Language of document : ECLI:EU:C:2012:542

Kawża C-190/11

Daniela Mühlleitner

vs

Ahmad Yusufi et Wadat Yusufi

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 44/2001— Artikolu 15(1)(c) — Limitazzjoni eventwali ta’ din il-ġurisdizzjoni għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament — Assenza ta’ limitazzjoni għall-kuntratti mill-bogħod biss

[Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 15(1)(ċ)]

L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex neċessarju li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjatur ikun ġie konkluż mill-bogħod.

Fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni ma tikkundizzjonax b’mod espliċitu l-applikazzjoni tagħha għall-fatt li l-kuntratti suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkunu ġew konklużi mill-bogħod. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-imsemmija dispożizzjoni, iż-żieda ta’ kundizzjoni marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratti mal-konsumatur mill-bogħod imur kontra l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari dik tal-protezzjoni tal-konsumaturi, partijiet debboli tal-kuntratt. Fit-tielet lok, il-kundizzjoni essenzjali li hija suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c), tal-imsemmi regolament hija dik marbuta mal-attività kummerċjali jew professjonali indirizzata lejn l-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, kemm il-kuntatt mill-bogħod kif ukoll ir-reservazzjoni ta’ beni jew ta’ servizz mill-bogħod, jew, a fortiori, il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod huma indizji ta’ rabta tal-kuntratt ma’ tali attività.

(ara l-punti 35, 42, 44, 45 u d-dispożittiv)