Language of document : ECLI:EU:C:2012:373

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Tassazzjoni — VAT — Sitt Direttiva — Direttiva 2006/112/KE — Dritt għal tnaqqis — Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju — Artikolu 273 — Miżuri nazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-frodi — Prassi tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali — Rifjut tad-dritt għal tnaqqis fil-każ ta’ aġir irregolari ta’ min joħroġ il-fattura relattiva għall-oġġetti jew għas-servizzi li għalihom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt — Oneru tal-prova — Obbligu tal-persuna taxxabbli li tiżgura ruħha mill-aġir regolari ta’ min joħroġ din il-fattura u li tagħti prova tiegħu”

Fil-Kawżi magħquda C‑80/11 u C‑142/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Baranya Megyei Bíróság (l-Ungerija) u l-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Frar u tad-9 ta’ Marzu 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar u fit-23 ta’ Marzu 2011, fil-proċeduri

Mahagében kft

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (C‑80/11),

u

Péter Dávid

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága (C‑142/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Veres, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Moser, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u A. Sipos kif ukoll minn C. Soulay, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 352, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), u l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Mahagében kft (iktar ’il quddiem “Mahagében”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága (direttorat reġjonali tat-taxxi ta’ Dél-Dunántúl), u, min-naħa l-oħra, bejn P. Dávid u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Adó Főigazgatósága (direttorat reġjonali tat-taxxi tal-Észak-Alföld), dwar ir-rifjut tal-amministrazzjoni tat-taxxa li tilqa’ d-dritt li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tal-input fuq tranżazzjonijet meqjusa bħala suspettużi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2006/112, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2006/112, kien meħtieġ li s-Sitt Direttiva titfassal mill-ġdid sabiex id-dispożizzjonijiet applikabbli kollha jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u formulazzjoni riveduti iżda, bħala regola, mingħajr ma jsir tibdil sostantiv. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva.

4        L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112, li essenzjalment jirripproduċi kliem l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

5        Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112, ifformulata fi kliem identiku għall-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva, “[d]ritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta”.

6        L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112, li essenzjalment jirripproduċi l-kliem tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1) ta’ din l-aħħar direttiva, jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija [l-oġġetti] u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra”.

7        L-Artikolu 178 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 4, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis”, tat-Titolu X ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista [kunsinna] ta’ merkanzija jew [provvista ta’] servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;

[...]”

8        Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 18(1)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(2) ta’ din id-direttiva, li tagħmel riferiment għar-rekwiżiti tal-Artikolu 22(3) tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 28h tagħha.

9        Skont l-Artikolu 220(1) tad-Direttiva 2006/112, li essenzjalment jirripproduċi l-kliem tal-Artikolu 22(3)(a) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din l-aħħar direttiva, kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li tinħareġ fattura, jew minnha nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza, għall-kunsinni ta’ oġġetti jew il-provvisti ta’ servizzi li hi twettaq għal persuna taxxabbli oħra jew għal persuna legali mhux taxxabbli.

10      L-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 essenzjalment jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din l-aħħar direttiva, u jelenka l-uniċi referenzi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari previsti bid-Direttiva 2006/112, huma meħtieġa għall-finijiet tal-VAT fuq il-fatturi maħruġa skont id-dispożizzjonijet tal-Artikoli 220 u 221 ta’ din id-direttiva.

11      L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, li huwa fformulat fi kliem essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h ta’ din l-aħħar direttiva, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3”.

 Il-liġi Ungeriża

12      L-Artikolu 32(1)(a) tal-Liġi LXXIV tal-1992, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [az általános forgalmi adóról szóló 1992. évi LXXIV. törvény, Magyar Közlöny 1992/128 (XII.19.), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”], jipprovdi li persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas mill-ammont ta’ taxxa li hija għandha tħallas l-ammont tat-taxxa li persuna taxxabbli oħra daħlet responsabbli għalih meta tkun saret kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi.

13      Skont l-Artikolu 34(1) ta’ din il-liġi, “[t]ista’ biss teżerċita dan id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa l-persuna taxxabbli li hija obbligata tħallas it-taxxa li żżomm il-kontabbiltà tagħha skont ir-regoli tal-kompatibbiltà bl-entrata fuq naħa waħda biss tal-kotba (single entry) jew bl-entrata fuq żewġ naħat tal-kotba (double entry)”.

