Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fil-11 ta’ Settembru 2023 – T - 2 družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme d.o.o. vs Agencija za komunikacijska omrežja in storitve Republike Slovenije

(Kawża C-562/23, T - 2)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Upravno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: T - 2 družba za ustvarjanje, razvoj in trženje elektronskih komunikacij in opreme d.o.o.

Konvenut: Agencija za komunikacijska omrežja in storitve Republike Slovenije

Domandi preliminari

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva KEKE”) 1 huma ċari, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, b’mod li jippermettu lill-individwi jinvokawhom fil-proċeduri quddiem l-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u l-qrati nazzjonali?

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 49 tad-Direttiva KEKE għandhom jiġu applikati anki għall-proroga ta’ dawk id-drittijiet ta’ użu individwali tal-ispettru ta’ frekwenzi tar-radju (iktar ’il quddiem is-“SFR”) li kienu ġew assenjati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva KEKE, u liema huma il-kriterji ġenerali li japplikaw f’tali każ sabiex jiġi stabbilit jekk dritt individwali għandux jiġi pprorogat?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: sabiex jiġi evalwat perijodu xieraq ta’ tul tad-drittijiet ta’ użu individwali tas-SFR li kienu ġew assenjati matul l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-awtorizzazzjonijiet)1 , u b’hekk b’rabta mal-possibbiltà ta’ proroga tagħhom, għandha tiġi applikata d-dispożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva dwar l-awtorizzazzjonijiet jew għandu jiġi applikat ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi 2 , u tali dispożizzjonijiet huma ċari, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed għal tali skop sabiex jippermettu l-evalwazzjoni abbażi tagħhom tal-adegwatezza tat-tul ta’ dritt ta’ użu individwali tas-SFR?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi evalwata l-adegwatezza tat-tul ta’ dritt ta’ użu individwali tas-SFR jew sabiex jiġi evalwat l-obbligu ta’ proroga tal-istess dritt?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel, għat-tieni, jew għat-tielet domanda, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar il-proroga, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-possibbiltà ta’ proroga li teċċedi l-15-il sena kienet espressament eskluża mir-regoli nazzjonali fis-seħħ fil-mument tat-tmiem tad-dritt ta’ użu msemmi iktar ’il fuq?

____________

1 (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36)

1 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)

1 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8)