludi ftehimiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess mal-OA fil-kundizzjonijiet konformi mal-offerti ta’ riferiment rilevanti u li tosserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-OA. Barra minn hekk, hija obbligat ruħha li tintroduċi sistema ta’ previżjoni għall-ordnijiet tal-OA, li tiftaħ l-aċċess għall-applikazzjonijiet tagħha bil-għan li tippermetti li l-OA jiksbu informazzjoni ġenerali neċessarja u li ttemm proċeduri kontenzjużi li hija kienet bdiet kontra d-deċiżjonijiet tal-UKE li jimplementaw offerti ta’ riferiment jew li jemendaw il-ftehimiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess konklużi bejnha u l-OA. Fl-aħħar, TP obbligat ruħha li tinvesti fl-immodernizzar tan-netwerk tal-broadband tagħha bil-għan li jinħolqu tal-inqas 1 200 000 linji ġodda tal-broadband.

2.     Il-proċedura amministrattiva

18      Bejn it-23 u s-26 ta’ Settembru 2008, b’kooperazzjoni mal-awtorità Pollakka tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet ispezzjonijiet fl-edifiċji ta’ TP li jinsab f’Varsavja (Il-Polonja), skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205 (ĠU 2003, L 1, p. 1).

19      Fis-17 ta’ April 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ, fil-konfront ta’ TP, proċedura fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

20      Fis-26 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha TP wieġbet fit-2 ta’ Ġunju 2010. Fl-10 ta’ Settembru 2010 ġiet organizzata seduta fuq talba ta’ TP.

21      Fit-28 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni bagħtet lil TP ittra li tiġbdilha l-attenzjoni dwar numru ta’ provi li jikkonċernaw l-ilmenti li hija kienet ifformulat, li kienet tispeċifika li hija setgħet tuża l-imsemmija ilmenti f’deċiżjoni finali eventwali (iktar 'il quddiem l-“ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti”). TP wieġbet għal din l-ittra permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2011.

3.     Id-Deċiżjoni kkontestata

22      Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata lil TP fl-24 ta’ Ġunju 2011. Taqsira ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Novembru 2011 (ĠU C 324, p. 7).

23      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat tliet swieq ta’ prodotti kkonċernati, jiġifieri:

–        is-suq tal-aċċess għall-broadband għal operaturi (is-suq tal-aċċess għal operaturi bil-metodu BSA);

–        is-suq tal-aċċess għal operaturi (fiżiku) għall-infrastrutturi tan-netwerk (inkluż l-aċċess kondiviż jew totalment disassoċjat) f’pożizzjoni ddeterminata (is-suq tal-aċċess għal operaturi bil-metodu LLU);

–        is-suq tal-mass retail, li huwa s-suq downstream tal-prodotti bil-broadband standard offruti f’pożizzjoni ddeterminata mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet lill-utenti finali tagħhom, li jiġu pprovduti permezz ta’ DSL, kejbil tal-modem, LAN/WLAN jew kull teknoloġija oħra, bl-esklużjoni tas-servizzi mobbli bil-broadband (premessi 581 sa 625 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Is-suq ġeografiku inkwistjoni kien ikopri, skont id-deċiżjoni kkontestata, it-territorju kollu tal-Polonja (premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-Kummissjoni kkonstatat li TP kienet l-unika fornitriċi tal-aċċess għall-broadband għall-operaturi bil-metodi BSA u LLU fil-Polonja. Fir-rigward tas-suq tal-konsumaturi, il-Kummissjoni kkonstatat li TP kellha fih pożizzjoni dominanti, peress li, f’termini ta’ dħul, il-partijiet tagħha mis-suq kienu fi skala ta’ bejn 46% u 57 % u, f’termini ta’ numru ta’ linji, dawn kienu jammontaw għal 40% sa 58 % (premessi 669, 672 u 904 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Il-Kummissjoni kkunsidrat li TP kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Pollakk tal-aċċess tal-operaturi għall-broadband bil-metodu BSA u s-suq Pollakk tal-aċċess tal-operaturi għall-broadband bil-metodu LLU, billi rrifjutat li tagħti l-aċċess għan-netwerk tagħha u li tipprovdi prodotti lill-operaturi BSA u LLU (premessa 803 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-abbuż, imwettaq fis-suq tal-operaturi, kien intiż li jipproteġi l-pożizzjoni ta’ TP fis-suq tal-konsumaturi (premessi 710 u 865 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-Kummissjoni kkunsidrat li TP kienet adottat strateġija, li l-eżistenza tagħha kienet ikkonfermata minn diversi dokumenti interni ta’ TP, li kienet intiża li tillimita l-kompetizzjoni fl-istadji kollha tal-proċess tal-aċċess għan-netwerk tagħha (premessi 707 sa 711 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Il-Kummissjoni speċifikat li, bil-għan li timplementa din l-istrateġija, TP kienet adoperat aġir kumpless, kompost mill-ħames elementi li ġejjin:

–        proposta lill-OA ta’ kundizzjonijiet mhux raġonevoli fil-ftehimiet marbuta mal-aċċess għall-prodotti BSA u LLU, jiġifieri l-esklużjoni jew il-modifika tal-klawżoli kuntrattwali u l-estensjoni ta’ termini għad-detriment tal-OA (premessi 165 sa 295 u 714 sa 721 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ittardjar tal-proċess ta’ nnegozjar tal-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti BSA u LLU (premessi 296 sa 374 u 722 sa 747 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        limitazzjoni tal-aċċess għan-netwerk tagħha (premessi 375 sa 443 u 748 sa 762 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        limitazzjoni tal-aċċess għal-linji ta’ abbonati (premessi 444 sa 510 u 763 sa 782 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        rifjut li tipprovdi informazzjoni ġenerali eżatti u affidabbli indispensabbli għall-OA sabiex jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess (premessi 511 sa 565 u 783 sa 792 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Il-Kummissjoni enfasizzat li l-prattiki suesposti ta’ TP kellhom effett akkumulat fuq l-OA li ffaċċjaw ostakoli f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għall-prodotti għal operaturi ta’ TP. Hija tindika li, għalkemm kull wieħed minn dawn l-ostakoli maħluqa minn TP, ikkunsidrat individwalment, jista’ ma jidhirx daqstant problematiku, ikkunsidrati flimkien, dawn jifformaw aġir abbużiv li l-għan tiegħu kien li jingħalaq l-aċċess tal-OA għas-suq tal-broadband għal operaturi (premessa 713 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-abbuż imwettaq minn TP kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 102 TFUE. Hija kkunsidrat li dan il-ksur beda fit-3 ta’ Awwissu 2005, data li fiha kienu bdew l-ewwel negozjati bejn TP u OA partikolari dwar l-aċċess għan-netwerk ta’ TP abbażi tal-offerta ta’ riferiment marbuta mal-aċċess bil-metodu LLU, u li dan il-ksur ipperdura tal-inqas sat-22 ta’ Ottubru 2009, data li fiha, wara l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni, ġie iffirmat il-ftehim ma’ UKE (Artikolu 1 u l-premessa 909 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iktar 'il quddiem, fir-rigward ta’ dan il-perijodu, il-“perijodu tal-ksur”).

31      Il-Kummissjoni ssanzjonat lil TP għal dan il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE billi imponiet fuqha multa kkalkolata skont ir-regoli stabbiliti fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

32      Qabel xejn, il-Kummissjoni iddeterminat l-ammont bażiku tal-multa billi ħadmet fuq 10 % tal-valur medju tal-bejgħ imwettaq minn TP fis-swieq ikkonċernati u billi mmultiplikat iċ-ċifra b’hekk miksuba b’fattur ta’ 4.2, li jikkorrispondi mat-tul tal-ksur ta’ erba’ snin u xahrejn. L-ammont bażiku miksub abbażi ta’ dan il-kalkolu kien jammonta għal EUR 136 000 000 (premessi 898 sa 912 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma taġġustax l-ammont bażiku tal-multa skont iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. B’mod partikolari, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, elementi invokati minn TP fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Marzu 2011, li fiha hija wieġbet għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti (premessi 914 sa 916 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-aġir ta’ TP, previst mid-deċiżjoni kkontestata, kien ukoll is-suġġett tad-deċiżjonijiet ta’ UKE li permezz tagħhom din tal-aħħar imponiet fuq TP multi għall-ksur tal-obbligi regolatorji tagħha. Bil-għan li tieħu kont ta’ dawn il-multi, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tagħhom mill-ammont bażiku tal-multa u stabbiliet l-ammont finali ta’ din tal-aħħar għal EUR 127 554 194.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2011, Netia S.A. talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Diċembru 2011, Polska Izba Informatyki i Telekomunikacji (iktar 'il quddiem il-“PIIT”) talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

38      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fit-13 ta’ Jannar 2012.

39      B’ittra tal-10 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Netia u tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fir-rikors u l-annessi tiegħu.

40      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Netia u tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fl-annessi tar-risposta tagħha.

41      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2012, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Netia u tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fir-replika.

42      Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent ta’ Netia.

43      Fil-21 ta’ Settembru 2012, Netia ssottomettiet in-nota ta’ intervent tagħha.

44      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Novembru 2012, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tal-PIIT.

45      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2012, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Netia u tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fl-annessi tar-replika. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fl-annessi tan-nota ta’ intervent ta’ Netia.

46      B’att ippreżentat fir-Reġistru fl-24 ta’ Jannar 2013, il-European Competitive Telecommunications Association (iktar ’il quddiem l-“ECTA”) talbet ukoll li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

47      Fl-1 ta’ Frar 2013, il-PIIT issottomettiet in-nota ta’ intervent tagħha. Ir-rikorrenti ma talbitx it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti provi li jinsabu f’din in-nota.

48      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti qajmet oġġezzjonijiet fir-rigward tal-intervent tal-ECTA.

49      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-PIIT.

50      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Netia. Il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda osservazzjoni dwar din in-nota ta’ intervent.

51      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-PIIT.

52      Permezz tal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Netia u tal-PIIT ta’ ċerti provi li jinsabu fl-annessi tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Netia.

53      L-ebda waħda mit-talbiet għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mir-rikorrenti ma ġiet ikkontestata.

54      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2013, l-ECTA ġiet ammessa tintervjeni fil-kawża odjerna insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, iżda dan l-intervent ġie limitat għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet matul il-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 116(6) tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

55      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

56      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2014, Netia irtirat l-intervent tagħha.

57      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-irtirar tal-intervent ta’ Netia.

58      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Frar 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ħassar mir-reġistru l-intervent ta’ Netia u kkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż tagħha.

59      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tgħaddi għall-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu xi domandi bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

60      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015.

61      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-PIIT, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        sussidjarjament, tannulla fl-intier tiegħu l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

62      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECTA, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-portata tal-vertenza

63      Permezz tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament in toto tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, l-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar. Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali, b’mod iktar sussidjarju, li tirriforma l-ammont tal-multa. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament it-talbiet għal annullament u dawk intiżi għar-riforma tal-ammont tal-multa.

64      Jeħtieġ, madankollu li jiġi enfasizzat qabel xejn li, insostenn tat-talbiet tagħha ta’ riforma, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u t-tieni wieħed ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali motivi huma intiżi li jissanzjonaw l-inosservanza ta’ regola tad-dritt u għalhekk huma ta’ natura, jekk tiġi stabbilita l-fondatezza tagħhom, li jwasslu għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant dawn jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni u mhux, bħala tali, taħt setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ta’ din tal-aħħar.

65      Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors ta’ annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra EU:C:2007:88, punti 61 u 62; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 86, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 265).

66      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li rikors li huwa maħsub sabiex jinkiseb mill-qorti tal-Unjoni l-eżerċizzju tal-ġurisprudenza sħiħa tagħha fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni, ġurisdizzjoni naxxenti mill-Artikolu 261 TFUE, iżda implementata fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, jinkludi jew ikopri neċessarjament talba għal annullament, totali jew parzjali, ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tad-9 ta’ Novembru 2004, FNICGV vs Il-Kummissjoni, T‑252/03, Ġabra, EU:T:2004:326, punt 25).

67      Għaldaqstant, huwa wara li tkun lestiet tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni ppreżentata lilha, fid-dawl tal-motivi li ġew ippreżentati lilha bħal dawk li, fejn xieraq, tkun qajmet ex officio hija stess, li l-Qorti tal-Unjoni tgħaddi, fl-assenza tal-annullament totali tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha bil-għan, minn naħa, li tislet il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha dwar il-legalità ta’ din l-istess deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, skont elementi li jkunu nġabu għall-eżaminazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra, EU:C:2011:816, punt 131, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2062, punt 213), li tiddetermina jekk hemmx lok, fid-data li fiha hija tadotta d-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2014, Esso et vs Il-Kummissjoni, T‑540/08, Ġabra, EU:T:2014:630, punt 133; Sasol et vs Il-Kummissjoni, T‑541/08, Ġabra, EU:T:2014:628, punt 438, u RWE u RWE Dea vs Il-Kummissjoni, T‑543/08, Ġabra, EU:T:2014:627, punt 257), li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha b’tali mod li jiġi adattata l-ammont tal-multa.

68      Konsegwentement, il-motivi ppreżentati lir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għal riforma sejrin jiġu eżaminati abbażi tat-talbiet tagħha għal annullament, sa fejn dawn iqajmu, fil-verità, kwistjonijiet purament legali. Jekk jirriżulta li l-imsemmija motivi huma fondati, filwaqt li huwa mfakkar li ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 64 iktar 'il fuq), dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. Bl-istess mod, jekk mill-eżami ta’ dawn il-motivi jirriżulta li ilment partikolari, marbut, pereżempju, ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1959, Macchiorlatti Dalmas vs L-Awtorità Għolja, 1/59, Ġabra, EU:C:1959:29, punt 425), jista’ jkun ta’ appoġġ għall-imsemmija talbiet għal riforma, dan tal-aħħar jiġi naturalment eżaminat fuq din il-bażi.

2.     Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata

69      Insostenn ta’ dan il-kap ta’ talbiet, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li tikkonċerna l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni tal-ksur imwettaq fil-passat.

70      Insostenn ta’ dan il-motiv, li jeħtieġ li jiġi diviż madankollu f’żewġ ilmenti distinti, peress li hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li tirrikjedi l-preżenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ elementi fattwali u legali essenzjali, ta’ natura li jippermettu li juru b’mod ċar u mhux ekwivoku ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, u dik tal-fondatezza tal-motivi avvanzati mill-imsemmija istituzzjoni (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑308/11, EU:T:2014:894, punt 33), ir-rikorrenti ssostni li mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-passat, hija għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess leġittimu fit-twettiq tal-investigazzjoni tagħha u tispjegah b’mod adegwat fid-deċiżjoni tagħha. Il-kompitu li tistabbilixxi u li tipprovdi motivazzjoni għall-eżistenza ta’ interess leġittimu huwa indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk, bid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni imponietx multa jew meno.

