Language of document : ECLI:EU:F:2013:199

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑133/11

BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ħatra — Kandidati inklużi fil-listi ta’ riżerva tal-kompetizzjonijiet li l-avviż tagħhom ġie ppubblikat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Klassifikazzjoni fi grad — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni minħabba l-età — Moviment liberu tal-persuni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li skont dan BV titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li taħtarha uffiċjal bi prova, sa fejn din id-deċiżjoni stabbilixxiet il-klassifikazzjoni tagħha fil-grad AD 6, skala 2, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallasha d-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi f’listi ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 iżda maħtura wara din id-data — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad — Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(1); Anness XIII, Artikolu 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Trattament iddifferenzjat tal-varji kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Unjoni fil-qasam ta’ garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal — Assenza ta’ diskriminazzjoni

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Organizzazzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni u modalitajiet — Setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra — Limiti — Rekwiżiti marbuta mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u mal-interess tas-servizz

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u Artikolu 29(1); Anness III)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi f’listi ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 iżda maħtura wara din id-data — Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikolu 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

5.      Uffiċjali — Assenjazzjoni — Korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Attribuzzjoni lil uffiċjal ta’ funzjonijiet ta’ natura superjuri għall-grad tiegħu wara r-reklutaġġ tiegħu — Assenza ta’ effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni fi grad fil-mument tar-reklutaġġ

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(4), 7(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62; Anness I; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

6.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad — Kandidati li għaddew minn kompetizzjoni inklużi f’listi ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 iżda maħtura wara din id-data — Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda — Ksur tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema — Assenza

(Artikolu 45 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 32, Anness XIII, Artikolu 13(1))

1.      Skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati inklużi f’lista ta’ kandidati xierqa b’riżultat ta’ kompetizzjoni u magħżula mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jiġu maħtura għall-pożizzjonijiet vakanti huma maħtura fil-grad tal-grupp ta’ funzjonijiet indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni li għalih ġew ammessi. Madankollu, fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal adottata bir-Regolament Nru 723/2004, il-leġiżlatur daħħal Anness XIII fl-imsemmija regolamenti tal-persunal fejn l-Artikolu 13(1) tiegħu, bħala dispożizzjoni tranżitorja ta’ natura speċjali, jipprovdi, b’deroga għar-regola tan-natura ġenerali prevista fl-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-uffiċjali inklużi qabel l-1 ta’ Mejju 2006 fil-lista ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet ta’ livell A 7/A 6 u rreklutati wara din id-data jiġu kklassifikati fl-grad AD 6.

(ara l-punt 39)

2.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux meqjusa b’mod differenti, sakemm distinzjoni tkun oġġettivament iġġustifikata. B’hekk, ma jistgħux jiġu kkontestati d-differenzi tar-Regolamenti tal-Persunal eżistenti bejn il-kategoriji differenti ta’ persuni impjegati mill-Unjoni, kemm bħala uffiċjali hekk imsejħa, kif ukoll bħala kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra, peress li d-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi ma’ bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Unjoni u man-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li hija għandha bħala missjoni li twettaq.

Konsegwentement, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali rreklutati wara li jgħaddu minn kompetizzjoni u intiżi li jagħmlu karriera fi ħdan l-istituzzjonijiet fejn suċċessivament jokkupaw ċertu numru ta’ pożizzjonijiet ma tistax tkun komparabbli, għal dik li jirrigwarda l-klassifikazzjoni fi grad u fi skala fl-okkażjoni tar-reklutaġġ, għas-sitwazzjoni ta’ membri tal-persunal temporanju rreklutati sabiex jeżerċitaw pożizzjoni partikolari.

(ara l-punti 46 sa 48)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-109/92, punt 87

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Novembru 2009, Palazzo vs Il-Kummissjoni, F-57/08, punt 38; 9 ta’ Diċembru 2010, Ezerniece Liljeberg et vs Il‑Kummissjoni, F‑83/05, punt 93

3.      Suġġett għall-osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandhom l-għan li jiżguraw ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali li għandhom l-ogħla livell, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u sabiex tiddetermina, abbażi ta’ dawn il-kriterji u, b’mod iktar ġenerali, fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. L-għażla permessa taħt din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandha dejjem tkun imħaddna abbażi tar-rekwiżiti marbuta mal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u, b’mod iktar ġenerali, mal-interess tas-servizz.

