Language of document : ECLI:EU:F:2013:93

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

26 ta’ Ġunju 2013

Kawżi magħquda F‑135/11, F‑51/12 u F‑110/12

BU

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Att li jikkawża preġudizzju — Talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt — Terminu raġonevoli — Ilment kontra ċaħda ta’ lment — Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Dmir ta’ premura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, u rreġistrat bir-referenza F‑135/11, li bih BU jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2011” tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA jew iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) li biha l-Awtorità awtorizzata li tiffirma kuntratti ta’ reklutaġġ tal-EMA (iktar ’il quddiem l-“AATK”) “irrifjuta[t] li teżamina l-possibbilitajiet ta’ tiġdid tal-kuntratt [tiegħu] bħala membru tal-persunal temporanju”. Bit-tieni rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Mejju 2012, u rreġistrat bir-referenza F‑51/12, BU jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2011 li biha l-AATK ċaħdet it-“talba” tiegħu annessa ma’ posta elettronika tat-23 ta’ Awwissu 2011 intiża għat-tiġdid tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju. Bit-tielet rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-1 ta’ Ottubru 2012, u rreġistrat bir-referenza F‑110/12, BU jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2011 li biha l-AATK ċaħad it-talba tiegħu għal kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal awżiljarju tas-16 ta’ Settembru 2002.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ BU, innotifikata bl-ittra tat-30 ta’ Mejju 2011, hija annullata. Ir-rikors F‑135/11 huwa annullat għall-bqija. Ir-rikorsi F‑51/12 u F‑110/12 huma miċħuda. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tbati l-ispejjeż ta’ BU fil-Kawżi F‑135/11 u F‑51/12. BU għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u għandu jbati l-ispejjeż tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fil-kawża F‑110/12.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Kontestazzjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju, kuntrattwali jew kuntrattwali awżiljarju — Talba għal kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-kuntratt f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Rimedji ġudizzjarji

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Talba skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Terminu għall-preżentata — Terminu raġonevoli — Talba għal kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a))

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal temporanju u li tfakkru d-data tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Deċiżjoni li ma jiġix imġedded kuntratt — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 8 u punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47)

5.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Deċiżjoni mhux ippreċeduta minn eżami tas-sitwazzjoni tal-membru tal-persunal fir-rigward tal-interess tas-servizz — Illegalità

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8)

6.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju — Possibbiltà għall-amministrazzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida konformi mas-sentenza — Ċaħda tat-talba għal kumpens għad-dannu materjali li rriżulta mid-deċiżjoni annullata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Membru tal-persunal awżiljarju, membru tal-persunal kuntrattwali jew membru tal-persunal kuntrattwali awżiljarju jista’ jressaq quddiem l-amministrazzjoni, wara l-iskadenza tat-termini ta’ rikors kontra l-kuntratt tiegħu, talba intiża sabiex, fid-dawl tal-inkarigi li huwa effettivament issodisfa, perijodu ta’ servizz formalment imwettaq b’eżekuzzjoni tal-kuntratt tiegħu jiġi rrikonoxxut lilu bħala perijodu ta’ servizz imwettaq bħala membru tal-persunal temporanju u, jekk din it-talba tiġi miċħuda, dan il-membru tal-persunal jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 90 u91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punt 22)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, T‑325/09 P, punt 88

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Davids vs Il‑Kummissjoni, F‑105/11, punt 56

2.      Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix terminu li fih għandhom jitressqu t-talbiet abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu hija meħtieġa l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fil-każijiet kollha ħlief għal dawk fejn il-leġiżlatur iddefinixxa terminu jew eskludih b’mod espliċitu. Fil-fatt, il-bażi legali għall-iffissar ta’ terminu raġonevoli f’każ ta’ silenzju min-naħa tat-testi huwa l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jipprekludi li l-istituzzjonijiet u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jaġixxu mingħajr limitu fiż-żmien, għaliex inkella jpoġġu fil-periklu l-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet legali miksuba. Għalhekk, in-nuqqas ta’ terminu fiss stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistax minnu nnifsu jitqies li jimplika l-possibbiltà li titressaq talba mingħajr ma jiġi osservat tali limitu. In-natura raġonevoli ta’ terminu tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ u, b’mod partikolari, mill-interess fil-kwistjoni għall-persuna interessata, mill-kumplessità tal-każ u mill-aġir tal-partijiet.

