Language of document :

Kawża T376/21

Instituto Cervantes

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal14 ta’ Ġunju 2023

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ taħriġ fil-lingwi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-aġenziji tal-Unjoni – Klassifikazzjoni ta’ offerent fil-proċedura ta’ kaskata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Użu ħażin ta’ poter”

1.      Rikors għal annullament – Termini – Punt tat-tluq – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Komunikazzjoni tal-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta li kklassifikat l-aħjar – Kundizzjoni – Talba għal deċiżjoni motivata f’terminu raġonevoli

Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

(ara l-punti 32 sa 34)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tikkomunika, wara li ssir talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula, kif ukoll l-isem tal-offerent rebbieħ – Obbligu li tingħata sinteżi dettaljata tal-mod kif kull dettall tal-offerta li ma tintgħażiltx ikun ittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha jew analiżi komparattiva dettaljata tal-offerta li tkun intgħażlet u tal-offerta tal-offerent li ma jkunx intgħażel – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 63 sa 68)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Differenza mhux irrilevanti bejn il-punteġġi miksuba mill-offerti tekniċi – Obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż – Assenza – Obbligu ta’ motivazzjoni li jirrifletti l-mod kif il-proċedura ta’ evalwazzjoni tassew żvolġiet – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 113(2))

(ara l-punti 96 u 97)

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Modalitajiet ta’ sottomissjoni tal-offerti – Obbligu li l-offerta tittella’ direttament fuq il-pjattaforma eSubmission – Garanzija ta’ sottomissjoni tal-offerta permezz ta’ applikazzjoni sigura – Garanzija tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi jiġi żgurat li l-awtorità kontraenti żżomm kontroll tad-dokumenti sottomessi – Possibbiltà għal offerent li jinkludi ħoloq hypertext fl-offerta tiegħu li jwassluk għal sit Internet taħt il-kontroll tiegħu – Inammissibbiltà


(ara l-punti 140 sa 142)

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Portata – Possibbiltà għal offerent li jissottometti dokumenti meħtieġa li ma jkunux ġew sottomessi fit-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-offerti – Assenza – Obbligu tal-Kummissjoni li titlob lil offerent jissottometti mill-ġdid id-dokumenti li saru aċċessibbli permezz ta’ ħoloq hypertext – Assenza


(ara l-punt 147)

Sunt

Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet, fi proċedura miftuħa, sejħa għal offerti għat-taħriġ fil-lingwi għall-istituzzjonijiet, l-entitajiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. Dan il-kuntratt kien maqsum fi tmien lottijiet, fosthom il-Lott Nru 3, intitolat “Taħriġ fl-Ispanjol (ES)”. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għas-sejħa ta’ offerti kontenzjużi kienu jindikaw li, sabiex jingħata l-kuntratt, l-awtorità kontraenti kellha tibbaża ruħha fuq l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ sottomissjoni ta’ offerta, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu, b’mod partikolari, li l-offerti kellhom jiġu sottomessi permezz tal-applikazzjoni eSubmission.

Fid‑19 ta’ April 2021, il-Kummissjoni tat id-deċiżjoni kkontestata skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. B’hekk, hija tat il-Lott Nru 3 (Lingwa Spanjola) tal-kuntratt, fl-ewwel post fil-klassifika, lill-grupp CLL Centre de Langues-Allingua (iktar ’il quddiem il-“grupp CLL ») u, fit-tieni post fil-klassifika, lir-rikorrent, l-Instituto Cervantes.

Fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, ir-rikorrent kien tella’ fuq il-pjattaforma eSubmission ċerti elementi li jispjegaw il-proposta teknika deskritta fl-offerta tiegħu, liema elementi kienu aċċessibbli biss permezz ta’ ħoloq hypertext integrati fl-offerta. Fl-iskeda ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent bil-fatt li hija kienet ċaħdet dawn l-elementi u li ma kinitx evalwathom, minħabba li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li kien hemm riskju li ssir modifika tal-offerta permezz tal-imsemmija ħoloq hypertext wara d-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-offerti. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li d-dokumenti aċċessibbli biss permezz tal-imsemmija ħoloq hypertext kienu nieqsa.

