Language of document : ECLI:EU:C:2019:39

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fis‑17 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C690/17

ÖkoTest Verlag GmbH

vs

Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co.KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark — Dritt li wieħed jopponi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku jew simili — Twaħħil mhux awtorizzat ta’ trade mark bħala tikketta ta’ test ta’ kwalità fuq prodott”






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa dwar jekk id-dritt tal-proprjetarja ta’ trade mark (ÖKO‑TEST), magħmula minn marka ta’ kwalità (2)u rreġistrata sabiex tidentifika numru ta’ servizzi, jipprojbixxix l-użu tagħha minn parti terza li, mingħajr il-kunsens tagħha, użatha fuq l-ippakkjar ta’ dentifriċju (Aminomed).

2.        F’każ bħal dan, fejn jidher li ma hemm l-ebda identiċità jew xebh bejn il-prodotti dentali u s-servizzi li joffri l-proprjetarja tat-trade mark, għandhom jiġu segwiti l-proċedimenti ta’ ksur tad-dritt tat-trade marks? Fil-qosor, dan huwa d-dubju tal-qorti tar-rinviju, li permezz tiegħu tixtieq issolvi d-diffikultajiet li jinħolqu minħabba li l-proprjetarja tat-trade mark ÖKO‑TEST ma tista’ tibda kontra min juża din il-marka mingħajr il-kunsens tagħha, la proċedura kuntrattwali u lanqas proċedura oħra, ibbażata fuq id-dritt Ġermaniż dwar il-kompetizzjoni żleali.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

3.        Is-sistema legali ta’ protezzjoni tat-trade marks huwa magħmul kemm mill-miżuri ta’ standardizzazzjoni tad-drittijiet nazzjonali (b’mod partikolari, id-Direttiva 2008/95/KE) (3), kif ukoll mid-dispożizzjonijiet regolatorji tat-trade mark tal-Unjoni (ir-Regolament Nru 207/2009) (4), fis-seħħ għall-operaturi li jagħżlu dan it-titolu ta’ proprjetà industrijali.

1.      Id-Direttiva 2008/95

4.        L-Artikolu 5(1) sa (3) jipprovdi li:

“1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)      kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

(b)      kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:

(a)      li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)      li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

[…]”

2.      Ir-Regolament 2017/1001

5.        L-Artikolu 9(1) sa (3) (5), jistabbilixxi li:

“1.      Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)      is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

(b)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, jew simili, għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, jekk ikun hemm il-probabbiltà li ssir konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trademark;

(c)      is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trademark tal-UE, irrispettivament minn jekk tintużax b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi, simili jew mhux simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE, meta din tal-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Unjoni u meta l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali min-natura distintiva jew ir-reputazzjoni tat-trademark tal-UE, jew ikun ta’ detriment għaliha.

3.      Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

(a)      it-twaħħil ta’ sinjal mal-oġġetti jew mal-imballaġġ ta’ dawk l-oġġetti;

(b)      l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]”

B.      Id-dritt Ġermaniż. Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra) (6)

6.        Fit-tielet punt tal-Artikolu 14(2) ta’ din il-liġi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu mis-setgħa stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 għat-trade marks li għandhom reputazzjoni.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

7.        Öko‑Test Verlag GmbH hija l-editur tal-ġurnal “ÖKO‑TEST” imqassam fil-Ġermanja. Flimkien mal-informazzjoni ġenerali għall-konsumaturi, tippubblika analiżi ta’ prodotti u servizzi, li jitwettqu f’laboratorji indipendenti. Il-testijiet u l-analiżi jitwettqu mingħajr ma jkunu magħrufa l-produtturi rispettivi.

8.        Fit‑23 ta’ April 2012, Öko‑Test Verlag kellha rreġistrati fid-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u t-Trade Marks) u mill‑31 ta’ Awwissu 2012, fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), rispettivament, dawn it-trade marks figurattivi, nazzjonali u tal-Unjoni (7).

Image not found

9.        Is-servizzi (8) koperti mit-trade mark li huma iktar rilevanti għal din il-kawża jinsabu fil-klassijiet 35 (konsulenza u informazzjoni għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodott jew servizz, bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet; twettiq u evalwazzjoni ta’ studji ta’ opinjoni u stħarriġ) u 42 (twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet ta’ prodotti u eżamijiet ta’ servizzi b’bażi xjentifika; twettiq u evalwazzjoni ta’ investigazzjonijiet ta’ kwalità; twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet u investigazzjonijiet tekniċi).

10.      Öko‑Test Verlag hija ffinanzjata prinċipalment mid-dħul li jiġi mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ġurnal tagħha u mill-kuntratti ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark, li tikkonkludi mal-produtturi tal-prodotti, ladarba jiġu analizzati. Il-persuni liċenzjati jirċievu fajl bil-marka ÖKO‑TEST u jużawh għall-prodotti tagħhom, billi jimlew l-ispazju vojt li fiha bir-riżultat tat-testijiet u bis-sors (9).

11.      Il-kuntratt ta’ liċenzja jiskadi meta l-iktar analiżi reċenti (b’parametri ġodda) tbiddel ir-riżultat tat-testijiet preċedenti mwettqa fuq il-prodott tal-persuna liċenzjata, anki jekk dan tal-aħħar ma jkunx ġie suġġett għal test ġdid (10), jew meta jinbidlu n-natura jew il-karatteristiċi ta’ dan il-prodott.

12.      Il-kumpannija Dr. Rudolf Liebe Nachf. GmbH & Co.KG (11) tipproduċi krema għat-tindif tas-snien, fosthom, Aminomed. Öko‑Test Verlag analizzat numru ta’ dentifriċju, inklużi Aminomed Fluorid‑Kamillen‑Zahncreme (krema għat-tindif tas-snien Aminomed b’estratti ta’ kamumilla selvaġġa u fluworur) u ppubblikat ir-riżultati tat-test fil-Jahrbuch Kosmetik 2005 (annwarju tal-kożmetika tal‑2005), fejn ikklassifikathom bħala “eċċellenti” (“sehr gut”).

13.      F’Awwissu tal‑2005, iż-żewġ impriżi kkonkludew kuntratt ta’ liċenzja dwar l-użu tal-marka ÖKO‑TEST (li għadha ma hijiex irreġistrata bħala trade mark), li Dr. Liebe bdiet tużaha għall-pubbliċità tal-prodotti tagħha.

14.      F’Ottubru tal‑2014, Öko‑Test Verlag saret taf li Aminomed kien qiegħed jiġi ddistribwit kif ġej:

Image not found

L-imballaġġ ġie emendat fir-rigward tal-oriġinal.

15.      Öko‑Test Verlag ippreżentat rikors għal ksur tad-dritt ta’ trade mark quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja). Din allegat li Dr. Liebe ma kellhiex is-setgħa, skont il-kuntratt ta’ liċenzja, li tuża l-marka ÖKO‑TEST, minħabba li: a) dan ma kienx l-għan tal-kuntratt; b) fl‑2008 ġiet ppubblikata analiżi ulterjuri ta’ krema għat-tindif tas-snien b’parametri ġodda, b’tali mod li, minħabba dan, Dr. Liebe ma kinitx awtorizzata tuża dan is-sinjal; u c) il-prodott ta’ Dr. Liebe b’dan is-sinjal ma kienx jikkorrispondi għal dak eżaminat fil-verità, fis-sens tal-kuntratt ta’ liċenzja, minħabba li kienu nbidlu, mill-inqas, ismu, id-deskrizzjoni tiegħu u l-imballaġġ tiegħu.

16.      Dr. Liebe opponiet ir-rikors billi allegat li l-kuntratt ta’ liċenzja kien għadu fis-seħħ u kellha s-setgħa tuża l-marka ÖKO‑TEST. Barra minn hekk, sostniet li, minn mindu ġew irreġistrati t-trade marks nazzjonali u tal-Unjoni, ma reġgħetx użathom.

