Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2023 – Evroins inshurans grup vs EIOPA

(Kawża T-416/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Evroins inshurans grup AD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentanti: A. Morogai, F. Giurgea u H. Drăghici, avukati)

Konvenut: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara li:

l-EIOPA eċċediet il-poteri statutorji tagħha sa fejn huma kkonċernati r-rwol u l-involviment tagħha fil-bidu, fit-tfassil u fil-ħruġ tal-evalwazzjoni tal-EIOPA dwar il-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi bil-grossa u bl-imnut ta’ riassigurazzjoni għall-portafoll ta’ responsabbiltà lil terzi għal vetturi bil-mutur ta’ Euroins Romania Asigurare - Reasigurare SA (EIOPA-23-149) tat-28 ta’ Marzu 2023 (iktar ’il quddiem ir-“rapport EIOPA”);

l-EIOPA kisret id-drittijiet ta’ Evroins inshurans grup (iktar ’il quddiem “Euroins”) u ta’ Euroins Romania Asigurare-Reasigurare SA (iktar ’il quddiem “Euroins Romania”) u aġixxiet b’mod eċċessiv u diskriminatorju, billi ma talbitx il-pożizzjoni ta’ Euroins Romania fir-rigward tar-riżultati tar-rapport EIOPA u billi ma tatx aċċess lil Euroins Romania għar-rapport EIOPA stess;

l-EIOPA kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ indipendenza, ta’ oġġettività, u ta’ trasparenza billi ma tatx aċċess lil Euroins u lil Euroins Romania għar-rapport EIOPA; u

ir-rapport EIOPA huwa annullat mid-data meta nħareġ.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv li jallega li l-EIOPA eċċediet il-poteri statutorji tagħha meta bdiet, fasslet u ħarġet ir-rapport EIOPA:

il-poteri tal-EIOPA kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE 1 inkisru meta nħareġ ir-rapport EIOPA, peress li r-Regolament Nru 1094/2010 ma jipprovdix bażi legali jew kwalunkwe poteri rregolati lill-EIOPA biex tibda u twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tad-dispożizzjonijiet tekniċi bil-grossa u bl-imnut ta’ riassigurazzjoni għall-portafoll ta’ responsabbiltà lil terzi għal vetturi bil-mutur ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni attiva fi Stat Membru tal-Unjoni, u lanqas li toħroġ rapport bħar-rapport EIOPA li jesponi l-konklużjonijiet ta’ tali evalwazzjoni;

l-EIOPA eċċediet il-poteri u l-kompetenzi regolatorji tagħha skont ir-Regolament Nru 1094/2010 billi wettqet l-evalwazzjoni dwar il-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi bil-grossa u bl-imnut ta’ riassigurazzjoni għall-portafoll ta’ responsabbiltà lil terzi għal vetturi bil-mutur ta’ Euroins Romania Asigurare - Reasigurare SA u billi ħarġet ir-rapport EIOPA, peress li tali poteri huma rriżervati lil awtoritajiet superviżorji nazzjonali, skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) 1 .

It-tieni motiv li jallega li l-EIOPA kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1094/2010, tad-Direttiva 2009/138 u tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) Test b'rilevanza għaż-ŻEE 1 , u l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ indipendenza, ta’ oġġettività, u ta’ trasparenza meta ħarġet ir-rapport EIOPA:

l-EIOPA wettqet l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tekniċi bil-grossa u bl-imnut ta’ riassigurazzjoni għall-portafoll ta’ responsabbiltà lil terzi għal vetturi bil-mutur ta’ Euroins Romania mingħajr ma ppermettiet li l-kumpannija tal-assigurazzjoni kkonċernata – jiġifieri Euroins Romania – tkun involuta f’tali evalwazzjoni, biex tipprovdi lil EIOPA data teknika u finanzjarja aġġornata, kompleta u preċiża meħtieġa għal tali evalwazzjoni u biex tipprovdi l-kummenti tagħha dwar il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-EIOPA imniżżla fir-rapport EIOPA jew fi kwalunkwe każ qabel il-ħruġ tar-rapport EIOPA;

l-EIOPA ma tatx aċċess lil Euroins u lil Euroins Romania għar-rapport EIOPA filwaqt li ppermettiet l-iżvelar ta’ tali rapport EIOPA lill-Qrati tar-Rumanija;

il-ħruġ tar-rapport EIOPA ma kienx ir-riżultat ta’ xi emerġenza kif irregolata mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1094/2010 u għalhekk kien eċċessiv;

permezz tar-rapport EIOPA, l-EIOPA tiddiskrimina kontra Euroins Romania meta mqabbel ma’ impriżi tal-assigurazzjoni oħra fir-Rumanija u fi Stati Membri oħra;

ir-rapport EIOPA jipprovdi trattament inġust lil Euroins Romania billi ma joffrix lil din l-entità l-possibbiltà li tkun taf, li tevalwa u li tindirizza r-riżultati tal-EIOPA;

ir-rapport EIOPA nħareġ bi ksur tal-obbligi tal-EIOPA: “jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u tingħata promozzjoni għal kondizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni”, “tittejjeb il-konverġenza superviżorja fis-suq intern kollu” u “tiżgura li l-partijiet interessati kollha jiġu trattati b’mod ġust” kif stabbilit fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament Nru 1094/2010.

It-tielet motiv li jallega li r-rapport EIOPA nħareġ b’abbuż tal-poteri tal-EIOPA:

billi (i) ma nnotifikatx lil Euroins Romania fi kwalunkwe stadju tal-evalwazzjoni dwar l-iżvolġiment, (ii) ma offrietx il-possibbiltà lil Euroins Romania li tipprovdi kwalunkwe dettalji/kummenti/informazzjoni eċċ. lill-EIOPA matul l-evalwazzjoni, u (iii) ippermettiet l-iżvelar tar-rapport EIOPA lill-qrati tal-ġustizzja, l-EIOPA għenet lill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tar-Rumanija fl-investigazzjoni ppreġudikata u illegali tagħha ta’ Euroins Romania u fl-eliminazzjoni aħħarija ta’ din l-entità fis-suq tal-assigurazzjoni Rumen;

hemm diskrepanza bejn l-għanijiet li għalihom ngħataw poteri superviżorji lill-EIOPA mit-TFUE u mir-Regolament Nru 1094/2010 u l-għan u r-riżultat attwali tar-rapport EIOPA – jiġifieri, assistiet lill-Awtorità Superviżorja Finanzjarja tar-Rumanija fl-investigazzjoni ppreġudikata u illegali tagħha ta’ Euroins Romania, ippermettiet l-iżvelar tagħha lill-qrati u finalment limitat id-dritt ta’ Euroins Romania għal evalwazzjoni ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja reali tagħha u għal smigħ xieraq tagħha.

____________

1 ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48

1 ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, rettifika fil-ĠU L 262, 29.9.2016, p. 34, fil-ĠU L 316, 6.12.2019, p. 107 u fil-ĠU L 108, 7.4.2022, p. 69

1 ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU L 195, 1.8.2018, p. 27, fil-ĠU L 2, 6.1.2022, p. 8 u fil-ĠU L 173, 30.6.2022, p. 133