71      Skont ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mas-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni (7/82, Ġabra, EU:C:1983:52), u tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra, EU:T:2005:349). Hija ġġustifikata wkoll min-neċessità li tiġi żgurata l-osservanza tal-garanziji proċedurali msemmija fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-“KEDB”), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

72      Ir-rikorrenti tfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur allegat fir-rigward ta’ TP waqaf fit-22 ta’ Ottubru 2009, u għalhekk qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit-22 ta’ Ġunju 2011. Peress li, fid-deċiżjoni kkontestata il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet l-interess leġittimu tagħha fit-twettiq tal-investigazzjoni u fil-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dan il-ksur, l-imsemmija deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u minn nuqqas ta’ motivazzjoni u għandha, konsegwentement, tiġi annullata fl-intier tagħha.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li dan il-motiv ikun miċħud.

74      F’dan il-punt, qabel xejn, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq fil-passat, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003:

“Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. [...] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.”

75      Din id-dispożizzjoni għandha tinqara’ fid-dawl tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tar-Regolament tal-Kunsill marbut mal-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 (“Regolament ta’ implementazzjoni tal-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE]”) (ĠU 2000, C 365 E, punt 284). L-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-Artikolu 7 tindika li huwa speċifikat f’din id-dispożizzjoni li “il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur mhux biss meta tordna li jintemm ksur jew meta hija timponi multa, iżda wkoll meta l-ksur jintemm u hija ma timponi l-beda multa [ ; b’]mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-setgħa kkonferita lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur f’tali ċirkustanzi hija madankollu limitata għall-każijiet meta l-Kummissjoni jkollha interess leġittimu li tagħmel dan [ ; D]in tista’ tkun f’din il-pożizzjoni meta, pereżempju, jkun preżenti riskju li d-destinatarju tad-deċiżjoni jkun reċidiv jew meta l-każ iqajjem problemi ġodda li jkun hemm bżonn jiġu ċċarati fl-interess tal-pubbliku” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

76      Minn dak li ntqal jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur meta dan il-ksur ikun intemm u l-Kummissjoni ma timponi l-ebda multa.

77      Din il-konklużjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali invokata mir-rikorrenti fl-atti tagħha u ma’ ġurisprudenza iktar riċenti li, essenzjalment, tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li turi interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, il-preskrizzjoni tas-setgħa tagħha li timponi multi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-preskrizzjoni tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi ma tistax taffettwa s-setgħa impliċita tagħha li tikkonstata l-ksur. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa impliċita li tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata ksur wara li jiskadi l-perijodu ta’ preskrizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tipprova l-eżistenza ta’ interess leġittimu biex tipproċedi għal tali konstatazzjoni (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra, EU:T:2006:350, punt 18, u tas-6 ta’ Frar 2014, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑40/10, EU:T:2014:61, punti 282 u 284 sa 287).

78      Isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, difiża mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni għandha turi l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq fil-passat, minkejja l-fatt li din tissanzjona dan il-ksur b’multa, hija żbaljata. Peress li din l-istituzzjoni ma hijiex suġġetta, fuq dan il-punt, għall-obbligu ta’ motivazzjoni, l-ewwel ilment ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

79      Sussegwentement, sa fejn, f’dan il-każ, huwa stabbilit li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi ma kinitx preskritta u li l-Kummissjoni ddeċidiet li timponi multa fuq TP, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, sa fejn hija ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ interess leġittimu fil-konstatazzjoni tal-ksur mwettaq fil-passat. It-tieni lment tal-ewwel motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

80      Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, il-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

81      Fir-rikors, insostenn ta’ dan il-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti qajmet żewġ motivi. Jeħtieġ li jiżdiedu magħhom iż-żewġ motivi li ġew avvanzati b’mod żbaljat abbażi tat-talbiet għal riforma, ħlief fir-rigward tal-elementi li jaqgħu taħt l-imsemmija motivi li huma marbuta speċifikament mal-ġurisdizzjoni sħiħa.

 Fuq l-ewwel motiv

82      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont ir-rikorrenti, mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ dawn iż-żewġ artikoli jirriżulta li multa tista’ tiġi imposta biss minn “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” li tkun tissodisfa l-garanziji formali kollha previsti mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Issa, il-Kummissjoni mhux talli biss ma hijiex qorti, iżda għandha fl-istess ħin il-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ deċiżjoni. Il-multi li hija timponi, li huma barra minn hekk manifestament ta’ natura “kriminali” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, ma jiġux imposti verament minn istanza verament indipendenti tal-amministrazzjoni u tikser b’hekk il-prinċipju tal-imparzjalità stabbilit fid-dispożizzjonijiet suesposti.

83      B’risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali magħmula permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u marbuta mal-konsegwenzi li jeħtieġ li jinsiltu, għal dan il-motiv, mis-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punti 62, 63 u 81) u tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punti 33 sa 38), ir-rikorrenti rrinunzjat għalih, u ta’ dan ittieħdet nota waqt is-seduta. Madankollu, ir-rikorrenti fakkret lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita f’dan ir-rigward il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq u, għaldaqstant, li tieħu inkunsiderazzjoni jekk l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti avvanzati insostenn tal-kap tat-talbiet intiżi għar-riforma tal-ammont tal-multa.

84      Għaldaqstant jeħtieġ, abbażi tat-talbiet għal annullament, li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti rrinunzjat għall-ewwel motiv tagħha u, konsegwentement, li ma hemmx iktar lok, għall-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni fuq l-imsemmi motiv.

 Fuq it-tieni motiv

85      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikser id-dritt tagħha għal smigħ u d-drittijiet tagħha tad-difiża, sanċiti fl-Artikoli 41 u 48 tad-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament Nru 773/2004.

86      Skont ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-kontenut rikjest mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet sovrapposta mid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali elenkati fil-punt preċedenti. Għalhekk, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Lisbona, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tipprovdi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kemm l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex jiġi pprovat il-ksur kif ukoll l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fir-rigward tal-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tippreżenta fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhux biss l-elementi ewlenin neċessarji sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa, iżda wkoll l-elementi li hija tieħu inkunsiderazzjoni, abbażi tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku, jiġifieri l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi aggravanti u attenwanti. Bl-istess mod, l-ammont finali tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq l-impriża kkonċernata għandha, skont ir-rikorrenti, tiġi indikata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-possibbiltà, tar-rikorrenti, li tikkontesta l-ammont finali tal-multa quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

87      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt 85 iktar 'il fuq, billi naqset milli tindika fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll l-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti indirizzata lir-rikorrenti, l-elementi li hija kienet ser tikkunsidra bħala ċirkustanzi attenwanti. B’mod partikolari, u fin-nuqqas ta’ argumenti avvanzati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma analizzat, f’dawn id-dokumenti, il-konsegwenzi tal-ftehim konkluż bejn ir-rikorrenti u l-UKE dwar il-gravità tal-ksur jew fuq il-livell tal-multa.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

89      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx aġġustamenti tal-ammont tal-multa. Fil-premessi 913 sa 916 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva marbuta mal-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija ssemmi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li kienet ikkommettiet dan il-ksur b’mod intenzjonali u b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi li jiġu mismugħa. Permezz ta’ dan, hija tagħtihom fil-fatt l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss mill-konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll mill-fatt tal-impożizzjoni ta’ multa (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra, EU:T:2005:367, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Skont ġurisprudenza stabbilita huwa stabbilit ukoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma żgurati quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq it-tul, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa, u tista’ b’mod partikolari tneħħi jew tnaqqas il-multa, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti tal-Unjoni minn dan ikkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tindika, mingħajr iktar preċiżazzjonijiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol individwali ta’ kull impriża fil-ftehim inkwistjoni u li l-ammont tal-multa se jirrifletti l-eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, peress li l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu bħala tali (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni, T‑357/06, Ġabra, EU:T:2012:488, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji mfakkra fil-punti 90 u 91 iktar 'il fuq li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

93      Qabel ma jitwettaq dan l-eżami, jeħtieġ li jerġa jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li r-regoli stabbiliti fis-sentenza Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni (punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:2012:488), japplikaw kemm għaċ-ċirkustanzi aggravanti kif ukoll għaċ-ċirkustanzi attenwanti. Fil-fatt, ir-regola b’hekk stabbilita mill-Qorti Ġenerali tobbliga lill-Kummissjoni li tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija sejra tieħu inkunsiderazzjoni fatti li jistgħu jinfluwenzaw l-ammont definittiv tal-multa, li jinkludi ċ-ċirkustanzi aggravanti bl-istess mod bħaċ-ċirkustanzi attenwanti.

94      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, għal kuntrarju ta’ dan li ssostni r-rikorrenti, il-prinċipji stabbiliti fil-punti 90 u 91 iktar 'il fuq ma ġewx affettwati mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u lanqas mid-dikjarazzjonijiet avvanzati mill-Kummissjoni fl-Avviż tagħha dwar l-aħjar prattiċi għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 [TFUE] u 102 [...] TFUE (ĠU 2011, C 308, punt 6).

95      Fil-fatt, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinkludi l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fid-dritt primarju tal-Unjoni, ma biddilx sostanzjalment il-kontenut tad-dritt għal smigħ xieraq, kif dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6 tal-KEDB u kif ġie rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, C‑289/11 P, EU:C:2012:270, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għad-dritt għal smigħ u, b’mod iktar wiesgħa, għad-drittijiet tad-difiża fl-intier tagħhom, invokati mir-rikorrenti, sa fejn l-imsemmija drittijiet jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ smigħ xieraq.

96      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tikkonċerna l-prattiki tajbin, iċċitata fil-punt 94, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-fatt li hija ġiet ippubblikata fl-20 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri diversi xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, b’mod konformi mal-punt 6 tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, T‑299/08, Ġabra, EU:T:2011:217, punt 148).

97      Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli naxxenti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 90 u 91 iktar 'il fuq, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fil-punt 522 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li timponi multa fuq TP għall-abbuż iddefinit bħala rifjut ta’ provvista ta’ servizzi. Fil-punti suċċessivi ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tikkunsidra li l-abbuż allegat fil-konfront ta’ TP twettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza u li din tal-aħħar kienet konxja mill-fatt li l-aġir tagħha seta’ jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat fil-punt 524 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa, hija tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi importanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-gravità u t-tul tal-ksur, u li hija tapplika r-regoli esposti fil-linji gwida tal-2006. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni speċifikat, fil-punt 528 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-effett reali tiegħu fis-suq, meta dan ikun jista’ jitkejjel, u l-portata tas-suq ġeografiku affettwat. Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 529 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ksur kien beda l-iktar tard fit-3 ta’ Awwissu 2005 u li kien għadu ma ntemmx. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ddikjarat, fil-punt 525 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ammont tal-multa jista’ jiġi affettwat minn teħid inkunsiderazzjoni possibbli taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti elenkati fil-punti 28 u 29 tal-imsemmija linji gwida.

98      Barra minn hekk, mill-ittra tal-espożizzjoni tal-fatti, li tikkostitwixxi serje ta’ skambji bil-miktub bejn il-Kummissjoni u TP u li ntbagħtet lil din tal-aħħar wara s-seduta, jirriżulta li l-Kummissjoni tat speċifikazzjonijiet dwar il-valur tal-bejgħ, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, u li hija tikkunsidra għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa.

99      L-elementi elenkati fil-punti 97 u 98 iktar 'il fuq jippermettu li jiġi konkluż li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni osservat il-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti fil-punti 90 u 91 iktar 'il fuq. L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex tali li jikkontestaw din il-konklużjoni.

100    Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 90 u 91 iktar 'il fuq jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx speċifikat l-ammont globali tal-multa fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

101    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tanalizza, fil-parti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet marbuta mas-sanzjonijiet, l-impatt tal-ftehim mal-UKE fuq il-gravità tal-ksur jew fuq il-livell tal-multa.

102    Fil-fatt, minn naħa, mill-proċess jirriżulta li d-diskussjoni marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ftehim mal-UKE fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa bdiet minn TP fi stadju avvanzat tal-proċedura amministrattiva, wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, l-ewwel nett, fil-punti 912 sa 1009 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, TP invokat l-argument li, fid-dawl tal-impenji li hija kienet assumiet skont il-ftehim mal-UKE, il-Kummissjoni kellha tammetti li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien immarka t-tmiem tal-ksur. Il-Kummissjoni kkondividiet din il-perspettiva fl-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti (punt 27). It-tieni nett, fil-punti 483 u 484 tal-ittra tas-7 ta’ Marzu 2011, mibgħuta bħala risposta għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, TP invokat l-argument li l-ftehim mal-UKE seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. TP tenniet dan l-argument fl-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2011, li hija bagħtet proprio motu u li fiha hija esprimiet l-opinjoni tagħha dwar l-opportunità tal-impożizzjoni ta’ multa f’dan il-każ.

103    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-argumenti kollha invokati wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-premessi 913 sa 916 tad-deċiżjoni kkontestata. Mingħajr ma jingħata fi preġudizzju fuq il-fondatezza tar-risposta tal-Kummissjoni, li hija s-suġġett tal-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt stess li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq dawn l-argumenti, ippreżentati wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ jew tad-drittijiet tad-difiża ta’ TP.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv

105    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball tad-dritt u ta’ evalwazzjoni li jikkonċernaw il-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, jirrigwarda fuq kollox il-ksur tal-paragrafi 20 sa 22 tal-linji gwida tal-2006.

106    Filwaqt li tenfasizza li hija ma tikkontestax l-eżistenza tal-ksur li hija allegata fil-konfront ta’ TP, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li tikkunsidra mill-ġdid l-ammont tal-multa stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li l-gravità ta’ dan il-ksur ma tiġġustifikax il-fatt li l-Kummissjoni tadotta, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, 10 % tal-valur tal-bejgħ, fis-sens tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006. L-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċentraw fuq in-natura sproporzjonata u, għalhekk, inadegwata u kuntrarja għall-ekwità, tal-imsemmi ammont sejrin jiġu eżaminati fil-kuntest tat-talbiet għal riforma.

107    Dan il-motiv huwa diviż f’żewġ partijiet li permezz tagħhom ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, min-naħa, ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod debitu tal-fatt li l-ksur kien jinvolvi prattiki ta’ tul u ta’ intensità differenti u, min-naħa l-oħra, evalwat b’mod żbaljat l-impatt tal-aġir ta’ TP fuq is-suq ikkonċernat.

