Language of document : ECLI:EU:T:2019:876

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“FAEG u FAEŻR – Spejjeż esklużi mill-finanzjament – Termini applikabbli bejn diversi żjarat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll – Tħabbir ta’ verifiki fuq il-post – Preavviż impliċitu – Artikoli 25 u 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa”

Fil-Kawża T‑509/18,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis, A. Sauka u K. Walkerová, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29), sa fejn hija teskludi l-ħlasijiet imwettqa mir-Repubblika Ċeka skont il-FAEG għal ammont ta’ EUR 151 116.65,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

komposta minn V. Tomljenović, President, A. Marcoulli u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-investigazzjoni li wasslet għal din it-tilwima twettqet mill-Kummissjoni Ewropea bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru 2015. Bir-referenza RD 2/2015/023/CZ, din kienet tirrigwarda l-implimentazzjoni, mir-Repubblika Ċeka, tal-programm ta’ Żvilupp Rurali tal-Assi 2 tal-FAEŻR (2007-2013, miżuri mhux marbutin mal-erja) f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll użat fir-Repubblika Ċeka, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali agroambjentali jew intiżi li jiġu rrimedjati żvantaġġi naturali. Din saret wara investigazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni li twettqet fl-2011 fir-Repubblika Ċeka, bir-referenza RD 2/2011/013/CZ.

2        B’applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2017, L 327, p. 83 u fil-ĠU 2016, L 130, p. 6) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), kif emendat, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ċeka dwar l-osservazzjonijiet tagħha li jikkonċernaw l-investigazzjoni mwettqa fl-2015 permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2016, li fiha l-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li l-verifiki fuq il-post imwettqa minn diversi dipartimenti tal-Istat Membru għand l-istess benefiċjarju għandhom ikunu kkoordinati b’tali mod li l-intervall bejn id-diversi żjarat fuq il-post għand l-istess benefiċjarju jkun qasir u, fi kwalunkwe każ, ma jkunx jeċċedi, massimu ta’ erbatax‑il ġurnata, filwaqt li dan it-terminu jitnaqqas għal 48 siegħa fir-rigward b’mod partikolari tal-verifiki fuq il-post relatati mat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali” jew mat-talbiet għal ħlas fil-kuntest tal-miżuri ta’ sostenn marbuta mal-annimali (iktar ’il quddiem it-“talbiet ta’ għajnuna għal ‘annimali’”), kif previst mill-Artikolu 4(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011, L 25, p. 8), fis-seħħ f’dak iż-żmien. Ir-Repubblika Ċeka wieġbet għaliha fl-14 ta’ April 2016 u sussegwentement il-Kummissjoni reġgħet bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Ċeka fit-18 ta’ Mejju 2016.

3        Saret laqgħa bilaterali fil-21 ta’ Ġunju 2016, li l-minuti tagħha ntbagħtu mill-Kummissjoni lir-Repubblika Ċeka fit-22 ta’ Lulju 2016. Din tal-aħħar għamlet osservazzjonijiet f’dan ir-rigward, li ntbagħtu lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Settembru 2016, li permezz tagħhom hija informatha b’mod partikolari li, minkejja n-nuqqas ta’ qbil bejniethom, hija kienet adottat, b’effett mit-8 ta’ Awwissu 2016, struzzjoni ġdida metodoloġika konformi mat-talbiet tal-Kummissjoni.

4        Wara dan kien hemm skambju kbir ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Ċeka, li sussegwentement għalih il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq investigazzjoni addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni addizzjonali”), b’liema fatt hija informat lir-Repubblika Ċeka fit-13 ta’ Ottubru 2017. L-investigazzjoni addizzjonali saret mit-30 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru 2017.