17.      Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) qieset li Dr. Liebe kienet tuża t-trade mark inkwistjoni għas-servizz ta’ “informazzjoni u pariri għall-konsumatur” u li ma setgħetx tibqa’ tibbenefika mill-kuntratt ta’ liċenzja. Minħabba li Dr. Liebe ma ppreżentatx informazzjoni konkreta dwar it-tmiem tal-produzzjoni, din il-qorti ppreżumiet li, wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark, kienet kompliet tikkummerċjalizza l-krema għat-tindif tas-snien inkwistjoni b’din il-marka. Għalhekk, ikkundannat lil Dr. Liebe sabiex tieqaf tuża s-sinjal ÖKO‑TEST fil-kummerċ ta’ Aminomed, kif ukoll sabiex tneħħih mis-suq.

18.      Dr. Liebe appellat din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) li, fid-digriet tar-rinviju: a) taqbel mal-Qorti tal-Ewwel Istanza li l-kuntratt ta’ liċenzja kien ilu li skada, u b) konsegwentement, tirrikonoxxi li Dr. Liebe kienet tuża t-trade mark fil-kummerċ mingħajr il-kunsens tal-proprjetarja tagħha.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju:

–      jekk tiġi aċċettata t-teorija li t-trade mark inkwistjoni ntużat għal prodott (il-krema għat-tindif tas-snien), it-talbiet ta’ Öko‑Test Verlag, ibbażati fuq l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001, għandhom jiġu miċħuda minħabba li l-ebda waħda miż-żewġ reġistrazzjonijiet ta’ ÖKO‑TEST ma kienet tinkludi la d-dentifriċju u lanqas “prodotti simili”.

–      Öko‑Test Verlag setgħet biss tibbenefika mid-dritt tagħha bħala proprjetarja tat-trade mark, stabbilit f’dan l-artikolu, jekk l-użu ta’ marka ta’ kwalità fuq prodott ikun ekwivalenti għall-użu tagħha għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi protetti minn din it-trade mark, bħall-“informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi”.

20.      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, minħabba d-differenzi li jifirduhom, il-marki ta’ kwalità la huma ekwivalenti għas-siġilli ta’ kwalità u lanqas ma huma adattati sabiex jiġu rreġistrati bħala trade marks ta’ ċertifikazzjoni (12). Madankollu, tinnota li, bħall-kawża Gözze (13), il-konsumaturi jidentifikaw il-marka ta’ kwalità bħala waħda simili għas-siġill ta’ kwalità. It-twaħħil tagħha fuq il-prodott jiggarantixxi ċerta kwalità li ġiet ikkontrollata, iżda mhux li l-prodott ikun ġie prodott taħt is-sorveljanza tal-proprjetarju tat-trade mark ikkostitwita mill-marka. Għaldaqstant, il-pubbliku ma jidentifikax it-trade mark ÖKO‑TEST mal-produtturi tal-prodotti analizzati, billi jirrikonoxxi l-indipendenza tagħha minnhom u jattribwixxi ċertu sinjifikat lil dan il-fatt.

21.      Jekk jitqies li t-twaħħil tal-marka ta’ kwalità jintuża għas-servizz irreġistrat, Dr. Liebe kienet tikser it-trade mark (14), kemm fir-rigward tal-funzjoni ta’ oriġini tagħha, kif ukoll tal-funzjoni ta’ kwalità tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda, din id-darba b’rabta mal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 u mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95.

22.      Fil-fatt, it-trade mark ÖKO‑TEST għandha reputazzjoni fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda din ma tiġix irrikonoxxuta lilha bħala sinjal ta’ proprjetà industrijali, iżda bħala marka ta’ kwalità. Għalhekk, ikun diffiċli li, fid-dawl tas-sentenza Gözze, jitqies li Dr. Liebe użatha għad-dentifriċju u mhux għas-servizz li toffri Öko‑Test Verlag. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex trade mark individwali li għandha reputazzjoni, billi r-reputazzjoni tagħha hija riżultat tan-natura tal-marka ta’ kwalità tagħha.

23.      F’dan ir-rigward, din iżżid li l-ġurisprudenza fir-rigward tat-trade marks li għandhom reputazzjoni (15) ma toffrilhiex biżżejjed elementi sabiex tiċċara jekk il-kummerċjalizzazzjoni tad-dentifriċju bil-marka tikkostitwixxix użu li jwettaq ksur u, b’mod partikolari, jekk jistax ikun użu mingħajr karattru ta’ trade mark. Din tikkonkludi billi ssostni li l-isfruttament tal-prestiġju ta’ oħrajn, jew it-trażmissjoni ta’ immaġni, li huma pprojbiti mid-dispożizzjonijiet imsemmija, isiru anki meta parti terza ma tużax it-trade mark individwali sabiex tiggarantixxi l-identiċità ta’ oriġini tal-prodotti tal-impriża tagħha.

24.      F’din iċ-ċirkustanza, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Hemm użu illegali ta’ trade mark individwali fis-sens tal-punt (b) […] tal-Artikolu 9[(2)] tar-Regolament [2017/1001] jew tal-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95/KE meta

–        it-trade marka individwali hija mwaħħla fuq prodott li fir-rigward tiegħu ma hijiex protetta;

–        it-twaħħil tat-trade mark individwali minn terz huwa pperċepit mill-pubbliku bħala [‘marka ta’ kwalità’], jiġifieri fis-sens li l-prodott ġie mmanifatturat u mqiegħed fis-suq minn terz li ma huwiex taħt il-kontroll tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda li l-proprjetarju tat-trade mark ittestja ċerti karatteristiċi ta’ dan il-prodott u fuq il-bażi ta’ dan attribwixxilu ċerta evalwazzjoni li hija msemmija fi[l-‘marka ta’ kwalità’], u

–        t-trade mark individwali hija b’mod partikolari rreġistrata għal ‘informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi, speċjalment bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet kif ukoll permezz tal-kwalità’?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fin-negattiv lill-ewwel domanda preliminari:

Hemm użu illegali fis-sens tal-punt (c) […] tal-Artikolu 9[(2)] tar-Regolament [2017/1001] u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95/KE meta

–        t-trade marka individwali tgawdi minn reputazzjoni biss bħala [‘marka ta’ kwalità’] hekk kif deskritt fl-ewwel domanda u

–        it-trade mark individwali hija użata minn terz bħala [‘marka ta’ kwalità’]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2017. Öko‑Test Verlag, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis-seduta li saret fis‑7 ta’ Novembru 2018, li attendiet għaliha anki Dr. Liebe.

IV.    L-analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

26.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95, hija tenfasizza li r-rikors li wassal għall-kawża prinċipali kien jikkonċerna t-trade mark tal-Unjoni u, unikament sussidjarjament dik nazzjonali (16). Għaldaqstant, u sabiex niffaċilita l-qari, l-analiżi tiegħi ser tikkonċerna preferenzjalment ir-regoli tar-Regolament 2017/1001, dwar it-trade marks tal-Unjoni, anki jekk ir-riżultati ta’ din l-analiżi ikunu komparabbli mutatis mutandis mar-regoli analogi tad-Direttiva 2008/95 (17).

27.      Kif diġà spjegajt, il-qorti tar-rinviju eskludiet li l-protezzjoni ġuridika, li Öko‑Test Verlag taspira li tikseb, tista’ tiksibha permezz ta’ kuntratt (hija tiddikjara li l-kuntratt ta’ liċenzja kien ilu li waqaf milli jorbot liż-żewġ partijiet) (18) jew permezz ta’ kompetizzjoni żleali, minħabba li din tal-aħħar titlob li l-impriża rikorrenti u konvenuta jikkompetu bejniethom, li ma kienx il-każ (19).

28.      Bħalma fuq l-ostakolu għall-inibizzjoni bbażata fuq id-dritt Ġermaniż dwar il-kompetenza żleali ma għandi l-ebda riżerva, jista’ jkun possibbli li tiġi esplorata l-vijabbiltà tal-proċedura kuntrattwali, fid-dawl ta’ xi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skonthom:

–      Sabiex jiġi stabbilit jekk, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-“Regolament Brussell I” (20), proċedimenti “għandhomx x’jaqsmu ma’ kuntratt” u mhux “ma’ tort”, għandu jiġi investigat jekk l-aġir ikkritikat jikkostitwixxix nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali, kif jiġu ddeterminati meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-kuntratt (21).