Fir-rigward ta’ talba għal kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal awżiljarju f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, għalkemm il-possibbiltà li tintalab tali kwalifikazzjoni mill-ġdid tista’ tikkostitwixxi rimedju għall-abbuż ta’ kuntratti għal terminu determinat suċċessivi, madankollu, minn dan ma jistax jiġi inferit li terminu ta’ diversi snin jista’ jiġi kkwalifikat bħala terminu raġonevoli.

F’dan ir-rigward, it-terminu ta’ ħames snin fil-qasam tal-kawżi għal kumpens tas-servizz pubbliku applikat b’analoġija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jikkostitwixxi neċessarjament terminu raġonevoli. Fil-fatt, teżisti differenza fundamentali bejn rikors għal kumpens li jitlob biss il-ħlas tad-danni kumpensatorji jew moratorji u talba għal kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt preċedenti. Tali talba timplika, fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri li jwettqu kostituzzjoni mill-ġdid retroattiva tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lil membru tal-persunal mal-persuna li timpjegah, li jistgħu, barra minn hekk, jaffettwaw l-istruttura tal-impjieg u l-politika tal-persunal tal-amministrazzjoni, speċjalment f’aġenzija li n-numru ta’ ħaddiema tagħha huwa limitat.

Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta’ kwalifikazzjoni mill-ġdid jitolbu reazzjoni ħafna inqas tardiva meta l-interess ma jkunx negliġibbli, peress li dan jirrigwarda n-natura stess tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-persuna interessata u tal-amministrazzjoni, bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-differenza tas-sistema eżistenti bejn il-membri tal-persunal awżiljarji u l-membri tal-persunal temporanju, kif ukoll bejn il-membri tal-persunal temporanju b’kuntratt għal żmien determinat jew b’kuntratt għal żmien indeterminat.

(ara l-punti 24, 25, 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Frar 2013, Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, punt 28

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Marzu 1998, Koopman vs Il‑Kummissjoni, T‑202/97, punt 25; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑114/08 P, punt 25


Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Adjemian et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 87; 14 ta’ Diċembru 2011, Allen et vs Il-Kummissjoni, T‑433/10 P, punti 26 u 31

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, punt 50; 11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, punt 117; 13 ta’ April 2011, Sukup vs Il‑Kummissjoni, F‑73/09, punt 83

3.      Ittra tal-amministrazzjoni li tillimita ruħha li tfakkar lil membru tal-persunal il-klawżoli tal-kuntratt tiegħu relattivi għad-data tal-iskadenza tiegħu u li ma fiha ebda element ġdid fir-rigward tal-klawżoli msemmija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju. Madankollu, fil-każ fejn il-kuntratt jista’ jkun is-suġġett ta’ tiġdid, id-deċiżjoni adottata mill-amministrazzjoni, wara eżami mill-ġdid, li ma ġġeddidx il-kuntratt tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment, jew saħansitra rikors, fit-termini statutorji.

(ara l-punt 36)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI, F‑102/09, punti 57 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi minnha l-amministrazzjoni fil-qasam tat-tiġdid ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanji, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni fuq din l-evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-metodi u l-mezzi li setgħu jwasslu għaliha, l-amministrazzjoni żammitx ruħha fil-limiti mhux kritikabbli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Madankollu, anki jekk l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, jekk jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra att adottat fl-eżerċizzju ta’ tali setgħa, din xorta teżerċita stħarriġ tal-legalità fil-konfront ta’ dan l-att, li jimmanifesta ruħu f’aspetti oħra. B’hekk, il-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tal-obbligu tad-dmir ta’ premura. Issa, dan id-dmir, bħall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jimplika b’mod partikolari li, meta din tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, u dan anki fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha. B’hekk, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda anki dak tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

B’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ eżami effettiv, komplet u dettaljat japplikaw a fortiori għall-amministrazzjoni meta din tkun mexxiet proċedura interna li tipprevedi l-konsultazzjoni tas-superjuri ta’ membru tal-persunal fil-perspettiva ta’ eventwali tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Fil-fatt, din il-proċedura ta’ konsultazzjoni ma jkollha ebda utilità kieku s-superjuri kkonsultati ma kellhomx jeżerċitaw il-kompetenza ta’ opinjoni tagħhom fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u kieku l-awtorità inkarigata bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ma kinitx, hija stess, marbuta li tieħu effettivament inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