5        Wara l-investigazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2018, bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-komunikazzjoni uffiċjali prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) u fl-Artikolu 40(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tagħha (UE) Nru 908/2014, tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni uffiċjali”). Hija fiha kkonfermat il-pożizzjoni espressa preċedentement, li abbażi tagħha, meta l-awtoritajiet Ċeki kienu qegħdin iwettqu diversi verifiki fuq il-post għand l-istess benefiċjarju, l-ewwel verifika kellha titqies bħala “avviż impliċitu” tal-verifiki sussegwenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar kellhom isiru mhux iktar tard minn erbatax‑il ġurnata, jew anki fi żmien 48 siegħa fil-każ tat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”, kif previst mill-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 65/2011 u mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Il-ksur ta’ din ir-regola kien jikkostitwixxi dgħufija f’kontroll fundamentali. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda korrezzjoni finanzjarja għas-snin 2014 u 2015, minħabba li, matul dan il-perijodu, l-awtoritajiet Ċeki setgħu kellhom aspettattivi leġittimi fil-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tas-sistema nazzjonali. Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-sena 2016, hija kienet evalwat ir-riskju għall-fondi tal-Unjoni għal EUR 151 116.65, b’applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 %, minħabba dgħufija f’kontroll fundamentali (ara l-paġna 2 tal-komunikazzjoni uffiċjali).

6        Ir-Repubblika Ċeka fformulat, fl-24 ta’ April 2018, talba għal konċiljazzjoni, miċħuda bħala inammissibbli mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni minħabba li l-ammont inkwistjoni ma kienx jeċċedi miljun Ewro u li r-Repubblika Ċeka ma kinitx uriet li din kienet kwistjoni ta’ prinċipju dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

7        Fit-13 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/873 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni, fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, ammont totali ta’ EUR 151 116.65, li jirrigwardaw miżuri li jaqgħu taħt is-sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll (SIAK), fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp rurali FAEŻR (2014–2020), u li wassal għal ħlasijiet għas-snin finanzjarji 2017 u 2018.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat dan ir-rikors.

10      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2018. Corrigendum ġiet ippreżentata fit-23 ta’ Jannar 2019.

11      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2019.

12      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni ammont ta’ EUR 151 116.65 bħala spejjeż sostnuti minnha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ċeka tinvoka tliet motivi, ibbażati fuq ksur, l-ewwel wieħed, tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, it-tieni wieħed, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet wieħed, tal-Artikolu 52(1) u (2) tar-Regolament Nru 1306/2013 fir-rigward tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja ffissata mill-Kummissjoni.

15      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni tista’ teskludi ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni biss sakemm l-ispejjeż korrispondenti ma jkunux saru skont id-dritt ta’ din tal-aħħar. Essenzjalment, hija tikkunsidra li l-Kummissjoni rrilevat b’mod żbaljat li l-ewwel verifika fuq il-post kienet ekwivalenti għal “avviż impliċitu” tal-verifiki futuri u li, konsegwentement, dawn tal-aħħar kellhom dejjem isiru fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, jiġifieri erbatax‑il ġurnata jew 48 siegħa skont il-każ.

16      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

17      Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, kif il-Kummissjoni tfakkar fir-risposta u kif hija kienet irrilevat fil-komunikazzjoni uffiċjali, ir-Regolament Nru 65/2011 tħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015. Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 kien japplika mis-sena ta’ talba 2015. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, f’dan il-każ, hija biss inkwistjoni s-sena ta’ talba 2016, peress li, fir-rigward tas-snin ta’ talba 2014 u 2015, il-Kummissjoni ma wettqitx korrezzjonijiet finanzjarji (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Għalhekk din it-tilwima għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

18      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-qasam ta’ clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli, id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta’ rapport ta’ sinteżi kif ukoll abbażi ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie assoċjat mill-qrib mal-proċess ta’ żvilupp tal-imsemmija deċiżjonijiet u meta kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma għandhiex tqiegħed is-somma kontenzjuża imposta fuq il-fondi tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑130/99, EU:C:2002:192, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑335/03, EU:C:2005:231, punt 84). Il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi eżaminata fid-dawl tal-kontenut, b’mod partikolari, tal-komunikazzjoni uffiċjali.

19      F’dan il-każ, minn dan jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż li jaqgħu taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), għas-sena ta’ talba 2016, ma twettqux fir-Repubblika Ċeka konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li hija r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni imponiet, abbażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi b’mod partikolari li, meta spejjeż li jaqgħu taħt il-FAEŻR ma jkunux saru skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.