108    Qabel ma jiġu eżaminati dawn iż-żewġ branki, jeħtieġ li jitfakkar, qabel xejn, li, b’mod konformi mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-intensità tal-pieni ma għandhiex tkun sproporzjonata inkonnessjoni mal-ksur.

109    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u f’dan ir-rigward hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar 'il fuq, EU:C:2014:2062, punt 196, u tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra, EU:T:2011:562, punt 189).

110    Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

111    Fir-rigward tal-gravità ta’ ksur, ma teżistix lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni obbligatorjament waqt l-evalwazzjoni tiegħu. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm, lil hinn miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, l-aġir tal-impriża kkonċernata, ir-rwol ta’ din tal-aħħar fl-istabbiliment tal-prattika inkwistjoni, il-profitt li hija setgħet takkwista minn din il-prattika, il-qies u l-valur tal-oġġetti kkonċernati kif ukoll ir-riskju li sar ta’ dan it-tip jippreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra, EU:C:2010:603, punti 273 u 274; ara wkoll, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra, EU:C:2011:810, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    L-ammont tal-multa għandu jkun jirrifletti elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir anti-kompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku, kif ukoll il-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli u reċidiva eventwali (ara s-sentenza KME Germany et vs Il-Ġermanja, punt 111 iktar 'il fuq, EU:C:2011:810, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Skont il-linji gwida tal-2006, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkalkula l-multa f’dan il-każ, il-gravità tal-ksur għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-ewwel stadju tal-kalkolu tal-multa, jiġifieri waqt id-determinazzjoni tal-ammont bażiku ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, skont il-punt 19 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat fuq il-bażi tal-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru tas-snin li dam il-ksur. Skont il-paragrafu 20 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa l-gravità tal-ksur ssir skont il-każ partikolari għal kull tip ta’ ksur, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ. Skont il-paragrafi 21 u 22 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni, bħala regola ġenerali, għandha tistabbilixxi il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni f’livell li jista’ jilħaq it-30 % u sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandux ikun iktar jew inqas minn dan il-livell, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħan-natura tal-ksur, il-parti tas-suq akkumulata tal-impriżi kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew meno tal-ksur.

114    Fl-aħħar, fir-rigward tar-rwol tal-qorti tal-Unjoni fl-istħarriġ tal-ammont tal-multa, jeħtieġ li jitfakkar li din għandha l-kompetenza li twettaq l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-elementi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-motivi invokati. Matul dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tinvoka l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha la fir-rigward tal-għażla tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-linja gwida u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi sabiex tirrinunzja għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ fil-fond kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar 'il fuq, EU:C:2011:810, punt 102).

115    L-istħarriġ stabbilit mit-Trattati, li l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu huma ddefiniti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65 sa 67 u 114 iktar 'il fuq, li jimplika li l-qorti tal-Unjoni għandha teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt u li hija għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li tibdel l-ammont tal-multi, huwa, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet issostni r-rikorrenti inizjalment, konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva inkluż fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar 'il fuq, EU:C:2013:522, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatt li t-tul tal-elementi differenti li jikkostitwixxu l-ksur u l-intensità ta’ din tal-aħħar varjaw maż-żmien

117    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-elementi differenti li jikkostitwixxu l-ksur imwettaq minn TP u l-intensità ta’ dan tal-aħħar kienu varjaw maż-żmien, peress li l-aġir abbużiv seta’ jiġi osservat matul il-perijodu kollu tal-ksur. Il-Kummissjoni b’hekk injorat parametru rilevanti sabiex tiġi stabbilita multa proporzjonata mal-gravità tal-ksur, jiġifieri l-fatt li ebda aġir minn dawk adottati bħala l-elementi li jikkostitwixxu l-ksur ma pperdura għal erba’ snin u xahrejn.

118    Ir-rikorrenti issostni dawn id-dikjarazzjonijiet b’diversi argumenti li bihom hija tintendi, essenzjalment, li tiddetermina t-tul eżatt ta’ ċertu aġir implementat minn TP li, meħud flimkien, jikkostitwixxi l-abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn TP. Hija ssostni li, fid-dawl tal-effett akkumulat ta’ żbalji li wettqet il-Kummissjoni fil-kalkolu tat-tul ta’ dan l-aġir, l-imsemmi abbuż ma jidhirx talment serju sabiex il-Kummissjoni tistabbilixxi f’livell ta’ 10 % il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li jikkostitwixxi l-punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Ir-rikorrenti għalhekk tistaqsi lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq TP.

119    L-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw erba’ mill-ħames elementi li jikkostitwixxu l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegata fir-rigward ta’ TP (ara l-punt 28 iktar 'il fuq).

120    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proposta lill-OA ta’ kundizzjonijiet li ma humiex raġonevoli fil-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għan-netwerk ta’ TP bil-metodi BSA u LLU, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li dan l-element tal-abbuż kien ipperdura mit-3 ta’ Awwissu 2005 sat-22 ta’ Ottubru 2009. B’mod iktar partikolari, fir-rigward, minn naħa, tat-tip ta’ kuntratti fil-qasam tal-aċċess bil-metodu BSA, ir-rikorrenti ssostni li l-verżjoni Nru 1 tat-tip ta’ kuntratt ta’ TP, li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Diċembru 2008, kien josserva l-offerta ta’ riferiment rilevanti fil-qasam tal-aċċess bil-metodu BSA. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aċċess bil-metodu LLU, il-verżjoni Nru 1 tat-tip ta’ kuntratt ta’ TP, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2009, huwa konformi mal-offerta ta’ riferiment rilevanti LLU. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li TP imponiet fuq OA speċifikazzjonijiet żvantaġġużi fl-imsemmija kuntratti wara t-22 ta’ Diċembru 2008 rispettivament, fir-rigward tal-aċċess bil-metodu BSA, u fis-17 ta’ Frar 2009, fir-rigward tal-aċċess bil-metodu LLU. Barra minn hekk, diversi klawżoli tat-tip ta’ kuntratt ta’ TP ta’ żvantaġġ għall-OA ġew applikati matul perijodi iqsar.

121    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP, ir-rikorrenti ssostni, qabel xejn, li l-prattika li tikkonsisti fiċ-ċaħda tal-ordnijiet ta’ aċċess tal-OA għal raġunijiet ta’ natura formali u teknika tnaqqset fil-perijodu li beda fl-2007 u intemmet fl-2009. Sussegwentement, id-dikjarazzjoni li TP issopravalutat l-investimenti li l-OA kellhom bżonn iwettqu hija eżaġerata u tikkonċerna biss każ iżolat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aġir li jikkonsisti fir-rifjut ta’ aċċess għall-edifiċji ta’ TP permezz ta’ kanalizzazzjonijiet, dawn kienu avvenimenti li twettqu fl-2007. Fl-aħħar, fir-rigward tal-prattika li tikkonsisti fl-ittardjar tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet, ippreżentati mill-OA, għall-kostruzzjoni jew it-tibdil ta’ ħoloq ta’ aċċess għas-servizzi (iktar 'il quddiem in-“NAS”), ir-rikorrenti ssostni li l-eżempji mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex wisq konvinċenti, li dawn l-istanzi ta’ ittardjar kienu ddeterminati minn fatturi indipendenti ta’ TP u li l-Kummissjoni ma tiċċita l-ebda eżempju ta’ tali aġir li sar wara Lulju tal-2008.

122    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-aċċess għal-linji tal-abbonati, ir-rikorrenti ssostni li din il-prattika damet inqas mill-perijodu sħiħ tal-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni. Ir-rifjut tal-għoti tas-servizzi BSA fuq il-linji mikrija lill-operaturi [fil-kuntest tas-servizz “Wholesale Line Rental” (WLR), li fil-kuntest tiegħu l-OA kellhom jipprovdu s-servizzi tat-telefonija fissa] intemm f’Ottubru 2007 u pperdura biss għalhekk għal madwar sena, peress li l-ittardjar fit-tiswijiet tal-linji difettużi intemm fil-bidu tal-2008 u ma eċċediex perijodu ta’ sena, l-ittardjar fl-implementazzjoni tal-ordnijiet ta’ aċċess bil-metodu BSA ipperdura biss sar-raba’ trimestru tas-sena 2007 u l-ittardjar fl-implementazzjoni tal-ordnijiet ta’ aċċess bil-metodu LLU intemm fl-ewwel trimestru tas-sena 2008.

123    Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rifjut tal-għoti lill-OA tal-informazzjoni ġenerali affidabbli u eżatta li kienet neċessarja għalihom sabiex jadottaw deċiżjonijiet adegwati sabiex jaċċedu għall-prodotti tal-broadband, ir-rikorrenti ssostni li, mill-2006, hija implementat ċertu numru ta’ inizjattivi maħsuba sabiex itejbu l-eżattezza tal-informazzjoni tagħha u sabiex tingħata l-prijorità lill-postijiet li l-OA kellhom l-intenzjoni li jużaw. Fir-rigward tal-aċċess bil-metodu BSA, hija tejbet l-aċċess għall-pjattaforma tal-informatika tagħha, b’mod partikolari minn Marzu tal-2007, u varat inizjattivi oħra, matul is-sena 2007, sabiex tiffaċilita, mill-perspettiva teknoloġika, l-aċċess għall-informazzjoni ġenerali. Fir-rigward tal-aċċess bil-metodu LLU, hija żgurat l-aċċess għall-informazzjoni ġenerali billi bagħtet, fuq talba tal-OA, informazzjoni addizzjonali b’DVD. Fir-rigward tal-problema tat-trażmissjoni tad-data f’format informatiku diffiċli biex jintuża (fajls “.pdf”), dawn kienu biss każijiet iżolati.

124    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kumplessità tal-ksur allegat fil-konfront ta’ TP u tan-natura iddettaljata ferm tal-argumenti tar-rikorrenti, jeħtieġ, qabel ma jiġu eżaminati, li tiġi ppreżentata deskrizzjoni tal-ksur kif dan jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

125    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li TP kienet ħolqot strateġija maħsuba sabiex tillimita l-kompetizzjoni f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess tal-OA għan-netwerk tagħha, jiġifieri matul il-negozjati tal-ftehimiet li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal dan in-netwerk, fl-istadju tal-konnessjoni tal-OA ma’ dan in-netwerk u, finalment, fl-istadju tal-attivazzjoni tal-linji tal-abbonati. Din l-istrateġija, li kienet implementata fuq is-suq tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband bil-metodi BSA u LLU, kienet maħsuba sabiex tipproteġi l-partijiet tas-suq ta’ TP fis-suq downstream, jiġifieri s-suq tal-konsumaturi li fih l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet joffru servizzi lill-utenti finali tagħhom (premessi 710 sa 712 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Sabiex turi l-eżistenza ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq id-dokumenti elevati waqt ispezzjonijiet fl-edifiċji ta’ TP u fuq l-osservazzjonijiet tal-UKE fuq ir-risposta ta’ TP għall-komunikazzjoni tal-ilmenti. Minn dawn id-dokumenti, eżaminati fil-premessi 148 sa 155 u 554 sa 556 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-membri tad-direttorju ta’ TP ipproduċew abbozz bil-għan li jimpedixxu l-aċċess tal-OA għan-netwerk ta’ TP, li jirrendu diffiċli kemm jista’ jkun l-akkwist tal-informazzjoni li tikkonċerna l-istruttura ta’ dan in-netwerk u li jżommu b’hekk, kemm jista’ jkun fit-tul, il-klijentela tal-operaturi ta’ TP. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li t-twettiq ta’ din l-istrateġija kien isir, minn naħa, permezz ta’ aġir dirett kontra l-OA u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ aġir dirett kontra l-awtorità regolatorja nazzjonali, bħar-rifjut deliberat ta’ kooperazzjoni ma’ din l-awtorità, l-ittardjar kunsiderevoli tal-preżentata tal-abbozz tal-offerta ta’ riferiment BSA, minkejja l-obbligu legali li tagħmel dan (ara l-punt 14 iktar 'il fuq) jew il-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati amministrattivi kontra d-deċiżjonijiet kollha ta’ din l-awtorità li timplementa l-offerti ta’ riferiment.

127    Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi deskrizzjoni ddettaljata tal-aġir li TP implementat bil-għan li twettaq l-istrateġija tagħha. Globalment, dan l-aġir ġie kklassifikat mill-Kummissjoni f’ħames gruppi li jikkostitwixxu il-ħames elementi kostituttivi tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, jiġifieri: fl-ewwel lok, il-proposta lil OA ta’ kundizzjonijiet mhux raġonevoli fil-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti BSA u LLU ; fit-tieni lok, l-ittardjar tal-proċess ta’ negozjar tal-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti BSA u LLU; fit-tielet lok, il-limitazzjoni tal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP; fir-raba’ lok, il-limitazzjoni tal-aċċess għal-linji tal-abbonati u, fil-ħames lok, ir-rifjut li tipprovdi l-informazzjoni ġenerali eżatta u affidabbli indispensabbli għall-OA sabiex jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess (ara l-punt 28 iktar 'il fuq).

128    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proposta lill-OA tal-kundizzjonijiet mhux raġonevoli fil-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti BSA u LLU, fil-premessi 165 sa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, kienet obbligata li tikkonkludi mal-OA li talbulha aċċess għan-netwerk tagħha bil-metodu BSA jew LLU, kuntratti li jirrigwardaw tali aċċess skont kundizzjonijiet li ma humiex inqas favorevoli għall-OA meta mqabbla mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-offerti ta’ riferiment BSA u LLU (ara l-punti 11 u 12 iktar 'il fuq). Minkejja dan l-obbligu, TP kienet tipproponi tipi ta’ kuntratti li l-kundizzjonijiet tagħhom ma kinux josservaw ir-rekwiżiti minimi tal-offerti rilevanti ta’ riferiment. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntratti li jirrigwardaw l-aċċess bil-metodu BSA, il-Kummissjoni identifikat 18-il tip ta’ klawżola kuntrattwali affettwati mill-prattiki ta’ TP li hija kklassifikat fi tliet gruppi: qabel xejn, il-klawżoli favorevoli għall-OA li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment u mħassra fil-kuntratti proposti minn TP, sussegwentement, il-klawżoli li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment u emendati b’mod sfavorevoli għall-OA fil-kuntratti proposti minn TP u, finalment, il-klawżoli tal-offerta ta’ riferiment marbuta mal-istabbiliment ta’ ċerti termini, emendati b’mod sfavorevoli għall-OA fil-kuntratti proposti minn TP. Fir-rigward tal-kuntratti li jirrigwardaw l-aċċess bil-metodu LLU, il-Kummissjoni identifikat għaxar tipi ta’ klawżoli kuntrattwali affettwati mill-prattiki ta’ TP, diviżi sussegwentement f’żewġ kategoriji, jiġifieri, minn naħa, il-klawżoli favorevoli għall-OA li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment u mħassra fil-kuntratti proposti minn TP u, min-naħa l-oħra, il-klawżoli li jinsabu fl-offerta ta’ riferiment u emendati b’mod sfavorevoli għall-OA fil-kuntratti proposti minn TP. Fil-premessi 714 sa 721 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-provi miġbura matul il-proċedura amministrattiva kienu jikkonfermaw in-natura ripetittiva u konsegwentement ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-klawżoli previsti fl-offerti ta’ riferiment minn TP. Hija indikat, li, għalkemm l-offerti ta’ riferiment adottati mill-UKE fl-2006, għall-aċċess bil-metodu LLU, u fl-2008, għall-aċċess bil-metodu BSA, kienu jinkludu tipi ta’ kuntratti li setgħu jintużaw minn TP, din tal-aħħar kienet aċċettat li tużahom biss wara l-iffirmar tal-ftehim mal-UKE, fit-22 ta’ Ottubru 2009.