(ara l-punti 48 sa 51)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, punt 22; 29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il‑Kummissjoni, 125/80, punt 19

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il‑Kummissjoni, F‑63/11, punti 45, 47 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑368/12 P

5.      Għalkemm ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tikkontrolla l-għażla tal-politika tal-persunal li għandha teżerċita istituzzjoni biex twettaq tajjeb il-missjonijiet li ġiet inkarigata twettaq, din tista’ validament, meta titressaq quddiemha talba għal annullament ta’ ċaħda ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, tivverifika jekk il-motivi adottati mill-amministrazzjoni humiex ta’ natura li jpoġġu indiskussjoni l-kriterji u l-kundizzjonijiet bażiċi ffissati mil-leġiżlatur fir-Regolamenti tal-Persunal intiżi b’mod partikolari biex jiżguraw lill-persunal bil-kuntratt il-possibbiltà li jibbenefika, jekk ikun il-każ, għal żmien twil, minn ċerta kontinwità ta’ impjieg. Hekk għandu jinftiehem l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra li jipprevedi li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, jista’ jiġi mġedded għal żmien determinat darba biss u li kull tiġdid ulterjuri jsir għal żmien indeterminat, li jistgħu preċiżament jiġu analizzati bħala miżuri preventivi intiżi biex jiġġieldu l-prekarjetà tal-impjieg. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mid-dmir ta’ premura li minnu jiġi dedott b’mod partikolari li hija l-awtorità kompetenti li għandha tfittex jekk jeżistix post li fih il-membru tal-persunal temporanju, fl-interess tas-servizz u fid-dawl tar-rekwiżiti prijoritarji tal-każ, jista’ jkun impjegat b’mod utli jew appuntat mill-ġdid. Din l-interpretazzjoni tapplika a fortiori meta l-persuna li timpjega tmexxi proċedura intiża biex tiġi evalwata l-opportunità li tiġi mġedda r-relazzjoni ta’ impjieg li torbotha mal-membri tal-persunal tagħha.

Isegwi li l-Awtorità awtorizzata li tiffirma kuntratti ta’ reklutaġġ tikser id-dmir ta’ premura tagħha u l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jekk, meta tiċħad talba għat-tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg, hija tirreferi, b’mod astratt, għall-possibbiltajiet baġitarji u għall-merti u kompetenzi tal-persuna interessata filwaqt li tonqos milli tfittex, fil-kuntest ta’ eżami individwalizzat tas-sitwazzjoni tal-persuna interessata u tas-servizzi li din tkun tista’ tipprovdi lill-istituzzjoni, jekk l-interess tas-servizz li hija tfittex ma jistax jiġi kkonċiljat mal-attribuzzjoni lill-persuna interessata ta’ inkarigi u funzjonijiet ġodda u għalhekk mal-possibbiltà ta’ tiġdid tal-kuntratt tagħha jew l-għoti ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal temporanju jew kuntrattwali.

(ara l-punti 57, 59 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Marzu 2012, Huet, C‑251/11, punt 3

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Diċembru 2010, Schuerings vs ETF, F‑87/08, punti 58 u 60, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑107/11 P; 9 ta’ Diċembru 2010, Vandeuren vs ETF, F‑88/08, punti 59 u 60, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Kawża T‑108/11 P; Macchia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54, 60 u 61

6.      Fir-rigward tal-annullament mill-Qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni li ma ġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, minħabba n-nuqqas ta’ eżami komplet u dettaljat tal-fatti fir-rigward tal-interess tas-servizz u tal-merti u tal-kapaċitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-amministrazzjoni tqis li tista’ tadotta mill-ġdid deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent wara l-eżami mill-ġdid komplet u dettaljat tal-fajl, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi ta’ din is-sentenza, din ma tistax tiġi kkundannata tikkumpensa lill-membru tal-persunal imsemmi għal telf ta’ remunerazzjoni konsegwenti għat-tmiem tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, anki jekk taħt il-forma ta’ Euro b’mod provviżorju.

(ara l-punti 64 sa 66)