Language of document : ECLI:EU:T:2012:333

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass naturali — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tqassim tas-suq — Tul tal-ksur — Multi”

Fil-Kawża T‑370/09,

GDF Suez SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Gunther u C. Breuvart, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, A. Bouquet u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, tat-8 ta’ Lulju 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF), u, sussidjarjament, talba għal annullament jew ta’ tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas (Relatur), President, V. Vadapalas u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1        Id-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28, iktar ’il quddiem l-“ewwel direttiva dwar il-gass”) kienet tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, it-tqassim, il-provvista u l-ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-gass naturali, inkluż gass naturali likwifikat (LNG), aċċess fis-suq u tħaddim ta’ sistemi kif ukoll il-kriterji u l-proċeduri applikabbli fir-rigward tal-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ trażmissjoni, ta’ tqassim, ta’ provvista u ta’ ħażna ta’ gass naturali.

2        L-ewwel direttiva dwar il-gass kienet tobbliga lill-Istati Membri sabiex jiftħu progressivament għall-kompetizzjoni s-suq tal-provvista ta’ gass naturali lill-konsumaturi l-kbar u sabiex jagħtu aċċess lil terzi għas-sistema ta’ trażmissjoni eżistenti.

3        Skont l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 30 tal-ewwel direttiva dwar il-gass, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Awwissu 2000.

4        Mill-1 ta’ Lulju 2004, l-ewwel direttiva dwar il-gass ġiet abrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

2.     Id-drittijiet nazzjonali

 Id-dritt Franċiż

5        L-Artikolu 1 tal-loi n° 46‑628, tat-8 ta’ April 1946, sur la nationalisation de l’électricité et du gaz (liġi dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass) (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1946”), kien jipprovdi, qabel it-tħassir tiegħu permezz tad-digriet 2011-504, tad-9 ta’ Mejju 2011, li jikkodifika l-parti leġiżlattiva tal-kodiċi tal-enerġija (JORF tal-10 ta’ Mejju 2011, p. 7954):

“Mid-data li fiha tiġi fis-seħħ din il-liġi, għandhom jitqiesu li ġew innazzjonalizzati:

[…]

2°      Il-produzzjoni, it-trażmissjoni, it-tqassim, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ gass kombustibbli.

[…]”

6        Qabel ma ġiet emendata bil-loi 2004‑803, tad-9 ta’ Awwissu 2004, relative au service public de l’électricité et du gaz et aux entreprises électriques et gazières (liġi dwar is-servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass u dwar l-impriżi tal-elettriku u tal-gass) (JORF tal-11 ta’ Awwissu 2004, p. 14256), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-liġi tal-1946 kien jipprovdi:

“Il-ġestjoni tal-impriżi ta’ gass innazzjonalizzati hija fdata lil stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali bl-isem ta’ Gaz de France (GDF), Service National”.

7        Sa ma daħlet fis-seħħ il-loi 2003‑8, tat-3 ta’ Jannar 2003, relative aux marchés du gaz et de l’électricité et au service public de l’énergie (liġi dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u dwar is-servizz pubbliku tal-enerġija) (JORF tal-4 ta’ Jannar 2003, p. 265, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2003”), il-liġi tal-1946 kienet tagħti lil Gaz de France monopolju fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ gass.

8        Il-liġi tal-2003, li kienet intiża sabiex tittrasponi l-ewwel direttiva dwar il-gass, ipproċediet sabiex fetħet is-suq Franċiż tal-gass għall-kompetizzjoni. Din il-liġi fetħet b’mod partikolari l-aċċess għan-netwerks u għall-provvista ta’ gass naturali lill-klijenti eliġibbli u neħħiet il-monopolju ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ gass.

9        Gaz de France ġiet ikkonvertita f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata permezz tal-loi 2004‑803.

 Id-dritt Ġermaniż

10      L-Energiewirtschaftsgesetz (liġi dwar is-salvagwardja tal-provvista fl-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EnWG tal-1935”), tat-13 ta’ Diċembru 1935 (RGBl. I S. 1451), kienet tipprovdi sistema ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-gass Ġermaniżi mill-awtoritajiet pubbliċi.

11      Skont l-Artikolu 103 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (liġi li tissopprimi r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”), tas-27 ta’ Lulju 1957 (BGBl. I S. 1081), ċertu ftehim konkluż bejn kumpanniji ta’ distribuzzjoni ta’ enerġija kif ukoll bejn dawn il-kumpanniji u l-muniċipalitajiet lokali kienu eżenti mill-projbizzjoni li jiġi konkluż ftehim li joħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Din l-eżenzjoni kienet tkopri b’mod partikolari l-hekk imsejjaħ ftehim ta’ delimitazzjoni, li permezz tiegħu impriżi kienu jiftiehmu li ma jipprovdux elettriku jew gass fit-territorju ta’ waħda jew tal-oħra, kif ukoll l-hekk imsejjaħ ftehim ta’ permess esklużiv, li permezz tiegħu muniċipalità lokali kienet tagħti permess esklużiv lil kumpannija, li jippermettilha li tuża artijiet pubbliċi sabiex tibni u topera sistema ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku u ta’ gass. Sabiex jiġi implementat, dan il-ftehim kellu jiġi nnotifikat lill-awtorità ta’ kompetizzjoni kompetenti, li kellha s-setgħa li tipprojbixxihom jekk hija kienet tqis li dan kien jikkostitwixxi abbuż ta’ eżenzjoni legali.

12      Il-Gesetz zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts (il-liġi l-ġdida li tirregola d-dritt tal-enerġija), tal-24 ta’ April 1998 (BGBl. 1998 I, p. 730), neħħiet, b’effett immedjat, l-eżenzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni u ta’ permess esklużiv previst fl-Artikolu 103 tal-GWB. Din il-liġi ssostitwixxiet ukoll l-EnWG tal-1935 bil-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung — Energiewirtschaftsgesetz (liġi dwar il-provvista tal-enerġija, iktar ’il quddiem l-“EnWG tal-1998”).

13      L-Erstes Gesetz zur Änderung des Gesetzes zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts (liġi li temenda l-liġi li tipprovdi leġiżlazzjoni ġdida għad-dritt tal-enerġija), tal-20 ta’ Mejju 2003 (BGBl. 2003 I, p. 685), emendat l-EnWG tal-1998 bil-għan li timplementa l-ewwel direttiva dwar il-gass.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     L-impriżi inkwistjoni

14      Ir-rikorrenti, GDF Suez SA, li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni bejn Gaz de France u Suez SA li saret fit-22 ta’ Lulju 2008, hija impriża preżenti fuq il-katina kollha tal-enerġija, fl-elettriku u fil-gass naturali, responsabbli għall-proċess kollu. Hija l-operatur storiku u l-ewwel fornitur ta’ gass naturali fi Franza. Hija wkoll waħda mill-ewwel fornituri ta’ gass naturali fl-Ewropa.

15      E.ON Ag hija impriża Ġermaniża li tipproduċi, tittrażmetti, tqassam u tipprovdi enerġija, essenzjalment gass naturali u elettriku.

16      E.ON Ruhrgas AG, li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni bejn E.ON u Ruhrgas AG u li hija miżmuma 100 % minn E.ON sa mill-31 ta’ Jannar 2003, hija l-ikbar fornitur ta’ gass naturali fil-Ġermanja u waħda mill-atturi prinċipali fis-suq Ewropew. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2002 li tawtorizza din il-konċentrazzjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi obbligaw lil E.ON Ruhrgas timplementa programm ta’ trasferiment ta’ gass (iktar ’il quddiem il-“PTG”), li tikkonċerna kwantità totali ta’ 200 TWh. Din il-kwantità kellha tiġi trażmessa waqt sitt subbasti annwali fejn kull waħda tikkonċerna kwantità ta’ 33.33 TWh, bl-ewwel provvisti jibdew fl-1 ta’ Ottubru 2003.

2.     Il-Ftehim MEGAL

17      Permezz ta’ ftehim tat-18 ta’ Lulju 1975 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim MEGAL”), Gaz de France u Ruhrgas iddeċidew li jibnu u joperaw flimkien il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Dan tal-aħħar, li huwa kompletament operattiv sa mill-1 ta’ Jannar 1980, huwa wieħed mill-pajpijiet għat-trażmissjoni ta’ gass prinċipali li jippermettu l-importazzjoni tal-gass fil-Ġermanja u fi Franza. Huwa jaqsam in-Nofsinhar tal-Ġermanja u jgħaqqad fuq distanza ta’ 461 km il-fruntiera bejn il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka mal-fruntiera bejn il-Ġermanja u Franza, bejn Waidhaus (il-Ġermanja) u Medelsheim (il-Ġermanja).

18      Fl-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, ġew iddefiniti l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ gass mixtri rispettivament minn Gaz de France u minn Ruhrgas. Ċertu numru ta’ punti ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ġew iffissati għal Ruhrgas, fejn punti ta’ ħruġ supplimentari, jekk ikun il-każ jistgħu jiġu miżjuda. Fir-rigward ta’ Gaz de France, ġie indikat li l-punt ta’ ħruġ tal-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass tal-kwantitajiet kollha ta’ gass li għandhom jiġu trażmessi minn dan il-pajp għat-trażmissjoni tal-gass għal din il-kumpannija huwa punt li jinsab fil-fruntiera bejn il-Ġermanja u Franza, viċin Habkirchen (il-Ġermanja), sakemm il-partijiet fil-Ftehim MEGAL ma jiftiehmux mod ieħor.

19      Skont il-Ftehim MEGAL, Gaz de France u Ruhrgas ħolqu l-impriża komuni MEGAL GmbH Mittel-Europäische Gasleitungsgesellschaft, li saret MEGAL Mittel-Europäische Gasleitungsgesellschaft mbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “MEGAL”), li lilha ġie fdat il-bini u l-operat tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass minn din tal-aħħar. Il-proprjetà tal-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass ukoll ġiet fdata f’idejn MEGAL.

20      Gaz de France u Ruhrgas ħolqu wkoll, b’applikazzjoni tal-Ftehim MEGAL, l-impriża komuni MEGAL Finance Co. Ltd (iktar ’il quddiem “MEGAL Finco”), inkarigata li tikseb u tiġġenera l-kapital neċessarju għall-bini tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

21      Fit-18 ta’ Lulju 1975, Ruhrgas u Gaz de France iffirmaw ukoll tlettax-il ittra (iktar ’il quddiem l-“ittri ta’ akkumpanjament”) intiżi sabiex jispeċifikaw ċerti aspetti tekniċi, finanzjarji u operattivi tal-ġestjoni tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fost dawn l-ittri, jinsabu l-ittra msejħa “Direktion I” u l-ittra msejħa “Direktion G”.

22      L-ittra Direktion G tipprovdi li ġej:

“[…]

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil Gaz de France, fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw gass li nxtara jew għandu jinxtara minn Gaz de France u li għandu jiġi kkunsinnat lil [MEGAL] u/jew lil [MEGAL Finco] għal finijiet ta’ tranżitu f’isem Gaz de France lejn Franza u intiż għall-konsum fi Franza.

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil Ruhrgas, fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw it-trażmissjoni għal kull fini oħra ta’ tranżitu kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u ta’ gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiż għall-konsum fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew mixtri minn Ruhrgas għal finijiet ta’ tranżitu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”

23      Skont l-ittra Direktion I:

“[…]

Gaz de France timpenja ruħha li ma tikkunsinnax jew li ma tfornix gass, ikun liema jkun, direttament jew indirettament, fil-kuntest tal-Ftehim [MEGAL], lil klijenti li jinsabu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”

24      Fit-22 ta’ Ġunju 1976, Ruhrgas u Gaz de France innotifikaw il-ħolqien ta’ MEGAL u ta’ MEGAL Finco lill-Bundeskartellamt (uffiċċju Federali Ġermaniż tal-akkordji).

25      Permezz ta’ ftehim tat-13 ta’ Awwissu 2004 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2004”), Gaz de France u E.ON Ruhrgas ikkonfermaw li għal żmien twil kienu kkunsidraw l-ittri Direktion G u Direktion I bħala “nulli u mingħajr effett”, fejn dan il-ftehim kien iħassar l-imsemmija ittri b’effett retroattiv.

26      Fil-5 ta’ Settembru 2005, Gaz de France u E.ON Ruhrgas iffirmaw ftehim ta’ konsorzju (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2005”), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2005, li permezz tiegħu huma fformolaw mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom għal dak li jikkonċerna MEGAL. Il-ftehim ta’ konsorzju jipprovdi li kull wieħed mill-imsieħba ta’ MEGAL għandu “drittijiet ta’ użu bħala benefiċjarju” bi proporzjon mas-sehem tiegħu ta’ kapaċità fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Dan il-ftehim ġie kkompletat permezz ta’ ftehim interim fid-9 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“ftehim interim”).

27      Fit-23 ta’ Marzu 2006, Gaz de France u E.ON ikkonkludew ftehim li jġib fi tmiemu l-ftehim kollu l-ieħor li jikkonċerna MEGAL konkluż bejniethom qabel il-ftehim tal-2005.

3.     Il-proċedura amministrattiva

28      Fil-5 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet li jordnaw lil Gaz de France u lil E.ON, kif ukoll lis-sussidjarji kollha tagħhom, sabiex jissottomettu ruħhom għal ispezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Saru ispezzjonijiet fis-16 u fis-17 ta’ Mejju 2006.

29      Fid-dawl tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni bagħtet numru ta’ talbiet għal informazzjoni lil Gaz de France, lil E.ON u lil E.ON Ruhrgas (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“impriżi inkwistjoni”).

30      Fit-18 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni fetħet proċeduri fis-sens tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

31      Fid-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi inkwistjoni. Bħala risposta, dawn tal-aħħar ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u esprimew l-opinjoni tagħhom waqt seduta li nżammet fl-14 ta’ Ottubru 2008.

32      Fis-27 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni informat lill-impriżi inkwistjoni dwar fatti addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u stednithom jirrisponduha bil-miktub. Il-Kummissjoni ppermettitilhom ukoll jaċċedu għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti rispettivi tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll għad-dokumenti miġbura mid-data tal-adozzjoni tagħha. L-impriżi inkwistjoni bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta’ Mejju 2009 (fir-rigward tar-rikorrenti) u fis-6 ta’ Mejju 2009 (fir-rigward ta’ E.ON u ta’ E.ON Ruhrgas).

 Id-deċiżjoni kkontestata

33      Fit-8 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 5355 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ottubru 2009 (ĠU C 248, p. 5).

34      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-aġir ikkonċernat kien il-ftehim u/jew il-prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, bejn l-impriżi inkwistjoni, li kien jikkonsisti f’li wieħed ma jidħolx — jew li jidħol biss b’mod limitat — fis-suq nazzjonali tal-ieħor u sabiex b’hekk jipproteġu s-swieq nazzjonali tagħhom billi joqogħdu lura milli jbigħu fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra l-gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

35      Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li l-Ftehim MEGAL, l-anness 2 tiegħu kif ukoll l-ittri Direktion G u Direktion I kienu jikkostitwixxu ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, inkwantu l-impriżi inkwistjoni kienu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu b’mod speċifiku fis-suq. Fil-fehma tagħha, dawn il-ftehim kienu jillimitaw l-aġir kummerċjali tal-imsemmija impriżi billi jirrestrinġu l-użu tagħhom tal-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

36      Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-impriżi inkwistjoni kienu ltaqgħu diversi drabi sabiex jiddiskutu l-istrateġiji ta’ bejgħ reċiproċi tagħhom fil-Ġermanja u fi Franza ta’ gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u sabiex jinformaw ruħhom dwar l-istrateġija rispettiva tagħhom. Fil-fehma tagħha, dawn il-kuntatti u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva mill-perspettiva kummerċjali kienu intiżi sabiex jinfluwenzaw l-aġir kummerċjali tal-imsemmija impriżi, sabiex jimplementaw l-ittri Direktion G u Direktion I u sabiex jadattaw il-kontenut tagħhom għall-kundizzjonijiet ġodda tas-suq wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq Ewropej tal-gass (iktar ’il quddiem il-“liberalizzazzjoni”), mingħajr madankollu ma neħħew il-limitazzjonijiet li kienu jinkludu dawn l-ittri.

37      Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni, li kien jikkonsisti fi ftehim inizjali ta’ tqassim tas-swieq u fi prattiki miftiehma f’forma ta’ laqgħat perijodiċi intiżi sabiex jiftiehmu u jimplementaw dan il-ftehim matul iktar minn 25 sena, kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”.

38      Fir-rigward tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li, fil-Ġermanja, dan kien beda fid-data li fiha l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kien sar operattiv, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1980. Hija qieset li, fi Franza, il-ksur kien beda fid-data li fiha l-ewwel direttiva dwar il-gass kellha tiġi trasposta, jiġifieri l-10 ta’ Awwissu 2000. Minħabba l-monopolju legali, li rriżulta wara l-liġi tal-1946, eżistenti fil-qasam tal-importazzjoni u tal-provvista ta’ gass, il-Kummissjoni effettivament qieset li l-aġir inkwistjoni ma kienx seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni qabel il-liberalizzazzjoni. F’dan ir-rigward, minkejja li l-ewwel direttiva dwar il-gass ġiet trasposta fi Franza fl-2003, il-Kummissjoni osservat li l-kompetizzjoni setgħet ġiet ristretta sa mill-10 ta’ Awwissu 2000, inkwantu, minn din id-data, kompetituri tar-rikorrenti setgħu pprovdew gass lil klijenti eliġibbli fi Franza.

