Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2016 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-836/16)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2016, Għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – Il-Polonja – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, innotifikata bin-numru C(2016) 5596, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tirriżulta minn evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività

It-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma tistax titqies mal-ewwel daqqa t’għajn bħala selettiva, għaliex l-istruttura tagħha ma tammetti l-ebda eċċezzjoni mis-sistema ta’ referenza proprja għal din it-taxxa; ir-rati ta’ taxxa progressivi jagħmlu parti integrali mis-sistema ta’ referenza ta’ din it-taxxa.

Anki jekk jingħad li ż-żewġ rati ta’ taxxa progressivi ma jikkostitwixxux element tas-sistema ta’ referenza proprja għat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, għandu jitqies li l-element tas-sistema ta’ referenza huwa mill-inqas ir-rata ta’ taxxa unika li hija applikata l-iktar spiss; barra minn hekk, ir-rati ta’ taxxa progressivi ma jikkostitwixxux, f’kull każ, eċċezzjoni mill-benefiċċju ta’ ċerti impriżi li, fir-rigward tal-għan intrinsiku ta’ din it-taxxa, jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra.

Ir-rati progressivi u l-limitu tal-ammont taxxabbli tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut huma f’kull każ konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ordnat is-sospensjoni immedjata tal-applikazzjoni tal-iskala progressiva tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Ma kienx neċessarju li tiġi ordnata s-sospensjoni, fid-dawl tal-eżistenza ta’ dubji serji rigward is-selettività tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Ma kienx neċessarju li tiġi ordnata s-sospensjoni, għaliex il-Kummissjoni ma ġabitx il-prova ta’ effetti suffiċjentement negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-motivazzjoni difettuża u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata debitament u suffiċjentement f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata debitament u suffiċjentement sa fejn hija tordna s-sospensjoni immedjata tal-applikazzjoni tal-iskala progressiva tat-taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

____________