–      Sabiex tiġi miċħuda talba għal kumpens għad-danni mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jiġi vverifikat jekk bejn il-partijiet jeżistix kuntest veru kuntrattwali, marbut mas-suġġett tal-kawża, anki jekk ikunu ntemmu r-relazzjonijiet kuntrattwali, li l-eżami dettaljat tiegħu jirriżulta indispensabbli biex tinqata’ l-kawża (22).

29.      Huwa evidenti li l-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa differenti minn dak tas-sentenzi li għadni kif semmejt fin-noti 21 u 22. Madankollu, l-approċċ metodoloġiku ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun utli anki f’dan il-każ, b’analoġija. Għalkemm mid-digriet tar-rinviju jidher li ġie dedott il-kuntrarju, fis-seduta l-partijiet tal-kawża prinċipali kkonfermaw li kien ġie awtorizzat id-dritt tal-użu tal-logo (23) fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali. Jekk, skont dak li jiġi dedott mid-digrieti, Dr. Liebe kompliet tuża din il-marka, kienet tkun qiegħda tikser l-obbligu kuntrattwali (possibbilment impliċitu) li tieqaf twaħħal is-sinjal fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju tagħha, ladarba tkun intemmet ir-relazzjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt.

30.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tista’, jekk tqisu xieraq, tapplika dan l-approċċ bħala l-bażi ta’ proċedimenti ex contracto possibbli favur Öko‑Test Verlag. Madankollu, hawnhekk nixtieq nindika biss din il-possibbiltà, konxju li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa xieraq li tingħata risposta għad-domandi magħmula, iktar milli jiġu ssuġġeriti soluzzjonijiet alternattivi li, finalment, jappartjenu għad-dritt nazzjonali.

B.      L-ewwel domanda preliminari: fuq l-użu illegali

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

31.      Skont Öko‑Test Verlag, il-marka tagħha ma kinitx tintuża bħala trade mark għal dentifriċju, iżda għal servizz (dak li toffri hija nnifisha) u din tipproponi li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv. Din tallega li marka ta’ kwalità ma tixbahx is-siġill ta’ kwalità, minħabba li l-ewwel waħda turi l-konformità ta’ prodott ma’ ċerti standards stabbiliti minn qabel, filwaqt li s-siġill ta’ kwalità sempliċement ikun hemm sabiex mal-ewwel daqqa ta’ għajn il-konsumatur jirrikonoxxi l-kwalità tal-prodott. Naqbel mal-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż li ma hemm l-ebda xebh bejn it-trade marks ta’ garanzija u ta’ ċertifikazzjoni (24).

32.      Öko‑Test Verlag temmen li l-pubbliku interessat jipperċepixxi l-użu ta’ ÖKO‑TEST għall-krema tat-tindif tas-snien bħala użu awtorizzat mill-proprjetarju tagħha, li jindika li: a) dan il-prodott ġie kklassifikat bħala eċċellenti fit-testijiet li ġie suġġett għalihom minn Öko‑Test Verlag; u b) din il-klassifikazzjoni hija koerenti mal-kontenut tal-pubblikazzjoni u mal-istandards newtrali, oġġettivi u peritali tagħha. Għaldaqstant, l-użu ta’ ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe jaffettwa l-funzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, kif ukoll oħrajn tal-funzjonijiet awtorizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja (25).

33.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-ewwel domanda ma tirrigwardax l-identiċità doppja tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95, iżda r-riskju ta’ konfużjoni tal-ittra (b) tiegħu, minħabba li jeżistu ċerti differenzi bejn is-sinjal oriġinali ÖKO‑TEST u dak li jintuża għad-dentifriċju (b’mod partikolari, ir-riżultati tat-testijiet u r-riferiment għall-pubblikazzjoni). Dan jissuġġerixxi li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, fuq il-bażi li t-trade mark irreġistrata għal servizz tista’ tintuża għal prodott, meta l-pubbliku jirrikonoxxi l-awtonomija tas-servizz u li dan tal-aħħar huwa marbut mal-prodott.

34.      Il-Gvern Ġermaniż jemmen li l-element determinanti huwa l-perċezzjoni tal-pubbliku, li huwa mdorri li l-organizzazzjonijiet indipendenti mill-produtturi jwettqu analiżi tal-prodotti ta’ użu ta’ kuljum, u sussegwentement jinformaw lill-konsumaturi. Dawn setgħu jiddeduċu faċilment li Öko‑Test Verlag kienet evalwat id-dentifriċju u kklassifikatu bħala eċċellenti. Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti bi trade marks jew sinjali differenti hija komuni bejn l-impriżi, bħalma jiġri fil-każ tas-siġilli ta’ kwalità jew ta’ ċertifikazzjoni (l-agrikoltura organika, l-effikaċja enerġetika tal-Unjoni, il-kummerċ ġust) u tat-twaħħil ta’ trade marks ta’ fornitur fir-rigward tal-indikazzjoni tal-kwalità tal-komponenti tal-prodott finali (pereżempju, Intel Inside fuq il-proċessuri tal-kompjuters).

35.      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, id-domanda tagħmel riferiment, fil-verità, għall-ittra (a) u mhux għall-(b), kemm tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95. Din taċċetta li t-twaħħil tat-trade mark ÖKO‑TEST fil-preżentazzjoni tad-dentifriċju neċessarjament jagħmel riferiment għall-istess servizzi pprovduti mill-proprjetarju tagħha (Öko‑Test Verlag), iżda tqis li dan ir-rinviju huwa inerenti għall-pubbliċità tal-prodott tas-snien, mingħajr ma jiġi implikat li Dr. Liebe tirreklama l-istess servizzi bħal Öko‑Test Verlag.

36.      Il-Kummissjoni tenfasizza l-effett pubbliċitarju mixtieq mill-produttur tal-krema għat-tindif tas-snien meta tintuża tal-marka ÖKO‑TEST: li l-pubbliku jiftakar is-servizz ipprovdut mill-proprjetarju ta’ din il-marka, l-uniku wieħed li għandu jassumi r-responsabbiltà ta’ analiżi indipendenti. Il-klawżoli tal-kuntratt ta’ liċenzja huma intiżi li jevitaw li t-telf ta’ kwalità tal-prodott suġġett għal test ikollu impatt negattiv fuq it-trade mark innifisha ta’ Öko‑Test Verlag, li huwa dak li jiġri jekk din il-kwalità baxxa tal-prodott tiġi assoċjata mal-impriża li twettaq l-analiżi tiegħu.

2.      Evalwazzjoni

37.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, essenzjalment, jekk il-marka ta’ kwalità ÖKO‑TEST, protetta bħala trade mark irreġistrata, tintużax, bħalma tużaha Dr. Liebe fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju, sabiex jiġu identifikati s-servizzi tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark u mhux biss l-oġġetti li tikkummerċjalizza Dr. Liebe.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Gözze li “ma hemmx użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark individwali meta t-twaħħil tagħha fuq prodotti għandu bħala funzjoni unikament li jikkostitwixxi tikketta ta’ kwalita għal dawn il-prodotti u mhux dik li barra minn hekk jiġi ggarantit li l-prodotti ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom” (26).

39.      Jekk din id-dikjarazzjoni tiġi segwita letteralment, il-kawża jkollha soluzzjoni relattivament faċli, minħabba li Öko‑Test Verlag la tipproduċi d-dentifriċju u lanqas ma twaħħal it-trade mark tagħha fuq l-imballaġġ sabiex tidentifika l-oriġini tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi eskluż li din l-impriża tista’ tipprojbixxi lil Dr. Liebe milli tuża, fil-kummerċ, it-trade mark ÖKO‑TEST skont l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001.

40.      Għalkemm, f’din il-kawża, din is-soluzzjoni tista’ tiġi kkoreġuta (kif ser nipproponi iktar ’il quddiem) permezz tal-ittra (c) tal-istess dispożizzjoni, minħabba r-reputazzjoni ta’ ÖKO‑TEST fis-suq Ġermaniż, xorta waħda nemmen li anki l-proprjetarji ta’ sinjali li ma għandhomx reputazzjoni għandu jkollhom aċċess għal xi strument legali, proprju tad-dritt tat-trade marks, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra l-użu tagħhom minn terza persuna mingħajr kunsens, bħalma huwa l-każ fil-każ inkwistjoni (27). Jista’ jkun li matul l-investigazzjoni tad-differenzi bejn is-siġill ta’ kwalità u l-marka ta’ kwalità, wieħed jiltaqa’ ma’ risposta li tmur lil hinn minn dik li ngħatat fis-sentenza Gözze.

