Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2021 – Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-259/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: I. Liukkonen, I. Terwinghe, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 15 sa 17, 20 u 59(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni 1 ;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont il-Parlament, l-atti leġiżlattivi li jirregolaw is-suġġett, jiġifieri l-Artikoli 10(4) u 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241 2 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/472 3 jipprevedu li miżuri bħalma huma dawk previsti f’dan ir-rikors għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 290 TFUE.

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iressaq għalhekk żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq irregolarità u użu ħażin tal-proċedura sa fejn il-miżuri kkontestati kellhom jiġu introdotti permezz ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 290 TFUE u mhux permezz tal-proċedura tal-Artikolu 43(3) TFUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-kooperazzjoni leali li jmur kontra l-Artikolu 13(2) TUE. Billi adotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati permezz ta’ proċedura li ma kinitx dik prevista għal dan l-għan f’atti li huwa koawtur tagħhom, il-Kunsill ċaħħad lill-Parlament mid-dritt ta’ eżami li minnu huwa kien jibbenefika kieku intużat il-proċedura regolari.

____________

1 ĠU 2021, L 31, p. 31.

2 Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105).

3 Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU 2019, L 83, p. 1).