21      Bit-titolu “Tħabbir minn qabel tal-verifiki fuq il-post”, l-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu huwa, f’dan il-każ, ilmentat kontra l-awtoritajiet Ċeki, jipprovdi, min-naħa tiegħu, li “[i]l-verifiki fuq il-post jistgħu jitħabbru minn qabel, dejjem jekk dan ma jxekkilx l-iskop jew l-effettività tagħhom” u li “[k]walunkwe tħabbira minn qabel għandha tkun strettament limitata għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ u ma għandhiex issir iktar minn 14‑il jum qabel” jew 48 siegħa fir-rigward ta’ tħabbir tal-verifiki fuq il-post relatat mat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.

22      Fir-rigward tal-kalendarju tal-verifiki fuq il-post, dan huwa rregolat mill-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jippreċiża, fil-paragrafu 2, li, “[g]ħall-għanijiet tal-miżuri tal-iżvilupp rurali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata, il-verifiki fuq il-post għandhom jitqassmu tul is-sena abbażi ta’ analiżi tar-riskji marbutin mal-impenji differenti meħudin fil-kuntest ta’ kull miżura”. Skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, meta l-osservanza ta’ ċerti kriterji, impenji u obbligi oħra jkunu jistgħu jiġu vverifikati biss matul perijodu speċifiku, il-verifiki fuq il-post jistgħu jagħtu lok għal żjarat addizzjonali f’data ulterjuri. F’każ bħal dan, il-verifiki fuq il-post għandhom ikunu kkoordinati b’tali mod li l-għadd ta’ tali żjarat għand benefiċjarju wieħed u t-tul tagħhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ. L-aħħar subparagrafu tal-istess paragrafu jispeċifika li, “[m]eta jkun hemm bżonn isiru żjarat addizzjonali, l-Artikolu 25 għandu japplika għal kull żjara addizzjonali”.

23      F’dan il-każ, l-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat li l-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet Ċeki, meħuda separatament, kollha saru jew mingħajr avviż, jew saru b’avviż mogħti fit-termini previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

24      It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika Ċeka ddeċidiet li timplimenta sistema ta’ verifika “orizzontali” li tippermetti l-verifika simultanja, minn diversi awtoritajiet ta’ verifika, ta’ diversi tipi ta’ għajnuna u diversi kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jew ta’ kundizzjonalità, iktar milli l-verifika “vertikali” ta’ miżura partikolari waħda biss. Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konformità ta’ tali sistema ta’ kontroll mad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tammetti, kif ikkonfermat waqt is-seduta, li l-fatt li jiġu ddelegati l-kompiti ta’ kontroll lil diversi korpi ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni.

25      It-tielet nett, u konsegwentement, il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta l-fatt li, f’tali sistema ta’ verifika, l-istess benefiċjarju jista’ jkun is-suġġett ta’ diversi kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali differenti.

26      Madankollu, skont il-Kummissjoni, f’tali sistema ta’ verifika, l-ewwel żjara għandha tiġi kkunsidrata bħala “avviż impliċitu” taż-żjarat ulterjuri għand l-istess benefiċjarju, b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom isiru kollha fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Fil-fatt, kif hija indikat matul is-seduta, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel żjara “għandha l-istess konsegwenzi” bħal avviż fis-sens tal-imsemmi artikolu, b’tali mod li t-termini li huma previsti fih għandhom jitqiesu bħala massimi applikabbli inkluż fl-assenza ta’ avviż. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli b’analoġija fl-assenza ta’ avviż, kif ġie espost minnha b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, fil-każ ta’ diversi verifiki, billi ma wettqux dawn il-verifiki kollha fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, jiġifieri billi ġie permess li l-perijodu ta’ żmien bejn l-ewwel u l-aħħar verifika jaqbeż l-erbatax‑il ġurnata, jew 48 siegħa fir-rigward tal-verifiki fuq il-post relatati mat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”, ir-Repubblika Ċeka kisret din id-dispożizzjoni.

27      Il-Qorti Ġenerali tfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas-9 ta’ Marzu 2017, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑105/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:191, punt 38; tas-7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 35; u tal-15 ta’ Mejju 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑341/17 P, EU:C:2019:409, punt 46).

28      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li l-ewwel verifika fuq il-post għandha titqies li tikkostitwixxi “avviż” tal-verifiki futuri. Hija lanqas ma tipprevedi li, fil-każ ta’ diversi verifiki, dawn għandhom isiru kollha fi żmien erbatax‑il ġurnata mill-ewwel verifika jew, skont il-każ, 48 siegħa fir-rigward tat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”. L-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 ma tinkludi tali regola, kif tindika ġustament ir-Repubblika Ċeka.

29      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tintuża applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu jirregola l-possibbiltà li jingħata “avviż” qabel ma ssir verifika fuq il-post. Kif issostni r-Repubblika Ċeka, il-kelma “avviż” tfisser li l-benefiċjarju li ser ikun suġġett għall-verifika jkun avżat biha minn qabel. Avviż għandu għalhekk isir qabel id-data konkreta tal-verifika, kif turi b’mod ċar il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li “[i]l-verifiki fuq il-post jistgħu jitħabbru minn qabel”. Barra minn hekk, l-avviż għandu normalment jindika lill-benefiċjarju d-data tal-verifika u l-elementi li huma s-suġġett tagħha sabiex tiġi żgurata l-assistenza preliminari tal-imsemmi benefiċjarju, meta tali assistenza hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-verifika (ara wkoll il-punti 37 u 38 iktar ’il quddiem). Issa, is-sempliċi fatt li kien is-suġġett tal-ewwel verifika ma jikkostitwixxix fih innifsu avviż lill-benefiċjarju la li huwa neċessarjament ser ikun suġġett għal verifiki addizzjonali, peress li verifika waħda tista’, skont il-każ, tkun suffiċjenti, la tad-data preċiża tal-verifiki sussegwenti, u lanqas tal-elementi li għandhom jiġu vverifikati fit-twettiq tagħhom. Għaldaqstant, u anki jekk jiġi preżunt li avviż jista’ jkun “impliċitu”, l-ewwel verifika ma tistax tiġi awtomatikament assimilata għal “avviż impliċitu” li jista’ jwassal sabiex jibdew jiddekorru t-termini previsti f’dan l-istess Artikolu 25.

30      Barra minn hekk, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 fis-sens li l-verifiki ulterjuri kollha għandhom jitwettqu fi żmien erbatax‑il ġurnata, rispettivament 48 siegħa f’dak li jirrigwarda t-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni, hija miċħuda expressis verbis mill-Artikolu 26(4), in fine, ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li, meta jkunu neċessarji żjarat addizzjonali, l-Artikolu 25 “għandu japplika għal kull żjara addizzjonali”. Anki jekk jitqies li l-ewwel verifika fuq il-post għandha titqies li hija “avviż impliċitu”, tali avviż, inkluż it-terminu applikabbli għaliha, jikkonċerna biss kull żjara addizzjonali u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, iż-żjarat kollha ta’ dan it-tip b’tali mod li l-verifiki kollha għandhom isiru fit-termini previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Għalhekk, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ dan l-artikolu, imressqa mill-Kummissjoni, ma hijiex fondata.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 u tal-istruttura ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni li tirregola l-kalendarju ta’ verifiki fuq il-post hija l-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, għall-finijiet tal-miżuri ta’ żvilupp rurali li jaqgħu taħt is-sistema integrata, il-verifiki fuq il-post jitqassmu tul is-sena, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji li jiġu ppreżentati mid-diversi impenji meħuda għal kull miżura. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni huma għalhekk awtorizzati li jiddeterminaw il-mument jew il-mumenti tas-sena li l-aħjar jippermettu t-twettiq tal-imsemmija verifiki u l-effettività tagħhom. Fil-fatt, skont in-natura tal-elementi li għandhom jiġu verifikati jew taċ-ċiklu agrikolu inkwistjoni, żjara fuq il-post tista’ tkun possibbli jew effettiva biss matul perijodu partikolari tas-sena. Huwa għal din ir-raġuni, b’mod speċifiku, li l-Artikolu 26(4) tal-imsemmi regolament jawtorizza espressament żjarat addizzjonali f’data ulterjuri.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ċeka ppreżentat, bħala Anness A9 tar-rikors, tabella ddettaljata li tiġbor fil-qosor il-perijodi ta’ għażla sabiex jitwettqu l-verifiki fuq il-post skont in-natura tal-elementi li għandhom jiġu kkontrollati u taċ-ċiklu agrikolu inkwistjoni, li minnhom jirriżulta li, fil-fatt, l-effettività ta’ diversi verifiki ma tistax tiġi ggarantita sakemm dawn ma jsirux matul perijodu speċifiku tas-sena, xi kultant diversi xhur ’il bogħod minn xulxin tul l-aħjar perijodu għall-verifika ta’ element ieħor li jista’ jkun is-suġġett ta’ verifika għand l-istess benefiċjarju. Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li ma tikkontestax l-eżattezza ta’ din id-data.