41.      Fir-rigward ta’ jekk dan il-każ jistax jiġi inkluż fil-każ imsemmi fl-ittra (a) jew fl-ittra (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, il-partijiet ma qablux bejniethom fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-domanda preliminari. Preferibbilment, għandhom jiġu identifikati l-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni komuni għaż-żewġ varjanti jiġux issodisfatti (28), bħala bażi għall-għażla ta’ wieħed minnhom.

a)      Elementi ta’ evalwazzjoni

1)      Il-punt ta’ tluq

42.      Fil-prinċipju, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’ biss jipprojbixxi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal, skont l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001, meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

–      Minn naħa, is-sinjal għandu jkun identiku (29) jew simili għat-trade mark irreġistrata mill-proprjetarju;

–      Min-naħa l-oħra, l-użu tat-trade mark irreġistrata: a) għandu jsir fil-kummerċ; b) mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark; ċ) għandu jkopri l-prodotti jew is-servizzi identiċi jew simili għal dawk li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom; u d) għandu jippreġudika jew ikun adattat sabiex jippreġudika waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark (30).

43.      Mill-fajl mibgħut mill-qorti tar-rinviju jidher li l-(ewwel) rekwiżit, dwar l-identiċità tas-sinjal (31), ma għandux joħloq problemi, minħabba li Dr. Liebe ma tiċħadx li użat il-marka ÖKO‑TEST fuq l-imballaġġi tal-krema għat-tindif tas-snien tagħha.

44.      F’dan ir-rigward, m’iniex konvint mill-opinjoni tal-Gvern Ġermaniż dwar id-differenza bejn ÖKO‑TEST, bħala trade mark irreġistrata, u s-sinjal li jidher fuq l-imballaġġ tad-dentifriċju ta’ Dr. Liebe. Il-fatt li fuq dan l-imballaġġ ikun hemm, ġewwa t-trade mark, ir-riżultati tat-testijiet u r-riferiment għall-pubblikazzjoni huwa irrilevanti, għal żewġ raġunijiet: l-ewwel waħda, minħabba li l-pubbliku huwa mdorri jidentifika t-trade mark ÖKO‑TEST b’tali indikazzjonijiet (mingħajrhom, ftit li xejn tgħodd l-inklużjoni tagħhom fil-pubbliċità tal-prodott); u t-tieni waħda, li tirriżulta minn dik preċedenti, hija minħabba li din id-disparità tiġi injorata minn għajnejn il-konsumatur medju, fis-sens li ma ġġiegħlux jaħseb li hija trade mark oħra (madankollu, bħala kwistjoni ta’ fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dan ir-raġunament) (32).

45.      Lanqas ma jiġu diskussi l-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-użu fil-kummerċ u n-nuqqas ta’ kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark. Dan tal-aħħar ma għandux għalfejn ikun kompetitur tal-produttur tal-prodott: l-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001 jippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi l-użu tagħha għal “kull parti terza” li tużah mingħajr il-kunsens tiegħu, għaldaqstant ma hijiex indispensabbli l-kwalità tal-kompetitur. Għalkemm il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni prinċipalment japplikaw għall-kompetituri, dan ma jimplikax li r-reazzjoni possibbli tal-proprjetarju tat-trade mark ġiet illimitata għalihom mil-leġiżlatur.

46.      Għaldaqstant, jonqos li jiġi ċċarat jekk kienx hemm koinċidenza fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi u jekk, ladarba tiġi ċċarata din il-kwistjoni, l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe kienx biżżejjed sabiex jippreġudika waħda mill-funzjonijiet karatteristiċi ta’ din it-trade mark.

2)      In-natura tat-trade mark

47.      Il-marka ÖKO‑TEST hija trade mark irreġistrata għal servizzi. Dan it-tip ta’ sinjal huwa differenti minn dawk li jkopru prodotti minħabba n-natura intanġibbli tagħhom, li ċċaħħadhom minn materjal tanġibbli, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fir-rigward tal-prodotti protetti mit-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju (33).

48.      L-intanġibbiltà tas-servizzi tippermetti interazzjoni bejn dawn u l-prodott. Meta s-servizzi jaffettwaw il-kwalitajiet tal-prodott, wieħed jista’ jsib trade marks ta’ servizzi flimkien ma’ dawk ta’ prodotti li jenfasizzaw dan il-fatt. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-użu estiż tas-siġilli u l-marki li jirreferi għalihom il-Gvern Ġermaniż.

49.      Normalment, it-twaħħil ta’ trade marks ta’ prodotti li jinkludu marki (bħal dawk ta’ kwalità) iseħħ skont kuntratt li jinkludi liċenzja għall-użu. Fil-kuntratt, il-produttur jiġi awtorizzat, bħala persuna liċenzjata, sabiex juża l-marka, b’tali mod li jiżdied il-prestiġju tal-prodotti tiegħu. Il-marka ta’ kwalità tintuża ġustament sabiex tinforma lill-pubbliku li dawn il-prodotti, wara li jgħaddu mit-testijiet rilevanti, igawdu mill-klassifikazzjoni favorevoli maħruġa mill-impriża proprjetarja tal-marka (f’dan il-każ, Öko‑Test Verlag).

50.      Meta l-marka tiġi rreġistrata bħala trade mark, il-kuntratt jippermetti lill-persuna liċenzjata tqegħedha, bħala trade mark, fuq il-prodotti tagħha. Madankollu, l-istess kuntratt jgħodd ukoll għall-proprjetarju tat-trade mark sabiex jinforma lill-pubbliku dwar is-servizzi proprji tiegħu, f’simbjożi favorevoli għalih u għall-persuni liċenzjati differenti. Kif ser nispjega meta niddeskrivi l-karatteristiċi tal-marka ta’ kwalità, ser jinħoloq tip ta’ “użu doppju” (34).

51.      B’dan il-mod, Dr. Liebe, jekk tkun debitament awtorizzata, tista’ tistampa l-marka ta’ kwalità, bħala trade mark, fuq il-prodotti tagħha, iżda, fl-istess ħin, l-użu ta’ ÖKO‑TEST fuqhom iwassal għal tixrid usa’ tas-servizzi li Öko‑Test Verlag tipprovdi lill-impriżi u lill-konsumaturi.

3)      Il-karatteristiċi tas-servizzi pprovduti minn ÖkoTest Verlag

52.      Ir-Regolament 2017/1001 u d-Direttiva 2015/2436 jirrikonoxxu t-trade marks kollettivi (35) u t-trade marks ta’ ċertifikazzjoni (36):

–      It-trade marks kollettivi joħolqu distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi tal-membri ta’ assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tat-trade mark u ta’ dawk ta’ impriżi oħrajn.

–      It-trade marks ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ garanzija jwettqu l-funzjoni tagħhom ta’ identifikazzjoni tal-oriġini meta jagħrfu “l-oġġetti jew is-servizzi li huma ċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-materjal, il-metodu ta’ manifattura ta’ oġġetti jew tat-twettiq tas-servizzi, il-kwalità, il-preċiżjoni jew karatteristiċi […] minn oġġetti u servizzi li mhumiex ċertifikati b’dan il-mod” (37).

53.      Għalkemm turi ċertu xebh mat-trade marks ta’ ċertifikazzjoni, il-marka ta’ kwalità la tiġi identifikata magħhom u lanqas ma hija inkluża f’xi waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. B’mod ġenerali, tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark individwali minn kwalunkwe impriża, iddedikata għall-evalwazzjoni oġġettiva u indipendenti ta’ prodotti, li toffri l-possibbiltà, permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, lil firxa wiesgħa ta’ operaturi ekonomiċi sabiex juru l-kwalità tal-oġġetti tagħhom, billi jużaw il-logo korrispondenti.