39      Fir-rigward tat-tmiem tal-ksur, il-Kummissjoni osservat li, minkejja li l-impriżi inkwistjoni kienu uffiċjalment ħassru l-ittri Direktion G u Direktion I fit-13 ta’ Awwissu 2004, huma kienu waqfu milli japplikaw ir-restrizzjonijiet li jipprekludu lir-rikorrenti milli tuża l-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, ħlief fil-każ tal-volumi mixtrija fil-kuntest tal-PTG, biss fi tmiem ta’ Settembru 2005. Barra minn hekk il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li, sa mill-2004, ir-rikorrenti kienet xtrat volumi ta’ gass minn E.ON Ruhrgas li kienu ġejjin mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tikkunsinnahom fil-Ġermanja ma kienx jimmarka tmiem il-ksur, ġaladarba, sa Ottubru 2005, il-bejgħ ta’ gass li ġej mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL magħmul fil-Ġermanja mir-rikorrenti kien jikkorrispondi għall-volumi mixtrija minnha fil-kuntest tal-PTG.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li l-ksur li għalih ir-rikorrenti u E.ON Ruhrgas kienu responsabbli għaldaqstant kien dam mill-inqas mill-1 ta’ Jannar 1980 sat-30 ta’ Settembru 2005 fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u mill-inqas mill-10 ta’ Awwissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005 fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza. Billi ħadet il-kontroll ta’ E.ON Rurhgas fil-31 ta’ Jannar 2003, E.ON hija, skont il-Kummissjoni “responsabbli in solidum” ma’ E.ON Ruhrgas għal ksur li dam mill-31 ta’ Jannar 2003 sat-30 ta’ Settembru 2005.

41      Il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi inkwistjoni, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għal dan il-għan, hija applikat il-metodoloġija esposta fil-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi mogħtija skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

42      B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bejgħ ikkonċernat bil-ksur kien il-bejgħ ta’ gass trażmess mill-impriżi inkwistjoni billi użaw il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lil klijenti fil-Ġermanja u lil klijenti eliġibbli fi Franza, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-PTG.

43      Fid-dawl tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni applikat perċentwali inizjali ta’ 15 % tal-bejgħ ikkonċernat.

44      Fir-rigward tat-tul tal-ksur meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward ta’ Franza, il-perijodu mill-10 ta’ Awwissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005, jiġifieri 5 snin, xahar u 20 jum. Hija kkunsidrat li, fir-rigward tal-Ġermanja, kien hemm lok sabiex jiġi limitat il-perijodu li għalih kellha tiġi imposta l-multa għal dik mill-24 ta’ April 1998, data li fiha l-leġiżlatur Ġermaniż neħħa l-monopolju fattwali eżistenti f’dan il-pajjiż minħabba l-eżenzjoni li minnha kienu jibbenefikaw il-ftehim ta’ delimitazzjoni, sat-30 ta’ Settembru 2005, jiġifieri 7 snin u 5 xhur.

45      Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni barra minn hekk applikat għall-akkordju ammont addizzjonali ta’ 15 % mill-bejgħ ikkonċernat.

46      Il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, għandu jiġi ddeterminat, b’mod eċċezzjonali, ammont bażiku identiku għaż-żewġ impriżi inkwistjoni. Sabiex ma tippreġudikax lil waħda minnhom, il-Kummissjoni adottat bħala ammont bażiku tal-multa l-ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ ’l iktar baxx. Għalhekk hija ffissat l-istess ammont bażiku tal-multa lill-impriżi kollha inkwistjoni, jiġifieri EUR 553 miljun.

47      Billi ma kkonstatatx ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, il-Kummissjoni ma aġġustatx dan l-ammont bażiku.

48      Għalhekk il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 553 miljun lil E.ON u lil E.ON Ruhrgas (“responsabbli in solidum”) u multa bl-istess ammont lir-rikorrenti.

49      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

[L-impriżi inkwistjoni], kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem fi ftehim u prattiċi miftiehma fis-settur tal-gass naturali.

It-tul tal-ksur kien [għar-rikorrenti u] E.ON Ruhrgas […], tal-anqas mill-1 ta’ Jannar 1980 sat-30 ta’ Settembru 2005, sa fejn il-ksur jikkonċerna lill-Ġermanja, u tal-anqas mill-10 ta’ Awissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005 sa fejn il-ksur jikkonċerna lil Franza. Il-perijodu tal-ksur għal E.ON […] kien bejn il-31 ta’ Jannar 2003 u t-30 ta’ Settembru 2005.

Artikolu 2

Fir-rigward tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, għandhom jiġu imposti l-multi li ġejjin:

a)      E.ON Ruhrgas […] u E.ON […], responsabbli in solidum: EUR 553 000 000

b)      [ir-rikorrenti]: EUR 553 000 000

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

50      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

51      Permezz ta’ att ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti talbet sabiex għal ċerti siltiet mit-talba jiġi riżervat trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ terzi.

52      Permezz ta’ att ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti talbet sabiex għal ċerti siltiet mill-annessi tat-talba, mir-risposta u mir-replika, jiġi riżervat trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ terzi.

53      Permezz ta’ att ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet sabiex għal ċerti siltiet mill-kontroreplika jiġi riżervat trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ terzi.

54      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal domanda u sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet irrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

55      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2011. Fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti barra minn hekk ippreżentat dokument waqt is-seduta.

56      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla, kollu kemm hu jew parzjalment, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din timputalha r-responsabbiltà talli wettqet ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE billi pparteċipat fi ftehim u fi prattiki miftiehma fis-settur tal-gass naturali, u dan mill-1 ta’ Jannar 1980, mill-inqas, sat-30 ta’ Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u mill-10 ta’ Awwissu 2000 mill-inqas sat-30 ta’ Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza u, konsegwentement, tannulla wkoll l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu dan jordnalha ttemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 jew il-ksur li għandu effett identiku jew simili;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa mogħtija lilha fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

58      It-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

59      Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma qabel Awwissu 2000, it-tieni, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma wara Awwissu 2000, it-tielet, fuq nuqqas manifest ta’ provi fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma intiża li tirrestrinġi l-użu fi Franza minn E.ON u E.ON Ruhrgas (iktar ’il quddiem, mingħajr distinzjoni, anki meta tissemma Ruhrgas, “E.ON”) tal-gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u, ir-raba’, fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi inkwistjoni wara Awwissu 2004.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma qabel Awwissu 2000

60      Dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 81 KE billi kkunsidrat li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu kuntrarji għal dan l-artiklu qabel Awwissu 2000, huwa maqsum fi tliet partijiet, l-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ għan u minħabba effett antikompetittiv (anki potenzjali) tal-imsemmija ittri qabel Awwissu 2000, it-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju qabel Awwissu 2000 u, it-tielet parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tar-regoli relatati mal-produzzjoni tal-prova u mal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ element probatorju relatat mal-eżistenza tal-ksur allegat bejn Jannar 1980 u Frar 1999.

a)     Fuq l-ewwel parti

61      Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE minħabba l-fatt li l-ittri ta’ akkumpanjament ma kellhom la bħala għan u lanqas bħala effett (anki potenzjali) li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass qabel Awwissu 2000.

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 81(1) KE, l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki kollha miftiehma, li jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni huma inkompatibbli mas-suq komuni.

63      L-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex jiġi evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih għandu jiġi applikat. Madankollu fil-każ fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix livell suffiċjenti ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, ikollu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex jiġi pprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim ġaladarba l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar ikun stabbilit (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Sabiex tiġi evalwata n-natura antikompetittiva ta’ ftehim, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li jrid jipprova jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih huwa jidħol. Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni jew lill-qrati tal-Unjoni milli jeħduha inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, punt 64 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Barra minn hekk, ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala uniku għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jsegwi għanijiet leġittimi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li diversi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat ftehim intiż sabiex jiġu maqsuma s-swieq nazzjonali skont il-fruntieri nazzjonali jew sabiex jagħmlu iktar diffiċli l-interpenetrazzjoni tas-swieq nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jirrestrinġu l-esportazzjonijiet paralleli, ftehim li għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, punt 63 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti mqajma insostenn ta’ din il-parti bbażati, minn naħa, fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt u, min-naħa l-oħra, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

68      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ fatt billi qieset li l-ittri ta’ akkumpanjament kellhom għan antikompetittiv bejn Jannar 1980 u Awwissu 2000. F’dan ir-rigward, hija tressaq numru ta’ argumenti fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-qafas legali u ekonomiku eżistenti fi żmien l-iffirmar tal-ittri ta’ akkumpanjament (ara l-punti 76 sa 111 iktar ’il quddiem) u, it-tieni wieħed jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għan wara l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u tal-imsemmija ittri (ara l-punti 73 sa 75 iktar ’il quddiem).

69      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ bejgħ min-naħa tagħha fil-Ġermanja bejn l-1980 u l-2000 kien dovut għal akkordju li kien jirriżulta mill-ittri ta’ akkumpanjament. F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, tliet argumenti fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna n-natura kontradittorja tal-pożizzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 71 iktar ’il fuq), it-tieni wieħed jikkonċerna n-nuqqas ta’ rilevanza tal-eżempji ta’ Wingas u ta’ Mobil (ara l-punti 102 u 103 iktar ’il quddiem) u, it-tielet wieħed jikkonċerna l-fatt li, billi interessat ruħha biss fis-suq Ġermaniż u fin-nuqqas ta’ prova ta’ kompetizzjoni, anki potenzjali, fis-suq Franċiż fl-1975, jew saħansitra qabel l-2000, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-għan innifsu tal-ittri ta’ akkumpanjament, allegatament intiżi sabiex kull impriża inkwistjoni tipproteġi s-suq domestiku tagħha, jikkostitwixxi ftehim antikompetittiv ta’ tqassim tas-swieq (ara l-punt 70 iktar ’il quddiem).

70      Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet serje ta’ argumenti invokata insostenn tat-tieni lment u ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, minħabba l-monopolju eżistenti fis-suq Franċiż, il-ftehim li jirriżulta mill-ittri ta’ akkumpanjament ikkonċerna, sal-10 ta’ Awwissu 2000, biss is-suq Ġermaniż tal-gass, u għaldaqstant ma kienx reċiproku sa din id-data, ma jistax jipprekludi l-kunsiderazzjoni li l-impriżi inkwistjoni kienu kkonkludew ftehim li l-għan tiegħu kien it-tqassim tas-swieq. B’hekk, anki taħt forma monopolistika, is-suq Franċiż tal-gass kien effettivament jeżisti, fejn in-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq minħabba l-eżistenza ta’ monopolju ma jagħtix lok għall-assenza ta’ suq. Għaldaqstant il-ftehim inkwistjoni seta’ kellu bħala għan, bħalma osservat il-Kummissjoni fil-punt 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li jsaħħaħ dawn il-monopolji qabel il-liberalizzazzjoni u jipposponi l-effetti ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu jikkostitwixxu ftehim ta’ tqassim tas-swieq. Barra minn hekk, ma tagħmilx differenza, fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur, jekk il-ftehim li jinsab fl-ittri ta’ akkumpanjament ikunx ġie konkluż jew le fl-interess kummerċjali tal-impriżi inkwistjoni jekk jiġi stabbilit, abbażi tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, li huma effettivament ikkonkludew dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 185), bħal ma kien il-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li, minħabba l-monopolju eżistenti fis-suq Franċiż tal-gass, E.ON ma setgħetx, inizjalment, tislet vantaġġ minn dan il-ftehim jew ma kellhiex interess li tikkonkludih, huwa mingħajr effett fuq l-għan antikompetittiv tal-ftehim inkwistjoni.

71      Hemm ukoll lok li jiġu miċħuda l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel serje ta’ argumenti invokati insostenn tat-tieni lment, li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li t-teżi tal-Kummissjoni li s-suq Ġermaniż tal-gass kien miftuħ għall-kompetizzjoni bejn l-1980 u l-2000 huwa f’kuntrast mal-fatt li hija rrikonoxxiet li kienu jeżistu bosta ostakoli għad-dħul fl-imsemmi suq qabel il-liberalizzazzjoni u l-kunsiderazzjoni li l-ittri ta’ akkumpanjament ma setgħux kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni qabel is-snin 1998‑2000. Fil-fatt, suq jista’ jkun miftuħ għall-kompetizzjoni filwaqt li jippreżenta ostakoli għad-dħul u l-fatt li ftehim jipproduċi effetti sinjifikattivi biss minn ċerta data ma jfissirx li qabilha ma kien jipproduċi ebda effett.

72      Sussegwentement għandhom jiġu eżaminati l-argumenti, esposti fil-kuntest tal-ewwel ilment, intiżi sabiex jipprovaw li l-Kummissjoni wettqet żball fattwali u ta’ liġi billi qieset li l-ittri ta’ akkumpanjament kellhom għan antikompetittiv bejn Jannar 1980 u Awwissu 2000.

73      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan wara l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u tal-ittri ta’ akkumpanjament, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

74      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-għan wara l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, ftehim jista’ jitqies li għandu għan restrittiv anki jekk ma jkollux bħala sempliċi għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda jkollu wkoll għanijiet oħra leġittimi. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies ukoll li l-kostruzzjoni tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL seta’ kellu bħala għan li jiżgura u jiddiversifika l-provvista ta’ gass fi Franza, dan ma jippermettix li jiġi eskluż li l-ftehim li jikkonċernaha jista’ madankollu jkollu għan jew effetti antikompetittivi u għaldaqstant dan l-għan ma jbiddilx dan il-ftehim f’wieħed legali fir-rigward tal-Artikolu 81 KE. Għall-istess raġuni, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar il-ftehim konkluż bejnha u MEGAL Finco, fl-20 ta’ Lulju 1981, li, fl-opinjoni tagħha, in-natura ġuridika tiegħu hija, b’mod konformi mal-għan ta’ sigurtà u ta’ diversifikazzjoni tal-provvisti, paragunabbli ma’ ftehim ta’ tranżitu u, konsegwentement, legali. Barra minn hekk, dan il-ftehim ma kienx is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kien jikkostitwixxi akkordju jew li hija pparteċipat fl-akkordju kkonstatat f’dan il-każ.

75      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan tal-ittri ta’ akkumpanjament, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, anki li kieku kellu jitqies, bħal ma tallega r-rikorrenti, li huma kienu intiżi li [kunfidenzjali] (1), din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi eskluż li l-ittri setgħu kellhom ukoll għan jew effett antikompetittiv. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova diretta, li tmur lura għal żmien l-iffirmar tagħhom, li tippermetti li jiġi pprovat li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu intiżi li [kunfidenzjali]. Id-dokumenti msemmija f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, effettivament iġibu d-dati tal-2004 u tal-2006, fejn l-aħħar dokument jirreferi għal [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, ebda punt mill-kliem tal-ittri Direktion G jew Direktion I ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn kien jwieġbu [kunfidenzjali].

76      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-qafas legali u ekonomiku eżistenti fi żmien l-iffirmar tal-ittri ta’ akkumpanjament, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ perspettiva ta’ liberalizzazzjoni u fuq il-fatt li l-impriżi inkwistjoni ma setgħux ikunu kompetituri fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass qabel is-sena 2000.

77      Minn naħa, fir-rigward tal-perspettivi ta’ liberalizzazzjoni waqt l-iffirmar tal-ittri ta’ akkumpanjament, l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ tali perspettivi għandu jiġi miċħud.

78      Ċertament, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-liberalizzazzjoni kienet, f’din id-data, possibbli fil-perijodu qasir għal dak medju. B’mod partikolari, il-punti msemmija mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha ma humiex tali li jipprovaw li dan kien il-każ. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel bażijiet li wasslu għal-liberalizzazzjoni tqiegħdu matul is-snin 80 u tiċċita, f’dan ir-rigward, diversi testi, fejn l-eqdem wieħed huwa l-ktieb l-abjad tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istabbiliment tas-suq intern. Issa, mhux biss dan tal-aħħar jirriżulta għaxar snin wara l-iffirmar tal-ittri ta’ akkumpanjament, iżda, barra minn hekk, ma jittrattax is-settur tal-enerġija. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li dan il-ktieb l-abjad kien ippermetta li jiġi kkunsidrat fil-bidu nett tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li wieħed seta’ jistenna l-liberalizzazzjoni f’oqsma ġodda, ma huwiex rilevanti mill-perspettiva ta’ perijodu qasir għal dak medju. Fir-rigward tat-testi l-oħra msemmija mill-Kummissjoni, dawn huma iktar reċenti mill-ktieb l-abjad inkwistjoni u jġibu d-data, rispettiva, tal-1990 fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 90/377/KEE, tad-29 ta’ Ġunju 1990, li tikkonċerna l-proċedura Komunitarja sabiex tittejjeb it-trasparenza ta’ prezzijiet tal-gass u tal-elettriku imposti fuq konsumaturi industrijali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 138), tal-1991 fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 91/296/KEE, tal-31 ta’ Mejju 1991, dwar it-tranżitu ta’ gass naturali permezz ta’ linji ta’ forniment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 151), u tal-1994 fir-rigward tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 262). Fir-rigward tal-proposta li tat lok għall-ewwel direttiva dwar il-gass, din tmur lura għall-1992.