129    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ittardjar tal-proċess ta’ negozjati tal-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti BSA u LLU, abbażi tax-xhieda tal-OA attivi fis-suq Pollakk u l-osservazzjonijiet tal-UKE miġbura matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni identifikat diversi tattiċi dilatorji implementati minn TP bil-għan li tiġi evitata l-konklużjoni tal-kuntratti mal-OA f’termini raġonevoli. Qabel xejn, il-Kummissjoni kkonstatat li, f’70 % tal-każijiet, TP ma kinitx osservat it-terminu legali li jobbligaha tikkonkludi l-kuntratt li jirrigwarda l-aċċess għan-netwerk tagħha mal-OA f’90 jum kalendarju u li, f’diversi każijiet, dan l-ittardjar kien laħaq perijodi li jeċċedu s-sentejn. Il-Kummissjoni kkonstatat sussegwentement li TP, b’mod regolari, ma osservatx it-terminu legali ta’ tlett ijiem sabiex jintbagħat l-abbozz tal-kuntratt, billi dawn inqabżu, f’diversi każijiet, b’għexieren, jew anki b’mijiet ta’ jiem (premessi 300 sa 314 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat prattiki dilatorji oħra, bħall-fatt li TP kienet tkun irrappreżentata waqt negozjati minn persunal mhux awtorizzat li jorbotha kuntrattwalment (premessi 315 sa 322 tad-deċiżjoni kkontestata) jew il-fatt li hija kienet tittardja b’mod mhux iġġustifikat l-iffirmar tal-kuntratti (premessi 323 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn it-tattiċi dilatorji wasslu lil diversi OA sabiex jitolbu l-intervent tal-awtorità regolatorja fil-proċess tan-negozjati jew, sempliċiment, sabiex jabbandunaw il-proġetti tagħhom ta’ konnessjoni man-netwerk ta’ TP (premessi 300 u 305 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP, fil-premessi 375 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li, ladarba jiġi ffirmat il-kuntratt li jirrigwarda l-aċċess, l-OA għandhom jippreżentaw quddiem TP talbiet għal aċċess għan-NAS, fir-rigward tal-aċċess bil-metodu BSA, u, fir-rigward tal-aċċess bil-metodu LLU, ordni ta’ kolokalizzazzjoni jew ordni ta’ kejbils ta’ korrispondenza. Il-Kummissjoni spjegat li l-ordnijiet tal-OA kienu ġew suġġetti għal verifika ta’ natura formali u teknika, li warajha TP tikkomunika lill-OA il-kundizzjonijiet tekniċi u stima tal-ispejjeż marbuta mal-konnessjoni. Ladarba jiġu aċċettati dawn il-kundizzjonijiet, l-OA setgħet tipprepara, fuq din il-bażi, abbozz tekniku suġġett mill-ġdid għall-approvazzjoni ta’ TP (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

131    Il-Kummissjoni ddeskriviet eżempji prattiċi antikompetittivi ta’ TP implementati f’dan l-istadju ta’ konnessjoni man-netwerk ta’ TP, billi bbażat ruħha, għal parti kbira, fuq ix-xhieda tal-OA attivi fis-suq Pollakk, fuq verbali ta’ kontrolli mwettqa mill-UKE u d-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, li TP kienet ċaħdet, għal raġunijiet formali u tekniċi, diversi ordnijiet ta’ aċċess. Dawn iċ-ċaħdiet kienu jikkonċernaw 31 % tat-talbiet bil-metodu BSA għas-snin 2006 sa 2009 u 44 % tat-talbiet ta’ aċċess bil-metodu LLU matul il-perijodu 2006 sa 2008, peress li s-sitwazzjoni tjiebet fl-2009. Fir-rigward tal-aċċess bil-metodu LLU, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li każ li fih, minkejja verifika teknika pożittiva, l-OA ma kinux konnessi man-netwerk ta’ TP, b’mod partikolari minħabba l-istima eżaġerata, minn TP, tal-ispejjeż marbuta mal-konnessjoni (premessi 378 sa 392 u 749 sa 754 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat ittardjar sostanzjali fl-eżekuzzjoni tat-talbiet tal-OA, kemm fir-rigward tal-kostruzzjoni jew it-tibdil tan-NAS, kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ aċċess bil-metodu LLU. Skont ix-xhieda ċċitata mill-Kummissjoni, dan l-ittardjar, li jvarja minn tliet xhur sa tlettax-il xhar anki fil-każ ta’ xogħlijiet sempliċi ħafna, kien jirrendi impossibbli l-ippjanar normali tal-investimenti mill-OA (premessi 393 sa 396 u 755 sa 758 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat li PTK, il-kumpannija sussidjarja ta’ TP attiva fis-swieq ikkonċernati, ma ffaċċjatx l-istess problemi ta’ aċċess tal-kumpannija parent tagħha bħall-OA l-oħra. Dan jikkonferma, skont il-Kummissjoni, il-possibbiltà li jiġi garantit aċċess iktar rapidu għal dan in-netwerk (premessi 397 sa 399 u 759 sa 761 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-aċċess għal-linji tal-abbonati, fil-premessi 44 sa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, ladarba jkunu konnessi ma’ NAS (aċċess bil-metodu BSA) jew wara li jkunu kisbu l-aċċess għal spazju ta’ kolokalizzazzjoni jew wara li jkunu nstallaw kejbil ta’ korrispondenza (aċċess bil-metodu LLU), l-OA jkunu jistgħu, fil-prinċipju, jakkwistaw il-klijentela proprja tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, dawn għandhom jibgħatu lil TP ordni dwar l-attivazzjoni tal-linja tal-abbonat, talba li ġiet ivverifikata mill-perspettiva formali u teknika minn TP (premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Il-Kummissjoni identifikat, filwaqt li bbażat ruħha fuq ix-xhieda tal-OA, id-dokumenti elevati waqt ispezzjonijiet u minn verbali ta’ kontrolli mwettqa mill-UKE, tliet tipi ta’ prattiki implementati minn TP li llimitaw l-aċċess tal-OA għall-abbonati. Qabel xejn, hija kkonstatat li TP kienet ċaħdet numru kbir ta’ ordnijiet li jirrigwardaw l-attivazzjoni tal-linji għal raġunijiet formali u tekniċi. Minkejja li, matul ċerti perijodu, is-sitwazzjoni tjiebet, dawn iċ-ċaħdiet ikkonċernaw, globalment, bejn 30 % u 50 % tal-ordnijiet differenti tal-OA, bl-eċċezzjoni ta’ PTK, il-kumpannija sussidjarja ta’ TP (premessi 448 sa 467 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat il-problema ta’ disponibbiltà dgħajfa tal-linji tal-abbonati minħabba, minn naħa, rifjut ta’ TP li tipprovdi servizzi ta’ aċċess bil-metodu BSA fuq il-linji WLR u, min-naħa l-oħra, minħabba ittardjar fit-tiswija tal-linji difettużi. Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat ittardjar fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-OA (premessi 468 sa 473 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni osservat li dawn l-ostakoli kienu partikolarment problematiċi għall-OA, sa fejn kienu jaffetwaw ir-relazzjonijiet diretti bejn l-OA u l-utenti finali, b’mod partikolari fil-mument li fih l-OA jibdew dawn ir-relazzjonijiet, u setgħu, b’hekk, ikollhom effett deterjoranti tal-immaġini tal-OA mal-klijenti tagħhom. Skont il-Kummissjoni, l-ibblokkar tal-aċċess bil-metodu BSA fuq il-linji WLR kien jaffettwa lill-OA iktar u iktar billi jipprekludi lil dawn tal-aħħar milli joffru lill-klijenti tagħhom diġà eżistenti u li jużaw servizzi tat-telefonija fissa, servizzi addizzjonali ta’ aċċess għall-internet (premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Fil-ħames lok, fir-rigward tar-rifjut tal-forniment tal-informazzjoni ġenerali eżatta u affidabbli indispensabbli għall-OA sabiex jadottaw deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, li TP kienet obbligata li tipprovdi din l-informazzjoni lill-OA skont il-leġiżlazzjoni applikabbli. Il-Kummissjoni speċifikat li din l-informazzjoni ġenerali kienet tirrigwarda diversi aspetti tekniċi tan-netwerk ta’ TP u enfasizzat ukoll li, skont l-OA, il-pussess ta’ informazzjoni ġenerali affidabbli u kompleta kien jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali sabiex jinbeda u jitkompla l-forniment tas-servizzi BSA u LLU lill-utenti finali. Sussegwentement, il-Kummissjoni fakkret li r-rifjut tal-provvista tal-informazzjoni marbuta mal-istruttura tan-netwerk ta’ TP kien jikkostitwixxi wieħed mill-elementi ewlenin tal-istrateġija ta’ TP maħsuba sabiex tillimita l-kompetizzjoni f’kull stadju tal-proċess tal-aċċess tal-OA għan-netwerk (ara l-punt 126 iktar 'il fuq). Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat li l-problemi tal-aċċess għal informazzjoni ġenerali affidabbli u eżatta kienu mmanifestati f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għan-netwerk ta’ TP. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, b’mod partikolari, li, matul l-ewwel fażi tal-perijodu tal-ksur, TP ma kinitx tinkludi d-definizzjoni tal-informazzjoni ġenerali fil-kuntratti konklużi mal-OA, u, f’fażi ulterjuri, hija kienet tuża fil-kuntratti tagħha definizzjoni li ma kinitx tikkorrispondi ma’ dik tal-offerta ta’ riferiment (premessi 511 sa 516 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 828 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod iddettaljat il-mod kif TP kienet ipprekludiet lill-OA milli jkollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali li tirrigwarda in-netwerk tagħha. F’dan ir-rigward, filwaqt li bbażat ruħha fuq ix-xhieda tal-OA u fuq dokumenti elevati matul l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn li l-kwalità tad-data marbuta man-netwerk tagħha trażmessa minn TP lill-OA ma kinitx tajba. Din id-data kienet ħafna drabi skorretta u/jew mhux kompleta u ma kinitx tikkorrispondi mal-istipulazzjonijiet tal-offerti ta’ riferiment u tal-kuntratti konklużi bejn TP u l-OA (premessi 517 sa 528 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat każijiet li fihom TP kienet ittrażmettiet lill-OA informazzjoni ġenerali f’format li kien jirrendiha inutli (premessi 529 u 530 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li TP ma kinitx osservat l-obbligu tagħha, naxxenti mill-offerti rilevanti ta’ riferiment, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-OA pjattaforma tal-informatika li tippermetti l-aċċess għall-databases li jinkludu informazzjoni ġenerali u li u tiżgura funzjonijiet oħra marbuta mal-komunikazzjoni bejn l-OA u TP. Din il-pjattaforma saret operattiva biss f’April 2010 (premessi 531 sa 534 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat li kienu jeżistu soluzzjonijiet teknoloġiċi li jippermettu li jiġi żgurat l-aċċess għal informazzjoni ġenerali iktar eżatta u affidabbli u li PTK, is-sussidjarja ta’ TP, setgħet tibbenefika minn tali aċċess (premessi 535 sa 541 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Fil-premessa 713 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-prattiki ta’ TP, deskritti fil-punti 128 sa 135 iktar 'il fuq, kellhom effett ta’ akkumulat fuq l-OA, li ffaċċjaw ostakoli f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għall-prodotti tal-operaturi ta’ TP. Hija indikat li, minkejja li kull wieħed mill-ostakoli maħluqa minn TP, ikkunsidrati individwalment, jistgħu ma jidhrux daqstant problematiċi, ikkunsidrati flimkien, dawn jifformaw aġir abbużiv li l-għan tiegħu kien li jagħlqu l-aċċess tal-OA għas-suq tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kklassifikat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq mir-rikorrenti bħala ksur uniku u kontinwat (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar it-tul u l-intensità varjabbli tal-aġir ta’ TP, din hija indirizzata fil-premessi 903 u 907, li jinsabu fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-iffissar tal-ammont tal-multa.

138    Għalhekk, fil-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argument ta’ TP mressaq waqt il-proċedura amministrattiva, li jasserixxi li, matul l-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti prattiki allegati fil-konfront ta’ din tal-aħħar kienu damu inqas mit-tul totali tal-ksur. Dan l-argument kien ibbażat fuq paragun tal-ksur allegat fil-konfront ta’ TP mal-ksur li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3726 finali, tat-13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 [KE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C-3/37.990 – Intel), u, b’mod iktar partikolari, mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li, matul id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Intel, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-prattiki abbużivi ta’ din l-impriża kienu kkonċentrati matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2005 u li, wara l-2005 sa tmiem-il ksur f’Diċembru 2007, ma setgħux jiġu kkonstatati iktar minn żewġ abbużi individwali (ara l-premessa 1785 tad-deċiżjoni Intel). Bi tweġiba għal dan l-argument fil-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “f’dan il-kuntest, kien hemm lok li jiġi nnotat, li, minkejja li l-intensità tal-aġir ta’ TP k[ienet] varjata matul iż-żmien, il-prattiki abbużivi [kienu] ġew osservati matul il-perijodu kollu tal-ksur”.