54.      Din id-differenza tispjega d-diffikultà li l-proprjetarji tal-marki ta’ kwalità jiġu mitluba jfasslu regolament, fis-sens tal-Artikolu 75 tar-Regolament 2017/1001, minħabba li, minn naħa, ma humiex affiljati li għandhom jirrispettawh bħat-trade marks kollettivi ta’ ċertifikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-impriża proprjetarja tat-trade mark tista’ tvarja, meta trid, il-prodotti li jiġu suġġetti għat-testijiet, kif ukoll il-parametri ta’ dawn it-testijiet.

55.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza d-diverġenzi bejn dawn il-marki u s-siġilli ta’ kwalità (bħal dik li ġiet analizzata fis-sentenza Gözze), li bażikament jikkonsistu f’: a) l-estensjoni tat-testijiet għal diversità kbira ta’ prodotti u servizzi, u mhux għal wieħed biss; b) l-adattament tal-kriterji għall-ħtiġijiet tal-konsumatur u l-emenda regolari tat-testijiet; ċ) in-nuqqas ta’ influwenza tal-produttur fl-organizzazzjoni li tipprovdi s-servizzi ta’ testijiet; u d) l-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-marka ma tiddependix fuq is-sempliċi osservanza ta’ ċerti rekwiżiti, iżda tingħata klassifikazzjoni skont ir-riżultati tat-testijiet (38).

56.      L-imprenditur li l-prodotti tiegħu għaddew minn dawn it-testijiet ta’ kwalità jkun awtorizzat, wara li jiġi konkluż ftehim ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark, li jagħmel dan fid-deskrizzjoni jew fuq l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti. F’din il-kawża, jekk Dr. Liebe tikseb il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag, din setgħet b’mod leġittimu twaħħal is-sinjal ÖKO‑TEST f’post viżibbli fuq il-krema għat-tindif tas-snien, bil-klassifikazzjoni miksuba u bir-riferiment għan-numru tal-ġurnal li fih ġew ippubblikati r-riżultati. Jidher loġiku li wieħed jaħseb li, kif tinnota l-Kummissjoni, l-impriża li l-prodotti tagħha jiġu suġġetti għat-testijiet ta’ Öko‑Test Verlag u li jiksbu riżultat sodisfaċenti, tkun interessata li tqiegħed din il-marka fuq il-prodotti tagħha, bħala element pubbliċitarju tal-karatteristiċi tal-merkanzija tagħha.

57.      Billi tistampa l-marka ÖKO‑TEST b’mod viżibbli fuq l-imballaġġ ta’ Aminomed, Dr. Liebe tfittex li, primarjament, issaħħaħ il-messaġġ ta’ kwalità tad-dentifriċju, permezz tar-reputazzjoni u l-affidabbiltà li toffrilha t-trade mark ÖKO‑TEST, sostnuti mill-klassifikazzjoni (eċċellenti) miksuba u r-riferiment għall-ġurnal li fih ġie ppubblikat ir-riżultat tat-testijiet (39). Madankollu, dan l-istess aġir jikkontribwixxi, fl-istess ħin, sabiex tinxtered l-affidabbiltà tas-servizzi pprovduti minn Öko‑Test Verlag fost il-konsumaturi, jiġifieri, sabiex tiġi identifikata l-oriġini tan-negozju tal-attività ta’ analiżi u evalwazzjoni tal-prodotti għall-konsumatur.

58.      Għaldaqstant, ma jistax jiġi argumentat, kif għamlet Dr. Liebe fis-seduta, li s-sinjal ÖKO‑TEST intuża b’mod deskrittiv, fis-sens tal-premessa 21 tar-Regolament Nru 2017/1001, bħala iktar informazzjoni dwar il-prodott. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument, minħabba li:

–      Il-mod kif sar dan l-użu juri r-rieda li t-trade mark tintuża sabiex tkopri s-servizzi ta’ Öko‑Test Verlag. Kieku l-għan kien li tiġi pprovduta sempliċi informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni, din setgħet tiġi trażmessa mingħajr il-ħtieġa tal-logo.

–      Il-premessa msemmija tippermetti l-użu deskrittiv sakemm ikun leali u onest, kwalitajiet li mingħajr il-kisba inizjali tal-kunsens huma diffiċli li jiġu rrikonoxxuti.

59.      Fil-qosor, minħabba r-relazzjoni stretta bejn is-servizzi pprovduti mill-impriża li tagħti l-marka ta’ kwalità (ÖKO‑TEST) u l-prodotti li jinkluduha (Aminomed), meta din tintuża wara li tkun ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali, l-użu tagħha jkollu żewġ effetti sinjifikattivi, fir-rigward tal-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament 2017/1001: minn naħa, il-marka ssaħħaħ l-indikazzjoni ta’ kwalità tal-prodotti li huma awtorizzati li jużawha, għalhekk jista’ jingħad li tintuża għal dawn il-prodotti (40); min-naħa l-oħra, isservi wkoll bħala pubbliċità għas-servizzi tal-impriża li tagħti l-marka ta’ kwalità. Definittivament, hija l-manifestazzjoni tal-użu doppju li għamilt riferiment għalih iktar ’il fuq.

4)      Il-perċezzjoni tal-konsumatur

60.      L-evalwazzjoni tal-konsumatur medju u kif jipperċepixxi trade mark huma kwistjonijiet ta’ fatt li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju (41). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha risposti utli sabiex issolvihom (42).

61.      Kemm Öko‑Test Verlag, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni (din b’xi kwalifikazzjonijiet) jaqblu li, għall-pubbliku interessat, l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST fil-preżentazzjoni tad-dentifriċju ser jitqies bħala riferiment għas-servizzi indipendenti tal-impriża proprjetarja ta’ din il-marka (Öko‑Test Verlag). Għalhekk, il-konsumatur medju ser jorbot dan is-sinjal għall-inqas mas-servizzi ta’ “konsulenza u informazzjoni għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodott jew servizz, bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u investigazzjonijiet” (klassi 35) u dawk ta’ “twettiq u evalwazzjoni ta’ testijiet ta’ prodotti u eżaminazzjonijiet ta’ servizzi b’bażi xjentifika” (klassi 42).

62.      Normalment, fuq l-imballaġġ ta’ ħafna prodotti għall-konsumatur ikun hemm marki u siġilli ta’ kwalità (jew modalitajiet oħrajn ta’ ċertifikazzjoni, ta’ indikazzjoni tal-oriġini ekoloġika jew ta’ kummerċ ġust). Għaldaqstant, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-konsumatur medju jista’ faċilment jifhem li t-trade mark ÖKO‑TEST, bħalma tużaha Dr. Liebe, tirreferi għas-servizzi pprovduti minn Öko‑Test Verlag, li magħha hija assoċjata l-marka ta’ kwalità. B’dan il-mod, l-użu li Dr. Liebe tagħmel minn din it-trade mark jikkostitwixxi “użu bħala trade mark” (43), minħabba li jiggarantixxi li s-servizz ta’ analiżi tal-kwalità tad-dentifriċju twettaq mill-impriża proprjetarja tat-trade mark, Öko‑Test Verlag.

5)      Il-preġudizzju għall-funzjonijiet tat-trade mark

63.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark jippermettilu li jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu, jiġifieri, li jiggarantixxi li din it-trade mark tissodisfa l-funzjonijiet proprji tagħha. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun irriżervat għall-każijiet fejn l-użu tas-sinjal minn parti terza jippreġudika jew ikun jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark, b’tali mod li s-sempliċi theddida ta’ dannu bħal dan hija biżżejjed (44).

64.      Fost dawn il-funzjonijiet hemm kemm l-(essenzjali) li tidentifika l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll dik li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom u dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tal-pubbliċità (45).

65.      Fir-rigward tal-funzjoni essenzjali, it-trade mark twettaqha, b’mod partikolari, “sabiex tikkonferma li l-prodotti kollha li huma protetti minn din it-trade mark ġew immanifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom” (46).

66.      Barra minn hekk, skont id-deskrizzjoni tal-fatti tad-digriet tar-rinviju, Dr. Liebe użat it-trade mark mingħajr il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag u l-klassifikazzjoni li użat, għalkemm kienet dik li kisbet fit-testijiet tal‑2005, ma setgħetx tkun konnessa mal-analiżijiet tal‑2008, fejn id-dentifriċju tagħha ma kienx inkluż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur medju seta’ jaħseb li Öko‑Test Verlag tkompli tiggarantixxi l-kwalità tad-dentifriċju skont il-livell kwalitattiv preċedenti, ivverifikat mill-marka ta’ kwalità, meta, fil-verità, minħabba li ma kienx għadda mit-testijiet il-ġodda, kien jonqsu din il-garanzija.