14      Skont l-Artikolu 35(1)(a) tal-imsemmija liġi, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor b’dispożizzjoni tal-liġi dwar it-taxxi, id-dritt għal tnaqqis jista’ biss jiġi eżerċitat bil-kundizzjoni li wieħed għandu jkollu dokumenti affidabbli li jagħtu prova tal-ammont tat-taxxa tal-input ikkontabbilizzat. Huma meqjusa bħala tali l-fatturi, il-fatturi ssimplifikati u d-dokumenti li jservu ta’ fattura, maħruġa f’isem il-persuna taxxabbli.

15      L-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“Min joħroġ il-fattura jew il-fattura ssimplifikata huwa responsabbli mill-awtentiċità tal-informazzjoni li tinsab fiha. Id-drittijiet marbuta mat-taxxa tal-persuna taxxabbli li tissemma’ bħala xerrejja fid-dokument ta’ ġustifikazzjoni ma jistgħux jiġu kkontestati jekk kemm-il darba din, f’dak li jikkonċerna l-fatt li jiġġenera t-taxxa, ħadet l-prekawzjonijiet kollha neċessarji filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-provvista ta’ merkanzija jew tal-provvista ta’ servizzi.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑80/11

16      Fl-1 ta’ Ġunju 2007, Mahagében ikkonkludiet ma’ Rómahegy-Kert kft (iktar ’il quddiem “RK”), kuntratt dwar il-kunsinna ta’ zkuk tal-akaċja mhux maħduma bejn l-1 ta’Ġunju u l-31 ta’ Diċembru 2007. Matul dan il-perijodu, RK ħarġet sittax-il fattura f’isem Mahagében, dwar il-kunsinna ta’ kwantitajiet differenti ta’ zkuk. Mehmuża ma’ sitta minn dawn il-fatturi kien hemm in-numru tan-nota tal-kunsinna. Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, RK indikat il-fatturi kollha u stqarret li l-kunsinni seħħew u ħallset il-VAT wara l-kunsinna. Mahagében ukoll inkludiet dawn il-fatturi fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha u eżerċitat id-dritt għal tnaqqis. Il-kwantitajiet ta’ zkuk tal-akaċja mixtrija mingħand RK dehru fl-istokkijiet ta’ Mahagében u hija begħithom mill-ġdid lil diversi impriżi.

17      Matul kontroll tax-xiri u tal-kunsinni mwettqa minn RK, l-amministrazzjoni tat-taxxa waslet għall-konklużjoni li din ma kellhiex stokkijiet ta’ zkuk tal-akaċja u li l-kwantità ta’ zkuk tal-akaċja mixtrija matul is-sena 2007 ma kinitx biżżejjed sabiex jitwettqu l-kunsinni ffatturati lil Mahagében. Minkejja li ż-żewġ partijiet kontraenti, matul l-imsemmi kontroll, kienu ddikjaraw li huma ma kinux żammew in-noti ta’ kunsinna, iktar tard Mahagében bagħtet il-kopja ta’ 22 nota ta’ kunsinna lill-amministrazzjoni tat-taxxa sabiex tkun tista’ tagħti prova tal-veraċità tat-tranżazzjonijet inkwistjoni.

18      B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2010, l-amministrazzjoni tat-taxxa kkonstatat l-eżistenza ta’ dejn fiskali ta’ Mahagében u imponiet fuqha, barra minn hekk, multa u penali għal dewmien, billi kkunsidrat li Mahagében ma kellhiex dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-imsemmija fatturi ta’ RK. Fil-fatt, fid-dawl tar-riżultat tal-kontroll imwettaq fi ħdanha, dawn il-fatturi ma setgħux jitqiesu awtorevoli.

19      L-ilment ta’ Mahagében kontra d-deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2010 ġie miċħud mill-konvenut fil-kawża prinċipali. Din iċ-ċaħda kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li RK, bħala l-persuna li ħarġet il-fatturi inkwistjoni, ma setgħet tipproduċi ebda dokument li jiġġustifika t-tranżazzjonijiet li jikkorrispondu għal dawn il-fatturi, bħalma huma noti ta’ kunsinna, li hija ma setgħetx ikollha l-kwantità ta’ oġġetti li tinsab fuq dawn il-fatturi u li hija la kellha t-trakk xieraq għall-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti u lanqas id-dokumenti li jiġġustifikaw il-prezz imħallas għat-trasport tagħhom. Barra minn hekk, Mahagében ma ħaditx il-prekawzjonijiet neċessarji fis-sens tal-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-VAT sa fejn, b’mod partikolari, hija ma kinitx ivverifikat jekk RK kinitx persuna taxxabbli eżistenti u jekk din kellhiex l-oġġetti li Mahagében xtaqet takkwista.