Adita b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata, li hija ċaħdet fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar il-kwistjoni marbuta mal-użu ta’ ħoloq hypertext mill-offerenti sabiex jissottomettu l-elementi tal-offerta tagħhom, minkejja li dan il-metodu ta’ komunikazzjoni ma kienx previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minn tali użu fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-offerti u tal-għoti tal-punti.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

L-ewwel, hija ċaħdet l-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà għar-rikorrent li jsir jaf bil-vantaġġi tal-offerta magħżula. Fil-fatt, hija kkonstatat li, minkejja li l-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw ċerti subkriterji huma konċiżi, kien possibbli, qabelxejn, li wieħed jifhem li l-offerta tal-grupp CLL tippreżenta diversi kwalitajiet li jmorru lil hinn minn dawk tal-offerta tar-rikorrent. Sussegwentement, kien possibbli li wieħed ikun jaf il-livell ta’ kwalità tal-offerta tar-rikorrent, li kien iktar baxx. Fl-aħħar nett, ma setax jiġi injorat li n-nuqqas ta’ dokumenti li jikkonċerna element importanti ta’ kors tal-lingwa, jiġifieri l-eżerċizzji, kien ippreżentat bħala punt dgħajjef tal-offerta tar-rikorrent, li wassal għal telf ta’ punti. Bl-istess mod, billi n-nuqqas ta’ dokumenti ma kienx l-uniku nuqqas li ġġustifika t-telf ta’ punti fl-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-inkoerenza tar-rabta bejn din l-evalwazzjoni u l-punteġġ attribwit.

It-tieni, hija ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-impossibbiltà għar-rikorrent li jsir jaf in-numru preċiż ta’ punti li jkunu tnaqqsu minħabba n-nuqqas ta’ dokumenti. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma stabbilixxew l-ebda piż bejn l-elementi differenti li jagħmlu parti mid-deskrizzjoni ta’ kull subkriterju, għaliex ma kienx il-każ ta’ “sottosubkriterji” intiżi sabiex jiġu evalwati b’mod separat, iżda ta’ deskrizzjoni tal-kontenut ta’ kull subkriterju. Għaldaqstant, ma kienx meħtieġ li kull kumment negattiv jew pożittiv fl-evalwazzjoni jingħata piż speċifiku, iżda li r-rikorrent seta’ jifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tattribwixxi għall-offerta tiegħu l-punteġġ li din tkun kisbet għal kull subkriterju, ħaġa li huwa kien tabilħaqq f’pożizzjoni li jagħmel. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni indika l-vantaġġi tal-offerta magħżula fil-kuntest ta’ kull subkriterju u li l-Kummissjoni ma setgħetx tintalab, f’dan il-każ, tagħti piż speċifiku lil kull kumment pożittiv jew negattiv relatat mal-elementi varji li jagħmlu parti mid-deskrizzjoni ta’ kull subkriterju.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba n-natura illoġika, sproporzjonata u mhux trasparenti tar-rabta bejn l-evalwazzjoni u l-punteġġ attribwit fil-kuntest ta’ ċerti subkriterji. Kien għalhekk li, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, sa fejn il-piż speċifiku mogħti lil xi element tal-kriterju affettwat min-nuqqas ta’ dokumenti ma kienx ġie ddikjarat fid-dokumenti tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali fakkret li n-nuqqas ta’ dokumenti ma kienx l-uniku nuqqas li ġġustifika t-telf ta’ punti. Għaldaqstant, it-tnaqqis ta’ punti inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala manifestament inkoerenti fid-dawl tan-nuqqasijiet identifikati.

Barra minn hekk, l-importanza speċifika mogħtija lil xi element tal-offerta u l-attribuzzjoni ta’ punti għal kull sottosubkriterju jew kull element ta’ subkriterju kienu jaqgħu taħt il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tistħarreġ l-importanza mogħtija lil ċerti elementi fil-kuntest ta’ sottosubkriterju, iżda kienet limitata tistħarreġ jekk ġietx stabbilita jew le l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma weriex tali żball, peress li n-nuqqas ta’ dokumenti identifikat mill-Kummissjoni kien jikkonċerna element importanti ta’ kors tal-lingwa u seta’ leġittimament iwassal għal tnaqqis ta’ punti, mingħajr ma ntwera li l-imsemmi tnaqqis ta’ punti kien manifestament żbaljat.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba ċ-ċaħda tal-elementi tal-offerta aċċessibbli permezz ta’ ħolqa hypertext.