67.      Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, l-użu li Dr. Liebe għamlet mit-trade mark ÖKO‑TEST seta’ wassal għal informazzjoni qarrieqa, minħabba li jagħti l-impressjoni li l-klassifikazzjoni bħala eċċellenti nkisbet wara testijiet imwettqa taħt il-kontroll ta’ Öko‑Test Verlag. B’dan il-mod, il-funzjoni essenzjali tal-marka kienet ippreġudikata (47), minħabba li, għalkemm din l-impriża tal-aħħar wettqet it-testijiet f’waqthom, il-klassifikazzjoni ppreżentata fuq l-imballaġġ ma tikkorrispondix għall-aħħar analiżi tad-dentifriċju, imwettqa minn Öko‑Test Verlag, li din ippubblikat fil-ġurnal tagħha, u lanqas għal-liċenzji mogħtija wara dawn l-analiżi il-ġodda (48).

68.      Il-kuntrast bejn ir-riżultat imħabbar minn Dr. Liebe bis-sinjal ÖKO‑TEST u r-realtà tal-analiżi, fit-termini li għadni kif spjegajt, jista’ wkoll jippreġudika l-prestiġju miksub minn Öko‑Test Verlag permezz tat-trade mark tagħha, b’tali mod li tiġi ppreġudikata l-funzjoni ta’ investiment (iddefinita bħala l-possibbiltà tal-proprjetarju li juża t-trade mark tiegħu sabiex jakkwista jew iżomm reputazzjoni li tippermettilu jattira l-konsumaturi u jikseb klijentela leali) (49).

b)      Korollarju

69.      Kif diġà enfasizzajt, ippreferejt ma nagħżilx inizjalment l-applikabbiltà ta’ waħda mill-ittri (a) jew (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001. Madankollu, sabiex nipprovdi risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ispjegazzjonijiet mogħtija sa issa wassluni għal dan li ġej:

–      Dr. Liebe wettqet użu doppju ta’ trade mark li tikkoinċidi mal-oriġinali (ÖKO‑TEST), kemm biex tagħmel id-dentifriċju tagħha iktar attraenti permezz tal-marka ta’ kwalità (bil-klassifikazzjoni bħala eċċellenti), kif ukoll għas-servizzi offruti minn Öko‑Test Verlag. Għalhekk, teżisti identiċità tas-sinjali u s-servizzi li tissodisfa r-rekwiżit ta’ “identiċità doppja” tal-ittra (a) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.

–      Sa fejn il-konsumatur medju ma jemminx li t-trade mark ÖKO‑TEST tindika li l-analiżi tad-dentifriċju Aminomed twettqet minn Dr. Liebe u, minħabba l-livell għoli ta’ għarfien dwar din it-trade mark fost il-pubbliku Ġermaniż, lanqas ma jemmen li d-dentifriċju jiġi mill-istess impriża jew impriżi konnessi ekonomikament, li jeskludi r-riskju ta’ konfużjoni fis-sens tal-ittra (b) tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.

70.      Barra minn hekk, minħabba li l-użu tat-trade mark ÖKO‑TEST minn Dr. Liebe joħloq ir-riskju li jiġu ppreġudikati, mill-inqas, il-funzjonijiet ta’ oriġini u ta’ investiment ta’ din it-trade mark, jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, għalhekk jista’ jiġi kklassifikat bħala illegali.

71.      Finalment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-enumerazzjoni ta’ modalitajiet ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2017/1001 (50) ma hijiex eżawrjenti, u għaldaqstant għandu jiġi inkluż l-użu li twettaq minn Dr. Liebe fiċ-ċirkustanzi diġà deskritti.

C.      It-tieni domanda preliminari: fuq l-użu illegali ta’ trade mark li għandha reputazzjoni

72.      Minħabba li ssuġġerejt risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju teħtieġ risposta biss jekk dik ir-risposta kienet fin-negattiv, ma huwiex indispensabbli li nitkellem iktar dwar dan. Madankollu, sussidjarament, ser inwettaq l-analiżi ta’ din it-tieni domanda, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel waħda b’mod differenti jew taħseb li s-soluzzjoni li qiegħed nipproponi dwar, minn naħa, l-identiċità doppja tas-sinjali u, min-naħa l-oħra, tas-servizzi u l-prodotti, hija artifiċjali żżejjed.

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

73.      Öko‑Test Verlag tfakkar li l-protezzjoni speċjali mogħtija lit-trade marks li għandhom reputazzjoni tmur lil hinn mill-kuntest tal-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti u tiffoka fuq il-preġudizzju u l-isfruttament abbużiv ta’ dawn it-trade marks. Ma hemm l-ebda dubju dwar il-karattru ta’ reputazzjoni tat-trade mark ÖKO‑TEST u l-pubbliku jassoċjaha mas-sinjal imwaħħal minn Dr. Liebe fuq il-prodotti tagħha.

74.      Skont Öko‑Test Verlag, kif ukoll skont il-Kummissjoni, isir użu illegali tat-trade mark li għandha reputazzjoni ÖKO‑TEST meta l-persuna li tużaha ma jkollhiex awtorizzazzjoni, u sa fejn dan jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark. Barra minn hekk, ikun hemm ir-riskju li l-pubbliku jitlef il-fiduċja fis-servizzi tagħha, jekk il-prodott ma jilħaqx l-aspettattivi tagħhom. Il-konsumatur jista’ joħroġ il-frustrazzjoni tiegħu dwar ix-xogħol ta’ Öko‑Test Verlag, muri kemm fit-testijiet kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet tagħha.

75.      Fid-dawl tal-proposta tiegħu ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Gvern Ġermaniż ma tax risposta għat-tieni waħda, minħabba li hija ta’ natura sussidjarja.

76.      Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95 huma ssodisfatti ladarba t-trade mark individwali għandha reputazzjoni bħala marka ta’ kwalità. L-użu illegali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi t-twaħħil minn terza persuna ta’ din it-trade mark fuq il-prodotti tagħha.

77.      Il-Kummissjoni tfakkar li parti sinjifikattiva tal-pubbliku Ġermaniż interessat fil-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjal, għandha tirrikonoxxi t-trade mark (51). Din taħseb li l-mod kif jintuża s-sinjal ta’ ÖKO‑TEST jista’ jagħtih ċertu prestiġju bħala trade mark. Grazzi għall-kuntratt ta’ liċenzja, Öko‑Test Verlag jirnexxilha li t-trade mark tagħha tiġi rrikonoxxuta mill-pubbliku bħala indikazzjoni tas-servizzi tagħha ta’ informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur.

2.      Evalwazzjoni

78.      Il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk, fin-nuqqas tal-protezzjoni mogħtija lit-trade mark ÖKO‑TEST fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, tistax tiġi invokata l-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni tal-ittra (c) tal-istess artikolu.

79.      Evidentement, l-ostakolu li l-qorti tar-rinviju qiegħda taffaċċja huwa li t-trade mark individwali ÖKO‑TEST tiġi rrikonoxxuta biss bħala marka ta’ kwalità u t-terza persuna tużaha bħala tali marka. Madankollu, ma naħsibx li dan il-fattur huwa rilevanti:

–      Jekk dan ifisser li ma sar l-ebda “użu bħala trade mark”, fis-sens tas-sentenza Gözze, sabiex tiġi rrifjutata tali teorija nagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti (52).

–      Jekk, min-naħa l-oħra, għandha ssir differenza bejn l-għarfien li l-pubbliku għandu dwar it-trade mark u dwar il-“marka ta’ kwalità”, naħseb li din hija differenza artifiċjali. ÖKO‑TEST ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali, nazzjonali jew tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandha tgawdi mill-protezzjoni li tingħata lil dan it-tip ta’ trade marks, irrispettivament minn jekk il-pubbliku jkunx jaf b’dan ir-raġunament, jew jekk terza persuna għandhiex l-għan li tuża trade mark bħala marka biss. Inkella, jekk dan ma jkunx il-każ, it-trade marks ikunu qegħdin jiġu mċaħħda mill-protezzjoni leġittima tagħhom, li tiddependi mil-livell ta’ għarfien dwar ir-reġistrazzjoni tagħhom mill-pubbliku.