20      Mahagében ressqet kawża quddiem il-Baranya Megyei Bíróság (qorti dipartimentali ta’ Baranya) sabiex tikseb l-annullament tad-dejn fiskali kkonstatat fir-rigward tagħha kif ukoll tal-multa u tal-penali għal dewmien. Hija essenzjalment issostni li hija kienet ħadet il-prekawzjonijiet kollha neċessarji fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ma’ RK. L-influwenza tagħha fuq it-tranżazzjoni kienet biss li hija żgurat ruħha li l-kumpannijia li kienet ser tipprovdi s-servizz kienet irreġistrata, kellha numru fiskali u setgħet twettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija żgurat ruħha mill-kwalità u mill-kwantità tal-merkanzija fil-mument li din waslet fl-istabbiliment tagħha, li kien il-post tal-eżekuzzjoni tal-kunsinna skont l-imsemmi kuntratt.

21      Il-Baranya Megyei Bíróság tiddubita li d-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat għas-sempliċi fatt li min ħareġ il-fattura ma niżżilx, fil-kontabbiltà tiegħu, ix-xiri tal-oġġetti kkonċernati u li, fin-nuqqas ta’ trakk, huwa ma setax iwassalhom, minkejja li rrikonoxxa li wettaq il-kunsinni u li huwa ssodisfa l-obbligu tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tat-taxxa.

22      Billi qieset li s-soluzzjoni għall-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Baranya Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna taxxabbli li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha materjali għat-tnaqqis tal-VAT imposti mill-imsemmija direttiva tista’ tiċċaħħad mid-dritt tagħha għal tnaqqis minn leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tal-VAT imħallsa għax-xiri tal-merkanzija fil-każ fejn il-fattura tikkostitwixxi l-uniku dokument idoneu biex jiċċertifika t-twettiq effettiv tal-provvista tal-merkanzija [kunsinna tal-oġġetti], iżda fejn il-persuna taxxabbli ma għandhiex dokument mogħti mill-persuna li toħroġ il-fattura li juri li din tal-aħħar kellha l-merkanzija inkwistjoni, li kienet f’pożizzjoni li tikkunsinjaha, u li ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni? L-Istat Membru jista’ jirrikjedi, taħt l-Artikolu 273 tad-direttiva, bil-għan li jiżgura l-ġbir eżatt tal-VAT u jevita l-evażjoni, li d-destinatarju tal-fattura jkollu dokumenti oħra li juru li l-persuna li toħroġ il-fattura kellha l-merkanzija inkwistjoni, u li din il-merkanzija ġiet ikkunsinnata jew ipprovduta lilu?

2)      Il-kunċett ta’ ‘diliġenza meħtieġa’ previst fl-Artikolu 44(5) tal-liġi [...] dwar il-VAT huwa kompatibbli mal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità rikonoxxuti bosta drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fir-rigward tal-applikazzjoni tad-direttiva [2006/112], sa fejn dan jimplika, skont l-awtorità tat-taxxa u l-ġurisprudenza stabbilita, li d-destinatarju tal-fattura għandu jiżgura ruħu li l-persuna li toħroġ il-fattura hija persuna taxxabbli, li kienet inkludiet il-merkanzija inkwistjoni fil-kontabbiltà tagħha, li tinsab fil-pussess ta’ fattura ta’ xiri fir-rigward ta’ din il-merkanzija u li ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT?

3)      L-Artikoli 167 u 178(a) tad-Direttiva 2006/112 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis għall-prova, mid-destinatarju tal-fattura, li l-kumpannija li toħroġ il-fattura kkonformat ruħha mal-obbligi legali tagħha?”

 Kawża C‑142/11

23      Il-kwistjoni prinċipali fil-kawża C‑142/11 tirrigwarda żewġ tranżazzjonijiet differenti.

24      Fl-ewwel lok, P. David kien impenja ruħu, abbażi ta’ kuntratt għal servizzi, sabiex iwettaq diversi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fix-xahar ta’ Mejju 2006, il-mandatarju tal-kap tal-proġett ħareġ iċ-ċertifikat tat-tmiem tax-xogħlijiet li kien jindika 1992 siegħa ta’ xogħol fuq ir-reġistru tal-attendenza li jsemmu, b’mod partikolari, il-ħinijiet u l-post tax-xogħlijiet, l-isem, id-data tat-twelid u l-firma tal-ħaddiema kif ukoll l-isem u t-timbru ta’ P. Dávid.