79      Madankollu, għandu jiġi osservat, bħalma tgħid il-Kummissjoni, li l-kostruzzjoni ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass bħall-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL tikkostitwixxi investiment għal użu fuq medda twila ħafna ta’ żmien. B’hekk il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li b’mod ġenerali pajp għat-trażmissjoni ta’ gass ikun operattiv għal bejn 45 u 65 sena. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-Artikoli 2 KE u 3 KE, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ meta ġew iffirmati l-ittri ta’ akkumpanjament, l-Unjoni diġà kellha, f’din id-data, l-għan li tistabbilixxi suq komuni, fejn dan tal-aħħar jimplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni, bejn l-Istati Membri, tar-restrizzjonijiet kwantitattivi għad-dħul u għall-ħruġ tal-merkanzija, kif ukoll ta’ kull miżuri oħra b’effett ekwivalenti. Barra minn hekk, f’din id-data wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tenfasizza li l-iżolament tas-swieq nazzjonali jmur kontra wieħed mill-għanijiet essenzjali tat-Trattat, li huwa intiż sabiex is-swieq nazzjonali jingħaqdu f’suq wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1974, Van Zuylen, 192/73, Ġabra p. 731, punt 13).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, meta ġew iffirmati l-ittri ta’ akkumpanjament, il-liberalizzazzjoni ma setgħetx tiġi eskluża fuq perijodu twil u kienet tagħmel parti mill-perspettivi raġonevolment possibbli. Essenzjalment, dan ġie barra minn hekk ikkonfermat minn E.ON, li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indikat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittra Direktion I ġiet adottata “bħala miżura ta’ prekawzjoni […] sabiex jiġi evitat li anki riskji purament teoretiċi, marbuta ma’ bidliet f’kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi li kien impossibbli li jiġu totalment esklużi, ma jikkompromettux il-proġett”. Anki jekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma qablitx ma’ din id-dikjarazzjoni, dan juri, mill-inqas, li, għal waħda mill-impriżi inkwistjoni, żvilupp ġuridiku u ekonomiku ma kienx totalment eskluż u li l-ittra Direktion I kellha l-intenzjoni li tipproteġi ruħha minnhom.

81      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass qabel l-2000, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 81(1) KE huwa applikabbli biss fis-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imsemmija minn dan it-test relatati mal-effett tan-negozju bejn l-Istati Membri u mar-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward taċ-ċirkustanzi simili tal-Artikolu 87(1) KE, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il‑Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 143).

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex ikun magħruf jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntesti ekonomiċi u ġuridiċi li jirregolaw il-funzjonament tiegħu, jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punt 21; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 137, u tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, Ġabra p. II‑1729, punt 68).

83      Sabiex jiġi vverifikat jekk impriża tikkostitwixxix kompetitur potenzjali f’suq, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, kinux jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li din tidħol fl-imsemmi suq u tikkompeti mal-impriżi stabbiliti ġewwa fih. Tali prova ma għandhiex tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tiġi ssostanzjata permezz ta’ punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti. B’hekk, impriża ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punti 166 u 167).

84      Minn dan jirriżulta neċessarjament li, għalkemm l-intenzjoni ta’ impriża li tidħol f’suq hija eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit bil-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq (sentenza Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 168).

85      F’dan il-każ, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tas-suq Franċiż tal-gass u dik tas-suq Ġermaniż tal-gass.

86      Fir-rigward tas-suq Franċiż, huwa paċifiku li l-monopolju fil-qasam tal-importazzjoni u l-provvista ta’ gass li minnu ilha tibbenefika r-rikorrenti mill-1946 tneħħa biss mill-1 ta’ Jannar 2003, u dan meta t-terminu għat-traspożizzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-ewwel direttiva tal-gass kellu jiskadi fl-10 ta’ Awwissu 2000. Għalhekk, mill-inqas sa din l-aħħar data, ebda kompetizzjoni, anki potenzjali, ma kienet teżisti fis-suq Franċiż tal-gass u l-aġir inkwistjoni ma setax, fir-rigward ta’ dan is-suq, jaqa’ taħt l-Artikolu 81 KE. Fir-rigward tas-sitwazzjoni li kienet teżisti wara din id-data, din għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv.

87      Fir-rigward tas-suq Ġermaniż, il-Kummissjoni kkonfutat, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, l-affermazzjoni li tgħid li r-rikorrenti qatt ma kienet kompetitur potenzjali ta’ E.ON qabel il-liberalizzazzjoni. F’dan ir-rigward hija enfasizzat li d-dritt Ġermaniż qatt ma pprojbixxa d-dħul fis-suq ta’ fornituri ġodda, iżda kien jippermetti biss lill-fornituri storiċi sabiex iqiegħdu ostakoli importanti mad-dħul fis-suq billi jikkonkludu ftehim filwaqt li jkunu eżenti mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-eżenzjoni li minnha kien jibbenefika dan il-ftehim ma kienx assolut, iżda suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Il-ftehim li għalih l-eżenzjoni kienet invokata kellu jiġi nnotifikat lill-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti, li setgħet tipprojbixxi ftehim jekk hija kienet tqis li dan kien jikkostitwixxi abbuż tal-eżenzjoni legali. Fl-aħħar nett, billi straħet fuq il-każijiet ta’ Wingas u ta’ Mobil, il-Kummissjoni kkonstatat li l-possibbiltà li jkun hemm kompetizzjoni minkejja l-ostakoli importanti ħafna mad-dħul fis-suq ma kinitx biss teoretika. Minn dan hija kkonkludiet li kien possibbli, għar-rikorrenti, li tbigħ gass fit-territorju ta’ provvista tradizzjonali ta’ E.ON, minkejja ostakoli kunsiderevoli għad-dħul fis-suq, b’mod li hija setgħet tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali ta’ E.ON matul il-perijodu kollu inkwistjoni. Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kienet qed tikkontesta la l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul u lanqas il-fatt li l-kompetizzjoni transkonfinali kienet biss marġinali bejn l-operaturi storiċi. Barra minn hekk, hija enfasizzat, fil-premessa 294 ta’ din id-deċiżjoni, li la l-EnWG tal-1935 u lanqas l-Artikolu 103 tal-GWB ma kienu jipprevedu monopolju legali għal E.ON jew għal kull operatur storiku ieħor fit-territorju Ġermaniż.

88      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet billi ssostni li s-suq Ġermaniż tal-gass kien totalment magħluq għall-kompetizzjoni minħabba ostakoli leġiżlattivi u ta’ natura regolatorja, minħabba l-istruttura ta’ dan is-suq u minħabba n-nuqqas ta’ aċċess tat-terzi għan-netwerk (iktar ’il quddiem l-“ATN”), b’tali mod li hija ma kinitx kompetitur ta’ E.ON fl-imsemmi suq.

89      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni tal-perijodu inkluż bejn l-1980 u l-1998, minn naħa, u dak inkluż bejn l-1998 u l-2000, min-naħa l-oħra.

90      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-1980 u l-1998, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, sal-1 ta’ Jannar 1990, l-Artikolu 103(5) tal-GWB kien jipprovdi li, bħala regola ġenerali, ir-rifjut ta’ aċċess għas-sistema ma kienx inġust jekk din it-talba għal aċċess kellha bħala għan li tforni gass lil klijent li jinsab f’żona ġeografika servita mill-fornitur li lilu ntbagħtet it-talba. Ċertament, bħal ma osservat il-Kummissjoni, din il-forma ta’ preżunzjoni ta’ legalità tar-rifjut ta’ aċċess għas-sistema kienet valida biss bħala regola ġenerali u taħt ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, hekk kif sostniet ir-rikorrenti mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, il-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja), f’sentenza tal-15 ta’ Novembru 1994 (NJW 1995, p. 2718), indikat li, abbażi tal-Artikolu 103 tal-GWB, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel l-1990, kien prattikament eskluż li wieħed jeżerċita kontroll tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti relatati ma’ konnessjonijiet għas-sistema ta’ trasport.

91      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku li, sal-24 ta’ April 1998, minn naħa, il-ftehim ta’ delimitazzjoni, jiġifieri dak li permezz tiegħu l-kumpanniji ta’ servizz pubbliku kienu ftiehmu bejniethom li ma jipprovdux gass f’territorju speċifiku u, min-naħa l-oħra, il-ftehim ta’ konċessjoni esklużiva, jiġifieri dak li permezz tiegħu awtorità lokali kienet tagħti konċessjoni eslużiva lil kumpannija ta’ servizz pubbliku li tippermettilha tuża artijiet pubbliċi sabiex tikkostruwixxi u topera netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ gass, kienu eżenti permezz tal-Artikolu 103(1) tal-GWB mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi li jippermettu l-ftehim antikompetittiv.

92      Ċertament, mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jiġi implementat, dan il-ftehim kellu jiġi nnotifikat lill-Bundeskartellamt li kellha s-setgħa li tipprojbixxih li kieku kellha tqis li l-ftehim inkwistjoni kien jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, ebda impriża ma kellha l-obbligu li tipparteċipa għall-ftehim ta’ delimitazzjoni u dan kien jivvinkola biss lill-partijiet kontraenti b’tali mod li huma ma setgħux jipprojbixxu lil terz, bħar-rikorrenti, milli tbigħ gass.

93      Madankollu, mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-użu akkumulat tal-ftehim ta’ delimitazzjoni u tal-ftehim ta’ konċessjoni esklużiva kellu bħala effett li jistabbilixxi de facto sistema ta’ żoni ta’ provvista esklużivi li ġewwa fihom impriża waħda tal-gass setgħet tipprovdi l-gass lil klijenti, mingħajr madankollu ma kien hemm projbizzjoni legali magħmula lil kumpanniji oħra milli jipprovdu gass.

94      Wara kollox, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fornituri storiċi Ġermaniżi kellhom monopolju fattwali fiż-żona ta’ provvista rispettiva tagħhom. Hija tikkonferma dan ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, fejn hija tammetti l-eżistenza, bejn l-1980 u l-1998, ta’ “monopolji territorjali de facto” jew ta’ “monopolji purament fattwali”.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, mill-inqas sal-24 ta’ April 1998, is-suq Ġermaniż tal-gass kien ikkaratterizzat bl-eżistenza ta’ monopolji territorjali fattwali. Dan it-tqassim tas-suq Ġermaniż tal-gass kien, barra minn hekk, ikkonfermat, matul dan il-perijodu, miċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti, li, minn naħa, l-imsemmi suq kien strutturat fuq tliet livelli li jikkostitwixxu daqstant swieq distinti li jimplikaw il-ħtieġa li jiġu konklużi numru ta’ kuntratt ta’ trasport qabel ma jintlaħaq il-klijent finali u, min-naħa l-oħra, ma kienet teżisti ebda dispożizzjoni fil-qasam ta’ ATN.

96      Għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni, li eżistiet fis-suq Ġermaniż tal-gass sal-24 ta’ April 1998, setgħet tagħti lok għall-assenza ta’ kull kompetizzjoni, mhux biss reali, iżda wkoll potenzjali, fuq dan is-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ġie deċiż li monopolju ġeografiku li minnu kienu jibbenefikaw impriżi lokali ta’ distribuzzjoni ta’ gass kien jipprekludi kull kompetizzjoni attwali bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punt 117).

97      Issa, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-proċess ma jinkludu elementi li jippermettu li jiġi pprovat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni u minkejja l-karatteristiċi tas-suq Ġermaniż tal-gass deskritti fil-punti 95 sa 102 iktar ’il fuq, kienet teżisti, sal-24 ta’ April 1998, possibbiltà reali u konkreta għar-rikorrenti li tidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass u li tikkompeti mal-impriżi stabbiliti, bħal ma tirrikjedi l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq.

98      B’hekk, iċ-ċirkustanza msemmija fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li fil-Ġermanja ma kienx jeżisti monopolju legali, hija mingħajr rilevanza. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk f’suq teżistix kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom jew li kompetitur ġdid ikun jista’ jidħol f’dan is-suq u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti. Dan l-eżami tal-Kummissjoni għandu jsir fuq bażi oġġettiva ta’ dawn il-possibbiltajiet, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li tgħid li dawn huma esklużi minħabba monopolju li jsib l-oriġini tiegħu direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew, indirettament, fis-sitwazzjoni fattwali li tirriżulta mill-implementazzjoni tagħha, hija mingħajr effett.

99      Barra minn hekk, l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li r-rikorrenti ma kellhiex biss id-dritt, mill-perspettiva ġuridika, li tbigħ gass fit-territorju ta’ provvista tradizzjonali ta’ E.ON, iżda li dan kien effettivament possibbli (minkejja ostakoli kunsiderevoli għad-dħul), ma hijiex f’pożizzjoni li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, il-possibbiltà purament teoretika ta’ dħul tar-rikorrenti fis-suq ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ tali kompetizzjoni. Barra minn hekk, tali affermazzjoni tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi u ma tikkostitwixxix prova ssostanzjata b’punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, fejn barra minn hekk l-eżempji msemmija insostenn tagħha huma neqsin minn rilevanza hekk kif jirriżulta mill-punti 102 u 103 iktar ’il quddiem.

100    L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata skont liema l-impriżi inkwistjoni kienu atturi importanti tas-settur tal-gass Ewropew u kull waħda minnhom kellha titqies bħala kompetitur ġdid naturali fis-suq tal-oħra jew bħala kompetituri f’pożizzjoni tajba li bħala prinċipju kellhom l-opportunitajiet kollha li d-dħul tagħhom fis-suq ġar tagħhom jirnexxi, jew fl-aħħar nett li l-Ġermanja u Franza kienu jikkostitwixxu swieq ġirien u strettament marbutin, liema fatt iżid l-opportunitajiet għal suċċess. Fil-fatt, tali informazzjoni ġenerali u astratta ma tippermettix li jiġi pprovat li, minkejja s-sitwazzjoni kompetittiva eżistenti fis-suq Ġermaniż tal-gass, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni, li tidħol f’dan is-suq.

101    L-istess japplika, għall-istess raġunijiet, fir-rigward tal-punti msemmija fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-impriżi inkwistjoni kellhom is-saħħa, l-assi u l-infrastruttura neċessarja sabiex jippermettu d-dħul fis-suq, u li s-sussidjarji EEG u PEG tar-rikorrenti u l-parteċipazzjoni minoritarja tagħha f’GASAG u VNG kienu jikkostitwixxu vantaġġ solidu sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha f’dan is-suq.

102    Fir-rigward tal-eżempji ta’ Wingas u ta’ Mobil, imsemmija fil-premessi 30 u 243 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi pprovat li kien possibbli li wieħed jidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass, dawn ma jidhrux li huma rilevanti sabiex jissostanzjaw ir-raġunament tal-Kummissjoni, hekk kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni serje ta’ argumenti magħmula insostenn tat-tieni lment ta’ din il-parti. Fil-fatt, minn naħa, mill-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Wingas hija impriża komuni proprjetà ta’ BASF u ta’ Gazprom li rnexxielha tidħol fis-suq Ġermaniż fis-snin 90 permezz tal-provvisti ta’ gass ta’ din tal-aħħar u l-kostruzzjoni ta’ netwerk vast ta’ pajpijiet għat-trażmissjoni ta’ gass ġodda mqiegħda b’mod parallel għal dawk ta’ E.ON u ta’ fornituri storiċi oħra. Issa, kif sostniet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Settembru 1999, fil-Każ IV/M.1383 — Exxon/Mobil (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Exxon/Mobil”), li l-esperjenza ta’ Wingas ftit kellha opportunitajiet li terġa’ sseħħ, peress li din l-impriża kienet assoċjazzjoni li rnexxiet bejn konsumatur industrijali ta’ gass Ġermaniż kbir ħafna (jew saħansitra l-ikbar) u produttur Russu kbir ħafna (ara l-premessa 100 tad-Deċiżjoni Exxon/Mobil). Barra minn hekk, mir-rapport dwar l-investigazzjoni tal-Kummissjoni fis-settur tal-enerġija (SEC/2006/1724), imfakkar mir-rikorrenti, jirriżulta li, fil-kuntest tal-imsemmi rapport, Wingas kienet ikkunsidrata bħala “kompetitur stabbilit” u mhux bħala “kompetitur ġdid”, minħabba l-pożizzjoni unika tagħha fis-suq Ġermaniż. Min-naħa l-oħra, Mobil daħlet fis-suq Ġermaniż tal-gass ukoll fis-snin 90 billi nnegozjat l-aċċess għan-netwerks ta’ amministraturi storiċi ta’ netwerks ta’ trażmissjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni nnifisha osservat li Mobil kienet f’sitwazzjoni kemxejn atipika fil-Ġermanja (ara l-premessa 251 tad-Deċiżjoni Exxon/Mobil). Hija enfasizzat b’mod partikolari li din l-impriża kienet tipproduċi parti kunsiderevoli tal-gass Ġermaniż u kienet tagħmel parti mill-establishment tal-gass Ġermaniż, liema fatt kien mingħajr dubju, skont il-Kummissjoni, ir-raġuni li għalih hija setgħet timporta gass fil-Ġermanja mingħajr ma tuża n-netwerk tagħha nnifisha ta’ pajpijiet għat-trażmissjoni ta’ gass li jaħdmu bi pressjoni għolja, u dan permezz ta’ ATN. Il-Kummissjoni indikat ukoll li Mobil kienet f’pożizzjoni unika (ara l-premessa 219 tad-Deċiżjoni Exxon/Mobil).

103    Ċertament, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kellha wkoll il-benefiċċju ta’ assi u ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni tipika. Mandankollu fid-dawl tan-natura unika u speċifika tas-sitwazzjonijiet ta’ Wingas u ta’ Mobil, li l-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet, dawn ma humiex tali li juru, waħedhom, il-possibbiltà reali u konkreta, għal kompetitur ġdid, li jidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass u li jikkompeti mal-impriżi stabbiliti. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, bħal ma sostniet ir-rikorrenti, operaturi, f’dan il-każ [kunfidenzjali], li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħalha, jiġifieri operaturi dominanti f’pajjiż periferiku u li kellhom pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-Ġermanja, ma setgħux jidħlu fis-suq Ġermaniż tal-gass, liema fatt wara kollox huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni filwaqt li għandu jitfakkar madankollu li Mobil u Wingas daħlu f’dan is-suq.