139    Fil-premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonfermat li, filwaqt li eżaminat il-gravità tal-ksur, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-elementi tal-aġir abbużiv ta’ TP ma kinux avveraw fl-istess mument. Il-Kummissjoni spjegat li din iċ-ċirkustanza kienet konsegwenza loġika tal-fatt li l-proċess tal-kisba tal-aċċess għall-prodotti tal-operaturi tal-aċċess għall-internet bil-broadband tal-operatur storiku kien mifrux fiż-żmien fuq diversi stadji distinti u suċċessivi. Il-Kummissjoni qassret dawn l-istadji f’nota ta’ qiegħ-il paġna Nru 1258 tad-deċiżjoni kkontestata bħala, qabel xejn, l-istadju tan-negozjati tal-kuntratti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għan-netwerk, sussegwentement, l-istadju tal-kisba tal-aċċess fiżiku għan-netwerk, u, finalment, l-istadju tal-attivazzjoni tal-linji tal-abbonati u l-kisba ta’ informazzjoni ġenerali. Il-Kummissjoni żiedet, li b’hekk, OA ma setgħax, pereżempju, jiġi kkonfrontat bil-problemi marbuta mal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP qabel l-iffirmar tal-kuntratt li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal dan in-netwerk. Bl-istess mod, il-problemi ffaċċjati mill-OA fl-istadju tal-kisba tal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP jew fl-istadju tal-attivazzjoni tal-linji tal-abbonati li bdew biss wara t-tmiem ta’ negozjati twal tal-kuntratti li jirrigwardaw il-kundizzjoni tal-aċċess. Barra minn hekk, kemm qabel kif ukoll wara l-iffirmar ta’ dawn il-kuntratti, l-iżvilupp tal-istrateġiji kummerċjali mill-OA ġie kompromess mill-kwalità ħażina u n-natura mhux kompluta tal-informazzjoni ġenerali marbuta man-netwerk ta’ TP, li din tal-aħħar kienet obbligata li tittrażmetti.

140    Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikat il-portata tal-argument tagħha. Hija indikat, fir-rigward tal-argument ippreżentat fil-punt 117 iktar 'il fuq, li l-kontenut tal-premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata jirrifletti biss il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura suċċessiva tal-ksur. Madankollu, din il-premessa ma tippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-varjabbiltà tal-intensità u tat-tul tal-aġir adoperat minn TP f’kull stadju tal-proċess tal-kisba tal-aċċess għan-netwerk ta’ TP. Huwa għal din ir-raġuni li, b’argumenti mqassra fil-punti 120 sa 123 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti tistqarr żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tat-tul u tal-intensità ta’ dan l-aġir. L-eżami ta’ dawn l-argumenti ddettaljati kien jippermetti li tiġi evalwata korrettement il-gravità tal-ksur imwettaq minn TP.

141    F’dan ir-rigward, mill-premessa 907 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien man-nota ta’ qiegħ-il paġna Nru 1258, jirriżulta li, waqt li evalwat il-gravità tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat fil-konfront ta’ TP, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul u l-intensità varjabbli tal-aġir differenti adoperat minn TP li, kkunsidrat flimkien, jifforma l-elementi li jikkostitwixxu dan l-abbuż. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrilevat espliċitament li l-elementi tal-aġir abbużiv ta’ TP ma kinux ġew issodisfatti fl-istess ħin.

142    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata kollha. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat diversi drabi titjib puntwali tat-tmexxija ta’ TP u speċifikat il-perijodi, iqsar mit-tul tal-perijodu tal-ksur li matulhom kien ġie implementat l-aġir partikolari ta’ TP (ara, b’mod partikolari, il-premessi 383, 409, 437, 450, 462, 508, 510 u 515 tad-deċiżjoni kkontestata).

143    Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti fir-rikors, il-premessa 903 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-elementi differenti li jikkostitwixxu l-ksur imwettaq minn TP u l-intensità ta’ din tal-aħħar kienu varjaw matul iż-żmien. F’din il-premessa, il-Kummissjoni fil-fatt, sempliċiment kkonstatat li kienet teżisti differenza sinjifikattiva bejn iċ-ċirkustanzi tal-ksur allegat fir-rigward ta’ TP u ċ-ċirkustanzi tal-ksur allegat fir-rigward ta’ Intel, jiġifieri l-fatt li, minkejja l-varjabbiltà tiegħu, l-aġir ta’ TP li jikkostitwixxi ksur kellu natura kontinwa u kien mifrux fuq il-perijodu kollu tal-ksur, filwaqt li l-ksur allegat fil-konfront ta’ Intel kien ikkonċentrat ferm matul ċertu perijodu, sostanzjalment iqsar mill-perijodu kollu tal-ksur.

144    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi sostnut li, billi evalwat il-gravità tal-ksur imwettaq minn TP, il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-elementi differenti li jikkostitwixxi l-ksur imwettaq minn TP u l-intensità ta’ dan tal-aħħar kienu jvarjaw maż-żmien.

145    Barra minn hekk, l-eżami fil-mertu tal-argumenti ddettaljati tar-rikorrenti, imwettaq qabel, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni billi ddeċidiet dwar il-gravità tal-ksur imwettaq minn TP.

146    F’dan ir-rigward, preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, b’dawn l-argumenti, ir-rikorrenti la tikkontesta l-eżistenza tal-ksur bħala tali u lanqas it-tul ta’ dan tal-aħħar kif stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn it-3 ta’ Awwissu 2005 u t-22 ta’ Ottubru 2009. Hija lanqas ma tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegata fil-konfront ta’ TP bħala ksur uniku u kontinwat, u lanqas l-eżistenza tal-istrateġija maħsuba sabiex tillimita l-kompetizzjoni f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess għan-netwerk tagħha.

147    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġu miċħuda, bħala fondati fuq qari manifestament skorrett tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat l-elementi differenti li jikkostitwixxu l-ksur allegat fil-konfront ta’ TP kienu ta’ tul identiku għall-perijodu tal-ksur. Dawn l-argumenti huma kontradetti mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punti 138, 139 u 142 iktar 'il fuq.

148    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proposta tal-kundizzjonijiet mhux raġonevoli offruti lill-OA fil-ftehimiet li jirrigwardaw l-aċċess għan-netwerk ta’ TP bil-metodi BSA u LLU, hemm lok li jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-argumenti invokati fl-atti tar-rikorrenti jirrigwardaw iktar minn tletin klawżola kuntrattwali li ġew emendati jew imħassra mill-kuntratti ta’ TP dwar l-aċċess bil-metodi BSA u LLU. Ir-rikorrenti tressaq ukoll kalkolu preċiż tal-perijodi li matulhom dawn il-klawżoli jistgħu jiġu affettwati minn emendi jew imħassra. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kuntratti li jirrigwardaw l-aċċess għall-prodotti tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband, il-gravità u r-riperkussjonijiet negattivi tal-proposta, minn TP, tal-klawżoli mhux raġonevoli fil-kuntratti tagħha għandhom jiġu interpretati b’mod globali, u mhux inkonnessjoni ta’ kull waħda minn dawn il-klawżoli separatament.

149    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti sempliċiment tirrikonoxxi li TP kienet tipproponi lill-OA kuntratti li ma josservawx diversi stipulazzjonijiet tal-offerti ta’ riferiment BSA U LLU, sa minn, rispettivament Mejju 2006 u Ġunju 2006, sa, rispettivament, l-aħħar tal-2008 u Frar tal-2009. Il-fatt li din il-prattika bdiet wara l-bidu tal-perijodu tal-ksur u intemm qabel it-tmiem ta’ dan tal-aħħar ma jistax inaqqas mill-gravità tal-ksur tal-aġir ta’ TP li jikkostitwixxi ksur. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-klawżoli tal-offerta ta’ riferiment BSA beda biss f’Mejju 2006, hija ma tikkontestax il-fatt li l-adozzjoni ta’ din l-offerta ta’ riferiment ġiet ittardjata b’diversi xhur minħabba r-rifjut tagħha, li jikkostitwixxi ksur tal-obbligi regolatorji tagħha, li tippreżenta lill-UKE abbozz ta’ offerta ta’ riferiment (ara l-punti 14 u 126 iktar 'il fuq). Fir-rigward tat-tmiem ta’ dan l-element tal-ksur, il-Kummissjoni rrilevat b’mod pertinenti li l-fatt li TP waqfet milli tipproponi klawżoli mhux raġonevoli f’dawn il-kuntratti ma jfissirx li hija ħassret tali klawżoli fil-kuntratti viġenti. Għaldaqstant, il-klawżoli mhux raġonevoli setgħu ikomplu japplikaw għad-detriment tal-OA.

150    Fl-aħħar, dan l-element tal-ksur ma jistax jiġi eżaminat b’esklużjoni taċ-ċirkustanzi mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li, matul il-fażi inizjali tal-perijodu tal-ksur, fl-istadju tan-negozjati tal-kuntratti mal-OA, TP implementat prattiki li għandhom l-għan li jiskuraġġixxuhom milli jiksbu l-aċċess għan-netwerk tagħha, b’mod partikolari diversi tattiki dilatorji maħsuba sabiex jittardjaw in-negozjati tal-kuntratti u strateġija maħsuba sabiex tirrendi kemm jista’ jkun diffiċli l-kisba mill-OA ta’ informazzjoni ġenerali fuq in-netwerk tagħha. Issa, din il-konstatazzjoni ssostni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ispazju tan-negozjati mħolli lill-OA kien ristrett ħafna, peress li l-OA kellhom b’hekk jaċċettaw il-kundizzjonijiet proposti minn TP, minkejja li dawn tal-aħħar kienu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-offerti ta’ riferiment, jew li jibdew proċeduri quddiem l-UKE sabiex jisforzaw lil TP tosserva l-obbligi regolatorji tagħha, jew li jiddeċiedu li ma jidħlux fis-suq (premessi 305, 314 u 716 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-aċċess fiżiku għan-netwerk ta’ TP, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabel xejn, li tul iqsar minn dak tal-ksur ta’ ċerti prattiki implementati minn TP jew il-fatt li dawn il-prattiki kienu mifruxa matul dan il-perijodu kollu ma jurux li l-ksur kien inqas serju u li l-multa imposta fuq TP hija sproporzjonata. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, id-diversi prattiki ta’ TP adottati fi stadju suċċessivi tal-proċess ta’ aċċess għan-netwerk tagħha kienu komplementari. Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċaħda tal-ordnijiet tal-OA għal raġunijiet tekniċi jew formali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament, b’mod partikolari fil-premessi 383 u 409 tad-deċiżjoni kkontestata, titjib tas-sitwazzjoni u l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ħaditx kont ta’ dan it-titjib fl-iffissar tal-multa. Sussegwentement, b’mod kuntrarju għal dak sostnut mir-rikorrenti, il-problema tal-eżaġerazzjoni tal-ispejjeż tal-investimenti marbuta mal-aċċess bil-metodu LLU ma kkonċernatx każ iżolat wieħed. Fil-fatt, din il-problema ġiet issinjalata minn żewġ OA u rrilevata mill-UKE fil-verbal ta’ kontroll imwettaq fl-2008. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll f’dan ir-rigward li, sa fejn, f’dak iż-żmien (fl-2008), kienu biss ftit l-operaturi li kienu jirrikorru għall-aċċess bil-metodu LLU, it-tliet eżempji ċċitati huma ta’ importanza sinjifikattiva u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eżaġerati. Fl-aħħar, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-provi miġbura mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-verbal ta’ kontroll imwettaq mill-UKE f’Ottubru tal-2007, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-OA, jikkonfermaw sal-grad rikjest mil-liġi li TP kienet tittardja l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet għall-kostruzzjoni jew it-tibdil tan-NAS.

152    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-aċċess limitat għal-linji tal-abbonati, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta maċ-ċaħdiet tal-ordnijiet għal raġunijiet formali u tekniċi. Hija sempliċiment tirrileva li l-problemi ta’ disponibbiltà tal-linji WLR għall-aċċess bil-metodu BSA intemmu f’Ottubru 2007 u li l-problemi marbuta mal-ittardjar fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ aċċess bil-metodi BSA u LLU avveraw ruħhom biss fl-2007 u fil-bidu tal-2008. Issa, minn naħa, din ma taffettwax il-konklużjoni tal-Kummissjoni li TP implementat prattiki maħsuba sabiex jillimitaw l-aċċess tal-OA għall-linji tal-abbonati, prattiki li kienu partikolarment problematiċi għall-OA, sa fejn dawn kienu jaffettwaw ir-relazzjonijiet diretti tagħhom mal-utenti finali. Minn naħa oħra, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament, b’mod partikolari fil-premessi 508 u 510 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-elementi tal-ksur imsemmija mir-rikorrenti kienu limitati biż-żmien u xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

153    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-rifjut li tingħata informazzjoni ġenerali eżatta u affidabbli lill-OA, dawn lanqas ma huma konvinċenti li l-Kummissjoni eżaġerat il-gravità tal-ksur fl-iffissar tal-multa imposta fuq TP.

154    Qabel xejn, ir-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara li kien teknikament possibbli li jiġi żgurat l-aċċess għal informazzjoni ġenerali iktar eżatta u affidabbli u li PTK, is-sussidjarja ta’ TP, setgħet tibbenefika minn tali aċċess. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li l-kwalità tal-informazzjoni ġenerali kienet l-iktar ħażina matul l-ewwel fażi tal-perijodu tal-ksur, jiġifieri matul is-snin 2005 u 2006. Issa, kien preċiżament f’dan il-mument li, akkumulata bil-prattiki dilatorji applikati minn TP matul in-negozjati mal-OA, din il-prattika kienet l-iktar ta’ ħsara għall-OA, sa fejn din kienet timpedihom milli jippjanaw u milli jimplementaw l-istrateġiji kummerċjali tagħhom. Sussegwentement, minkejja t-titjib fil-kwalità tal-informazzjoni ġenerali, li, barra minn hekk, ġiet irrikonoxxuta mill-Kummissjoni (premessa 528 tad-deċiżjoni kkontestata), id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment għal każijiet, iddokumentati mid-dikjarazzjonijiet tal-OA, ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni ġenerali ineżatta jew kontradittorja, u dan ukoll fl-2008 u 2009. Bl-istess mod, minkejja l-inizjattivi implementati minn TP, il-problemi ta’ provvista tal-pjattaforma tal-informatika li tippermetti l-aċċess għad-databases tal-informazzjoni ġenerali pperduraw tal-2010. Fl-aħħar, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eżaġeratx id-dimensjoni tal-problemi marbuta mal-format tad-data. Fil-fatt, minn naħa, hija indikat li dawn il-problemi dehru “xi drabi” (premessa 529 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, dawn il-problemi, evalwati fil-kuntest tal-kwalità ġenerali ħażina tal-informazzjoni trażmessa minn TP, juru l-atitudni ġenerali ta’ TP fir-rigward tal-OA.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li TP kienet implementat inizjattivi li ppermettew titjib fil-kwalità ta’ din l-informazzjoni, b’mod partikolari matul is-sena 2009. Issa, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li hija ma ħaditx dan it-titjib inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

156    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li r-risposta mogħtija mill-Kummissjoni, fil-premessi 903 u 907 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-argumenti ta’ TP marbuta mat-tul u l-intensità varjabbli ta’ ċerti prattiki li hija implementat bi ksur tal-kuntest regolatorju u li ġew irraggruppati mill-Kummissjoni f’ħames elementi kostituttivi tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti – argumenti li r-rikorrenti ittenni essenzjalment fil-kuntest ta’ din il-parti – ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-mod kif il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul u l-intensità varjabbli tal-aġir antikompetittiv allegat fil-konfront tagħha ma jistax jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

157    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw it-talbiet tal-Kummissjoni fuq l-effett tal-ksur fuq is-swieq ikkonċernati

158    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti, sostnuta mill-PIIT, issostni, minn naħa, li l-evalwazzjoni tan-natura u tal-gravità tal-ksur mwettqa mill-Kummissjoni hija fondata, b’mod partikolari, fuq il-konklużjoni li l-aġir ta’ TP kellu effetti reali fuq is-swieq ikkonċernati. Skont il-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il-Kummissjoni (T‑29/05, Ġabra, EU:T:2010:355, punt 248), f’tali każ, il-Kummissjoni tkun obbligata li tipproduċi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li ksur seta’ kellu fuq il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, minflok eżaminat l-effetti reali tal-aġir ta’ TP fuq is-suq, il-Kummissjoni sempliċiment eżaminat l-effetti probabbli tiegħu.