25      Matul kontroll fiskali dwar din it-tranżazzjoni, P. Dávid iddikjara li huwa ma kellux impjegati u li huwa kien qabbad sottokuntattur sabiex iwettaq ix-xogħol, M. Maté. Huwa ma seta’ jagħmel ebda dikjarazzjoni dwar l-identità tal-ħaddiema impjegati minn dan is-sottokuntrattur. Il-prezz miftiehem fil-kuntratt bejn P. Dávid u M. Máté tħallas fuq il-bażi taċ-ċertifikat tat-tmiem tax-xogħlijiet.

26      Mill-kontrolli fiskali rriżulta li M. Máté lanqas ma kellu ħaddiema jew mezzi materjali neċessarji sabiex iwettaq ix-xogħlijiet iffatturati u li huwa kien sempliċement irriproduċa l-fattura ta’ sottokuntrattur ieħor. Dan tal-aħħar kien il-kunjatu ta’ M. Máté, li ma kienx jimpjega ħaddiema ddikjarati matul il-perijodu kkonċernat u ma kienx ippreżenta dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sena fiskali inkwistjoni.

27      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-amministrazzjoni tat-taxxa kkonstatat li l-fatturi maħruġa minn dan l-aħħar sottokuntrattur ma setgħux jagħtu prova, kif meħtieġ fil-liġi, tar-realtà tat-tranżazzjoni ekonomika li huma rrakkuntaw u li M. Máté ma kellux attività reali ta’ sottokuntrattur. Minkejja li l-kontrolli mwettqa ma kkontestawx il-fatt li x-xogħlijiet kienu effettivament tlestew b’suċċess, u lanqas li dawn kienu twettqu mill-ħaddiema li jinsabu fuq fir-reġistru tal-attendenza, ma huwiex possibbli li wieħed isir jaf, kif meħtieġ mil-liġi, liema negozjant kien wettaq ix-xogħlijiet u ma’ liema impriża kienu impjegati l-imsemmija ħaddiema. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatturi riċevuti mingħand P. Dávid ma jirriflettux tranżazzjoni ekonomika reali u għaldaqstant huma fittizji. Barra minn hekk, P. Dávid ma kienx ħa l-prekawzjonijiet neċessarji fis-sens tal-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-VAT.

28      It-tieni nett, matul is-sena 2006, P. Dávid impenja ruħu, sabiex jagħmel, għal kumpannija, ċerti xogħlijiet li huwa wettaq billi rrikorra għal sottokuntrattur ieħor. Madankollu, meta seħħ il-kontroll fiskali, dan tal-aħħar kien diġà fi stralċ. Ma kienx possibbli li jsir kuntratt mal-ex rappreżentant tiegħu u huwa ma kien ta ebda dokument lill-amministratur ġudizzjarju. Skont l-awtorità tat-taxxa, xejn ma ta prova li l-prezz u l-partijiet li jinsabu fil-fattura maħruġa minn dan is-sottokuntrattur kienu jikkorrispondu għar-realtà. Barra minn hekk, P. Dávid ma ħax il-prekawzjonijiet neċessarji meħtieġa mill-imsemmija liġi, peress li ma żgurax ruħu li l-imsemmi sottokuntrattur kellu l-mezzi neċessarji għat-twettiq tax-xogħlijiet inkwistjoni.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorità tat-taxxa rrifjutat id-dritt għal tnaqqis riżultanti miż-żewġ tranżazzjonijiet inkwistjoni, ikkonstatat dejn fiskali ta’ P. Dávid fir-rigward tal-VAT u imponiet fuqu multa kif ukoll penali għal dewmien.

30      P. Dávid ippreżenta rikors quddiem il-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság (qorti dipartimentali ta’ Jász-Nagykun-Szolnok) kontra d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità tat-taxxa, fejn sostna, b’mod partikolari, li huwa kien ħa l-prekawzjonijet neċessarji. Fil-fatt, huwa kien żgura ruħu mill-fatt li t-tranżazzjoni ekonomika kienet effettivament twettqet u huwa kien ivverifika li min ħareġ il-fattura kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli. Huwa ma jista’ jkun miżmum responsabbli għal ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tas-sottokuntrattur fir-rigward tal-obbligi li huwa għandu fil-qasam fiskali.

31      Il-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság tistaqsi jekk il-persuna taxxabbli għandhiex id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa mingħajr ma jitwettqu kontrolli addizjonali fil-każ fejn l-awtorità tat-taxxa ma turix l-eżistenza ta’ aġir negliġenti jew intenzjonali intiż eventwalment għall-evażjoni fiskali u attribwibbli għal min joħroġ il-fattura jew għal dawk li joħorġu fatturi oħra riċevuti minnu, aġir li d-destinatarju tal-fattura, jiġifieri l-persuna taxxabbli, ma kinitx taf bih, jew li hija ma kkontribwixxietx għalih.