104    Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda punt, inkluż ta’ natura ġenerali, intiż sabiex jipprova li, matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998, minkejja ċ-ċirkustanzi li jimplikaw l-eżistenza ta’ monopolji reġjonali fis-suq Ġermaniż tal-gass, il-kostruzzjoni ta’ linji ta’ trażmissjoni jew il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-aċċess għan-netwerk ma’ operatur storiku dwar il-passaġġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma kinitx tikkorrispondi għal strateġija ekonomika vijabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq, u kienet tirrappreżenta possibbiltà reali u konkreta, għal operatur bħar-rikorrenti, ko-proprjetarju tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li jidħol f’dan is-suq u li jikkompeti mal-impriżi li kienu stabbiliti fih. B’mod partikolari, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dħul tar-rikorrenti fis-suq seta’ sar, permezz ta’ dawn il-possibbiltajiet, daqshekk malajr sabiex it-theddida ta’ dħul potenzjali jkollha piż fuq l-aġir tal-parteċipanti fis-suq jew permezz tal-ispejjeż li ekonomikament setgħu jiġu assorbiti. Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet eżami tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq.

105    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass mill-1 ta’ Jannar 1980 sal-24 ta’ April 1998.

106    Barra minn hekk, billi enfasizzat, fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi ħassar l-eżenzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni fl-24 ta’ April 1998, il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa b’mod ċar li s-settur tal-gass kellu jinfetaħ għall-kompetizzjoni wara din id-data, il-Kummissjoni tidher li qed tammetti, mill-inqas impliċitament, li, qabel din id-data, il-leġiżlatur Ġermaniż innifsu kien iqis li s-settur tal-gass ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni u, konsegwentement, li ebda kompetizzjoni potenzjali ma kienet teżisti.

107    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, għandu jitfakkar li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-preżunzjoni ta’ legalità tar-rifjut ta’ aċċess għan-netwerk u tal-eżenzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni u ta’ konċessjoni esklużiva ma kinux jeżistu iktar matul l-imsemmi perijodu, minħabba l-emendi leġiżlattivi li seħħew qabel dan il-perijodu.

108    Madankollu r-rikorrenti ssostni li, sal-2000, ebda dispożizzjoni li tirregola l-ATN ma kienet teżisti fil-Ġermanja, fejn l-ewwel ftehim li jipprovdu ATN ġew iffirmati biss minn din is-sena.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi qabel kollox osservat li l-fatt li ma jeżisti xejn li jirregola l-ATN fir-rigward tat-trasport u d-distribuzzjoni ta’ gass tirrappreżenta ċertament ostakolu għad-dħul fis-suq Ġermaniż tal-gass, iżda dan ma jistax jimplika impossibbiltà totali ta’ aċċess, u dan wisq iżjed meta, hekk kif jirriżulta mill-punt 90 iktar ’il fuq, sa mill-1 ta’ Jannar 1990, il-preżunzjoni ta’ legalità ta’ rifjut ta’ aċċess għan-netwerk tneħħiet. B’hekk, iċ-ċirkustanza li, fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tal-ATN fil-Ġermanja matul il-perijodu inkwistjoni, ebda restrizzjoni ma ġiet imposta fuq il-proprjetarju li jopera netwerk sabiex jagħti aċċess għal wieħed mill-kompetituri tiegħu ma għandhiex il-konsegwenza li teskludi l-possibbiltà li tali aċċess jiġi nnegozjat. Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 1999, dritt ta’ ATN jirriżulta mill-punt 4 tal-Artikolu 19(4) tal-GWB, li jirrigwarda l-aċċess għal infrastruttura essenzjali, liema fatt ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

110    Fir-rigward tal-istruttura tas-suq Ġermaniż, għalkemm din l-istruttura setgħet ukoll tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul matul il-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, xorta jibqa’ l-fatt li ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, matul l-imsemmi perijodu, li jiġi wara l-emendi leġiżlattivi li saru fl-1998, waħedha jew flimkien man-nuqqas ta’ regolamentazzjon tal-ATN, hija setgħet teskludi totalment l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tieħu ħsieb li ssostni li din l-istruttura tikkostitwixxi ostakolu għoli għad-dħul, imsaħħaħ bl-integrazzjoni vertikali tal-bejjiegħa bl-ingrossa suprareġjonali. Madankollu hija ma tallegax li hija pprekludiet kull dħul fis-suq.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ebda element ma huwa f’pożizzjoni li jipprova li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkunsidrat li kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000.

112    Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti, l-ewwel parti għandha tiġi milqugħa sa fejn tikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998 u miċħuda sa fejn tikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000.

113    Peress li l-ewwel parti ntlaqgħet biss parzjalment, jeħtieġ ulterjorment li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra mressqa insostenn ta’ dan il-motiv, sa fejn dawn jikkonċernaw il-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000.

b)     Fuq it-tieni parti

114    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li l-akkordju seta’ kellu effett sinjifikattiv, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ ta’ gass bejn Franza u l-Ġermanja qabel Awwissu 2000.

115    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi.

–       Fuq l-ewwel ilment

116    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu hija ma pprovatx sa fejn l-akkordju seta’ jaffettwa l-kummerċ ta’ gass bejn Franza u l-Ġermanja mill-1 ta’ Jannar 1980 u sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE kienu sodisfatti f’din id-data.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 54). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tippermetti l-eżerċizzju effettiv tal-kontroll tal-legalità tagħha u tipprovdi lill-parti kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. In-natura suffiċjenti ta’ tali motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1994, AWS Benelux vs Il‑Kummissjoni, T‑38/92, Ġabra p. II‑211, punt 26, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Gruber + Weber vs Il‑Kummissjoni, T‑310/94, Ġabra p. II‑1043, punt 209).

118    F’dan il-każ, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, ftehim għandu, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huwa jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija żiedet fil-premessa 262 ta’ din id-deċiżjoni li, skont il-Linji Gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81), il-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq li jkopri numru ta’ Stati Membri huwa, min-natura tiegħu stess, tali li jista’ jarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, li jaffettwa l-interpenetrazzjoni tal-kummerċ billi jevita t-tendenzi kummerċjali tradizzjonali u l-orjentazzjoni naturali tagħhom, u għaldaqstant li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Sussegwentement hija osservat, fil-premessa 263 ta’ din id-deċiżjoni, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE għal ftehim ta’ tqassim ta’ swieq u għal prattika miftiehma ma tillimitax ruħha għas-sehem mill-bejgħ tal-parteċipanti li effettivament implikaw trasferiment ta’ merkanzija minn Stat Membru lejn ieħor u l-fatt li l-prodotti, min-natura tagħhom stess, huma faċilment is-suġġett ta’ kummerċ transkonfinali jagħti indikazzjoni tajba fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat. Fl-istess premessa, hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, billi ffriżat is-sitwazzjoni kompetittiva qabel il-liberalizzazzjoni billi llimitat il-provvista ta’ gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li jikkostitwixxi l-mezz prinċipali ta’ importazzjoni ta’ gass naturali lejn il-Ġermanja u Franza, u għaldaqstant billi pprekludiet il-kompetizzjoni transkonfinali fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass, il-ftehim u l-aġir antikompetittiv tal-impriżi inkwistjoni pprekludewhom milli jagħmlu negozju fis-swieq nazzjonali reċiproċi tagħhom u għaldaqstant kellhom effett jew mill-inqas setgħu kellhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni esponiet suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-motivi li għalihom hija qieset li l-akkordju seta’ affettwa l-kummerċ bejn Franza ul-Ġermanja mill-1 ta’ Jannar 1980 u li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE kienu sodisfatti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi wkoll espliċitament għas-sitwazzjoni “qabel il-liberalizzazzjoni”, jiġifieri qabel l-10 ta’ Awwissu 2000, b’tali mod li r-rikorrenti b’mod żbaljat tallega li l-prova tal-Kummissjoni tillimita ruħha għall-perijodu li jiġi wara din id-data.

120    Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment

121    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u ta’ liġi. Fl-opinjoni tagħha, l-ittri ta’ akkumpanjament ma setgħux ikollhom influwenza attwali jew potenzjali sinjifikattiva fuq il-kummerċ bejn il-Ġermanja u Franza qabel Awwissu 2000, ġaladarba s-suq Ġermaniż u s-suq Franċiż kienu, de facto jew de lege, magħluqa għall-kompetizzjoni qabel din id-data, b’tali mod li l-kummerċ ta’ gass naturali bejn dawn il-pajjiżi ma kienx ikun differenti fin-nuqqas tal-prattiki inkwistjoni.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81(1) KE japplika biss għal ftehim li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn Stati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Għalhekk, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju jaffettwax b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn Stati Membri, jeħtieġ li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu (ara s-sentenza Asnef‑Equifax u Administración del Estado, punt 122 iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa rilevanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ toħloq distorsjoni fuq it-tendenzi kummerċjali li b’xi mod jew ieħor setgħu segwew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 172).

124    Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u ma huwiex neċessarju li jiġi pprovat effett ħażin effettiv fuq il-kummerċ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 166). Madankollu, huwa neċessarju li l-effett potenzjali tal-akkordju fuq il-kummerċ bejn l-Istati jkun sinjifikattiv, jew, fi kliem ieħor, li ma jkunx insinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 u 17).

125    Barra minn hekk, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 122 iktar ’il fuq, punt 37).

126    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, ġaladarba hija ma pprovatx l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass mill-1 ta’ Jannar 1980 sal-24 ta’ April 1998 (ara l-punt 104 iktar ’il fuq) u ġaladarba ġie kkonstatat li s-suq Franċiż kien magħluq għall-kompetizzjoni mill-inqas sa Awwissu 2000, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ftehim u l-prattiki inkwistjoni kienu tali li jkollhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, qabel l-24 ta’ April 1998.

127    Dan huwa speċjalment il-każ tant li l-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat il-konklużjoni tagħha f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li dan il-ftehim u dawn il-prattiki kienu jipprekludu l-kompetizzjoni transkonfinali fis-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass. Issa, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni fuq dawn iż-żewġt iswieq, l-imsemmija kompetizzjoni ma setgħetx tiġi prekluża, u konsegwentement, il-kummerċ bejn Stati Membri ma setax jiġi affettwat.

128    Fir-rigward tal-perijodu inkluż bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000, dan l-ilment għandu, min-naħa l-oħra, jiġi miċħud, ġaladarba l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fis-suq Ġermaniż tal-gass ma ġiex validament imqiegħed inkwistjoni (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), u r-restrizzjoni tiegħu seta’ għalhekk ikollu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

129    Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex invalidati bl-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jirriżulta fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjonijiet li jirriżultaw fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 118 iktar ’il fuq) billi ssostni li n-nuqqas ta’ perspettiva ta’ liberalizzazzjoni u ta’ twettiq tas-suq intern tal-gass qabel (mill-inqas) Awwissu 2000 huwa element oġġettiv, fis-sens tal-ġurisprudenza, li jippermetti li jiġi eskluż b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq inkwistjoni seta’ jeżerċita influwenza sinjifikattiva fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Issa, kif ġie osservat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti, il-perspettiva ta’ liberalizzazzjoni ma setgħetx, fid-data tal-iffirmar tal-ittri ta’ akkumpanjament, tiġi eskluża fit-tul (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ twettiq tas-suq intern tal-gass ma kienx jeskludi, fih innifsu, l-eżistenza ta’ kummerċ intra-Komunitarju tal-gass li jista’ jiġi affettwat, fejn tali kummerċ jista’ fil-fatt jeżisti minkejja li s-suq intern ma jiġix fis-seħħ. Għaldaqstant l-oġġezzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda. Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-linji gwida jipprovdu li “jekk ostakli assoluti, barra mill-akkordju jew mill-prassi, jipprekludu kummerċ transkonfinali bejn Stati Membri, dan jgħaddi mir-riskju li jiġi affettwat biss jekk dawn l-ostakli jkunu jistgħu jispiċċaw f’futur prevedibbli”, ġaladarba l-fatt li dawn l-ostakoli jispiċċaw ma kienx eskluż fuq terminu twil.

130    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li hemm lok li jintlaqa’ parzjalment it-tieni lment imqajjem fil-kuntest tat-tieni parti u, għaldaqstant, dan tal-aħħar, sa fejn jikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998. Min-naħa l-oħra din il-parti għandha tiġi miċħuda sa fejn tikkonċerna l-perijodu bejn l-24 ta’ April 1998 u l-10 ta’ Awwissu 2000.

c)     Fuq it-tielet parti

131    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 81 KE, ir-regoli relatati mal-amministrazzjoni tal-prova u l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ element probatorju dwar l-eżistenza tal-ksur allegat bejn Jannar 1980 u Frar 1999.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat preliminarjament li, ġaladarba l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fi Franza qabel l-10 ta’ Awwissu 2000 u li mill-eżami tal-ewwel parti jirriżulta li hija kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998, l-eżami ta’ din il-parti għandha tkun limitata għall-perijodu inkluż bejn din tal-aħħar u Frar 1999.

133    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li involva l-parteċipazzjoni ta’ diversi manifatturi għal numru ta’ snin bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikklassifika l-ksur b’mod preċiż, għal kull impriża u f’kull waqt partikolari, bħala akkordju jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 696).

134    Għalhekk il-Kummissjoni ġustament tikklassifika tali ksur kumpless bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma, inkwantu dan il-ksur jikkomporta elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “ftehim” u elementi li għandhom jiġu kklassifikati bħala “prattika miftiehma” (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 697).

135    F’tali sitwazzjoni, il-klassifikazzjoni doppja għandha titqies mhux bħala klassifikazzjoni li tirrikjedi simultanjament u kumulattivament il-prova li kull wieħed minn dawn il-punti ta’ fatt jippreżenta elementi li jikkostitwixxu ftehim u prattika miftiehma, iżda bħala klassifikazzjoni li tindika element kumpless li jikkomporta punti ta’ fatt fejn fosthom għandhom jiġu kklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprovdix klassifikazzjoni speċifika għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 698).

136    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni kooerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 94 u 135, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittiv, iżda wkoll it-tul ta’ żmien ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 95).

138    Fl-aħħar nett jeħtieġ li jitfakkar li r-rekwiżit ta’ ċertezza legali li minnha għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi jimplika li, meta jkun hemm kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova tal-ksur li hija tikkonstata, għandha tipproduċi provi idonei sabiex jiġi stabbilit, għas-suffiċjenza tad-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tul tal-ksur, l-istess prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tinvoka, tal-inqas, il-provi li jirreferu għall-fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’mod li jista’ raġjonevolment jiġi aċċettat li l-ksur seħħ mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79).

139    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni, li kien jikkonsisti fi ftehim inizjali ta’ tqassim tas-swieq u fi prattiki miftiehma f’forma ta’ laqgħat perijodiċi intiżi sabiex jiftiehmu u jimplementaw dan il-ftehim matul iktar minn 25 sena, kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. Hija enfasizzat li ma jkunx naturali li wieħed jaqsam dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan wieħed, billi wieħed isib numru ta’ ksur differenti, filwaqt li bil-kontra, dan huwa ksur uniku li kkonkretizza ruħu progressivament kemm permezz tal-ftehim kif ukoll permezz tal-prattiki miftiehma.

140    Issa, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tressaq ebda prova dwar il-ksur inkwistjoni dwar il-perijodu inkluż bejn Jannar 1980 u l-4 ta’ Frar 1999. Dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li tammetti, fir-risposta, li, minbarra l-ittri ta’ akkumpanjament, hija ma pproduċietx provi speċifiċi qabel is-sena 1999. F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox tiġi eskluża l-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni li hija ma qisietx neċessarju, wara li waqt l-ispezzjonijiet tagħha ssekwestrat dokumenti posterjuri għall-1999, li titlob dokumenti anterjuri lill-impriżi inkwistjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni tistrieħ fuq in-nuqqasijiet tagħha fl-amministrazzjoni tal-prova sabiex ma tissodisfax l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward.

141    Madankollu, il-fatt li l-prova tal-eżistenza ta’ ksur kontinwu ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma jipprekludix li l-ksur jitqies li seħħ matul perijodu globali iktar estiż minn dawn il-perijodi speċifiċi ladarba tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet oġġettivi u kkorroborati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 98).

142    Issa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni kkonkludew, fl-1975, ftehim bil-miktub ta’ tqassim tas-swieq, ikkostitwit bil-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament, u li jikkonsisti f’li l-partijiet ma jidħlux — jew li jidħlu biss b’mod limitat — fis-suq nazzjonali rispettivi ta’ xulxin billi jibqgħu lura milli jbigħu fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra l-gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti, hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza kollha kemm hi, li titqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Dan il-ftehim ma ġiex konkluż għal terminu determinat, fejn ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma jindika data ta’ skadenza tiegħu.

143    Ebda punt ma jippermetti li jiġi pprovat li l-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament ġew itterminati qabel l-1999. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma ressqet ebda punt qabel din id-data intiża sabiex tipproduċi tali prova. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan il-kuntest, li l-fatt li, fi tmiem l-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-Ġermanja qabel l-1998 ma jqiegħedx inkwistjoni, fih innifsu, l-eżistenza tal-ftehim ta’ tqassim tas-swieq, iżda d-data tal-bidu tal-karattru tiegħu li jikkostitwixxi ksur. Fir-rigward tal-fatt li l-ftehim tal-2004 jindika li l-impriżi inkwistjoni kien jikkunsidraw “sa minn ħafna żmien” l-ittri ta’ akkumpanjament tal-1975 bħala “nulli u mingħajr effett”, dan ma huwiex f’pożizzjoni li jagħti indikazzjoni preċiża li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ftehim inkwistjoni f’dan il-każ ġie tterminat qabel l-1999. Bil-kontra mid-dokumenti posterjuri għal din id-data, u b’mod partikolari mill-posta elettronika tad-dipartiment legali tar-rikorrenti tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000, li jirreferu espressament għall-ittri Direktion G u Direktion I, li l-valur probatorju tagħhom huwa analizzat fil-punt 163 iktar ’il quddiem, jirriżulta li r-rikorrenti kompliet tirreferi għall-imsemmi ftehim, liema fatt jindika li, fl-2000, dan ma kienx ġie tterminat.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament kellhom jitqiesu li daħlu fis-seħħ bejn l-1975 u l-1999, u għaldaqstant matul il-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ din il-parti hekk kif iddefinita fil-punt 132 iktar ’il fuq, jiġifieri bejn l-1998 u l-1999, b’tali mod li ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi prova addizzjonali dwar l-implementazzjoni tagħhom matul l-imsemmi perijodu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, imfakkra mir-rikorrenti. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari l-eżistenza ta’ żewġ ittri tal-1977 u tal-1985 rispettivament, li permezz tagħhom l-impriża inkwistjoni pprojbiet lilha nnifisha li tesporta. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li ma setgħetx tinvoka provi ta’ natura li jissostanzjaw in-natura kontinwa, bejn l-1977 u l-1985, tal-ksur li bih qed tiġi akkużata l-imsemmija impriża, il-Kummissjoni ma kinitx stabbiliet suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li l-bidu tal-ksur kellu jkun fl-1977. Madankollu, b’differenza tal-każ inkwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 tal-imsemmija sentenza, l-ittra tal-1977 kienet tikkonċerna, offerta speċifika u ma kinitx tikkostitwixxi miżura għal terminu indeterminat kif inhu l-każ tal-Ftehim MEGAL u tal-ittri ta’ akkumpanjament.

