Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fit-8 ta’ Marzu 2022 – JA vs Wurth Automotive GmbH

(Kawża C-177/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Salzburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: JA

Konvenut: Wurth Automotive GmbH

Domandi preliminari

L-evalwazzjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex konsumatur fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament (UE) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 tiddependi minn:

jekk ir-rikorrenti twettaqx attività ta’ grafista u disinjatriċi ta’ siti tal-internet, li hija ddikjarat fil-proċedura, biss bħala ħaddiema impjegata jew minn tal-inqas parzjalment fil-kuntest ta’ attività indipendenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ u immedjatament wara u

l-għan li għalih ir-rikorrenti xtrat il-vettura, jiġifieri biss għall-bżonnijiet tagħha stess f’termini ta’ konsum privat jew anki b’konnessjoni ma’ attività jew finalità professjonali kurrenti jew futura?

Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka iktar il-kwalità ta’ konsumatur jekk biegħet mill-ġdid il-vettura f’Awwissu 2019, u kwalunkwe profitt li jkun sar f’dan il-każ huwa rilevanti?

Ir-rikorrenti għandha titqies li ma għandhiex il-kwalità ta’ konsumatur sempliċement peress li ffirmat kuntratt ta’ bejgħ standard imfassal mill-konvenuta, li l-verżjoni stampata tiegħu kienet tindika bħala x-xerrej “kumpannija” u b’tipa żgħira taħt it-titolu “Arranġamenti partikolari” kienet tinkludi t-test “Operazzjoni professjonali/ebda ritorn, ebda garanzija/kunsinna biss wara riċezzjoni tal-ħlas”, mingħajr ma kkontestat dan u mingħajr ma rreferiet għall-kwalità tagħha ta’ konsumatur?

Ir-rikorrenti għandha tiġi imposta r-responsabbiltà tal-aġir tas-sieħeb tagħha, li aġixxa bħala konċessjonarju tal-karozzi fil-kuntest tal-bejgħ, li minnu l-konvenuta setgħet tikkonkludi li r-rikorrenti kellha l-kwalità ta’ imprenditur?

Fl-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ konsumatur, il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza ma setgħetx tikkonstata għal liema raġuni l-kuntratt ta’ bejgħ bil-miktub kien differenti mill-offerta preċedenti mogħtija mis-sieħeb tar-rikorrenti fir-rigward tal-indikazzjoni tax-xerrej u tal-kuntatt telefoniku bejn is-sieħeb tar-rikorrenti u wieħed mill-bejjiegħa tal-konvenuta, huwa sfavorevoli għar-rikorrenti?

Huwa rilevanti għall-kwalità ta’ konsumatur tar-rikorrenti li s-sieħeb tagħha ċempel lill-konvenuta diversi ġimgħat wara li ġie kkunsinnat il-vettura sabiex jistaqsi dwar jekk kienx possibbli li tiġi indikata t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.