159    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti u l-PIIT isostnu li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti probabbli tal-aġir ta’ TP fuq is-swieq ikkonċernati hija żbaljata. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma eżaġerati u jinjoraw il-fattur importanti għall-evalwazzjoni tal-impatt tal-aġir tar-rikorrenti.

160    Il-Kummissjoni, minn naħa, tikkontesta li hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur fuq il-konstatazzjoni li l-prattiki ta’ TP kellhom impatt negattiv konkret fuq is-swieq ikkonċernati. Hija ċaħdet, min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrenti u tal-PIIT, li hija wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-effetti probabbli tal-ksur. Għalhekk hija ddeċidiet li tiċħad it-tieni parti ta’ dan il-motiv.

161    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq premessa li r-regola stabbilita bis-sentenza Deltafina vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq (EU:T:2010:355, punt 248), fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar 'il quddiem il-“linji gwida tal-1998”) hija trasponibbli għal-linji gwida tal-2006.

162    Hekk lok li jitfakkar li, skont il-punt 1.A tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, billi tevalwa l-gravità tal-ksur, b’mod partikolari l-“impatt konkret fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel”. Fis-sentenza Deltafina vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq (EU:T:2010:355, punt 248), iżda wkoll fis-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar 'il fuq (EU:C:2009:505, punti 81 u 82), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jikkostitwixxi, fil-prinċipju, sempliċiment element fakultattiv tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni, meta dan ikun preżenti, li żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Kummissjoni tikkunsidra opportun, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fakultattiv, hija ma tistax sempliċiment tipprovdi sempliċi preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-imsemmi suq.

163    Il-linji gwida tal-2006, applikati mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-ammont tal-multa imposta f’dan il-każ, ma jipprovdux iktar għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-“impatt konkret fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel” waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur partikolari. Fil-fatt, skont il-paragrafu 22 ta’ dawn il-linji gwida, sabiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-gravità għandux ikun fil-parti inferjuri jew fil-parti superjuri ta’ din l-iskala li tista’ tilħaq 30 %, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur. Minn dan jirriżulta li, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur meta hija tistabbilixxi il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-gravità. Madankollu, peress li l-lista ta’ fatturi elenkati fil-paragrafu 22 tal-linji gwida ma hijiex eżawrjenti, il-Kummissjoni tista’, jekk hi tqis opportun, tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li żżid din il-proporzjon. F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tapplika wkoll fir-rigward tal-linji gwida tal-2006, b’tali mod li l-Kummissjoni għandha tipprovdi indizji konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq.

164    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din il-parti tal-ewwel motiv tinkludi żewġ taqsimiet ta’ argumenti, li minnhom l-ewwel taqsima tippreżenta ruħha bħala bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, bl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti u l-PIIT isostnu li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur fuq l-effetti negattivi reali li l-ksur allegat fil-konfront ta’ TP kellu fuq il-kompetizzjoni u l-konsumaturi. Huma jiddikjaraw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċiment eżaminat l-effetti probabbli ta’ dan il-ksur u għaldaqstant ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti, fid-dawl tas-sentenza Deltafina vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar 'il fuq (EU:T:2010:355, punt 248), dwar l-eżistenza tal-effetti reali tiegħu. Permezz tal-argumenti miġbura fit-tieni taqsima, ir-rikorrenti u l-PIIT jintendu li juru żbalji li l-Kummissjoni wettqet fl-evalwazzjoni tal-effetti probabbli tal-ksur.

165    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti li jifformaw parti mill-ewwel taqsima, jeħtieġ li jitfakkar li l-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan tal-aħħar jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C‑37/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2030, punti 31 u 32).

166    F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 899 sa 908 tad-deċiżjoni kkontestata hija diviża f’erba’ partijiet, tliet parametri huma marbuta man-natura tal-ksur, mal-partijiet tas-suq u mal-portata ġeografika tal-ksur, ir-raba’ waħda hija sinteżi. Fil-premessa 906 tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab f’dan l-istess sinteżi, il-Kummissjoni indikat li, meta ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tal-ksur, il-portata ġeografika tiegħu, il-partijiet tas-suq, kif ukoll il-fatt li dan il-ksur kien ġie implementat.

167    It-test ikkontestat mir-rikorrent tinsab fil-premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti mill-parti ddedikata għall-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur. F’din il-parti, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, li abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ rifjut li jiġi pprovdut servizz, allegat fil-konfront ta’ TP, kien ġie kkundannat diversi drabi kemm minnha, kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni (premessa 899 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija indikat li s-swieq tal-prodotti inkwistjoni kienu ta’ importanza ekonomika kbira u li dawn kellhom rwol essenzjali fil-kostruzzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni, peress li l-konnessjoni bil-broadband hija fattur li jikkondizzjona l-provvista ta’ diversi servizzi numeriċi lill-utenti finali (premessa 900). Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li TP kienet l-unika proprjetarju tan-netwerk nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u li, minħabba dan, l-OA li jixtiequ jipprovdu servizzi abbażi tat-teknoloġija DSL kienu totalment dipendenti fuqha (premessa 901).

168    Fl-aħħar, fil-premessa 902, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Bl-istess mod, kif deskritt fil-[punt] VIII.1, l-aġir ta’ TP huwa wieħed fost il-komportamenti abbużivi li għandhom l-għan li jeliminaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi jew, tal-inqas, li jittardjaw id-dħul mill-ġdid ta’ operaturi ġodda kew l-evoluzzjoni ta’ dan is-suq. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-premessa 892, TP kienet konxja mill-fatt li l-aġir tagħha kien illegali. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-konsumaturi, li jissubbixxu żieda fil-prezz, tnaqqis fl-għażla u n-numru ta’ prodotti innovattivi.”

169    Il-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-premessi 899 sa 906 tad-deċiżjoni kkontestata ma tħalli lok għal ebda dubju dwar l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażata l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u li huma s-segwenti: in-natura tal-ksur, il-portata ġeografika tiegħu, il-partijiet tas-suq ikkonċernati miżmuma minn TP u l-implementazzjoni tal-ksur minn din tal-aħħar. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti u l-PIIT, il-Kummissjoni ma ddikjaratx fil-premessa 902 tad-deċiżjoni kkontestata, u bl-ebda mod ma jista’ jiġi dedott minn din il-premessa, moqrija fid-dawl tal-motivazzjoni kollha marbuta mal-gravità tal-ksur, li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq u fuq il-konsumaturi meta ddeterminat, skont din il-gravità, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. B’mod iktar partikolari, is-sentenza msemmija mir-rikorrenti ma tista’ tinqara bl-ebda mod ieħor ħlief bħala li tirreferi, b’mod ġenerali u astratt, għan-natura tal-ksur u għall-fatt li dan tal-aħħar, sa fejn kien intenzjonat u kellu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi jew li jittardja l-evoluzzjoni ta’ dan is-suq, kellu l-kapaċità li jeffettwa b’mod negattiv il-kompetizzjoni u l-konsumaturi.

170    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiżdied li l-konstatazzjonijiet magħmula fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-premessa inkwistjoni, li jikkonċernaw l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-operaturi u n-natura intenzjonali tal-ksur, huma murija bir-riferimenti, min-naħa, għall-punt VIII.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tiddeskrivi l-istrateġija ta’ TP maħsuba sabiex tillimita l-kompetizzjoni f’kull stadju tal-proċess ta’ aċċess tal-OA għan-netwerk tagħha, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 892 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija mmotivat il-konklużjoni tagħha li l-ksur kien twettaq b’mod intenzjonat. Għall-kuntrarju, l-aħħar sentenza tal-premessa 902 ma tagħmel l-ebda riferiment għall-punt X.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-effetti probabbli tal-ksur.

171    Isegwi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-effetti reali tal-ksur imwettaq minn TP fuq is-swieq ikkonċernati, u lanqas tal-effetti probabbli ta’ dan il-ksur, li hija eżaminat fil-punt X.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar 'il fuq, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-ksur fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ din tal-aħħar, hija ma kellhiex għalfejn turihom.

172    L-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-wiri tal-effetti reali tal-ksur għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħha, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

173    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fit-tieni taqsima, li permezz tagħhom ir-rikorrenti u l-PIIT jintendu li juru l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-effetti probabbli tal-ksur, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineffettivi. Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli tal-ksur fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan tal-aħħar, li hija inqdiet bihom bil-għan li tiddetermina l-proporzjoni tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, l-iżbalji possibbli fl-evalwazzjoni tal-effetti probabbli tal-ksur ma jistgħux jinċidu fuq dan l-ammont bażiku.

174    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda bħala ineffettivi l-argumenti li bihom ir-rikorrenti u l-PIIT jintendu li juru li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-effetti probabbli tal-ksur.

175    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

176    Barra minn hekk, bil-għan li jiġi evalwat l-ammont bażiku tal-multa fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-ammont tal-multa jiddependi mhux biss fuq it-tul tal-aġir antikompetittiv, min-numru tal-istanzi tal-ksur u l-intensità tagħhom, iżda wkoll, fuq in-natura tal-ksur, il-portata tas-suq milqut u d-deterjorament subit mill-ordni pubbliku ekonomiku, kif ukoll mill-importanza relattiva u tal-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 111 iktar 'il fuq, EU:C:2011:810, punti 96 u 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fit-tieni lok, l-ammont tal-multa għandu jkun jirrifletti wkoll elementi bħall-portata disważiva tal-multa, l-aġir tal-impriża u r-riskju li l-ksur jippreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni. Fit-tielet lok, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Transcatab vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar 'il fuq, EU:T:2011:562, punt 189).

177    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern. Meta l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti toriġina minn ex monopolju legali, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, Ġabra, EU:C:2012:172, punt 23).

178    Fid-dawl tal-ġurisprudenza suesposta, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, f’dan il-każ, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-multa u, b’mod iktar preċiż, tan-natura proporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa, huwa essenzjali li jittieħed kont, fl-ewwel lok, tal-fatt li r-rikorrenti għandha pożizzjoni dominanti li toriġina minn ex monopolju legali, kemm fis-suq tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband bil-metodi LLU u BSA, fejn hija kienet l-unika fornitur, kif ukoll fis-suq tal-konsumaturi.

179    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-punti 125 sa 136 u 146 sa 157 iktar 'il fuq, u minkejja li ċertu aġir antikompetittiv partikolari allegat fil-konfront ta’ TP kien iqsar mill-perijodu tal-ksur, il-ksur imwettaq minn TP, li l-eżistenza tiegħu ma hijiex ikkontestata bħala tali, kien jikkonsisti fi ksur multiplu, flagranti, persistenti u intenzjonat tal-kwadru regolatorju li jobbligawha, bħala operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fis-suq, li tagħti lill-OA l-aċċess disassoċjat għal-linja lokali tagħha u għas-servizzi koannessi taħt kundizzjonijiet trasparenti, ekwi u mhux diskriminatorji.

180    Fit-tielet lok, huwa stabbilit li TP kienet konxja min-natura illegali tal-aġir tagħha, kemm fil-livell regolatorju, peress li hija ġiet investigata u kkundannata bid-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali kkonfermati bid-deċiżjonijiet definittivi tal-qrati nazzjonali, kif ukoll fil-livell tad-dritt tal-kompetizzjoni, fejn il-prattiki tagħha kienu maħsuba li jimpedixxu jew li jittardjaw id-dħul ta’ operaturi ġodda fis-swieq tal-prodotti kkonċernati.

181    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li s-swieq tal-prodotti milquta mill-prattiki abbużivi ta’ TP, li huma ta’ dimensjoni kunsiderevoli, sa fejn dawn ikopru t-territorju kollu ta’ wieħed mill-ikbar Stati Membri tal-Unjoni, huma swieq ta’ importanza kbira kemm mill-perspettiva ekonomika kif ukoll mill-perspettiva soċjali peress li l-aċċess għall-internet bil-broadband jikkostitwixxi l-element essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni.

182    Issa, jirriżulta mill-premessi 899 sa 902, 904 u 905 tad-deċiżjoni kkontestati li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, f’dawn il-premessi, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, li abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ rifjut li jiġi pprovdut servizz, allegat fil-konfront ta’ TP, kien ġie ikkundannat diversi drabi kemm minnha kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni. Hija indikat li s-swieq tal-prodotti inkwistjoni kienu ta’ importanza ekonomika kbira u li huma kellhom rwol essenzjali fil-kostruzzjoni tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li TP kienet l-unika proprjetarja tan-netwerk nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u li, minħabba dan, l-OA li kienu jixtiequ jipprovdu servizzi abbażi tat-teknoloġija DSL kienu totalment dipendenti fuq TP. Barra minn hekk, ġie enfasizzat li l-aġir ta’ TP kellu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni mis-suq tal-konsumaturi jew, tal-inqas, li jittardja d-dħul ta’ operaturi ġodda jew l-evoluzzjoni ta’ dan is-suq, li dan l-aġir kien intenzjonat u li dan kellu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-konsumaturi (premessi 899 sa 902 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni il-fatt li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, TP kellha pożizzjoni dominanti mhux biss fis-suq tal-operaturi, li fih hija kellha monopolju, iżda wkoll fuq is-swieq tal-konsumaturi li fihom il-partijiet tagħha tas-suq kienu jvarjaw bejn il-57 % u l-46 % f’termini ta’ dħul. Il-Kummissjoni rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-differenza bejn il-parti tas-suq ta’ TP u dik tal-OA li għandhom l-għola parti tas-suq wara dik ta’ TP kienet kunsiderevoli. Fir-rigward tal-portata ġeografika tas-suq ikkonċernat, il-Kummissjoni indikat li l-ksur imwettaq minn TP kien ikopri t-territorju kollu tal-Polonja (premessi 904 u 905 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    Dawn l-elementi, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti allegat fil-konfront ta’ TP kien ksur serju.