145    Għaldaqstant it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

146    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu parzjalment milqugħa u li t-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

147    Konsegwentement, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-Ġermanja bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u l-24 ta’ April 1998.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma wara Awwissu 2000

148    Dan il-motiv, li permezz tiegħu ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma wara Awwissu 2000, jinqasam f’erba’ partijiet, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ ksur uniku u kontinwu bejn l-1 ta’ Jannar 1980 u t-30 ta’ Settembru 2005 u, konsegwentement, fuq il-preskrizzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u tar-regoli ta’ amministrazzjoni tal-prova, minħabba n-nuqqas ta’ rieda konkordanti tal-impriżi inkwistjoni sabiex japplikaw l-ittri ta’ akkumpanjament wara Awwissu 2000, it-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-laqgħat u skambji bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005 u, ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-awtonomija tal-aġir tar-rikorrenti fil-Ġermanja u ta’ E.ON fi Franza.

149    Hemm lok li l-ewwel parti tiġi eżaminata fl-aħħar lok.

a)     Fuq it-tieni parti

150    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi l-eżistenza ta’ rieda konkordanti bejn l-impriżi inkwistjoni intiża għall-applikazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament wara Awwissu 2000.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 173, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, il-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha sempliċement tistħarreġ il-legalità tal-att ikkontestat (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 174).

153    Għalhekk, ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti f’li jiġi evalwat jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur allegat (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 175, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Barra minnhekk, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 177, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 179, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li n-numru ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    F’dan il-każ, mill-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-impriżi inkwistjoni kkonkludew, fl-1975, ftehim li kien jipprovdi li r-rikorrenti ma tbigħx gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lil klijenti fil-Ġermanja u li E.ON ma tbigħx gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fi Franza. Hija qieset li, meta s-swieq Ewropej tal-gass infetħu u, għalhekk, meta l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq “seta’ jipproduċi impatt sinjifikattiv fis-suq inkwistjoni fl-1998/2000”, dawn l-imprżi ma temmewx uffiċjalment dan il-ftehim u ma ddikjarawhx espliċitament obsolet. F’dan ir-rigward, hija osservat b’mod partikolari li kemm id-dokumenti interni tal-impriżi inkwistjoni kif ukoll l-iskambji bejniethom juru li dawn kienu jqisu li l-projbizzjoni magħmula lir-rikorrenti milli tuża punti ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja u l-projbizzjoni magħmula lil E.ON milli l-gass jittranżita minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fi Franza kienu vinkolanti.

158    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-punti li jeħtieġ li jiġu eżaminati t-tliet ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti, fejn l-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tan-nuqqas ta’ valur probatorju tal-ittri ta’ akkumpanjament wara Awwissu 2000, it-tieni lment huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ valur probatorju tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tipprova li l-impriżi inkwistjoni ftiehmu bejniethom sabiex jikkunsidraw l-imsemmija ittri bħala vinkolanti wara din id-data u, it-tielet ilment huwa bbażat fuq il-fatt li hija pproduċiet provi li juru l-“abbandun” tal-ittri ta’ akkumpanjament wara l-liberalizzazzjoni.

159    Għal dan il-għan, jidher opportun li wieħed jipproċedi bl-eżami tat-tieni, sussegwentement tat-tielet, u, fl-aħħar nett, tal-ewwel ilment.

–       Fuq it-tieni lment

160    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-punti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha huma impreċiżi u ambigwi u ma humiex suffiċjenti sabiex jissostanzjaw rieda konkordanti li jista’ jikkostitwixxi l-ftehim inkwistjoni, f’dan il-każ l-applikazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament, wara l-liberalizzazzjoni.

161    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni li hemm fih u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, u d-destinatarju tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, dan jagħmilx sens u huwiex affidabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP u T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 121, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Issa, f’dan il-każ, ebda element ma jippermetti li jitqiegħed inkwistjoni l-valur probatorju tad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkunsidra l-ittri ta’ akkumpanjament bħala vinkolanti wara Awwissu 2000.

163    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dokumenti li jirriżultaw mid-dipartiment legali tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 64 u 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret il-kontenut ta’ nota tat-3 ta’ Diċembru 1999 u ta’ posta elettronika tad-9 u s-17 ta’ Frar 2000. Minn naħa, fir-rigward tan-nota tat-3 ta’ Diċembru 1999, minnha jirriżulta essenzjalment li l-imsemmi dipartiment legali kien iqis li r-rikorrenti ma tistax tinvoka ambjent ġuridiku ġdid fir-rigward tal-liberalizzazzjoni sabiex tforni klijenti fil-Ġermanja b’gass li jgħaddi mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Skont din in-nota, għalkemm ir-rikorrenti setgħet tieħu gass fi tranżitu sabiex tforni lil tali klijenti, dan jiżnatura l-ftehim relatat ma’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-posta elettronika tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000, skont kif osservat il-Kummissjoni, dawn jirreferu espressament għall-ittri Direktion G u Direktion I. Fil-fatt, huma jindikaw li l-ewwel waħda mill-imsemmija ittri tista’ tiġi mxebba’ ma’ “tqassim vast tas-suq” bejn l-impriżi inkwistjoni, “liema fatt iqajjem il-kwistjoni tal-valur ġuridiku ta’ tali dokument (null!)” u li, permezz tat-tieni waħda minn dawn l-ittri, ikklassifikata bħala “superba”, l-imsemmija impriżi jiftiehmu sabiex ir-rikorrenti ma tikkunsinnax gass (direttament jew indirettament) lil klijent li jinsab il-Ġermanja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija posta elettronika tikkonferma d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament. Ċertament, minn din il-posta elettronika jirriżulta li d-dipartiment legali tar-rikorrenti ġab quddiemu l-kwistjoni dwar jekk E.ON setgħetx tittrażmetti gass għal terzi permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u kkonstata li, fil-passat, huwa kien interpreta l-ittri inkwistjoni b’mod favorevoli għal E.ON billi qies li hija setgħet tobbliga terzi li jixtiequ jittrażmettu gass permezz ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass sabiex jidħlu f’kuntratt magħha. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-analiżi tal-ittri ta’ akkumpanjament ikkonċernati magħmula mid-dipartiment legali tar-rikorrenti, fir-rigward tar-restrizzjonijiet li huma jikkawżaw, hija espliċita u nieqsa minn kull ambigwità, hekk kif jirriżulta mit-test ta’ dawn id-dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dawn it-tliet dokumenti sabiex tqis, essenzjalment, fuq il-bażi tagħhom, li r-rikorrenti kellha għarfien tan-natura illegali tal-ftehim, iżda li hija kompliet tikkonforma ruħha miegħu, hekk kif jindika l-punt 4.2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

164    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-minuti ta’ E.ON dwar il-laqgħat tal-4 ta’ Frar u tal-24 ta’ Ġunju 1999, minn naħa, mill-minuti tal-ewwel waħda min dawn il-laqgħat jirriżulta li E.ON innotat, b’inkwiet, ċerti rimarki, magħmula waqt laqgħat preċedenti, li ċerti persuni fi ħdan ir-rikorrenti kienu jikkunsidraw mill-inqas il-bejgħ separat ta’ gass fil-Ġermanja permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Skont dan id-dokument, b’risposta, ir-rikorrenti indikat li l-għan tagħha kien li ttejjeb il-pożizzjoni tagħha bħala mittent u azzjonist u li, meta jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar l-ATN, hija jkollha tiddefendi l-interessi tagħha, billi madankollu tibqa’ tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni storika stretta ma’ E.ON. Hija wegħdet ukoll li żżomm lil E.ON informata mill-qrib dwar il-ħsibijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-minuti tat-tieni laqgħa jirriżulta li r-rikorrenti indikat li hija kkunsidrat ukoll li tilqa’ opportunitajiet kummerċjali fil-Ġermanja, minkejja li dan ma huwiex dirett kontra E.ON. Skont dawn il-minuti, hija semmiet ukoll li, taħt is-sistema kuntrattwali attwali li tikkonċerna l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, hija ma setgħetx tuża lil dan tal-aħħar bħala linja ta’ tranżitu u ma kinitx awtorizzata tieħu gass fil-Ġermanja, filwaqt li E.ON irrispondiet, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà għar-rikorrenti li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ifisser emendament ġenerali tal-qafas kuntrattwali MEGAL. Dan jikkonferma mhux biss il-fatt li r-rikorrenti pprovat tiżgura lil E.ON dwar l-intenzjonijiet tagħha fil-Ġermanja, iżda wkoll li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu lilhom infushom vinkolati mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim inkwistjoni.

165    Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni osservat, fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li, filwaqt li jippermettu li jiġi pprovat li E.ON kienet tqis li ċerti persuni fi ħdan ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jidħlu fis-suq tan-Nofsinhar tal-Ġermanja, dawn id-dokumenti juru wkoll li E.ON ipprovat tiddiswadi lir-rikorrenti dwar dan u li din tal-aħħar wegħdet li tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni storika stretta ma’ E.ON sabiex iżżommha informata mill-qrib dwar il-ħsibijiet tagħha. Fid-dawl tal-kliem ta’ dawn id-dokumenti, huwa wkoll ġustament li hija kkunsidrat li l-impriżi inkwistjoni kienu ftiehmu li dħul eventwali tar-rikorrenti fis-suq fiż-żona tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kellu jkun suġġett għal pożizzjoni komuni bejniethom.

166    Ċertament, bħal ma tosserva r-rikorrenti, ebda wieħed miż-żewġ dokumenti ma jirreferi espliċitament għaż-żamma tal-ittri ta’ akkumpanjament. Madankollu, minn dan jirriżulta b’mod ċar, u b’mod partikolari mil-laqgħa tal-24 ta’ Ġunju 1999, li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu lilhom infushom għadhom marbuta mill-kuntest kuntrattwali relatat mal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li minnu l-ittri ta’ akkumpanjament jagħmlu parti sħiħa, u mir-restrizzjonijiet li dawn l-ittri kienu jagħtu lok fir-rigward tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tieħu gass fil-Ġermanja minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Fi kwalunkwe każ, bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, ma jirriżultax mill-premessi 67 sa 70 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni użat dawn id-dokumenti sabiex turi li l-impriżi kienu jqisu lil dawn l-ittri bħala vinkolanti, fejn il-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessa 70 ma jitrattaw la n-natura obsoleta tagħhom u lanqas in-natura vinkolanti tagħhom. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt 4.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata li fiha tiġi żviluppata l-kunsiderazzjoni li “[ir-rikorrenti] twiegħed li ma taffrontax lil [E.ON] fil-Ġermanja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għandu jiġi osservat li, għalkemm tali kunsiderazzjoni tista’ tidher sempliċistika, hija madankollu ma hijiex sostanzjalment żbaljata, ġaladarba d-dokumenti inkwistjoni juru li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni tagħha ma’ E.ON u li żżomm lil din tal-aħħar informata dwar ir-riflessjonijiet tagħha dwar bejgħ eventwali fil-Ġermanja u li l-opportunitajiet kummerċjali li hija kellha l-intenzjoni li tilqa’ ma jkunux diretti kontra E.ON.

167    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-nota interna ta’ E.ON tat-8 ta’ Ġunju 2001 redatta bil-għan li ssir laqgħa mar-rikorrenti fit-12 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ddeduċiet minn din, hekk kif jirriżulta mill-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, li E.ON kienet taf bil-fatt li l-projbizzjoni imposta lir-rikorrenti li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL tippreġudika d-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din in-nota tidħol fil-kuntest, b’mod partikolari, ta’ diskussjonijiet relatati mar-ristrutturar tal-kuntest kuntrattwali tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-mudell-il ġdid imsemmi, kien mistenni li r-rikorrenti tibbenefika minn dritt ta’ dħul u ta’ ħruġ tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li prattikament fi kwalunkwe każ ma jistax jiġi rrifjutat lilha minn perspettiva ġuridika skont il-GWB jew l-EnWG. Għaldaqstant E.ON effettivament kienet taf li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma kinitx tippermetti li jiġi rrifjutat lir-rikorrenti d-dritt li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Issa, huwa biss fil-kuntest futur tan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim MEGAL, flimkien mat-tqegħid fis-seħħ tal-kunċett ta’ użu benefiku, li kien mistenni li jingħata tali dritt lir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, mill-imsemmija nota jirriżulta wkoll li r-rikorrenti kienet talbet il-possibbiltà li tibbenefika minn punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, liema fatt għaldaqstant jimplika li hija ma kinitx tibbenefika minnhom fir-rigward tal-qafas kuntrattwali eżistenti. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni jmissha kkunsidrat li minn din in-nota kien jirriżulta li l-ittri ta’ akkumpanjament ma kinux għadhom fis-seħħ.

168    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-iskambju ta’ ittri bejn l-impriżi inkwistjoni fit-13 u fil-21 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 81 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-iskambju kien jikkonferma li E.ON kienet tqis li l-ittra Direktion G kienet vinkolanti u li ebda waħda mill-impriżi inkwistjoni ma kienet tat x’tifhem li din l-ittra u l-ittra Direktion I kienu obsoleti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra ta’ E.ON mibgħuta lir-rikorrenti fil-21 ta’ Mejju 2002, b’risposta għall-ittra tagħha tat-13 ta’ Mejju 2002, tirreferi espressament għall-ittra Direktion G, billi tindika li t-trażmissjoni għal impriża oħra mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL hija f’konformità totali ma’ din l-ittra. Issa, għalkemm din l-ittra kienet meqjusa bħala obsoleta u bħala li ma tivvinkolax lill-impriżi inkwistjoni, E.ON ma indikatx li t-trażmissjoni inkwistjoni kienet konformi magħha. Il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li hija ma għamlitx riferiment għall-ittra Direktion G jew għall-ittra Direktion I fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Mejju 2002 ma huwiex determinanti sabiex jiġi pprovat li dawn id-dispożizzjonijiet saru obsoleti jew li kien hemm nuqqas ta’ rieda konkordanti. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti ma rreferietx espressament għal dan fl-imsemmija ittra, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li E.ON ma bbażatx ruħha fuq l-ittra Direktion G sabiex tallega li hija kellha d-dritt tittrażmetti gass f’isem wieħed mill-klijenti tagħha kieku din l-ittra ma ġietx invokata preċedentement bħala li tipprojbixxi dan it-tip ta’ trasport. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li E.ON setgħet tirreferi b’mod unilaterali għal din l-ittra, minn naħa, dan ikun mingħajr effett fuq il-konklużjoni li l-imsemmija ittra kienet tidher bħala vinkolanti mill-inqas għal din l-impriża u, min-naħa l-oħra, dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-ittri ta’ akkumpanjament ma kinux għadhom vinkolanti għar-rikorrenti. Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li E.ON tirreferi għall-ittra Direktion G sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati fir-rigward tagħha li tikkonċerna d-dritt tagħha ta’ trasport għat-terzi, fi kwalunkwe każ hija ma tistax tinvalida l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li dan l-iskambju ta’ posta jirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ trasport għal terzi u mhux għat-tqassim ta’ swieq ma jippermettix li jitqiegħed inkwistjoni l-fatt li l-imsemmi skambju jixħet ukoll dawl fuq in-natura vinkolanti, mill-inqas għal E.ON, tal-ittra Direktion G, u lanqas li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet tqis l-ittri ta’ akkumpanjament bħala obsoleti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem tagħha, seta jinftiehem mill-iskambju inkwistjoni, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet tqis li l-Ftehim MEGAL, hekk kif kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, kien jipprojbixxi lil E.ON milli tforni gass fi Franza permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, anki f’isem terzi. Tali pożizzjoni hija barra minn hekk konformi mal-interpretazzjoni tal-ittra Direktion G ipprovduta lir-rikorrenti mid-dipartiment ġuridiku tiegħu u li hija esposta fil-posta elettronika tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000.

169    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-minuti ta’ E.ON dwar laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002, tal-posta elettronika ta’ E.ON tas-27 ta’ Frar 2003 u tal-minuti ta’ E.ON dwar laqgħa tad-19 ta’ Frar 2004, għandu jiġi osservat preliminarjament, li, hekk kif issostni r-rikorrenti, ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jirreferi speċifikament għall-ittri ta’ akkumpanjament. Madankollu, il-Kummissjoni ma allegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan kien il-każ.

