Language of document : ECLI:EU:F:2016:194

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Awwissu 2016

Kawża F‑134/11

Giorgio Cocchi

u

Nicola Falcione

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Dmir ta’ assistenza – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Ċaħda tat-talba għal assistenza – Pensjonijiet – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni – Rinunzja għat-talba ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni fil-mori tal-kawża – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq iċ-ċaħda tat-talba għal assistenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tagħha, li permezz tiegħu Giorgio Cocchi u Nicola Falcione jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu 2011 li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talbiet għal assistenza tagħhom, li saru fil-kuntest tat-talbiet tagħhom ta’ trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni li huma kienu kisbu mill-iskema ta’ pensjoni Taljana lejn l-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni:      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża F‑134/11, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni. Giorgio Cocchi, Nicola Falcione u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Tmiem sussegwenti tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

Sabiex uffiċjal ikun jista’ jsostni rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni, jeħtieġ li huwa jibqa’ jkollu interess personali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata anki wara li jiġi ppreżentat dan ir-rikors, billi tali interess jippreżupponi li r-rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għalih.

Meta uffiċjal ikun irtira t-talba tiegħu ta’ trasferiment ta’ drittijiet għal pensjoni miksuba qabel ma daħal fis-servizz tal-Unjoni bi ftehim mal-istituzzjoni kkonċernata, sentenza eventwali li tannulla d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tiegħu għal assistenza mressqa fil-kuntest tat-talba tiegħu ta’ trasferiment ta’ drittijiet għal pensjoni ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju amministrattiv għalih, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk talba għal assistenza mressqa minn uffiċjal sabiex jiddefendi ruħu mill-aġir tal-istituzzjoni tiegħu stess hijiex legalment ammissibbli.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku attwali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tat-2 ta’ Diċembru 2013, Pachtitis vs Il-Kummissjoni, F‑49/12, EU:F:2013:197, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata