Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 2024 – Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios u Banco Santander vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-29/14 u T-31/14) 1

(“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli favur ċerti gruppi b’interess ekonomiku (GIE) u l-investituri tagħhom – Sistema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja għall-akkwist ta’ bastimenti (sistema Spanjola tat-taxxa tal-lokazzjoni) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru parzjali tagħha – Tmiem parzjali tas-suġġett tat-tilwima – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni parzjali – Għajnuna ġdida – Irkupru – Klawżoli kuntrattwali li jipproteġu l-benefiċjarji kontra l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti fil-Kawża T-29/14: Telefónica Gestión Integral de Edificios y Servicios, SL, li kienet Taetel, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: E. Navarro Varona, P. Vidal Martínez, J. López-Quiroga Teijero, G. Canalejo Lasarte u A. Pérez Hernández, avukati)

Rikorrenti fil-Kawża T-31/14 : Banco Santander, SA, li kienet Banco Popular Español, SA (Madrid) (rappreżentanti: E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Carpi Badía u P. Němečková, aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán, avukata)

Suġġett

Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1).

Dispożittiv

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikorsi sa fejn dawn huma ppreżentati kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni, sa fejn jindika l-gruppi b’interess ekonomiku u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni mingħand investituri ta’ gruppi b’interess ekonomiku li kienu bbenefikaw minnha.

Il-kumplament tar-rikorsi huwa miċħud.

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 61, 1.3.2014.