170    Sussegwentement għandu jiġi osservat li mill-minuti ta’ E.ON li jikkonċernaw laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002 bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u dawk ta’ E.ON jirriżulta li r-rikorrenti żgurat, waqt din il-laqgħa, li hija ma kellhiex intenzjoni, f’din id-data, li tbigħ gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Barra minn hekk, il-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, mibgħuta minn rappreżentant ta’ E.ON fi Franza lil direttur ta’ E.ON fil-Ġermanja, issemmi laqgħa ta’ natura privata li l-ewwel wieħed kellu ma’ rappreżentant tar-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li r-rappreżentant tar-rikorrenti indika b’mod partikolari, waqt din il-laqgħa, li huwa deher konvint li fl-approċċ tiegħu lejn is-suq Ġermaniż huwa kellu jimxi b’attenzjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li, anki jekk ir-rikorrenti setgħet tipprova tbigħ gass fiż-żona ta’ E.ON, dan kien pjuttost sabiex tinforma ruħha dwar is-suq milli sabiex twettaq attakk frontali dirett. Fl-aħħar nett, mill-minuti ta’ E.ON, dwar laqgħa tad-19 ta’ Frar 2004 bejn rappreżentanti tar-rikorrenti u ta’ E.ON, jirriżulta li waqt din il-laqgħa, ir-rikorrenti indikat lil E.ON li hija fehmet li din tal-aħħar kienet u xtaqet tibqa’ l-fornitur prinċipali għal [kunfidenzjali] u li hija kellha l-intenzjoni li tosserva l-kuntratti ta’ provvista attwali ta’ E.ON.

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li minn dawn it-tliet dokumenti, moqrija flimkien, jirriżulta b’mod ċar li l-impriżi inkwistjoni skambjaw informazzjoni dwar l-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom u, b’mod iktar partikolari, li r-rikorrenti esprimiet l-intenzjoni tagħha li ma tattakkax b’mod frontali lil E.ON fis-suq Ġermaniż u li ma tbigħx gass fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. B’hekk, anki jekk huma ma jirreferux direttament għall-ittri ta’ akkumpanjament, dawn id-dokumenti jikkonfermaw li l-impriżi inkwistjoni osservaw it-tqassim tas-swieq li rriżulta mill-Ftehim MEGAL u mill-imsemmija ittri. Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn id-dokumenti ma jippreżentaw ebda relazzjoni mal-ksur allegat.

172    Fir-rigward tal-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li dawn huma dokumenti interni ta’ E.ON li ma humiex ikkorroborati minn skambji bejn l-impriżi inkwistjoni, li r-rilevanza ta’ din iċ-ċirkustanza għandha tiġi kkonfutata fil-punti 224 sa 226 iktar ’il quddiem. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn id-dokumenti ġew elaborati mid-dipartimenti ta’ E.ON wara laqgħat jew intervisti li seħħew bejn rappreżentanti tal-impriżi inkwistjoni. Għandu jitqies ukoll li d-destinatarji tagħhom huma rappreżentanti ta’ E.ON. Barra minn hekk, l-informazzjoni li huma jinkludu, li hija preċiża u mhux vaga kif issostni r-rikorrenti, hija intiża li tikkorrobora u tikkonferma l-eżistenza ta’ tqassim ta’ swieq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-dokumenti għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu sens u li huma affidabbli u mhux, bħal ma tallega r-rikorrenti, bħala li għandhom valur probatorju null jew dgħajjef. Fir-rigward tal-fatt li wieħed minn dawn id-dokumenti, f’dan il-każ il-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, jirreferi għad-dikjarazzjonijiet magħmula waqt konverżazzjoni ta’ natura privata, ebda element ma jagħti lil wieħed x’jifhem li dawn huma żbaljati, fejn il-preċiżjoni ta’ kif inkitbet effettivament tidher li tipprova li dawn huma veri. Fl-aħħar nett, xejn ma jindika li l-awturi ta’ dawn id-dokumenti, u b’mod partikolari tal-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, taw interpretazzjoni personali tal-fatti jew kellhom interess personali li jsebbħu dawn il-fatti sabiex jippreżentaw lis-superjuri tagħhom riżultat konformi mal-aspettattivi tagħhom, bħal ma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq (punt 132), li qed tissemma’ mir-rikorrenti.

173    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi osservat li, permezz tagħha, il-persuna responsabbli mill-bejgħ fi Franza ta’ E.ON informat lil żewġ impjegati ta’ E.ON fil-Ġermanja dwar laqgħa li saret ma’ impjegat tar-rikorrenti (li huwa wieħed minn sħabu antiki tal-iskola) dwar il-kwistjonijiet ta’ ċessjoni ta’ gass fi Franza u dwar l-interess eventwali ta’ E.ON u tar-rikorrenti li jesploraw soluzzjonijiet li jippermettu “kompetizzjoni raġunata”. Minn dan jirriżulta li, minkejja li r-rikorrenti ma xtaqitx tidher li qed tibża’ mill-pressjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali li tirregola l-enerġija, hija ma kinitx qed tinjora din il-pressjoni u ma apprezzatx wisq il-fatt li kienet wisq direttament is-suġġett ta’ kritika u li għaldaqstant, jekk seta’ sar xi ħaġa sabiex jintwera li impriżi ġodda setgħu jidħlu fiż-żona tan-Nofsinhar ta’ Franza, hija kienet tilqagħha pożittivament. Minn dan jirriżulta wkoll li, peress li r-rikorrenti xtaqet tissodisfa lil din l-awtorità, l-impjegat tagħha ssuġġerixxa skambju li permezz tiegħu r-rikorrenti kienet tforni gass lil E.ON fiż-żona tan-Nofsinhar ta’ Franza, suġġett għal kontroparti. F’dan ir-rigwad, skont il-posta elettronika, dan l-impjegat kellu l-intenzjoni jitratta fuq kollox il-kwistjonijiet li jikkonċernaw MEGAL. Minn din il-posta elettronika jirriżulta wkoll li l-impjegat tar-rikorrenti indika li, skont l-għarfien tiegħu tal-Ftehim MEGAL, il-kapaċitajiet kollha tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li kienu jeżistu f’Medelsheim kienu rriżervati mir-rikorrenti, b’tali mod li fil-fatt anki l-volumi li E.ON kienet timporta, f’din id-data, kienu illegali.

174    F’dan il-każ, l-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-posta elettronika hija biss ir-riflessjoni tal-ħsibijiet personali tal-awtur tagħha. Fil-fatt, mill-kliem ta’ dan id-dokument jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi awtur, il-persuna responsabbli mill-bejgħ ta’ E.ON fi Franza, għandha l-intenzjoni tikkomunika lir-rappreżentanti Ġermaniżi ta’ E.ON informazzjoni li kisbet f’laqgħa privata ma’ impjegat tar-rikorrenti u mhux mill-interpretazzjoni tagħha stess tad-dikjarazzjonijiet skambjati. Dawn id-dikjarazzjonijiet fil-fatt jidhru li jirriflettu l-pożizzjoni tar-rikorrenti u mhux dik tal-impjegat tagħha preżenti waqt il-laqgħa inkwistjoni. Barra minn hekk din seħħet fuq talba tal-impjegat tar-rikorrenti li xtaq jiddiskuti qabel laqgħa ta’ livell għoli li kellha sseħħ ulterjorment bejn l-impriżi inkwistjoni u kienet tikkonċerna problemi li jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti, jiġifieri l-kwistjonijiet ta’ ċessjoni ta’ gass fi Franza u l-interess eventwali tal-impriżi inkwistjoni li jesploraw soluzzjonijiet li jippermettu “kompetizzjoni raġonevoli”. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li għalihom sar riferiment huma espliċiti u ddettaljati biżżejjed, b’tali mod li ma jeżisti ebda ekwivoku fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħhom. Għalhekk ma kienx neċessarju li, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, dan id-dokument jitqassam lir-rikorrenti, sabiex hija tkun tista’ tiddistanzja ruħha minnu, liema ipoteżi tissemma fis-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, liema sentenza ssemmiet mir-rikorrenti. Barra minn hekk, hekk kif għandu jiġi kkonstatat fil-punt 225 iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li minn din l-aħħar sentenza jirriżulta li minuti ta’ laqgħa kkostitwiti b’nota għal użu purament intern li xxerdu biss mal-proċedura amministrattiva għandhom valur probatorju limitat ħafna.

175    It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li x-xebh bejn id-dikjarazzjonijiet li għalihom sar riferiment kien suġġett għal kawtela. Madankollu hija ma tipproduċi ebda element fir-rikors insostenn ta’ din l-allegazzjoni u tieħu ħsieb tirreferi għar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, għalkemm il-corpus tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal kitbiet oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistgħux itaffu n-nuqqas ta’ elementi essenzjali tal-argumentazzjoni skont il-liġi, li għandhom jirriżultaw fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑52/90, Ġabra p. I‑2187, punt 17, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). Peress li ma ġiet issostanzjata b’ebda element ieħor fir-rikors, l-allegazzjoni tar-rikorrent għandha għaldaqstant tiġi miċħuda. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kwalità tal-awtur tagħhom u ta’ min jagħmel riferiment għalihom, kif ukoll tal-kontenut tagħhom, u b’mod partikolari tal-preċiżjoni tagħhom, dawn id-dikjarazzjonijiet jidhru li huma reali, li jagħmlu sens u li huma affidabbli.

176    It-tielet nett, fi kwalunkwe każ, dan id-dokument, li jirreferi barra minn hekk espliċitament għall-“Ftehim MEGAL”, jikkorrobora l-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu minn dokumenti oħra li fuqhom tistrieħ il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ftehim ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass. B’hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, dan id-dokument jista’ jiġi invokat sabiex jiġi pprovat il-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tagħha li jikkonċernawh.

177    Fis-seba’ lok, fir-rigward tad-dokument addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ħadu l-ħsieb li jsostnu li hija pprovat in-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom u l-ambigwità tagħhom, mingħajr madankollu ma indikat sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħhom. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tiċċita dawn id-dokumenti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 98 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala eżempji li jippermettu wkoll li tiġi ssostanzjata, bħal fil-każ ta’ posta elettronika tal-21 ta’ Lulju 2004 iċċitata fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, l-affermazzjoni tagħha li dokumenti interni tar-rikorrenti juru li hija kienet tqis li ma setgħetx tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali ma’ E.ON, minkejja li hija kienet ikkunsidrat li tagħmel dan. L-argumenti tar-rikorrenti dwar dawn id-dokumenti addizzjonali għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda.

178    Fit-tmien lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li hija pproduċiet spjegazzjoni koerenti għall-punti kkunsidrati mill-Kummissjoni jew li, ġaladarba prova hija nieqsa minn ċarezza u għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni, il-partijiet jistgħu jissostitwixxu spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti ma’ dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, tali argumenti jsibu l-bażi tagħhom fil-ġurisprudenza li tirriżulta mill-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tistrieħ biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni invokat provi dokumentali insostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv. Barra minn hekk, dawn il-provi ma humiex neqsin minn ċarezza u huma suffiċjentement neqsin minn ambigwità. Għalhekk il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti f’dan il-każ tista’ tkun rilevanti biss fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma jkunx irnexxielha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur abbażi tal-provi dokumentali li hija tinvoka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punti 186 u 187, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fid-dawl tal-argumenti preċedenti, dan ma huwiex il-każ, ġaladarba l-punti prodotti mill-Kummissjoni, moqrija flimkien mal-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament, huma suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni tagħha.

179    Għalhekk ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kemm id-dokumenti interni tal-impriżi inkwistjoni kif ukoll l-iskambji bejn dawn tal-aħħar juru li huma jqisu li l-projbizzjoni magħmula lir-rikorrenti milli tuża punti ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja u l-projbizzjoni magħmula lil E.ON milli tittranżita gass mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fi Franza kienu vinkolanti. Barra minn hekk, l-indizji prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni huma suffiċjenti, meta kkunsidrati flimkien, sabiex tiġi ġġustifikata l-evalwazzjoni tagħha.

180    Minn dan jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment

181    Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovat, minn naħa, li l-impriżi inkwistjoni kienu uffiċjalment u espliċitament iddikjaraw l-ittri ta’ akkumpanjament obsoleti mid-data ta’ liberalizzazzjoni u kienu tennew bosta drabi din il-pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn l-impriżi ma kinux iqisu lilhom infushom vinkolati, sa minn din id-data, b’dawn l-ittri. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-punti jew evalwathom b’mod manifestament żbaljat.

182    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata dikjarazzjoni ta’ natura obsoleta tal-ittri ta’ akkumpanjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li, meta s-swieq Ewropej tal-gass infetħu għall-kompetizzjoni, l-impriżi inkwistjoni ma temmewx il-ftehim inkwistjoni u ma ddikjarawx l-imsemmija ittri espliċitament obsoleti.

183    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li E.ON bagħtitilha faks fis-7 ta’ Jannar 2002 li jelenka l-Ftehim MEGAL u li jippreċiża li t-trattament li għandu jingħatalu. Hija tindika, b’mod partikolari, li l-ittri Direktion G u Direktion I għandhom jitqiesu bħala “obsoleti”, liema fatt juri li l-impriżi inkwistjoni jqisu uffiċjalment lill-ittri ta’ akkumpanjament bħala mhux vinkolanti fil-kuntest leġiżlattiv ġdid.

184    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li l-faks mibgħut minn E.ON lir-rikorrenti fis-7 ta’ Jannar 2002 tissuċċedi laqgħa bejn l-impriżi inkwistjoni, li seħħet fl-14 ta’ Diċembru 2001, li, skont ir-rikorrenti, kellha bħala għan li tqiegħed il-Ftehim MEGAL fil-kuntest leġiżlattiv ġdid. Barra minn hekk, il-paġna ta’ quddiem tal-imsemmi faks tindika li magħha hemm anness abbozz ta’ lista tal-ftehim li jeżisti bejn l-impriżi inkwistjoni u t-trattament li għandu jiġi rriżervat għad-dispożizzjonijiet rispettivi tagħhom fil-kuntest tal-kunċett ta’ “użu benefiċjarju”. Lista tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim MEGAL, tal-annessi tiegħu u tal-ittri ta’ akkumpanjament, fosthom l-ittri Direktion G u Direktion I, tinsab annessa mal-faks ikkonċernat. Kull paġna ta’ dan l-anness hija intestata bir-riferiment “Struttura ġdida MEGAL — Bdil tal-ftehim bażiku u tal-kuntratti konnessi fi ftehim ġdid ta’ konsorzju”. F’din il-faks l-ittra Direktion G hija deskritta bħala li għandha bħala suġġett l-“impenji ta’ kapaċità” tal-impriżi inkwistjoni, fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk jistax ikun hemm “ftehim ta’ trażmissjoni minn MEGAL ma’ terzi” jew le. Fl-istess faks, l-ittra Direktion I hija deskritta bħala li għandha bħala suġġett il-fatt li “ma huwiex ser ikun hemm forniment jew provvista mi[r-rikorrenti] fil-Ġermanja”. Fir-rigward ta’ kif għandhom jiġu ttrattati dawn l-ittri, il-faks issemmi, fir-rigward tal-indikazzjoni tal-imsemmija ittri, il-kelma “obsolet”.

185    Moqri kollu kemm hu u fid-dawl tal-kuntest tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li, filwaqt li ma jindikax li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu li l-ittri Direktion G u Direktion I bħala li kienu diġà saru obsoleti, il-faks li E.ON bagħtet lir-rikorrenti fis-7 ta’ Jannar 2002 tindika li dawn l-impriżi kienu jikkunsidraw in-natura obsoleta ta’ dawn l-ittri fil-kuntest ta’ ftehim ġdid li kien qed jiġi nnegozjat. Fil-fatt, ir-riferiment għal “obsolet” jindika li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu li ma kienx neċessarju li jdaħħlu tali klawżoli f’dan il-ftehim il-ġdid. Dan huwa kkonfermat biċ-ċirkustanza li, għad-dispożizzjonijiet li t-trattament imsemmi tagħhom ma huwiex “obsolet”, huwa espressament indikat li dawn għandhom jiġu integrati fil-ftehim il-ġdid jew fl-annessi tiegħu, jekk ikun il-każ billi jemendawhom. Barra minn hekk, il-paġna ta’ quddiem tal-imsemmi faks jindika li dan tal-aħħar jikkonċerna “ftehim fis-seħħ”. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-faks kien jirreferi għar-rwol li dawn l-ittri ta’ akkumpanjament għandhom ikollhom fil-futur fil-kuntest tal-Ftehim MEGAL il-ġdid u tal-kunċett ta’ “użu benefiċjarju”. Iċ-ċirkustanza, imsemmija mir-rikorrenti, li l-lista annessa mal-faks ikkonċernat issemmi ittri ta’ akkumpanjament oħra li, fil-fehma tagħha, kienu ta’ natura obsoleta fid-data tal-faks, hija mingħajr effett f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, hekk kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi dedott mill-faks inkwistjoni li l-impriżi kkonċernati jqisu l-ittri Direktion G u Direktion I bħala obsoleti fid-data li din intbagħtet.

186    Sussegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-provi prodotti wara l-faks mibgħut minn E.ON lir-rikorrenti fis-7 ta’Jannar 2002, dwar l-applikazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament, għandhom valur probatorju insuffiċjenti. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti tirreferi espliċitament, insostenn tal-imsemmi argument, biss għall-ittra ta’ E.ON tal-21 ta’ Mejju 2002. Issa, l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw din tal-aħħar diġà ġew ikkonfutati, hekk kif jirriżulta mill-punt 168 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li, insostenn tal-imsemmi argument, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni wkoll li tirreferi għad-dokumenti msemmija fil-punti 168 sa 178 iktar ’il fuq, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet relatati magħhom ġew esklużi fl-imsemmija punti.