80.      Konsegwentement, b’mod essenzjali, dak li qiegħed jiġi mistoqsi permezz tat-tieni domanda preliminari huwa jekk il-proprjetarju tal-marka ÖKO‑TEST jistax igawdi mill-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni, sabiex jieħu azzjoni kontra l-użu illegali tagħha minn terza persuna. Evidentement, għandu jiġu kkunsidrat li din it-trade mark għandha r-reputazzjoni meħtieġa, minħabba l-għarfien li l-konsumaturi Ġermaniżi għandhom dwar din il-marka. Din hija evalwazzjoni fattwali li għandha titwettaq biss mill-qorti tar-rinviju (53).

81.      L-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 jistabbilixxi, favur it-trade marks li għandhom reputazzjoni, protezzjoni ta’ portata ikbar minn dik ipprovduta fl-ittri (a) u (b) tal-paragrafu 2 tiegħu. Ir-rekwiżiti, kumulattivi (54), sabiex wieħed igawdi minn din il-protezzjoni huma: a) li jkun hemm użu ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata; b) li dan l-użu jsir mingħajr raġuni valida; ċ) li dan isir għal prodotti jew servizzi, kemm jekk ikunu identiċi, simili jew anki jekk le (55); u d) li, permezz tiegħu, jittieħed jew jista’ jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, jew li jippreġudikahom jew li jista’ jippreġudikahom (56).

82.      Ma hemm l-ebda kontroversja dwar ir-rekwiżiti a), b) u ċ): l-użu tal-marka ta’ kwalità min-naħa ta’ Dr. Liebe sar mingħajr il-kunsens ta’ Öko‑Test Verlag, u mingħajr raġuni valida, u sar għal prodotti jew servizzi li ma huwiex indispensabbli li jiġu kkonstatati l-identiċità jew ix-xebh tagħhom.

83.      Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit jekk Dr. Liebe, meta użat it-trade mark ÖKO‑TEST, wettqitx kwalunkwe waħda (57) mill-azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001. Dawn jistgħu jikkonsistu kemm fil-preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark, kemm fid-dannu kkawżat lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, jew fil-vantaġġ illegali li jittieħed mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark.

84.      Fl-opinjoni tiegħi, għar-raġunijiet li spjegajt fil-punti 66 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-użu li Dr. Liebe għamlet mit-trade mark ÖKO‑TEST jista’ jippreġudika l-prestiġju ta’ din tal-aħħar, billi joħloq konfużjoni fost il-konsumaturi, li kapaċi tnaqqas is-saħħa ta’ attrazzjoni ta’ din it-trade mark (58).

85.      Barra minn hekk, Dr. Liebe kienet tieħu vantaġġ bl-użu, mingħajr raġuni valida, tat-trade mark ÖKO‑TEST, billi tittrasferixxi l-konnotazzjonijiet favorevoli li għandha din it-trade mark, fit-termini pubbliċitarji u kwalitattivi diġà invokati, lejn id-dentifriċju tagħha, li ma ġiex suġġett għall-analiżi l-ġodda. Dan iwassal għal sfruttament żleali tar-reputazzjoni tat-trade mark, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (59).

86.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-fatti tal-kawża prinċipali humiex ikkaratterizzati minn użu tas-sinjal, mingħajr raġuni valida, li permezz tiegħu jittieħed vantaġġ illegali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark ÖKO‑TEST (60).

V.      Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

“1)      L-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, jawtorizzaw lill-proprjetarju ta’ trade mark individwali, li tikkonsisti f’‘marka ta’ kwalità’ u hija rreġistrata għal ‘informazzjoni u konsulenza għall-konsumatur fl-għażla ta’ prodotti u servizzi, speċjalment bl-użu ta’ riżultati ta’ testijiet u analiżijiet kif ukoll permezz ta’ ġudizzji tal-kwalità’, sabiex jopponi l-użu tat-trade mark tiegħu li ma jkunx awtorizza meta:

–        parti terza twaħħal it-trade mark fuq prodott li din ma hijiex irreġistrata għalih;

–        Il-pubbliku jipperċepixxi t-trade mark bħala ‘marka ta’ kwalità’, fis-sens li l-prodott ġie prodott u kkummerċjalizzat minn terza persuna u mhux mill-proprjetarju tat-trade mark, iżda dan jissuġġettaha għal ċerti testijiet, fejn tiġi evalwata u tingħata klassifikazzjoni li titniżżel fil-marka ta’ kwalità; u

–        l-użu jaffettwa waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark.

2)      L-użu minn terza persuna ta’ trade mark individwali bil-karatteristiċi deskritti, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, jikkostitwixxi użu illegali skont l-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament 2017/1001 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/95, meta:

–        it-trade mark għandha reputazzjoni, għalkemm tkun biss ‘marka ta’ kwalità’; u

–        jiġi kkawżat preġudizzju lill-prestiġju tat-trade mark u din il-parti terza tieħu vantaġġ żleali mill-użu tas-sinjal, li għandu jiġi investigat mill-qorti tar-rinviju.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Għalkemm fil-maġġoranza tat-traduzzjonijiet ikkonsultati, “Testsiegel” bil-Ġermaniż ġiet tradotta b’riferiment għall-kelma “test” “test seal” bl-Ingliż, (“label de test” bil-Franċiż, “sigillo di test” bit-Taljan, “testlabel” bl-Olandiż u “selo de teste” bil-Portugiż), ser nuża [bl-Ispanjol] il-frażi “distintivo de calidad” (marka ta’ kwalità) li naħseb li hija iktar adattata. Fis-seduta, Öko‑Test Verlag GmbH ippreċiżat li hija twettaq analiżi komparattiva tal-prodotti differenti, iktar milli analiżi iżolata fir-rigward tal-kwalitajiet intrinsiċi tagħhom. Abbażi ta’ dan it-tqabbil, tikklassifika kull wieħed minn dawn il-prodotti, skont jekk jissodisfawx jew le ċerti kriterji ta’ kwalità stabbiliti minn qabel.


3      Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5), bl-istess titolu bħal dik ta’ qabel, emendat din tal-aħħar, iżda ma tirriżultax applikabbli għall-każ ratione temporis.


4      Il-verżjoni li tapplika f’dan il-każ, fil-prinċipju, hija dik tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1). Teżisti verżjoni sussegwenti, ikkodifikata fir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), li taffettwa ratione temporis il-fatti tal-kawża b’rabta mal-inibizzjoni pro futuro, u li, għaldaqstant, ser isir riferiment għaliha f’dawn il-konklużjonijiet.


5      Bażikament jikkorrispondi għall-Artikolu 9(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, bl-emendi inklużi mir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifika fil-ĠU 2016 L 267,p. 1, rettifika fil-ĠU 2016 L 110, p. 4, rettifika fil-ĠU 2016 L 71, p. 332).


6      Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħrajn tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. I, p. 3082; 1995 I, p. 156; 1996 I, p. 682), emendata finalment permezz tal-Artikolu 11 tal-Liġi tas‑17 ta’ Lulju 2017 (BGBl. I, p. 2541).


7      Minħabba l-identiċità bejn is-sinjali, nazzjonali u tal-Unjoni, irreġistrati minn Öko‑Test Verlag, iktar ’il quddiem ser nagħmel riferiment għat-“trade mark”, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li f’ċertu każ ikun hemm bżonn li ssir distinzjoni bejniethom, f’liema każ ser insemmi t-“trade mark nazzjonali” jew it-“trade mark tal-Unjoni”.


8      Skont l-Arranġament ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat fit‑28 ta’ Settembru 1979.


9      Skont il-qorti tar-rinviju, dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-ġurisprudenza Ġermaniża fir-rigward tal-kompetizzjoni żleali, li torbot il-liċeità tal-pubbliċità, permezz ta’ riżultati ta’ testijiet, mal-indikazzjoni tas-sors.


