Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2023 minn Instituto Cervantes mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2023 fil-Kawża T-376/21, Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-534/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Instituto Cervantes (rappreżentant: E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Ġunju 2023, Instituto Cervantes vs Il-Kummissjoni, (T-376/21, EU:T:2023:331) li biha ċaħdet it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar tat il-Lott Nru 3 (Lingwa Spanjola) tal-kuntratt dwar il-Kuntratti Qafas għat-Taħriġ fil-Lingwi għall-Istituzzjonijiet, l-Entitajiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea (Nru HR/2020/OP/0014), fl-ewwel post, lill-grupp CCL Centre de Langues‑Allingua u, fit-tieni post, lill-appellant;

tiddeċiedi l-appell fil-mertu u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

1.    L-ewwel aggravju jirrigwarda l-iżball leġittimu mwettaq mill-appellant meta fehem ir-rekwiżiti relatati mal-modalitajiet tas-sottomissjoni elettronika tal-offerti, li wassu, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwalitajiet tal-offerta tal-appellant, għaċ-ċaħda ta’ ċerti dokumenti tekniċi li ma kinux fiżikament ippreżentati mal-offerta iżda li magħhom tirreferi ħolqa li tinsab fl-offerta sottomessa.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-iżball tiegħu ma kienx leġittimu meta, l-ewwel nett, l-iżball kien dovut għal każ preċedenti f’sens kuntrarju u konkomitanti għall-proċedura tal-għoti tal-kuntratt kontenzjuż u, it-tieni, proporzjon sinjifikattiv tal-offerenti għamlu l-istess żball.

Fl-aggravju tiegħu, huwa jsostni wkoll li r-raġunament li mbagħad issegwi l-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad għall-kompletezza l-kritika ta’ nuqqas ta’ verifika tal-integrità tad-dokument aċċessibbli permezz tal-ħolqa hypertext huwa żbaljat fil-liġi, meta l-Kummissjoni Ewropea ma tistax iktar, fil-fatt, minħabba l-iżball leġittimu, tiċħad id-dokument tekniku.

2.     It-tieni aggravju jirrigwarda n-nuqqas ta’ eżerċizzju effettiv tal-obbligu li jitqabblu l-kwalitajiet relattivi tal-offerti li għalihom l-awtorità kontraenti hija obbligata tiddetermina l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, skont l-Artikolu 167(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 1 , l-offerta tal-offerent rebbieħ għal-lottijiet kollha tas-suq tiġi evalwata u kkwotata f’termini li ma jvarjawx minn lott għal ieħor, meta l-offerti li jikkompetu huma differenti.

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, għall-operazzjoni ta’ tqabbil tal-offerti, l-awtorità kontraenti tista’ twettaq evalwazzjoni indipendenti ta’ kull offerta u mbagħad tistabbilixxi sempliċi klassifikazzjoni tal-offerti fuq il-bażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet. awtonomu, filwaqt li meta tenfasizza l-kwalitajiet relattivi tal-offerti li jikkompetu dan jinvolvi t-tqabbil konkret tal-proposti tekniċi li jsiru fid-dawl tal-kriterji għall-għoti.

____________

1 ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p.36.