32      L-imsemmija qorti tqis li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, il-persuna taxxabbli li teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma għandha ebda responsabbiltà oġġettiva f’dak li jikkonċerna l-fatturi li tagħhom hija destinatarja u li hija ma tistax issostni, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu imputabbli għal min joħroġ dawn il-fatturi, l-oneru tal-prova tal-aġir mistenni skont l-Artikolu 44(5) tal-Liġi dwar il-VAT.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Jász-Nagykun-Szolnok Megyei Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis [tal-VAT] tas-Sitt Direttiva [...] u fir-rigward tas-sena [2007], tad-Direttiva [2006/112], jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtorità tat-taxxa — billi tibbaża ruħha fuq ir-responsabbiltà oġġettiva — tirrestrinġi jew teskludi d-dritt għal tnaqqis, fir-rigward tal-persuna taxxabbli li qed titlob li teżerċita dan id-dritt, meta l-persuna li toħroġ il-fattura ma tistax tipprova li ntużaw sottokuntratturi oħrajn b’mod konformi mal-liġi?

2)      Jekk l-awtorità tat-taxxa ma tikkontestax ir-realtà tat-tranżazzjoni ekonomika indikata fil-fattura, u l-fattura tikkorrispondi sostanzjalment mad-dispożizzjonijiet legali, din l-awtorità tista’ legalment teskludi l-irkupru tal-VAT minħabba li s-sottokuntratturi li uża min ħareġ il-fattura ma humiex identifikabbli, jew li l-fatturi maħruġa minn dawn tal-aħħar huma irregolari?

3)      L-awtorità tat-taxxa li teskludi d-dritt għal tnaqqis [f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fit-tieni domanda] għandha l-obbligu li tipprova matul il-proċedura fiskali li l-persuna taxxabbli li qed tinvoka d-dritt tagħha għal tnaqqis kienet taf bl-aġir irregolari — li jista’ jkun li kien intiż biex tiġi evitata t-taxxa — tal-impriżi li jinsabu ’l isfel fil-katina tas-sottokuntrattar, jew li hija stess ikkontribwiet għal dan l-aġir?”

34      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2011, il-Kawżi C‑80/11 u C‑142/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

35      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-dati differenti tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-domandi magħmula jirreferu kemm għas-Sitt Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 2006/112. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, fil-prinċipju, din l-aħħar direttiva ma wettqitx bidliet sostantivi fir-rigward tas-Sitt Direttiva. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ direttivi li huma rilevanti fil-kawżi prinċipali huma essenzjalment identiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li d-domandi magħmula jiġu eżaminati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Słaby et, C‑180/10 u C‑181/10, Ġabra p. I‑8461, punti 28 u 49 sa 51).

 Fuq id-domandi magħmula fil-Kawża C‑142/11

36      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 167, 168(a), 178(a), 220(1) u 226 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li permezz tagħha l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt għal tnaqqis mill-ammont tal-VAT li hija għandha tħallas, l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa għas-servizzi pprovduti lilha, minħabba li min joħroġ il-fattura relattiva għal dawn is-servizzi jew wieħed mill-fornituri tiegħu, wettaq xi irregolaritajiet mingħajr ma din l-awtorità tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf bl-imsemmi aġir irregolari jew li hija stess ikkontribwixxiet għalih.

37      Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domandi, l-ewwel nett għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu mill-VAT li għandhom iħallsu l-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-oġġetti akkwistati u għas-servizzi li huma rċevew jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑78/00, Ġabra p. I‑8195, punt 28; tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska, C‑25/07, Ġabra p. I‑5129, punt 14, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑274/10, Ġabra p. I‑7289, punt 42).

38      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq tad-Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u fil-prinċipju ma jistax jiġi limitat. B’mod partikolari, dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament fuq it-taxxi kollha li jkunu imposta fuq it-tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa tal-input (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et, C‑110/98 sa C‑147/98, Ġabra p. I‑1577, punt 43; tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C‑439/04 u C‑440/04, Ġabra p. I‑6161, punt 47; tat-30 ta’ Settembru 2010, Uszodaépítő, C‑392/09, Ġabra p. I‑8791, punt 34, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

39      Is-sistema tat-tnaqqis hija intiża sabiex il-kummerċjant jiġi meħlus għal kollox mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, in-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet innifishom ikunu, bħala prinċipju, suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gabalfrisa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 78; Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Dankowski, C‑438/09, Ġabra p. I‑14009, punt 24).