187    Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkontradixxietx lilha nnifisha billi sostniet li l-interpretazzjoni tal-faks li E.ON bagħtitilha fis-7 ta’ Jannar 2002 ma hijiex perfettament ċara filwaqt li xorta waħda għamlet interpretazzjoni tagħha f’sens akkużatorju. Fil-fatt, filwaqt li hija ċertament irrikonoxxiet li l-interpretazzjoni ta’ dan il-faks ma kinitx perfettament ċara, il-Kummissjoni madankollu qieset, abbażi tal-kontenut tiegħu, li l-imsemmi faks ma kinitx tippermetti li jiġi stabbilit li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu l-ittri ta’ akkumpanjament bħala obsoleti f’din id-data. Barra minn hekk, ma jistax jitqies li, billi ma laqgħatx l-interpretazzjoni tar-rikorrenti ta’ dan id-dokument u billi qieset li ma kienx jistabbilixxi b’mod ċar li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu l-ittri ta’ akkumpanjament bħala obsoleti, il-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni f’sens akkużatorju. Billi għamlet hekk, hija essenzjalment illimitat ruħha li tikkonfuta l-pożizzjoni tar-rikorrenti li kienet qed tinvoka dan id-dokument favuriha.

188    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ numru ta’ punti ta’ fatt billi kkonfermat l-interpretazzjoni tagħha tal-faks tas-7 ta’ Jannar 2002. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, fir-rikors, għal-dokument intern tad-19 ta’ Diċembru 2002, li jiddiskuti l-kwistjoni dwar jekk hija ma kellhiex awtomatikament id-dritt li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, anki mingħajr ma tbiddel struttura, filwaqt li tosserva li E.ON ma tieqafx milli tirrepeti li min jinsab fil-pussess ta’ kuntratt ta’ tranżitu jista’ juża l-gass tiegħu kullimkien tul il-mogħdija ta’ dan it-tranżitu, u tirreferi wkoll għall-minuti ta’ laqgħa li nżammet fit-23 ta’ Ġunju 2004, li jindikaw b’mod partikolari li E.ON tikkonferma mill-ġdid li r-rikorrenti diġà għandha d-dritt li taċċedi għal kwalunkwe punt ta’ ħruġ tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL dment li kien hemm biżżejjed kapaċità.

189    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ma humiex f’pożizzjoni li jissostanzjaw l-argumenti tar-rikorrenti. Fil-fatt, għalkemm minn dan jista’ ċertament jirriżulta li E.ON, essenzjalment, indikat li, taħt ċerti kundizzjonijiet, kien possibbli li wieħed ikollu drittijiet ta’ ħruġ fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, xorta jibqa’ l-fatt li mid-dokumenti ta’ wara dawn, u b’mod partikolari minn posta elettronika tal-21 ta’ Lulju 2004, jirriżulta li r-rikorrenti kienet tqis li, f’din id-data, il-possibbiltajiet tagħha ta’ ħruġ ta’ gass mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass kienu limitati għall-kwantitajiet mixtrija fil-kuntest tal-PTG u li hija ma kellhiex, minbarra dawn il-kwantitajiet, punti ta’ ħruġ fuq dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Fil-fatt, mill-imsemmija posta elettronika jirriżulta li r-rikorrenti kienet tqis li l-bejgħ kien possibbli minn kull punt ta’ ħruġ ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-limitu tal-kwantitajiet ta’ gass miksuba fil-kuntest tal-PTG. Lil hinn minn dan il-limitu, hija kienet tqis li l-bejgħ supplimentari ma kienx iżjed marbut mal-kwantitajiet ta’ gass miksuba mill-PTG u li, fir-rigward tagħhom, l-uniċi punti ta’ dħul li setgħu jintużaw kienu dawk ta’ [kunfidenzjali]. Kien indikat li l-punti ta’ ħruġ l-oħra kienu esklużi sakemm jintlaħaq ftehim globali. Din il-posta elettronika tikkonferma barra minn hekk il-pożizzjoni espressa f’numru ta’ dokumenti tal-ewwel semestru tal-2004, u għaldaqstant wara d-dokument tad-19 ta’ Diċembru 2002. Għalhekk, min-noti miktuba bl-idejn meħuda waqt laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2004 jirriżulta li l-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kienu intiżi biss għal E.ON, peress li r-rikorrenti tagħmel użu biss minn tranżitu u tkun meħtieġa tinvesti biex tkun tista’ tieħu gass. Minn nota tar-rikorrenti tal-10 ta’ Mejju 2004 jirriżulta li, fir-rigward tal-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ mal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, hija kellha, f’din id-data, biss id-dritt li tieħu “gass akkwistat b’irkant”, jiġifieri gass mixtri fil-kuntest tal-PTG, fi kwalunkwe punt ta’ dħul u ta’ ħruġ fuq l-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. F’din in-nota, huwa wkoll indikat espliċitament li t-trasport ta’ gass [kunfidenzjali] sal-klijenti finali fil-Ġermanja permezz ta’ punt ta’ ħruġ mal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma setax isir sa din id-data, peress li r-rikorrenti ma kellhiex tali punti ta’ ħruġ minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-punent. Bl-istess mod, fil-minuti ta’ laqgħa “Tour d’horizon” tas-27 ta’ Mejju 2004, ġie osservat li r-rappreżentant tar-rikorrenti indika li ma kienx informat dwar il-fajl, iżda li kien sema’ li r-rikorrenti riedet tforni gass fin-Nofsinhar tal-Ġermanja mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt ma kienx ikun il-każ li kieku hija diġà kellha tibbenefika minn drittijiet ta’ ħruġ. Fl-aħħar nett, b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dokument tad-19 ta’ Diċembru 2002, min qari komplet ta’ dan id-dokument jirriżulta li dan isemmi l-iżviluppi possibbli tad-drittijiet tar-rikorrenti fil-qafas kuntrattwali futur li jikkonċerna l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Min-naħa l-oħra ma jistax jiġi dedott li r-rikorrenti kienet tqis li kellha b’ċertezza drittijiet ta’ ħruġ fuq dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass, u lanqas a fortiori li hija kienet tikkunsidra l-ittri ta’ akkumpanjament bħala obsoleti.

190    Barra minn hekk, l-elementi msemmija mir-rikorrenti jmorru kontra d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-anness 2 tal-Ftehim MEGAL li ma jagħtix lir-rikorrenti d-dritt li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, sakemm l-impriżi inkwistjoni ma jiftiehmux mod ieħor, fejn xejn ma jindika li, f’din id-data, huma kienu ġew imħassra jew li l-partijiet kienu ftiehmu b’mod formali li jemendawhom.

191    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ numru ta’ punti ta’ fatt li jikkonfermaw l-interpretazzjoni tagħha tal-faks tas-7 ta’ Jannar 2002.

192    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti li juri li hija ma kinitx tqis lilha nnifisha vvinkolata mill-ittri ta’ akkumpanjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni osservat, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li la l-istrateġiji ta’ bejgħ interni taż-żewġ impriżi fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra, u lanqas il-bejgħ effettiv ta’ gass f’dawn is-swieq ma kienu jipproduċu l-prova li tikkonfuta l-konklużjoni li huma kienu żammu fis-seħħ il-ftehim tagħhom ta’ tqassim ta’ swieq.

193    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti toġġezzjona li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li juru offerti lil klijenti li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Ġermanja għal provvisti ta’ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fl-opinjoni tagħha, dawn l-offerti juru n-nuqqas ta’ rieda konkordanti wara l-liberalizzazzjoni.

194    Madankollu tali oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

195    Fil-fatt, qabel kollox fir-rigward tal-motivazzjoni, għandu jiġi osservat li, sabiex tikkonkludi favur l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari, fil-premessa 73 tal-imsemmija deċiżjoni, li r-rikorrenti biegħet gass fil-Ġermanja biss mill-2001 u b’mod limitat ħafna. Fil-fatt, skont it-tabella li tinsab fl-imsemmija premessa, is-sehem mis-suq tar-rikorrenti fil-Ġermanja kien ta’ [kunfidenzjali]. Skont din l-istess tabella, hija biegħet gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL biss mill-2004, sabiex tforni lil [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provvista li tirriżulta mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass kienet tikkorrispondi għal parti relattivament minima tal-bejgħ totali tar-rikorrenti fil-Ġermanja u li l-volumi ta’ gass mibjugħin minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fil-Ġermanja bejn l-2004 u Settembru 2005 kienu kważi esklużivament volumi ta’ gass mixtrija mir-rikorrenti mingħand E.ON fil-kuntest tal-PTG. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix espliċitament, f’dan ir-rigward, għall-offerti magħmula mir-rikorrenti lil klijenti fin-Nofsinhar tal-Ġermanja għal provvisti mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha billi ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu d-deċiżjoni tagħha, ma huwiex meħtieġ li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li tqajmu minn kull persuna kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, DSM vs Il‑Kummissjoni, T‑8/89, Ġabra p. II‑1833, punt 257, u tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑2/93, Ġabra p. II‑323, punt 92).

196    Sussegwentement fir-rigward tal-fondatezza tal-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-offerti tagħha. Fil-fatt, [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, fid-dawl tal-punti msemmija fil-punt 197 iktar ’il quddiem, li minnhom jirriżulta li, mill-inqas sat-tieni parti tas-sena 2003, ir-rikorrenti nnifisha baqgħet lura milli tipproċedi għal bejgħ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, ir-rilevanza tal-offerti msemmija mir-rikorrenti għandha tiġi relativizzata, sa fejn dawn jikkonċernaw dan il-perijodu. Fl-aħħar nett, billi kienu jikkonċernaw biss il-Ġermanja, dawn l-offerti ma humiex tali li jaffettwaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, sa fejn din tikkonċerna s-suq Franċiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ offerti min-naħa tar-rikorrenti, ma hijiex, fiha nnifisha, tali li tipprova la l-ineżattezza tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni u lanqas in-nuqqas ta’ ftehim jew ta’ rieda konkordanti bejn l-impriżi inkwistjoni.

197    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom ir-rikorrenti sabiex tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, jeħtieġ, preliminarjament, li jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma qisitx [kunfidenzjali]. Fil-fatt, din l-affermazzjoni msemmija fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata ma tinsabx fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, iżda fis-sunt tal-argumenti tal-impriżi inkwistjoni. Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-ostakoli għall-iżvilupp tar-rikorrenti fin-Nofsinhar tal-Ġermanja ma jirriżultawx biss minn kwistjoni ta’ ATN [kunfidenzjali], iżda wkoll minn aġir volontarju min-naħa tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-minuti tal-laqgħa li nżammet fit-23 ta’ Mejju 2002, ġie osservat li r-rikorrenti ma kellhiex l-intenzjoni li tbigħ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. Barra minn hekk, min-nota ta’ “briefing” tar-rikorrenti tad-29 ta’ Awwissu 2003 jirriżulta li sa mill-2001 hija baqgħet lura mill-intenzjoni tagħha li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tikkummerċjalizzah fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, is-suq l-iktar importanti ta’ E.ON. Ulterjorment, għandu jitfakkar li minn posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003 jirriżulta li r-rikorrenti dehret konvinta li kellha effettivament taġixxi sew fl-approċċ tagħha tas-suq Ġermaniż u li anki jekk hija setgħet tipprova tbigħ gass fiż-żona ta’ E.ON, dan kien ikun biss sabiex tinforma ruħha dwar is-suq pjuttost milli sabiex twettaq attakk frontali dirett. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, il-fatt [kunfidenzjali] ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni sa fejn huwa bbażat fuq il-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament. L-argument ibbażat fuq il-proċedura fil-Każ COMP/39.317 — E.ON Gas, dwar l-aġir ta’ E.ON, huwa għaldaqstant ineffettiv. [kunfidenzjali]

198    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-iżvilupp tal-bejgħ ta’ E.ON fi Franza, mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li E.ON bdiet tbigħ gass fi Franza biss fl-2003 u b’mod limitat ħafna. Fil-fatt, fit-tabella li tinsab fl-imsemmija premessa, jissemma li s-sehem mis-suq ta’ E.ON fi Franza kien ta’ 0.05 % fl-2003, ta’ 0.21 % fl-2004 u ta’ 0.5 % fl-2005 u li l-klijenti kienu rispettivament jammontaw għal 3, 4 u 8 matul dawn is-snin. Barra minn hekk, anki jekk il-bejgħ ta’ E.ON kiber b’mod regolari mill-2003, xorta jibqa’ l-fatt li dan jibqa’ fuq livell baxx ħafna u jikkonċerna numru limitat ħafna ta’ klijenti. Barra minn hekk min-nota ta’ “briefing” interna għal E.ON bi preparazzjoni għal-laqgħa “Tour d’horizon” tal-20 ta’ Diċembru 2001, imsemmija fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li E.ON xtaqet tindika lir-rikorrenti, waqt din il-laqgħa, li uffiċċju tal-bejgħ, li r-rwol tiegħu kien li juri l-preżenza ta’ E.ON fi Franza u mhux li jidħol b’mod aggressiv fis-suq Franċiż, kien infetaħ f’Pariġi (Franza). Barra minn hekk, minn nota ta’ “briefing” ta’ E.ON bi preparazzjoni għal-laqgħa “Tour d’horizon” tat-2 ta’ Lulju 2004, jirriżulta li E.ON baqgħet deliberatament lura milli taġixxi fis-suq Franċiż sas-sajf tal-2003. Mill-minuti tar-rikorrenti għal-laqgħa “Tour d’horizon”, tas-27 ta’ Mejju 2004 jirriżulta wkoll li l-limitu mal-punent ta’ intervent ta’ E.ON fl-Ewropa kontinentali kien il-fruntiera mal-punent tal-Ġermanja u li E.ON ma kellhiex interess speċifiku b’mod partikolari għal Franza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-bejgħ ta’ E.ON fi Franza ma huwiex f’pożizzjoni li jipprova li hija ma kinitx tqis lilha nnifisha vvinkolata bl-ittri ta’ akkumpanjament. L-allegati raġunijiet industrijali għaż-żvilupp dgħajjef ta’ E.ON, l-allegata politika kummerċjali aggressiva fi Franza u r-riżultati miksuba jew il-fatt li l-iżvilupp ta’ dan il-bejgħ ma ġiex interrott mill-2005 ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-provi dokumentali li juru espliċitament ir-rieda ta’ E.ON li tillimita d-dħul tagħha fis-suq Franċiż tal-gass.

199    Madankollu jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fir-rigward tas-suq Franċiż, din il-konklużjoni hija valida biss sal-ftehim tal-2004, li permezz tiegħu l-impriżi inkwistjoni ddikjaraw li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu “nulli u mingħajr effett”. Is-sitwazzjoni dwar il-perijodu ta’ wara din id-data għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv (ara l-punti 367 sa 378 iktar ’il quddiem).

200    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, suġġett għar-riżerva magħmula iktar ’il fuq, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ewwel ilment

201    Ir-rikorrenti ssostni li, billi tqis li l-ittri ta’ akkumpanjament baqgħu jiġu applikati wara l-liberalizzazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni jmissha, bil-kontra, assumiet l-“abbandun” ta’ dawn l-ittri minn Awwissu 2000, mingħajr lanqas irrikjediet il-kanċellazzjoni uffiċjali tagħhom mill-impriżi inkwistjoni sa minn din id-data.

202    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 178, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

203    Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jimplika li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja skont il-liġi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 106).

204    F’dan il-każ, qabel kollox għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ġie enfasizzat b’mod partikolari fil-punt 142 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriżi inkwistjoni kkonkludew, fl-1975, ftehim bil-miktub dwar tqassim tas-swieq, ikkostitwit permezz tal-Ftehim MEGAL, l-annessi tiegħu u l-ittri ta’ akkumpanjament u li jikkonsisti f’li ma jippenetrawx — jew li jippenetraw biss b’mod limitat — fis-swieq nazzjonali rispettivi ta’ xulxin u b’hekk f’li jipproteġu s-swieq nazzjonali tagħhom billi jibqgħu lura milli jbigħu fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra l-gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti, hekk kif jirriżulta minn din is-sentenza kollha, li titqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-punt 143 iktar ’il fuq, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan il-ftehim ġie kkanċellat qabel l-1999, jew saħansitra l-2000, u li l-fatt li, wara li sar l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fil-Ġermanja qabel l-1998 ma jqiegħedx inkwistjoni, fiha nnifisha, l-eżistenza tal-ftehim ta’ tqassim tas-swieq, iżda d-data ta’ bidu tan-natura tagħha li tikkostitwixxi ksur.

205    Barra minn hekk mill-eżami tat-tieni u tat-tielet ilmenti ppreżentati insostenn ta’ din il-parti jirriżulta li ebda punt ma ppermetta li jitqiegħdu inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 163 tad-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa, wara l-liberalizzazzjoni, l-impriżi inkwistjoni ma temmewx uffiċjalment il-ftehim tagħhom u ma ddikjarawhx espliċitament obsolet u, min-naħa l-oħra, la l-istrateġiji ta’ bejgħ interni taż-żewġ impriżi fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra, u lanqas il-bejgħ tagħhom ta’ gass f’dawn is-swieq, ma jipproduċu l-prova li tiċħad il-konklużjoni li huma żammew fis-seħħ il-ftehim tagħhom ta’ tqassim ta’ swieq.

206    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, huwa mingħajr ma wettqet żball lil il-Kummissjoni ma assumietx l-“abbandun” tal-ittri ta’ akkumpanjament minn Awwissu 2000.