(ara l-punt 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Frar 1997, Petit-Laurent vs Il‑Kummissjoni, T‑211/95, punt 54

4.      Hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mhux biss żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jippreżentawx differenzi sinjifikattivi jiġi applikat lilhom trattament differenti, iżda wkoll meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku.

Madankollu, meta avviż ta’ kompetizzjoni, ippubblikat għall-finijiet li jiġu rreklutati uffiċjali fi grad partikolari, jeħtieġ minn kandidati li jissodisfaw kundizzjoni minima ta’ esperjenza professjonali, il-kandidati li jkunu għaddew minn din il-kompetizzjoni għandhom jitqiesu, tkun xi tkun l-età tagħhom u l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom, bħala li jaqgħu kollha taħt sitwazzjoni identika f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tagħhom fi grad. B’hekk, it-tabella ta’ korrispondenza li tidher fl-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal manifestament ma tikkunsidrax, direttament jew indirettament, l-età tal-uffiċjali rreklutati.

Konsegwentement, il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni, inklużi fil-lista ta’ kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u rreklutati wara din id-data, li ġew integrati fis-servizz pubbliku Ewropew wara li kisbu, barra mill-istituzzjonijiet, esperjenza professjonali sostanzjali ma jkunux jistgħu jitolbu, jekk min-naħa l-oħra kollox ikun l-istess, li jkunu intitolati għal prospetti professjonali ekwivalenti għal dawk tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni li daħlu fl-imsemmi servizz pubbliku meta kienu iżgħar, peress li, bħala prinċipju, il-karriera tal-ewwel tkun iqsar mill-karriera tat-tieni. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tikkaratterizzax diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, iżda tiddependi minn ċirkustanzi proprji għal kull wieħed minn dawn il-kandidati.

(ara l-punti 56 u 58 sa 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, punt 83

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, De Bustamante Tello vs Il‑Kunsill, T‑368/03, punt 69; 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, punt 89

5.      Jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikolu 7(1) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal, li skont dawn l-uffiċjal għandu dritt għar-remunerazzjoni relatata mal-grad u mal-iskala tiegħu, li, wara d-determinazzjoni tal-grad, u b’hekk tal-livell tas-salarju tal-uffiċjal, dan ma jistax jingħata pożizzjoni li ma tikkorrispondix ma’ dan il-grad. Fi kliem ieħor, il-grad, u għalhekk is-salarju li għalih għandu dritt l-uffiċjal, jiddetermina l-kompiti li huwa jista’ jiġi inkarigat bihom. Madankollu, ċirkustanza bħal dik ta’ uffiċjal li, ftit wara r-reklutaġġ tiegħu, ikun irċieva funzjonijiet ta’ management li ma jikkorrispondux ma’ dawk li għandhom ikunu normalment mogħtija lil uffiċjal tal-grad tiegħu u li, sussegwentement, ir-remunerazzjoni riċevuta ma tkunx konformi mal-livell tal-prestazzjonijiet tiegħu, tkun rilevanti biss fir-rigward tad-deċiżjoni li tkun ħatret dan l-uffiċjal għal dawn il-funzjonijiet wara r-reklutaġġ tiegħu. Min-naħa l-oħra, din iċ-ċirkustanza hija bla effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni li kellha bħala għan u effett biss li tikklassifika fi grad u fi skala lill-uffiċjal meta dan ġie rreklutat.

(ara l-punti 64 u 66)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Schulze vs Il-Kummissjoni, F‑36/05, punti 80 u 82

6.      Uffiċjal ma jistax jinvoka b’mod effettiv l-illegalità, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 32 tal-istess regolamenti. Ksur tal-Artikolu 45 TFUE jissupponi li dawn id-dispożizzjonijiet għamlu l-klassifikazzjoni fi grad u fi skala ta’ uffiċjal irreklutat minn kompetizzjoni dipendenti fuq l-esperjenza professjonali skont jekk din inkisbet fi Stat Membru pjuttost milli f’ieħor. Barra minn hekk, l-uffiċjali li jkunu kisbu, qabel ir-reklutaġġ tagħhom, esperjenza professjonali sostanzjali barra mill-istituzzjonijiet u l-uffiċjali li bdew il-karriera tagħhom meta kienu iżgħar u kisbu l-esperjenza professjonali tagħhom fi ħdan l-imsemmija istituzzjonijiet, huma żewġ kategoriji ta’ persuni li ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli fl-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 71 u 72)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Diċembru 2003, Chawdhry vs Il‑Kummissjoni, T-133/02, punt 113

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2011, Strobl vs Il‑Kummissjoni, F‑56/05, punt 87