40      Il-kwistjoni dwar jekk il-VAT dovuta fuq tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li saru qabel jew wara fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati tħallsitx lit-Teżor Pubbliku jew le ma taffettwax id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT tal-input. Fil-fatt, il-VAT tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, wara li titnaqqas it-taxxa direttament imposta fuq l-ispiża tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz (ara d-digriet tat-3 ta’ Marzu 2004, Transport Service, C‑395/02, Ġabra p. I‑1991, punt 26; sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C‑354/03, C‑355/03 u C‑484/03, Ġabra p. I‑483, punt 54, kif ukoll Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

41      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evitar tat-taxxa u l-abbużi eventwali huma għan rikonoxxut u mħeġġeġ mid-Direttiva 2006/112 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71; tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C‑285/09, Ġabra p. I‑12605, punt 36, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2011, Tanoarch, C‑504/10, Ġabra p. I‑10853, punt 50). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-partijiet f’kawża ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom b’mod frawdolenti jew abbużiv, min-normi tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2005, Fini H, C‑32/03, Ġabra p. I‑1599, punt 32; Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, kif ukoll Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

42      Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, jiġi stabbilit li dan id-dritt huwa invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fini H, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34; Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, Véleclair, C‑414/10, punt 32).

43      Issa, f’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li xtaq jeżerċita d-dritt għal tnaqqis, huwa persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 u li l-provvisti ta’ servizzi invokati sabiex dan id-dritt ikollu bażi ntużaw sussegwentement mill-imsemmi rikorrent għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tiegħu stess.

44      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi magħmula huma bbażati fuq il-premessi li l-ewwel nett, it-tranżazzjoni invokata sabiex id-dritt għal tnaqqis ikollu bażi twettqet, kif jirriżulta mill-fattura li tikkorrispondi għaliha, u, it-tieni nett, din il-fattura tinkludi fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa mid-Direttiva 2006/112, b’mod li l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti b’din id-direttiva għall-ħolqien u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis ikunu kollha eżistenti. Għandu jiġi osservat, b’mod partikoari, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet hija stess manipulazzjonijiet bħall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijet foloz jew il-ħruġ ta’ fatturi irregolari.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli biss abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punti 56 sa 61 tas-sentenza Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, skont liema ġurisprudenza għandu jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli, li għaliha l-oġġetti jew is-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex id-dritt għal tnaqqis ikun fondat ikunu ġew ipprovduti, kienet taf jew kellha tkun taf li din it-tranżazzjoni kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor suġġett għat-taxxa tal-input.

46      Fil-fatt, persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT, għandha, għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2006/112, titqies bħala parteċipant f’dan il-frodi, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija tibbenefikax jew le mill-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew mill-użu tas-servizzi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa minnha sussegwentement (ara s-sentenza Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

47      Min-naħa l-oħra, ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista bl-imsemmija direttiva, kif imfakkar fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, li, permezz tar-rifjut ta’ dan id-dritt, tiġi ssanzjonata persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tagħmel parti mill-katina ta’ distribuzzjoni, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Optigen et, punti 52 u 55, kif ukoll Kittel u Recolta Recycling, punti 45, 46 u 60).

48      Fil-fatt, il-ħolqien ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr tort imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2006, Federation of Technological Industries et, C‑384/04, Ġabra p. I‑4191, punt 32, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt, C‑271/06, Ġabra p. I‑771, punt 23).

49      Peress li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis skont il-punt 45 ta’ din is-sentenza huwa eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali li l-imsemmi dritt jikkostitwixxi, hija l-awtorità tat-taxxa li għandha tistabbilixxi, kif meħtieġ mil-liġi, l-elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata sabiex dan id-dritt għal tnaqqis ikollu bażi kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni iktar kmieni fil-katina ta’ distribuzzjoni.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑142/11 għandha tkun li l-Artikoli 167, 168(a), 178(a), 220(1) u 226 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas, mill-ammont tal-VAT li hija għandha tħallas, l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa għas-servizzi li jkunu ġew ipprovduti lilha, minħabba li min joħroġ il-fattura relattiva għal dawn is-servizzi, jew wieħed mill-fornituri tiegħu, wettaq xi irregolaritajiet, mingħajr ma din l-awtorità tistabbilixxi, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf, jew kellha tkun taf, li t-tranżazzjoni invokata sabiex id-dritt għal tnaqqis ikollu bażi, kienet involuta fi frodi mwettqa mill-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura jew minn operatur ieħor li jintervjeni iktar kmieni fil-katina ta’ distribuzzjoni.