184    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998, li jipprovdu għal distinzjoni bejn il-ksur serju ħafna, ksur serju u ksur inqas serju, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-implementazzjoni ta’ prattika prezzijiet baxxi minn operatur storiku tat-telekomunikazzjonijiet nazzjonali kellha tiġi kklassifikata bħala ksur serju ħafna u bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti kkaratterizzat (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, T‑336/07, Ġabra, EU:T:2012:172, punti 382 sa 387). Jeħtieġ li jiżdied li l-Qorti Ġenerali kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna” għall-perijodu kollu tal-ksur ikkonċernat, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li dan il-ksur ma kienx ta’ gravità uniformi matul l-imsemmi perijodu kollu (sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, EU:T:2012:172, punti 417 sa 419).

185    Minkejja li l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE li jikkonsisti f’applikazzjoni ta’ prezzijiet baxxi huwa ksur ta’ natura differenti minn dik tal-ksur imwettaq minn TP, jiġifieri ir-rifjut tal-provvista, dan l-aħħar imsemmi ksur jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala abbuż ikkaratterizzat u ta’ gravità partikolari. Fil-fatt, fil-Kawża li tat lok għas-sentenza Telefónica u Telefónica de España vs il-Kummissjoni, punt 184 iktar 'il fuq, (EU:T:2012:172), il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna kienet ibbażata, essenzjalment, fuq tliet elementi, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora n-natura illegali tal-aġir tagħha, in-natura intenzjonata ta’ dan l-aġir, kif ukoll il-fatt li l-operatur storiku kellu pożizzjoni virtwalment monopolistika fis-suq tal-operaturi tal-aċċess għall-broadband u pożizzjoni dominanti qawwija ħafna fuq is-swieq tal-konsumaturi. Issa, dawn l-elementi kollha huma lkoll issodisfatti f’dan il-każ, peress li la n-natura intenzjonali u illegali tal-aġir ta’ TP, u lanqas id-daqs tal-partijiet tagħha tas-suq ikkonċernat ma ġew ikkontestati.

186    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fid-dawl tas-gravità partikolari tal-ksur imwettaq minn TP, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ffissat għal 10 %, il-proporzjon tal-valur tad-dħul ikkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, b’mod konformi mal-paragrafi 19 sa 22 tal-linji gwida tal-2006.

187    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv

188    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Ir-rikorrenti, sostnuta mill-PIIT, issostni, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, tliet elementi invokati minn TP waqt il-proċedura amministrattiva, jiġifieri: fl-ewwel lok, investimenti “kolossali” magħmula wara d-data tal-ftehim mal-UKE bil-għan li tiġi mmodernizzata l-infrastruttura Pollakka tal-linji fissi għall-benefiċċju tal-OA u tal-utenti finali; fit-tieni lok, it-twaqqif volontarju tal-ksur minn TP u, fit-tielet lok, l-impenji proposti minn din tal-aħħar.

189    Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax li l-varjazzjonijiet tat-tul u tal-intensità tal-aġir tagħha, li hija sostniet fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali li teħodhom inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

191    Hemm lok li jiġu evalwati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u mill-PIIT fir-rigward tal-prinċipji esposti fil-punti 110 sa 114 iktar 'il fuq.

–       Fuq l-investimenti mwettqa minn TP wara d-data tal-ftehim mal-UKE

192    Fir-rigward tal-investimenti fl-installazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ftehim mal-UKE, hija impenjat ruħha li twettaq żewġ tipi ta’ investimenti, jiġifieri, minn naħa, l-investimenti maħsuba sabiex itejbu l-aċċess lill-OA għas-servizzi ta’ aċċess bil-metodu BSA u għas-servizzi ta’ aċċess bil-metodu LLU u, min-naħa l-oħra, investimenti maħsuba sabiex tiġi mmodernizzata l-infrastruttura Pollakka tal-linji fissi.

193    Huma dawn l-aħħar imsemmija investimenti, stmati li jammontaw bejn Ottubru 2009 u l-aħħar tas-sena 2011, li minnhom EUR 168.3 miljun kienu ntefqu fl-aħħar tas-sena 2010, li, skont ir-rikorrenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li dawn l-investimenti kienu jikkostitwixxu miżura volontarja li tmur lil hinn mill-miżuri neċessarji sabiex jitwaqqaf il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni u li dawn kienu ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi Pollakki kif ukoll għall-OA. Għalhekk, dawn l-investimenti għandhom jiġu kklassifikati bħala miżura li tissanzjona l-ksur imwettaq minn TP, li tixbah lil dik rikonoxxuta mill-Qorti Ġenerali, bħala ċirkustanza attenwanti, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni (T‑13/03, Ġabra, EU:T:2009:131). Dawn l-investimenti huma paragunabbli wkoll mal-ħlasijiet imwettqa mill-iskejjel privati tar-Renju Unit favur fond fiduċjarju edukattiv fil-kawża deċiża bid-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit tal-20 ta’ Novembru 2006 (Kawża CA 98/05/2006 – Independent Schools).

194    Waqt is-seduta, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-PIIT enfasizzaw li iktar minn 12 % tal-investimenti fl-immodernizzar tan-netwerk ta’ TP kienu jikkonċernaw partijiet mit-territorju Pollakk li fihom ma kien hemm ebda infrastruttura li tippermetti l-aċċess fiss għall-internet. L-investimenti f’dawn ir-reġjuni, iddenominati bħala “żoni bojod” (white spots) jew “żoni ta’ esklużjoni numeriċi” (digital exclusion zones) ma humiex interessanti għall-OA, b’mod partikolari minħabba ostakoli ekonomiċi u legali li jikkaratterizzawhom. F’dan ir-rigward, il-PIIT għamlet riferiment għad-dokumenti li jikkonfermaw l-effetti benefiċi tal-investimenti ta’ TP għall-OA u l-utenti finali, mehmuża mal-anness man-noti tar-rikorrenti u man-nota ta’ intervent tagħha.

195    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tikkunsidra dawn l-investimenti bħala ċirkustanza attenwanti peress li dawn ma jbiddlux in-natura tal-ksur. Tali rifjut jippreżupponi, fil-fatt, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi attenwanti biss dawk iċ-ċirkustanzi li jbiddlu n-natura tal-ksur. Issa, il-linji gwida tal-2006 jirrikonoxxu bħala ċirkustanzi attenwanti possibbli l-element li huma indifferenti għan-natura tal-ksur, bħall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-investimenti jikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

196    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-investimenti li tipprevalixxi ruħha minnhom ir-rikorrenti huma marbuta mal-obbligu fformulat fil-punt 2(1)(k) tal-ftehim mal-UKE, iffirmat, minn naħa, mill-President tal-UKE u, min-naħa l-oħra, mill-President tad-direttorat ta’ TP. Skont dan il-punt tal-ftehim, TP kienet obbligata li tiżgura l-infrastruttura ta’ aċċess fiss għall-internet bil-broadband li tippermetti li jinħolqu tal-inqas 1 200 000 konnessjonijiet ġodda, bil-metodi deskritti fl-annessi ta’ dan il-ftehim.

197    Issa, minn naħa, skont il-premessi 6 sa 9 tal-preambolu ta’ dan il-ftehim:

“6.      Il-Presidenti tal-UKE jikkunsidra li TP ma tosservax l-obbligi regolatorji imposti fuqha skont id-deċiżjonijiet [tagħha], b’mod partikolari, l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-infrastruttura ta’ TP.

7.      F’diversi għexieren ta’ każijiet ġew imposti multi fuq, b’mod partikolari minħabba li din tal-aħħar ma ssodisfatx fit-termini stabbiliti, il-kundizzjonijiet li jiżguraw l-aċċess fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet; minħabba li ma eżegwietx l-offerta li tiddefinixxi il-kundizzjonijiet-qafas tal-ftehimiet dwar id-disassoċjazzjoni tal-linja lokali u tal-installazzjonijiet marbuta (offerta RUO [offerta ta’ disassoċjazzjoni ta’ riferiment]); minħabba li kisret id-deċiżjoni li tintroduċi l-offerta Bitstream Access [servizzi ta’ aċċess bil-broadband]; minħabba li ma pprovdietx istruzzjoni marbuta maż-żamma ta’ kontabbiltà regolatorja u deskrizzjoni tal-kalkolu tal-ispejjeż fis-suq tas-sejħiet li joriġinaw min-netwerk ta’ TP ; minħabba li ma eżegwietx l-offerta qafas ta’ fuq l-aċċess fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet li jikkonċernaw il-konnessjoni tan-netwerk (offerta RIO [offerta ta’ interkonnessjoni ta’ riferiment])’ u minħabba li ma żvelatx il-kontenut tal-ftehimiet ta’ aċċess fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.

8.      Fl-opinjoni tal-President tal-UKE, l-obbligi regolatorji marbuta mal-aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet, imposti fuq TP, ma ppermettewx li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati, li fihom TP hija l-operatur li għandu saħħa sinjifikattiva u din l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva, skont il-President tal-UKE, hija ta’ natura dejjiema. Konsegwentement, il-President tal-UKE beda xogħlijiet li għandhom l-għan li jimponu fuq TP, bħala miżura regolatorja, obbligu ta’ separazzjoni funzjonali.

9.      Bil-għan li tiġi evitata l-impożizzjoni tal-obbligu ta’ separazzjoni funzjonali, TP bdiet negozjati mal-atturi tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet li huma maħsuba sabiex jiġu ddeterminati regoli tal-kooperazzjoni mal-[OA] li, skont TP, jippermettu li jiġi eliminat l-aġir antikompetittiv u diskriminatorju ta’ TP ikkonstatat fuq is-swieq ikkonċernati li fihom [din tal-aħħar] hija l-operatur li għandu saħħa sinjifikattiva.”

198    Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-punt 2(2) tal-ftehim mal-UKE, skont il-President tal-UKE, l-implementazzjoni minn TP tal-impenji kollha assunti skont l-imsemmi ftehim, b’mod partikolari, l-impenn iddeterminat fil-punt 2(1)(k), dwar il-ħolqien ta’ 1 200 000 konnessjonijiet ġodda, setgħet twassal għall-eliminazzjoni tal-ikbar problemi li hija kienet irrilevat fis-suq tat-telekomunikazzjoni fir-rigward tal-aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet, u li huma elenkati fil-punt 8 tal-preambolu tal-ftehim, riprodott fil-punt 197 iktar 'il fuq.

199    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-investimenti mwettqa minn TP ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri riparatriċi paragunabbli ma dawk li ġew irrikonoxxuti mill-Kummissjoni fil-kawża li kienet is-suġġett tas-sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar 'il fuq (EU:T:2009:131).

200    Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-riżarċimenti msemmija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar 'il fuq (EU:T:2009:131), li kellhom l-għan li jikkumpensaw it-terzi identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala li batew dannu finanzjarju minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriżi implikati, il-ħolqien ta’ linji ġodda u l-investimenti li hija ssemmi ma kinux maħsuba sabiex jikkumpensaw lill-OA għad-danni possibbli li huma batew, iżda li jeliminaw is-swieq ikkonċernati, li fihom TP kienet taġixxi bħala operatur b’saħħa sinjifikattiva, fatt li l-President tal-UKE ddefinixxa bħala l-istat ta’ “assenza ta’ kompetizzjoni effettiva [... ta’] natura dejjiema”. Barra minn hekk, sa fejn l-investimenti ta’ TP kienu maħsuba li joħolqu konnessjonijiet ġodda, l-utenti finali u l-OA li batew l-effetti tal-prattiki antikompetittivi ta’ TP ma setgħux jibbenefikaw minn dawn l-investimenti.

201    L-investimenti mwettqa minn TP lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżuri riparatriċi paragunabbli għall-ħlasijiet imwettqa mill-iskejjel privati tar-Renju Unit fil-Kawża CA 98/05/2006 – Independent Schools. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit kien jirriżulta li l-iskejjel privati sabiex jiskambjaw informazzjoni fuq il-livelli tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni, kkonkludew forma ta’ ftehim mal-awtorità, li permezz tiegħu il-multa imposta fuqhom kienet relattivament modesta. Għall-kuntrarju, l-iskejjel involuti fil-ksur obbligaw ruħhom li jikkontribwixxu lejn fond fiduċjarju edukattiv maħluq speċifikament għall-benefiċċju tal-istudenti li ffrekwentaw dawn l-iskejjel matul is-snin universitarji li għalihom ġiet skambjata l-informazzjoni marbuta mal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet tal-iskejjel ikkonċernati lejn l-imsemmi fond fiduċjarju jistgħu jiġu pparagunati mal-ħlasijiet magħmula fil-kawża li tat lok għas-sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar 'il fuq (EU:T:2009:131). Għall-kuntrarju, dawn ma humiex tal-istess natura bħall-investimenti mwettqa minn TP li ma kinix maħsuba sabiex jikkumpensaw lill-OA u lill-utenti finali li batew l-effetti tal-prattiki ta’ TP.

202    Fit-tieni lok, għalkemm l-impenji ddefiniti fil-ftehim mal-UKE ġew aċċettati minn TP b’inizjattiva tagħha stess, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu mmotivati mill-volontà ta’ TP li tevita miżura regolatorja radikali, jiġifieri s-separazzjoni funzjonali, li kienet ġiet prevista mill-awtorità regolatorja kompetenti, bil-għan li jintemm il-ksur kontinwat u ripetut tal-qafas regolatorju minn TP. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiżdied li jirriżulta, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mit-test tal-ftehim mal-UKE, riprodotti fil-punt 197 iktar 'il fuq, li s-separazzjoni funzjonali kienet prevista mill-UKE peress li miżuri oħra adottati fil-għan li jisforzaw lil TP sabiex tikkonforma ruħha mal-qafas regolatorju, b’mod partikolari diversi deċiżjonijiet li bihom l-UKE imponiet fuqha multi, wrew li ma kinux effettivi (ara l-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-volontà li tipproteġi ruħha mit-theddida tas-separazzjoni funzjonali b’hekk ixxejjen in-natura volontarja tal-impenji meħuda skont il-ftehim li tipprevalixxi ruħha minnha r-rikorrenti.

203    Fit-tielet lok, l-investimenti, anki jekk kbar u mwettqa f’żoni ftit li xejn attraenti mill-perspettiva kummerċjali, jikkostitwixxu element normali tal-ħajja kummerċjali u twettqu fil-perspettiva ta’ rendiment. Għalhekk, il-ħolqien ta’ 1 200 000 konnessjonijiet ġodda ifisser għal TP, qabel xejn, il-possibbiltà li tikseb 1 200 000 klijent ġdid fiż-żoni li fihom ma setgħux jinvestu l-OA, li ma għandhomx l-istess statura u li ma għandhomx l-istess riżorsi bħal operatur storiku. Għaldaqstant, għalkemm l-investimenti fl-immodernizzar u l-iżvilupp tal-infrastruttura Pollakka tal-linji fissi li jappartjenu lil TP kienu ta’ benefiċċju, indirettament, kemm għall-utenti finali kif ukoll għall-OA, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-investimenti huma ta’ benefiċċju, qabel xejn, għal TP stess.