33      Minn dan għandu jiġi konkluż li t-teżi tal-Kummissjoni, li l-verifiki differenti għandhom jitwettqu kollha fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, jiġifieri rispettivament erbatax‑il ġurnata u 48 siegħa, peress li l-ewwel verifika hija “avviż impliċitu” tal-verifiki futuri, tmur ukoll kontra l-kuntest li fih jinsab l-imsemmi Artikolu 25 u l-istruttura ta’ dan ir-regolament.

34      Fit-tielet lok, l-għan sottostanti l-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jikkorrobora din il-konklużjoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 24(1) tal-istess regolament, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu b’tali mod li tiġi żgurata verifika effettiva tal-elementi li huma s-suġġett tal-verifika. Għalhekk, għandha biss titħabbar jekk ma jkunx hemm ir-riskju li jiġu kompromessi l-verifiki fuq il-post (premessa 27 tal-imsemmi regolament) u “dejjem jekk dan ma jxekkilx l-iskop jew l-effettività [tal-verifiki]” (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament). Għalhekk, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li tiġi żgurata l-effettività tal-verifiki permezz tal-effett ta’ sorpriża, bit-twettiq ta’ verifiki mhux mistennija (mingħajr avviż) jew, meta dan ikun neċessarju, wara avviż, madankollu qasir (erbatax‑il ġurnata jew 48 siegħa għat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”).

35      Issa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet ir-Repubblika Ċeka, li s-sempliċi fatt li l-istess benefiċjarju jkun is-suġġett ta’ diversi verifiki minn awtoritajiet differenti f’mumenti differenti tas-sena, u għalhekk mhux neċessarjament il-verifiki kollha jkunu inklużi fit-termini previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta, bħala tali, l-effettività tal-verifiki.

36      Fil-fatt, minn naħa, il-benefiċjarju li kien is-suġġett ta’ verifika waħda ma jistax ikun ċert, fl-assenza ta’ avviż espliċitu, li huwa neċessarjament ikun suġġett għal verifiki oħra min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati, u lanqas, a fortiori, liema data preċiża u liema elementi ser jiġu vverifikati b’mod ulterjuri. Għalhekk, tali l-ewwel verifika ma teliminax neċessarjament l-effett ta’ sorpriża mfittex mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 34 iktar ’il fuq. Fir-realtà, kif enfasizzat ir-Repubblika Ċeka, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni jista’ jkollha l-effett pervers li tneħħi kull effett ta’ sorpriża tal-verifiki futuri, sa fejn, jekk l-ewwel verifika tibqa’ titqies li hija avviż impliċitu, il-benefiċjarju jkollu għalhekk iċ-ċertezza li żjarat addizzjonali jkunu ser jitwettqu fl-erbatax‑il ġurnata sussegwenti (jew fi 48 siegħa, skont il-każ), u b’hekk ikun jista’ jipprepara ruħu għal dan il-għan.

37      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lanqas ma hija xierqa sabiex tiżgura l-effett utli tal-avviż previst mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. F’dan ir-rigward, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li avviż jista’ jkun neċessarju, b’mod partikolari, meta l-assistenza preliminari tal-benefiċjarju tkun indispensabbli għall-iżvolġiment effettiv tal-verifiki (pereżempju, sabiex jinġabru l-annimali qabel iż-żjara fuq il-post). Issa, jekk l-ewwel verifika tkun tikkostitwixxi “avviż impliċitu”, kif issostni l-Kummissjoni, dan ma jiżgurax l-għajnuna minn qabel tal-benefiċjarju, sa fejn, peress li dan il-preżunt “avviż” kien “impliċitu”, il-benefiċjarju ma jkunx jaf id-data preċiża u l-elementi preċiżi li għalihom huwa ser jerġa’ jkun is-suġġett ta’ verifika sabiex ikun jista’, jekk ikun il-każ, jagħti l-għajnuna tiegħu minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti.

38      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, abbażi tal-esperjenza akkwistata, benefiċjarju jista’ jipprevedi, wara l-ewwel verifika, jekk, meta u fuq liema bażi huwa jista’ jistenna li jiġi kkontrollat. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkritikax lir-Repubblika Ċeka dwar il-fatt li wettqet verifiki fuq il-post, f’ċerti każijiet konkreti, b’tali mod li hija tippermetti lill-benefiċjarji jipprevedu, b’ċertezza, il-kalendarju u l-portata tal-kontrolli sussegwenti u li jippreparaw ruħhom, b’tali mod li jippreġudikaw l-effettività tal-verifiki, u lanqas ma tagħti, a fortiori, l-ebda prova f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-uniku nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li għalih ġiet imposta l-korrezzjoni b’rata fissa kkontestata f’din il-kawża, kif jirriżulta mill-komunikazzjoni uffiċjali u kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, jikkonsisti fil-fatt li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx il-verifiki kollha matul il-perijodu ta’ żmien inkluż fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

39      B’mod iktar ġenerali, kif ġie ppreċiżat fil-punt 31 iktar ’il fuq, u kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni, jista’ jkun li ma jkunx possibbli li jsiru l-verifiki kollha neċessarji b’mod simultanju jew fi żmien qasir, sa fejn ċerti verifiki jistgħu jsiru biss matul perijodu partikolari tas-sena, skont in-natura tal-elementi li għandhom jiġu verifikati jew iċ-ċiklu agrikolu kkonċernat, skont l-Artikolu 26(2) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. It-twettiq ta’ tali verifiki imperattivament fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, jista’ jippreġudika l-effettività tagħhom, sa fejn il-perijodu ta’ verifika stabbilit b’dan il-mod jista’ ma jkunx xieraq għat-twettiq ta’ tali verifiki.

40      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li kull obbligu impost fuq l-Istati Membri li jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji għalihom għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż, sabiex jippermettilhom jifhmu l-portata u li jikkonformaw ruħhom magħha. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Issa, f’dan il-każ, l-obbligu li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni timponi fuq l-Istati Membri, jiġifieri li jwettqu l-verifiki rilevanti kollha fit-termini ta’ avviż previsti mill-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, ma jirriżultax mill-kuntest ġuridiku applikabbli b’mod ċar, preċiż u prevedibbli meħtieġ skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jifhmu l-portata u jikkonformaw ruħhom magħha. Dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tipprevedi termini, peress li dawn għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, ikunu stabbiliti b’mod ċar u minn qabel, b’tali mod li kemm l-Istati Membri kif ukoll il-benefiċjarji tal-Fondi Agrikoli jkunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni.

42      Għaldaqstant, it-teżi tal-Kummissjoni li l-ewwel verifika tikkostitwixxi “avviż impliċitu” u, għaldaqstant, il-verifiki ulterjuri kollha għandhom jitwettqu f’erbatax‑il ġurnata, jew fi 48 siegħa fir-rigward tat-talbiet ta’ għajnuna għal “annimali”, jikser kemm il-formulazzjoni u l-għan tal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 kif ukoll il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, l-istruttura tal-imsemmi regolament u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

43      Minn dan isegwi li l-ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li huwa l-uniku ksur tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, invokat mill-Kummissjoni bħala motiv għall-korrezzjoni finanzjarja għas-sena ta’ talba 2016 li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima, ma huwiex ikkostitwit.

44      Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni eskludiet il-ħlasijiet imwettqa mir-Repubblika Ċeka skont il-FAEŻR għal ammont ta’ EUR 151 116.65.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

46      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Ċeka.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) hija annullata sa fejn il-Kummissjoni Ewropea eskludiet il-ħlasijiet imwettqa mir-Repubblika Ċeka skont il-FAEŻR għal ammont ta’ EUR 151 116.65.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tomljenović

Marcoulli

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.