 Fuq id-domandi magħmula fil-Kawża C‑80/11

51      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 167, 168(a), 178(a) u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li tipprovdi li l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis minħabba li l-persuna taxxabbli ma żguratx ruħha li min ħareġ il-fattura relattiva għall-oġġetti li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-oġġetti inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom, u li huwa kien issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, jew minħabba li l-imsemmija persuna taxxabbli, minbarra l-imsemmija fattura, ma għandhiex dokumenti oħra li jistgħu juru li l-imsemmija ċirkustanzi jeżistu.

52      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju u, b’mod partikolari, mill-ewwel domanda jirriżulta li d-domandi magħmula fil-Kawża C‑80/11 huma, bħal dawk magħmula fil-Kawża C‑142/11, ibbażati fuq il-premessa li tgħid li l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti bid-Direttiva 2006/112 għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huma sodisfatti, b’mod partikolari dik li teħtieġ li persuna taxxabbli jkollha fattura li turi t-twettiq effettiv tal-kunsinna tal-oġġetti u li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li tgħodd ukoll fil-każ ta’ kunsinni ta’ oġġetti, id-dritt għal tnaqqis jista’ biss jiġi rrifjutat meta, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata sabiex tingħata bażi għad-dritt għal tnaqqis kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni iktar kmieni fil-katina ta’ distribuzzjoni.

53      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-operaturi li jieħdu kull miżura li tista’ raġonevolment tintalab minnhom sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet tagħhom ma jkunux imdaħħlin fi frodi, sew jekk hija frodi tal-VAT sew jekk hija frodi oħra, għandhom ikunu jistgħu jafdaw fil-legalità ta’ dawn it-tranżazzjonijiet mingħajr ir-riskju li jitilfu d-dritt tagħhom għal tnaqqis tal-VAT tal-input (ara s-sentenza Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

54      Min-naħa l-oħra, ma huwiex kontra d-dritt tal-Unjoni li jkun meħtieġ li l-operatur jieħu kull miżura li tista’ tkun raġonevolment neċessarja min-naħa tiegħu sabiex jiżgura ruħu li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twassalx għall-parteċipazzjoni tiegħu f’evażjoni fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C‑409/04, Ġabra p. I‑7797, punti 65 u 68; Netto Supermarkt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, Ġabra p. I‑14191, punt 25).

55      Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra barra dawk previsti minn din id-Direttiva jekk huma jqisu dawn l-obbligi bħala neċessarji biex jiġi żgurat il-ġbir ta’ VAT eżatt u biex tiġi evitata l-frodi.

56      Madankollu, anki jekk din id-dispożizzjoni tagħti marġni diskrezzjonali lill-Istati Membri (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2012, Kraft Food Polska, C‑588/10, Ġabra p. I‑7289, punt 23), skont it-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu, din il-fakultà ma tistax tintuża sabiex jiġu imposti obbligi ta’ fatturazzjoni addizzjonali għal dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3, intitolat “Fatturazzjoni”, tat-Titolu XI, intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”, tal-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari fl-Artikolu 226 tagħha.

57      Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jadottaw skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jintużaw b’mod tali li huma jikkontestaw b’mod sistematiku d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, u, għaldaqstant, in-newtralità tal-VAT, liema newtralità tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Gabalfrisa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92; tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie, C‑385/09, Ġabra p. I‑10385, punt 49, kif ukoll Dankowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

58      Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-Liġi dwar il-VAT ma tistabbilixxix obbligi konkreti, iżda biss tipprevedi, fl-Artikolu 44(5), li d-drittijiet marbuta mal-intaxxar tal-persuna taxxabbli li, f’fattura, tidher bħala xerrej, ma jistgħux jiġu kkontestati sakemm din, f’dak li jikkonċerna l-fatt li jiġġenera t-taxxa, tkun ħadet il-prekawzjonijiet kollha neċessarji billi ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-kunsinna tal-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu, f’każ bħal dan, ikunu meħtieġa b’mod raġonevoli minn persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet tagħha ma jkunux involuti fi frodi mwettqa minn operatur preċedenti tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi tal-imsemmi każ inkwistjoni.

60      Ċertament, meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, operatur informat ikun jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun obbligat jikseb xi informazzjoni dwar operatur ieħor, li mingħandu huwa għandu l-intenzjoni jixtri xi oġġetti jew servizzi, sabiex jiżgura ruħu mill-affidabbiltà tiegħu.