10      Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, ma hemmx qbil bejn il-partijiet tal-kawża prinċipali.


11      Iktar ’il quddiem “Dr. Liebe”.


12      Artikoli 83 et seq. tar-Regolament 2017/1001 u, fir-rigward tat-trade mark ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali, l-Artikoli 27 et seq. tad-Direttiva 2015/2436.


13      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei y Gözze (C‑689/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gözze”, EU:C:2017:434), punti 45 et seq.


14      Tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08 EU:C:2010:159); u tal‑25 ta’ Marzu 2010, Die BergSpechte (C‑278/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza BergSpechte”, EU:C:2010:163).


15      Tagħmel riferiment għas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Adidas‑Salomon u Adidas Benelux (C‑408/01, EU:C:2003:582).


16      Punt 8 tad-digriet tar-rinviju.


17      Minkejja l-fatt li, meta jkun indispensabbli, ser nirreferi speċifikament għar-regoli tad-Direttiva 2015/2436.


18      Punt 10 tad-digriet tar-rinviju. Madankollu, fis-seduta, Dr. Liebe kkonfermat li, fil-fehma tagħha, il-kuntratt kien għadu fis-seħħ fil-mument li fih seħħew il-fatti.


19      L-Artikolu 8 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Kompetenza Żleali tat‑3 ta’ Lulju 2004, verżjoni tal-Avviż tat‑3 ta’ Marzu 2010 (BGBl. I, p. 254), emendata finalment fis‑17 ta’ Frar 2016 (BGBl. I, p. 233)), ma tagħtix dritt għal azzjoni legali lill-kompetituri. Dr. Liebe u Öko‑Test Verlag joperaw fi swieq differenti.


20      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


21      Dan jiġri, a priori, jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt hija indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura leċita jew illeċita tal-aġir li bih hija akkużata l-konvenuta, investigazzjoni li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju. Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12; EU:C:2014:148), punti 23 sa 25; u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15; EU:C:2016:559), punti 21 u 22.


22      Sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245), punt 66; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’din il-kawża (EU:C:2012:714), punti 49 u 50. F’dan il-każ, għalkemm il-kuntratti kienu ntemmew, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti tal-Unjoni sabiex tirrikonoxxi t-talba għal kumpens għad-danni mhux kuntrattwali, minħabba, ġustament, il-kuntest kuntrattwali li kien jobbliga li jiġu studjati sabiex tinqata’ l-kawża.


23      Öko‑Test Verlag indikat li dan kien is-sinjal kif ġie lliċenzjat qabel ma ġie suġġett għal diversi emendi, għall-finijiet tal-modernizzazzjoni u l-unifikazzjoni tiegħu.


24      Irregolati kemm mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2015/2436, kif ukoll mill-Artikolu 83 tar-Regolament 2017/1001, imsemmija, rispettivament, fin-noti 3 u 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, EU:C:2009:378), punt 58; tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France y Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159), punti 49, 77 u 79; u tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604), punt 38.


26      Punt 46.


27      Fis-seduta, il-Gvern Ġermaniż żamm l-istess kriterju billi argumenta li, inkella, il-protezzjoni tingħata biss lit-trade marks li għandhom reputazzjoni, filwaqt li l-inqas magħrufa u l-ġodda jitħallew mingħajr protezzjoni.


28      Għal dawn il-finijiet, ser nuża t-terminu “koinċidenza”, iktar konformi mat-trattament unitarju taż-żewġ ittri tad-dispożizzjoni msemmija li, barra minn hekk, jippermetti li jiġi evitat l-użu tal-espressjonijiet “identiku” jew “simili”.


29      Fl-ittra (a) tissemma l-identiċità, mhux ix-xebh, tat-trade mark u tal-prodotti (dik li ġeneralment tissejjaħ l-“identiċità doppja”).


30      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604), punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. Madankollu, l-ittra (b) tad-dispożizzjoni inkwistjoni teżiġi “possibbiltà ta’ konfużjoni” bejn is-sinjali inkwistjoni, għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li għandu jiġi analizzat biss jekk il-funzjoni essenzjali tat-trade mark ġietx ippreġudikata (sentenza BergSpechte, punt 22).


31      L-identiċità ta’ sinjal mal-ieħor, meta t-tieni wieħed jinkludi l-użu proprju tat-trade mark irreġistrata. Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, EU:C:1999:82), punt 38. Għalkemm ma jingħadx espressament, barra minn hekk, dan jiġi dedott mill-kuntest tas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55).


32      Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416), punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-istess protezzjoni liż-żewġ tipi ta’ trade marks, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni espressa fir-Regolament 2017/1001 li tista’ tippreżumi restrizzjoni ta’ dik offruta għal dik tas-servizzi. Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates (C‑202/08 P u C‑208/08 P, EU:C:2009:477), punti 75 sa 78; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer f’din il-kawża (EU:C:2009:299), punti 111 sa 114.


34      Ser nippermetti lili nnifsi nissellef it-traduzzjoni tal-“użu doppju”, li ġeneralment tkopri l-oġġetti li jintużaw kemm għal finijiet militari kif ukoll għal dawk ċivili.


35      Artikoli 74 et seq. tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikoli 27 u 29 tad-Direttiva 2015/2436.


36      Artikoli 83 et seq. tar-Regolament 2017/1001 u l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2015/2436. L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva jittratta l-kunċetti ta’ trade mark ta’ ċertifikazzjoni u trade mark ta’ garanzija bħala ekwivalenti.


37      Sentenza Gözze, punt 50.


38      Punt 14 tad-digriet tar-rinviju. Il-Gvern Ġermaniż jeskludi l-possibbiltà li tiġi estrapolata s-soluzzjoni ta’ din is-sentenza f’din il-kawża, kemm minħabba d-disparità li tinnota l-qorti tar-rinviju, kif ukoll minħabba li din tirrigwarda, primarjament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009.


39      Dr. Liebe ma tassumix li hija l-produttur tal-marka ta’ kwalità, li jirriżulta kontroproduttiv, minħabba li jnaqqas l-impatt tal-klassifikazzjoni fuq il-konsumatur.


40      Għall-inqas parzjalment skont il-ġurisprudenza, b’mod speċjali, b’rabta mal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001; ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159), punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk.


41      Sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser‑Busch (C‑245/02, EU:C:2004:717), punti 60 u 61, u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel (C‑48/05, EU:C:2007:55), punt 25.


42      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, I (C‑255/13, EU:C:2014:1291), punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


43      Dan jirrigwarda kundizzjoni ta’ applikazzjoni mhux bil-miktub; ara d-digriet tad‑19 ta’ Frar 2009, UDV North America (C‑62/08, EU:C:2009:111), punt 42.


44      Sentenza BergSpechte, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe (C‑129/17, EU:C:2018:594), punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.


46      Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, EU:C:2002:651), punt 48; u tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474), punt 80.


47      Ara d-definizzjoni ta’ din il-funzjoni fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe (C‑129/17, EU:C:2018:594), punt 35.


48      Wieħed jista’ jaħseb li, barra minn hekk, dan affettwa l-funzjoni ta’ kwalità tat-trade mark ÖKO‑TEST. Madankollu, naqbel mal-Avukat Ġenerali Wathelet li din hija konsegwenza tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, minħabba li l-garanzija ta’ kwalità hija marbuta mal-oriġini tagħha (Konklużjonijiet tal-kawża Gözze, C‑689/15, EU:C:2016:916, punti 62 sa 64).


49      Dwar il-funzjoni ta’ investiment, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe (C‑129/17, EU:C:2018:594), punt 36.


50      U l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 korrispondenti tiegħu.


51      Tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors (C‑375/97, EU:C:1999:408), punt 31.


52      Punti 47 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C‑301/07, EU:C:2009:611), punti 24 u 25.


54      Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, El Corte Inglés vs UASI (C‑603/14 P, EU:C:2015:807), punt 38.


55      Sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer y de Vries (C‑65/12, EU:C:2014:49), punt 34.


56      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, EU:C:2009:378), punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hawnhekk.


57      Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604), punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.


58      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, EU:C:2009:378), punt 40.


59      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, EU:C:2009:378), punt 41.


60      Sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Ornua (C‑93/16, EU:C:2017:571), punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.