Fil-fatt, fid-dawl tal-kliem tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-“offerta” kellha tittella’ direttament fuq il-pjattaforma eSubmission u kienu biss id-dokumenti li segwew dan il-proċess li kienu jagħmlu parti mill-imsemmija offerta. Għaldaqstant, konformement mal-għan li tfittex li tilħaq l-applikazzjoni eSubmission, li huwa li tiffaċilita s-sottomissjoni tal-offerti permezz ta’ applikazzjoni sikura, ir-rikorrenti ma setax jissottometti ċerti partijiet mill-offerta tiegħu billi jagħmel użu minn ħoloq hypertext li jwasslu għal dokument aċċessibbli fuq sit internet taħt il-kontroll tal-offerent. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti miksuba permezz tal-ħoloq hypertext inkwistjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li s-sottomissjoni permezz ta’ din l-applikazzjoni sikura tippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti billi tiggarantixxi li l-awtorità kontraenti żżomm kontroll tad-dokumenti li jiġu sottomessi lilha. B’hekk hija tevita kull riskju li ssir modifika f’dokumenti aċċessibbli biss permezz ta’ ħolqa hypertext u li għalhekk ma jkunux ittellgħu direttament fuq l-applikazzjoni eSubmission. Minn dan hija ddeduċiet li, f’dan il-kuntest, offerent raġonevolment mgħarraf u normalment diliġenti jkun f’pożizzjoni li jkun jaf li huwa obbligat jissottometti l-offerta tiegħu fit-terminu stabbilit u li, lil hinn minn dan it-terminu, din tal-aħħar ma tistax tiġi mmodifikata iktar. Konsegwentement, tali offerent ma jistax jiddeduċi mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni li huwa permess li jinkludi ħoloq hypertext fl-offerta tiegħu li jwasslu għal dokument aċċessibbli fuq sit internet taħt il-kontroll tiegħu.

Barra minn hekk, peress li l-inklużjoni ta’ ħoloq hypertext fl-offerta tar-rikorrent ma kinitx permessa, il-Kummissjoni la kienet marbuta tivverifika jekk id-dokumenti inkwistjoni kinux ġew immodifikati u lanqas li taċċettahom. F’kull każ, dawn id-dokumenti kienu fuq sit internet taħt il-kontroll tal-offerent u li l-provi miġjuba mir-rikorrent kienu jfittxu jipprovaw il-fatt li d-dokumenti inkwistjoni ma ġewx immodifikati u mhux il-fatt li dawn ma setgħux jiġu mmodifikati.

Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ ma setax jintlaqa’, għaliex, minkejja li l-offerent kellu jkun f’pożizzjoni li jagħti b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni kien biħsiebha ssejjes id-deċiżjoni tagħha, dan id-dritt kien żgurat fil-mument li ġiet ippreżentata l-offerta tiegħu, kif ukoll mill-possibbiltà tal-offerent li jitlob kjarifiki dwar id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, il-fatt li, wara l-evalwazzjoni tal-offerti, ma kien previst ebda stadju sussegwenti sabiex jingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tikkompara l-proposta teknika tal-grupp CLL u dik tar-rikorrent. Fil-fatt, xejn ma ssuġġerixxa li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżit li tidentifika l-offerta “l-iktar ekonomikament vantaġġuża” abbażi ta’ kriterji oġġettivi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, bil-għan li jkun żgurat paragun oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti. L-evalwazzjoni tal-offerta tal-grupp CLL saret mill-Kumitat fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti tekniċi li jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kif proprju saret ukoll l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrent.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq li l-Kummissjoni, b’mod abbużiv, implimentat prattika li wasslitha sabiex tonqos milli tfittex l-għan tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li l-kuntratti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa, billi l-lottijiet tal-kuntratt ta’ taħriġ fil-lingwi tathom kollha lil fornitur ta’ servizzi wieħed, jiġifieri l-grupp CLL.

Fil-fatt, awtorità kontraenti ma tistax tinżamm milli tagħti l-lottijiet kollha ta’ kuntratt pubbliku lill-istess offerent, kemm-il darba l-offerti tiegħu, meta mqabbla ma’ dawk tal-offerenti l-oħra, ikunu ekonomikament l-iktar vantaġġużi u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti jiġi osservat, sabiex tkun żgurata kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn il-parteċipanti tal-imsemmija proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri żewġ aspetti. Dan ikopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva tal-membri ta’ korp, fis-sens li ebda membru tal-korp kkonċernat ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, liema imparzjalità hija preżunta sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li dan il-korp għandu jagħti garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward. Issa, f’dan il-każ, minn naħa, ma ġietx invokata l-parzjalità suġġettiva tal-membri tal-Kumitat u, min-naħa l-oħra, ma ntweriex li n-nuqqas ta’ obbligu li ssir evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta teknika qabel l-evalwazzjoni tal-prezz wassal, b’mod partikolari, għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.