Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fl-10 ta’ Frar 2022 – “Gjensidige” ADB

(Kawża C-90/22)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant fil-kassazzjoni: “Gjensidige” ADB

Konvenuti: UAB “Rhenus Logistics”, UAB “ACC Distribution”

Domandi preliminari

L-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , moqri fid-dawl tal-Artikoli 25, 29 u 31 u tal-premessi 21 u 22 tal-istess regolament, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR) anki meta l-partijiet f’tilwima li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti kkonkludew ftehim ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni?

Fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ftehim ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni fl-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jiġi interpretat b’mod usa’, fis-sens li ma jikkonċernax biss it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll it-Taqsima 7 tiegħu?

Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ preżenti u tal-konsegwenzi legali li jirriżultaw minnhom, il-kunċett ta’ “strateġija pubblika” użat fir-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jinkludi motiv ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor meta l-applikazzjoni ta’ ftehim partikolari, bħall-Konvenzjoni CMR, tagħti lok għal sitwazzjoni legali li fiha, f’każ wieħed, la l-għażla tal-ġurisdizzjoni u lanqas l-għażla tal-liġi applikabbli ma tiġi osservata?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1