204    Fir-raba’ lok, fl-aħħar, fir-rigward tal-argumenti tal-PIIT, ibbażati fuq id-dokumenti annessi man-nota ta’ intervent tagħha u man-noti tar-rikorrenti, hemm lok li tiġi rrilevata qabel xejn in-natura mhux daqstant plawżibbli tagħhom. Fil-fatt, it-teżijiet invokati mill-PIIT fin-nota ta’ intervent tagħha, u li hija żviluppat waqt is-seduta, huma kontradetti mill-kontenut tad-dokumenti li hija annettiet man-nota ta’ intervent tagħha. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-UKE tat-28 ta’ April 2011, annessa man-nota ta’ intervent, li ma ġietx ikkontestata minn TP quddiem il-qrati nazzjonali Pollakki, tagħmel riferiment, qabel xejn, għall-effetti negattivi li l-aġir ta’ TP kellu fuq l-iżvilupp tas-suq tal-aċċess għall-internet bil-broadband fil-Polonja, b’mod partikolari matul il-perijodu tal-ksur. L-UKE jenfasizza li l-miżuri regolatorji implementati ma tawx lok għar-riżultati mfittxija rigward it-tħassir tal-aġir diskriminatorju tal-operatur storiku u l-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi kollha.

205    Ċertament, xi dokumenti invokati mill-PIIT jikkonfermaw li kemm l-OA kif ukoll l-UKE irrikonoxxew l-effetti benefiċċjali għall-OA u għall-utenti finali tal-ftehim mal-UKE, inklużi l-investimenti previsti minnu. Madankollu, dawn l-effetti benefiċċjali ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa bħala ċirkustanzi attenwanti.

206    Fil-fatt, l-effetti benefiċċjali msemmija iktar 'il fuq huma attribwiti lill-ftehim bħala tali u mhux lill-investimenti, b’mod partikolari. Għalhekk, qabel xejn, fid-dokument dwar l-istrateġija tar-regolament sal-2015, datat Novembru 2012 (anness 18 tan-nota ta’ intervent), l-UKE irrikonoxxiet l-effetti benefiċċjali għas-suq tal-eżekuzzjoni tal-impenji kollha assunti minn TP skont il-ftehim. Bl-istess mod, fil-preżentazzjoni tagħha tal-20 ta’ Novembru 2011 dwar l-effetti tal-ftehim li hija kkonkludiet ma’ TP (anness 23 tan-nota ta’ intervent), l-UKE għamlet riferiment għall-effetti benefiċċjali, għall-OA u għall-utenti finali, tal-ftehim kollu. Barra minn hekk, billi kkonstatat li dan il-ftehim kien ta’ benefiċċju għall-OA u għall-utenti finali, b’mod partikolari, b’estensjoni tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, b’titjib tal-aċċess għal din l-infrastruttura, b’kompetizzjoni mkabbra fis-suq ikkonċernat u tnaqqis fil-prezz, l-UKE rrilevat li hija kienet ġabet ukoll benefiċċji għal TP hija stess, b’mod partikolari, billi ppermettitilha li tevita s-separazzjoni funzjonali u vertenzi potenzjali marbuta mal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fl-aħħar, fir-rapport ġeneriku tagħha ta’ Mejju 2010 (anness 3 tan-nota ta’ intervent), Netia, li hija l-ikbar kompetitriċi ta’ TP fis-suq tal-konsumaturi, tirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jippermettulha li taċċellera l-attivazzjoni ta’ linji ġodda tal-abbonati permezz tan-netwerk ta’ TP. Fir-rigward tal-investimenti ta’ TP fl-infrastruttura, Netia sempliċiment tindika li huma ser iżidu d-daqs tas-suq li fih hija attiva.

207    It-titjib tas-sitwazzjoni fis-suq ikkonċernat li jirriżulta minn tibdil fl-aġir ta’ TP li avvera ruħu wara l-iffirmar tal-ftehim mal-UKE ukoll ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħżel id-data tal-iffirmar tal-ftehim bħala d-data tat-tmiem tal-ksur.

208    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx lil TP il-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti abbażi tal-investimenti li hija wettqet bil-għan li timmodernizza l-infrastruttura Pollakka tal-linji fissi. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti jekk jistgħux jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi attenwanti biss l-elementi li jbiddlu n-natura tal-ksur jew jekk jistgħux jiġu hekk ukoll ikklassifikati l-elementi li ma għandhomx din il-kwalità.

209    Isegwi li r-rifjut ta’ rikonoxximent fir-rigward tar-rikorrenti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti abbażi tal-investimenti magħmula skont il-ftehim mal-UKE ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, u lanqas bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–       Fuq it-twaqqif volontarju tal-ksur

210    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-PIIT, tenfasizza li, skont il-ftehim mal-UKE, hija waqqfet volontarjament il-ksur u ssostni li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll kontra l-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, li dan ma jingħata l-ebda kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti peress li l-ksur ma twaqqafx immedjatament wara l-intervent tal-Kummissjoni. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, mix-xahar ta’ Diċembru 2008, jiġifieri xahrejn wara l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fl-edifiċji tagħha, organizzati mit-23 sas-26 ta’ Settembru 2008 u sal-iffirmar tal-ftehim mal-UKE fit-22 ta’ Ottubru 2009, TP impenjat ruħha effettivament sabiex tirrimedja l-elementi tal-abbuż ikkonstatati mill-Kummissjoni.

211    Skont l-ewwel inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti bħall-fatt li l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li hija waqfet il-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

212    Din id-dispożizzjoni tirriproduċi essenzjalment il-punt 3 tal-linji gwida tal-1998. Fir-rigward tal-imsemmi punt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-finalità tiegħu kienet li jinkuraġġixxi lill-impriżi jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom immedjatament meta l-Kummissjoni tibda investigazzjoni f’dan ir-rigward (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑138/07, Ġabra, EU:T:2011:362, punt 274).

213    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, it-twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax loġikament ikun ċirkustanza attenwanti ħlief jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni tħajru jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi in kwistjoni (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 80). Fi kliem ieħor, sabiex it-twaqqif tal-ksur ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala ċirkustanza attenwanti, jeħtieġ li tkun teżisti rabta kawżali bejn l-interventi tal-Kummissjoni u t-twaqqif tal-ksur ikkonċernat.

214    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li TP ma waqqfitx l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur immedjatament wara l-ewwel intervent tal-Kummissjoni, jiġifieri wara l-ispezzjonijiet fl-edifiċji tagħha f’Varsavja, imwettqa mill-Kummissjoni, assistita mill-awtorità Pollakka tal-kompetizzjoni, mit-23 sas-26 ta’ Settembru 2008. Fil-fatt, għalkemm TP bdiet tosserva, gradwalment, l-obbligi regolatorji tagħha sa mill-aħħar tas-sena 2008, mill-premessi 574 u 577 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, mingħajr ebda kontestazzjoni mir-rikorrenti, li l-OA komplew jiffaċċjaw diffikultajiet marbuta mal-aċċess għall-prodotti tal-operaturi tal-broadband bil-metodi BSA u LLU, minħabba l-aġir suspettiv ta’ TP, qabel sew l-iffirmar tal-ftehim mal-UKE, li sar fit-22 ta’ Ottubru 2009.

215    Sussegwentement, kif dan jirriżulta mill-premessi 78 u 567 sa 571 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-punt 197 iktar 'il fuq, u dan mingħajr ebda kontestazzjoni mir-rikorrenti, ir-raġuni prinċipali għall-iffirmar tal-ftehim mal-UKE kienet sabiex tiġi evitata s-separazzjoni funzjonali prevista mill-UKE minħabba n-nuqqas ta’ osservanza persistenti tal-obbligi regolatorji marbuta mal-aċċess għan-netwerk minn TP. Fid-dawl ta’ dan l-element, ir-rabta kawżali, rikjesta mill-ġurisprudenza, bejn l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni u t-twaqqif tal-ksur minn TP ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

216    Fl-aħħar, minkejja li, kif ġie rrilevat fil-punt 214 iktar 'il fuq, wara l-iffirmar tal-ftehim mal-UKE, l-OA baqgħu jaffaċċjaw diffikultajiet marbuta mal-aċċess għall-prodotti tal-operaturi bil-broadband bil-metodi BSA u LLU, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza ta’ dan il-ftehim u l-fatt li dan kien jimmarka bidla fl-aġir ta’ TP, billi għażlet id-data tal-iffirmar tiegħu bħala d-data tat-tmiem tal-ksur. Għalhekk, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim kellha impatt importanti fuq il-kalkolu tal-multa, sa fejn dan stabbilixxa r-rata tal-multiplikazzjoni applikata skont it-tul tal-ksur.

217    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut li jiġi rikonoxxut fir-rigward ta’ TP il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fl-ewwel inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 ma jistax jiġi kkunsidrat la bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–       Fuq l-impenji proposti minn TP

218    Ir-rikorrenti tfakkar li TP kienet għamlet proposta ta’ impenji u li din ġiet miċħuda mill-Kummissjoni. Hija ssostni li din il-proposta, minkejja li miċħuda, għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kooperazzjoni effettiva fis-sens tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu kont ta’ din il-proposta ta’ impenji fil-kalkolu tal-multa, barra minn hekk, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

219    Skont ir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, li tista’ tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar il-“klemenza” u lil hinn mill-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni.

220    F’dan ir-rigward, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni waqt il-proċedura amministrattiva huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, Boliden et vs Il-Kummissjoni, T‑19/05, Ġabra, EU:T:2010:203, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Issa, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 114 iktar 'il fuq, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni sabiex tevalwa b’mod globali l-kobor ta’ eventwali tnaqqis tal-ammont tal-multi minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, FMC Foret vs Il-Kummissjoni, T‑191/06, Ġabra, EU:T:2011:277, punt 333). Din il-marġni għandha tiġi rrikonoxxuta b’mod partikolari meta tiġi evalwata l-utilità tal-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata għall-proċedura, kif ukoll il-livell li fih din il-kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tagħha li tikkonstata ksur.

222    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, TP kienet stiednet lill-Kummissjoni tiddiskuti proposta ta’ impenji li bis-saħħa tagħha hija pproponiet b’mod partikolari lill-Kummissjoni li tirrendi l-ftehim mal-UKE legalment vinkolanti, li tipprovdi s-servizzi tagħha lill-operaturi tal-broadband bil-metodi BSA u LLU fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali distinta u ddedikata, li tistabbilixxi kodiċi ta’ prattiki tajbin u li tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza tal-obbligi tagħha fdati lil mandatarju indipendenti.

223    Madankollu, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-impenji proposti minn TP ma kinux ta’ natura li jiffaċilitaw lill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni tal-ksur. Fil-fatt, dawn l-impenji jinkludu wegħda ta’ titjib fl-aġir ta’ TP u jagħmlu riferiment għalhekk għat-twaqqif ta’ ksur li l-eżistenza tiegħu ma kinitx għadha iktar dubjuża.

224    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 ma jistax raġonevolment jiġi interpretat bħala li jfisser li s-sempliċi fatt li impriża tipproponi impenji matul proċedura amministrattiva huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni li tmur lil hinn mill-obbligi ta’ kooperazzjoni u, għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq din l-impriża. Kieku dan kien il-każ, ikun biżżejjed għal kull impriża li ssib ruħha fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti, sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa, li tippreżenta proposti ta’ impenji, tkun xi tkun il-kwalità u l-kapaċità tagħhom li jiffaċilitaw il-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur. Issa, tali interpretazzjoni tmur kontra r-ratio legis tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, li huwa li jinkuraġġixxi lill-impriżi li jibdew kooperazzjoni mill-qrib u sinjifikattiva mal-Kummissjoni.

225    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-rifjut li tirrikonoxxi fir-rigward ta’ TP il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti prevista fir-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 ma jistax jiġi kkunsidrat la bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3.     Fuq it-talbiet għal riforma

226    Hemm lok qabel xejn li jiġi rrilevat li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda illegalità jew irregolarità, it-talbiet għal riforma ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn dawn huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tislet konsegwenzi, dwar l-ammont tal-multa, tal-imsemmija illegalitajiet jew irregolaritajiet.

227    Sussegwentement jeħtieġ li jiġu eżaminati, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess, b’mod partikolari invokati mir-rikorrenti, jekk il-Qorti Ġenerali tistax tissostitwixxi, abbażi tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa kif stabbilit mill-Kummissjoni, peress li dan tal-aħħar ma jkunx adegwat.

228    Mill-imsemmi eżami jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-mod kif il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-varjazzjonijiet tat-tul u l-intensità tal-aġir tagħha, kien adegwat għaċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ ekwità u ħieles minn kull sproporzjon jew żball.

229    Barra minn hekk, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar 'il fuq, jeħtieġ li tiġi rrilevata l-assenza ta’ elementi mwarrba mill-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u miġjuba ulterjorment għall-konjizzjoni tal-qorti tal-Unjoni li huma ta’ natura li jiġġustifikaw riforma tal-ammont tal-multa.

230    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġu miċħuda t-talbiet għal riforma mressqa mir-rikorrenti u, sussegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

231    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

232    Peress li l-Kummissjoni ma talbitx il-kundanna tal-PIIT għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha, il-PIIT ma għandha tbati biss l-ispejjeż tagħha.

233    L-ECTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Orange Polska S.A. għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Polska Izba Informatyki i Telekomunikacji u l-European Competitive Telecommunications Association għandhom ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-kuntest teknoloġiku, regolatorju u fattwali tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Il-proċedura amministrattiva

3.  Id-Deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-portata tal-vertenza

2.  Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ewwel motiv

Fuq it-tieni motiv

Fuq it-tielet motiv

–  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-fatt li t-tul tal-elementi differenti li jikkostitwixxu l-ksur u l-intensitŕ ta’ din tal-aħħar varjaw maż-żmien

–  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji li jivvizzjaw it-talbiet tal-Kummissjoni fuq l-effett tal-ksur fuq is-swieq ikkonċernati

Fuq ir-raba’ motiv

–  Fuq l-investimenti mwettqa minn TP wara d-data tal-ftehim mal-UKE

–  Fuq it-twaqqif volontarju tal-ksur

–  Fuq l-impenji proposti minn TP

3.  Fuq it-talbiet għal riforma

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.