61      Madankollu, l-amministrazzjoni tat-taxxa ma tistax teżiġi, b’mod ġenerali, li l-persuna taxxabbli li tkun tixtieq teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, minn naħa, tivverifika li min ħareġ il-fattura relattiva għall-oġġetti u għas-servizzi li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-oġġetti inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom u li huwa ssodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistu ebda irregolaritajiet jew frodi fuq il-livell tal-operaturi preċedenti, jew, min-naħa l-oħra, jkollha dokumenti f’dan ir-rigward.

62      Fil-fatt, fil-prinċipju, huma l-awtoritajiet fiskali li għandhom iwettqu l-kontrolli neċessarji tal-persuni taxxabbli sabiex ikunu jistgħu jiskopru irregolaritajiet jew frodi tal-VAT kif ukoll jimponu sanzjonijiet fuq il-persuna taxxabbli li tkun wettqet dawn l-irregolaritajiet jew frodi fiskali.

63      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma obbligati jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, il-kontijiet ta’ dawn tal-aħħar u d-dokumenti rilevanti l-oħra (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, Ġabra p. I-5457, punt 37, u tad-29 ta’ Lulju 2010, Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C‑188/09, Ġabra p. I‑7639, punt 21).

64      Għal dan l-għan, id-Direttiva 2006/112, u b’mod partikolari fl-Artikolu 242 tagħha timponi l-obbligu li kull persuna taxxabbli żżomm kontijiet dettaljati biżżejjed biex il-VAT tkun tista’ tkun applikata u biex l-applikazzjoni tagħha tkun tista’ tiġi vverifikata mill-awtoritajiet fiskali. Sabiex l-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu jiġi ffaċilitat, l-Artikoli 245 u 249 ta’ din id-direttiva jipprevedu d-dritt tal-awtoritajiet kompetenti sabiex ikollhom aċċess għall-fatturi li l-persuna taxxabbli għandha żżomm skont l-Artikolu 244 tal-imsemmija direttiva.

65      Minn dan isegwi li, billi, minħabba r-riskju ta’ rifjut tad-dritt għal tnaqqis, jiġu imposti fuq il-persuni taxxabbli l-miżuri elenkati fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni tat-taxxa tkun qed tittrasferixxi, b’mod kuntrarju għall-imsemmija dispożizzjonijiet, il-kompiti tagħha ta’ kontroll fuq il-persuni taxxabbli.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑80/11 għandha tkun li l-Artikoli 167, 168(a), 178(a) u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis minħabba li l-persuna taxxabbli ma żguratx ruħha li min ħareġ il-fattura relattiva għall-oġġetti li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-oġġetti inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom u li huwa kien issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, jew minħabba li l-imsemmija persuna taxxabbli ma għandhiex, minbarra l-imsemmija fattura, dokumenti oħra ta’ natura li juru li l-imsemmija ċirkustanzi kienu jeżistu, minkejja li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti bid-Direttiva 2006/112 għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis u li l-persuna taxxabbli ma kellha ebda indizji li jiġġustifikaw li wieħed jissuspetta fl-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi min-naħa tal-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 167, 168(a), 178(a), 220(1) u 226 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas, mill-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud li hija għandha tħallas, l-ammont tat-taxxa dovuta jew imħallsa għas-servizzi li jkunu ġew ipprovduti lilha, minħabba li min joħroġ il-fattura relattiva għal dawn is-servizzi, jew wieħed mill-fornituri tiegħu, wettaq xi irregolaritajiet, mingħajr ma din l-awtorità tistabbilixxi, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li l-persuna taxxabbli kkonċernata kienet taf, jew kellha tkun taf, li t-tranżazzjoni invokata sabiex id-dritt għal tnaqqis ikollu bażi, kienet involuta fi frodi mwettqa mill-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura jew minn operatur ieħor li jintervjeni iktar kmieni fil-katina ta’ distribuzzjoni.

2)      L-Artikoli 167, 168(a), 178(a) u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu prassi nazzjonali li, permezz tagħha, l-awtorità tat-taxxa tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis minħabba li l-persuna taxxabbli ma żguratx ruħha li min ħareġ il-fattura relattiva għall-oġġetti li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-oġġetti inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom u li huwa kien issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew minħabba li l-imsemmija persuna taxxabbli ma għandhiex, minbarra l-imsemmija fattura, dokumenti oħra ta’ natura li juru li l-imsemmija ċirkustanzi kienu jeżistu, minkejja li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti bid-Direttiva 2006/112 għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis u li l-persuna taxxabbli ma kellha ebda indizji li jiġġustifikaw li wieħed jissuspetta fl-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi min-naħa tal-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.