207    Fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, hija ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, bil-kontra tal-fatt li taw lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1999, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91, Ġabra p. II‑1775), il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha, f’dan il-każ, provi diretti dwar l-eżistenza tal-ftehim u/jew tal-prattika miftiehma allegati wara Awwissu 2000, li jippermettu li jiġi pprovat li l-impriżi inkwistjoni kienu jqisu lilhom infushom għadhom marbuta bil-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq konkluż fl-1975. Dawn ġew eżaminati b’mod partikolari fil-premessi 61 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-provi, li uħud minnhom jirreferu għall-ittri ta’ akkumpanjament, huma bbażati b’mod partikolari fuq skambju ta’ korrispondenza jew tal-minuti ta’ laqgħat bejn l-impriżi inkwistjoni, kif ukoll fuq dokumenti interni għalihom, fejn uħud minnhom jirreferu għal-laqgħat bejn l-imsemmija impriżi. Issa, hekk kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni u tat-tielet ilmenti ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ma pprovat la n-nuqqas ta’ valur probatorju ta’ dawn il-provi u lanqas li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-impriżi inkwistjoni ma kinux “abbandunaw” l-ittri ta’ akkumpanjament wara s-sena 2000. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ prattika illegali bejn l-1980 u l-1999, ir-rilevanza ta’ din iċ-ċirkustanza ġiet ikkonfutata fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv. Għalhekk il-Kummissjoni pprovat b’mod adegwat l-eżistenza tal-ftehim inizjali u t-tkomplija ulterjuri ta’ dan il-ftehim u li, bil-kontra taċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għas-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija ma ġġustifikatx l-użu tal-ftehim il-qodma bħala provi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur sussegwenti.

208    Miċ-ċirkustanzi preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

209    Peress li ebda wieħed mill-ilmenti mqajma insostenn tat-tieni aggravju ma huwa fondat, hemm lok li dan jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

b)     Fuq it-tielet parti

210    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat il-laqgħat u l-iskambji li saru bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005 b’mod żbaljat u li d-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

211    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li prattika miftiehma tikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni. Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, li jipprovdu li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li bi ħsiebu jadotta fis-suq komuni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26; tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 63, u tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 86).

212    Għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod għaqli għall-aġir ikkonstatat jew mifhum tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi ekonomiċi li bih jiġi influwenzat l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew jiġi żvelat lil dan il-kompetitur id-deċiżjonijiet jew id-deliberazzjonijiet tagħha dwar l-aġir tagħha fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux dawk normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 211 iktar ’il fuq, punt 174, u Deere vs Il‑Kummissjoni, punt 211 iktar ’il fuq, punt 87).

213    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna, l-iskambju ta’ informazzjoni jippermetti lill-impriżi sabiex isiru jafu l-pożizzjonijiet fis-suq u l-istrateġiji kummerċjali tal-kompetituri tagħhom u b’hekk jgħawġu b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 34).

214    Għalhekk l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-inċertezza ta’ kif jaħdem is-suq inkwistjoni u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Deere vs Il‑Kummissjoni, punt 211 iktar ’il fuq, punt 90, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81).

215    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi pprovata suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, jeħtieġ sempliċement li jintwera li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriżi f’tali laqgħat, hija l-impriża kkonċernata li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat f’perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 81).

216    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti mqajma mir-rikorrenti insostenn ta’ din il-parti, essenzjalment intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, minn naħa, dwar tqassim tas-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament u, min-naħa l-oħra, dwar skambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn kompetituri.

–       Fuq l-ewwel ilment

217    Ir-rikorrenti tallega li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005 ma jippermettux li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament.

218    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat bejn l-impriżi inkwistjoni kellhom l-istess għan bħall-ittri ta’ akkumpanjament, jiġifieri t-tqassim tas-swieq u l-limitazzjoni tal-aċċess għas-suq tagħhom lil dawk li huma kienu jqisu strettament neċessarji.

219    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-affermazzjoni u tallega li l-Kummissjoni ma pprovathiex b’suffiċjenza tal-liġi. Hija essenzjalment tqajjem erba’ argumenti f’dan ir-rigward.

220    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha għandhom valur probatorju żgħir ħafna, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħall-minuti ta’ laqgħa, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 57). Għandu jitfakkar ukoll li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 161 iktar ’il fuq, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-verità tal-informazzjoni li tinsab fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu u d-destinatarju tiegħu sabiex wieħed jistaqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jagħmilx sens u huwiex affidabbli.

221    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li ebda “prova diretta” tal-prattika miftiehma inkwistjoni ma ġiet prodotta bħala ineffettiva. Fil-fatt, ġaladarba l-attivitajiet tal-prattiki u tal-ftehim antikompetittivi jiżvolġu b’mod klandestin, il-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u d-dokumentazzjoni relatata hija ridotta għall-minimu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 55), ma jistax ikun rikjest mill-Kummissjoni li hija tibbaża ruħha neċessarjament fuq provi diretti ta’ dawn il-prattiki u ftehim. Barra minn hekk mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandu jiġi dedott minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjoni inkwistjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq bosta noti interni jew minuti ta’ laqgħat bejn l-impriżi inkwistjoni, fosthom il-laqgħat “Tour d’horizon” organizzati numru ta’ drabi bejn il-mexxejja tal-imsemmija impriżi, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala provi diretti tal-prattiki miftiehma. Fil-fatt minn dawn id-dokumenti jirriżulta, u b’mod partikolari minn dawk iċċitati fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, li, waqt diversi laqgħat, l-impriżi inkwistjoni kienu jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom bil-għan li jaqsmu bejniethom is-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass.

222    It-tieni nett, l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li allegatament jikkonċernaw l-awtonomija tal-istrateġiji tal-impriżi inkwistjoni għandhom jiġu kkonfutati fil-punti 259 sa 269 iktar ’il quddiem.

223    It-tielet nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-punti prodotti mill-Kummissjoni, ta’ spiss ġenerali, “il-parti l-kbira” ma jikkonċernawx il-ksur inkwistjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, hija ineffettiva ġaladarba r-rikorrenti ma tippretendix li ebda wieħed mid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni ma jikkonċernax il-ksur inkwistjoni u tfakkar f’dan ir-rigward “il-parti l-kbira” tal-punti prodotti mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, tali allegazzjoni ma hijiex fondata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li ċ-ċirkustanza li dokument jirreferi biss għal ċerti fatti msemmija fi provi oħra ma huwiex biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata teskludi dan id-dokument mill-provi kontra r-rikorrenti (sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70, iktar ’il fuq, punt 238). Barra minn hekk, anki jekk ċerti dokumenti ma jikkonċernawx direttament it-tqassim tas-swieq implementat mill-impriżi inkwistjoni, dawn madankollu jippermettu li tiġi kkorroborata l-eżistenza ta’ dan it-tqassim u li juru r-relazzjonijiet ta’ ftehim li kellhom dawn l-impriżi. Fi kwalunkwe każ, ċerti dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni jirreferu direttament għall-ksur inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-minuti ta’ E.ON dwar laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002 li minnha jirriżulta, hekk kif ġie osservat fil-punt 197 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti indikat lil E.ON li hija ma kellhiex intenzjoni, f’din id-data, li tbigħ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fin-Nofsinhar tal-Ġermanja. L-istess jgħodd għall-minuti interni ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004, imsemmija mir-rikorrenti, li minnha jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni tipparteċipa fil-PTG minħabba l-biża’ li l-gass Russu jaqa’ taħt “idejn ħżiena” u li kompetizzjoni supplimentari ma jiżviluppax tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fir-rigward tan-natura ġenerali tal-informazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li jkun faċli wisq għal impriża ħatja ta’ ksur li tevita kwalunkwe sanzjoni jekk hija tkun tista’ tislet argument mill-karattru ġenerali tal-informazzjoni mressqa b’konnessjoni mat-tħaddim ta’ ftehim illegali f’sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti suffiċjentement (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 203), bħal ma huwa l-każ inkwistjoni.

224    Ir-raba’ nett, il-fatt li l-provi minbarra l-ittri ta’ akkumpanjament li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma humiex dokumenti komuni jew skambjati bejn l-impriżi inkwistjoni, iżda dokumenti interni tal-imsemmija impriżi, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija kellha wkoll provi “mhux interni”, li jissemmew fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 199 u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kkontestatx validament ir-rilevanza. Fi kwalunkwe każ, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tinvoka, kontra impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni għal aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawk id-dispożizzjonijiet li hija mogħtija lilha mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T-54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd fir-rigward ta’ dokumenti interni għal impriża oħra inkriminata. Fil-fatt, minuti interni li nstabu waqt verifika li saret fl-uffiċċji ta’ impriża inkriminata jistgħu jintużaw bħala prova kontra impriża inkriminata oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il‑Kummissjoni, T‑3/89, Ġabra p. II‑1177, punti 31 sa 38, u tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il‑Kummissjoni, T‑59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 91). Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura nnifisha tal-prattiki inkwistjoni u tad-diffikultajiet korollarji li jikkonċernaw il-produzzjoni tal-prova, bħal dawk imfakkra fil-punt 221 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tibbaża ruħha neċessarjament fuq dokumenti skambjati jew li huma komuni għall-impriżi inkwistjoni. Għaldaqstant hija tista’ tibbaża ruħha fuq dokumenti interni għall-impriżi inkwistjoni, ġaladarba dawn jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur.

225    Fir-rigward tas-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti fil-kuntest tal-argumenti tagħha, ma jistax jinftiehem li, b’mod ġenerali, dokument intern ta’ impriża li ma ġiex imxerred fi ħdan impriża oħra, għandu minħabba dan il-fatt valur probatorju dgħajjef. Dan ma jirriżultax espliċitament minn din is-sentenza u huwa, fi kwalunkwe każ, ikkontestat mis-sentenzi Atochem vs Il‑Kummissjoni u Ventouris vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq. Għalhekk, fis-sentenza Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, ġie kkonstatat biss li l-minuti inkwistjoni f’din il-kawża kienu nota għal użu purament intern li ma ġiet imxerrda mar-rikorrenti f’din il-kawża biss fil-proċedura amministrattiva, b’tali mod li huma ma kellhomx il-possibbiltà li jiddistanzjaw lilhom infushom fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Madankollu din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni f’din is-sentenza sabiex jiġi kkunsidrat li dawn il-minuti kienu biss indikazzjoni li tippermetti li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ rieda konkordanti. B’differenza tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni pproduċiet, f’dan il-każ, numru ta’ dokumenti, kemm mingħand ir-rikorrenti kif ukoll minn E.ON, li jikkorroboraw, mingħajr ekwivoku, l-eżistenza ta’ prattiki miftiehma.

226    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti interni, bħan-noti ta’ “briefings”, ta’ natura preparatorja u li fir-rigward tagħhom xejn ma jipprova li l-kontenut ġie skambjat waqt il-laqgħat marbuta magħhom, għandu jiġi osservat li, għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’ twassal sabiex jiġi rrelativizzat il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti, hija ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvokahom bħala provi kontra sabiex tikkorrobora l-konklużjonijiet tagħha bbażati fuq dokumenti oħra. Fil-fatt, il-fatt li l-impriżi inkwistjoni kellhom l-intenzjoni jittrattaw ċerti suġġetti marbuta mat-tqassim ta’ swieq bejniethom jikkostitwixxi fih innifsu indizju li dan it-tqassim kien verament jeżisti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 231). Għaldaqstant dawn id-dokumenti ma humiex neqsin minn valur probatorju u għalhekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, huma rilevanti.

227    Il-ħames nett, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dokumenti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata jinkludu, fil-parti l-kbira, biss analiżi u evalwazzjonijiet personali u suġġettivi, li jirriżultaw minn impjegati li ftit jew wisq jokkupaw pożizzjoni għolja u li mhux dejjem huma f’pożizzjoni li jirrappreżentaw jew li jimpenjaw lill-impriża. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq tali dokumenti, iżda wkoll fuq minuti ta’ laqgħat “Tour d’horizon li kienu jlaqqgħu lill-mexxejja tal-impriżi inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti baqgħet ma pprovatx il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq tali dokumenti, fejn fakkret sempliċement “il-parti l-kbira” minnhom, mingħajr ma ċċitat preċiżament dawk li għalihom hija għandha l-intenzjoni li tirreferi. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies, permezz tal-allegazzjoni tagħha, li r-rikorrenti tirreferi għall-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, għandu jitfakkar li l-valur probatorju tagħha diġà ġiet ikkonfermata fil-punt 174 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li hija tirreferi għall-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, dwar laqgħa ta’ natura privata bejn wieħed mill-impjegati tagħha u impjegat ta’ E.ON, jirriżulta b’mod ċar minn dan li, waqt din il-laqgħa, l-impjegat tar-rikorrenti kellu l-intenzjoni jikkomunika lil dak ta’ E.ON ċerta informazzjoni li tista’ tippreżenta interess, kemm għar-rikorrenti kif ukoll għal-E.ON, dwar l-ambizzjonijiet tar-rikorrenti fil-Ġermanja. Ulterjorment, fid-dawl tan-natura ddettaljata, il-portata u l-kwalità tal-awtur tal-kwistjonijiet ittrattati f’din il-posta elettronika, dawn jidhru kollha kemm huma plawżibbli u li jirriflettu oġġettivament il-portata tal-iskambju. Fl-aħħar nett, dan id-dokument jikkorrobora b’mod ċar l-eżistenza ta’ tqassim ta’ swieq, ġaladarba minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rikorrenti dehret konvinta li kellha ġġib ruħha korrettement fl-approċċ tagħha lejn is-suq Ġermaniż u li anki jekk hija setgħet tipprova tbigħ gass fiż-żona ta’ E.ON, dan ikun qabel kollox sabiex tinforma ruħha dwar is-suq pjuttost milli sabiex twettaq attakk frontali dirett.

228    Is-sitt nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-punti li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni ma jippreżentawx rabta bejniethom għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, ir-rikorrenti tipprova ssostni li t-tema ttrattata tvarja minn dokument għal ieħor mingħajr ma tipproduċi ebda punt li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-analiżi sħiħa li wettqet il-Kummissjoni hija manifestament żbaljata. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 220 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha ta’ spiss tibbaża ruħha fuq ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji. Madankollu ma jistax jiġi rikjest li d-dokumenti li fuqhom hija tistrieħ f’dan ir-rigward jippreżentaw sistematikament rabta tematika bejniethom. Għalhekk l-importanti huwa li l-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni jkunu suffiċjentement preċiżi u konkordanti sabiex fuqhom tibbaża ruħha l-konvinzjoni msaħħa dwar l-eżistenza tal-ksur allegat. Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li l-koinċidenzi u l-indizji li fuqhom tibbaża ruħha l-istituzzjoni, ikkunsidrati flimkien, jippermettu li jiġi pprovat il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, hekk kif diġà ġie osservat, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx tibbenefika biss mill-indizji u mill-provi tal-prattiki kkonċernati, iżda wkoll mill-ftehim bil-miktub li jikkostitwixxi l-bażi tagħhom, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma pprovatx li dan kien ġie mitmum.

229    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar il-valur probatorju dgħajjef tad-dokumenti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata.

230    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorreti li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 sal-2005 ma jippermettux li tintwera rieda konkordanti bejniethom bil-għan li jaqsmu bejniethom is-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass, ibbażati fuq l-ittri ta’ akkumpanjament, għandu jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li jikkonċernaw il-laqgħat u l-iskambji mill-4 ta’ Frar 1999, l-24 ta’ Ġunju 1999, it-23 ta’ Mejju 2002, is-27 ta’ Frar 2003, id-19 ta’ Frar 2004 u s-16 ta’ Marzu 2004 ġew ikkonfutati fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv. Issa, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, dawn il-provi jippermettu, waħedhom, li juru l-eżistenza ta’ rieda konkordanti bejn l-imsemmija impriżi fil-kuntest tal-ksur inkwistjoni. Għalhekk l-imsemmija argumenti jistgħu jiġu miċħuda fuq din is-sempliċi bażi.

231    Ulterjorment, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li, hekk kif jirriżulta mill-punti 232 sa 238 iktar ’il quddiem, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessi 114 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi inkwistjoni impenjaw ruħhom sabiex ma jadottawx aġir aggressiv u saħansitra ddeploraw il-bejgħ jew il-prezzijiet ta’ xulxin, ma huwiex fondat.

232    Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tidhirx li interpretat b’mod żbaljat id-dokumenti li fuqhom hija bbażat ruħha, jiġifieri n-nota ta’ “briefing” ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tal-20 ta’ Diċembru 2001, in-nota ta’ “briefing” interna tar-rikorrenti tad-29 ta’ Awwissu 2003 dwar il-laqgħa tat-2 ta’ Settembru 2003, il-minuti ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004, il-minuti ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tas-27 ta’ Mejju 2004, u n-nota ta’ “briefing” ta’ E.ON dwar il-laqgħa tat-2 ta’ Lulju 2004. Ebda prova prodotta mir-rikorrenti effettivament ma tippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq dawn id-dokumenti.

233    Qabel kollox, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq baqa’ fis-seħħ filwaqt li kkunsidrat li dħul limitat u kkontrollat ta’ kull impriża fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra kien preferibbli għall-kompetizzjoni eżerċitata minn partijiet ġodda fis-suq u kien jikkostitwixxi mezz sabiex jintwera lill-awtoritajiet li kienet qed tiżviluppa ċerta kompetizzjoni fis-suq, ir-rikorrenti ma tistax tikkonfutaha permezz ta’ kritika tal-minuti dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma serviex lill-Kummissjoni sabiex hija tissostanzja din l-affermazzjoni, peress li hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq nota interna tar-rikorrenti tal-24 ta’ Settembru 2002, li tindika b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-imsemmija premessa, li l-operaturi Ġermaniżi kbar għandhom bżonn l-alibi fil-Ġermanja sabiex juru li s-suq huwa miftuħ u li l-impriżi inkwistjoni jistgħu jkollhom interess komuni sabiex jikkonkludu “deal” ta’ kontenut strateġiku qawwi li jippermettilhom ipartu pożizzjonijiet fl-Ewropa. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma qisitx li r-rieda tagħha li tiżviluppa ruħha fil-Ġermanja qabel kollox permezz ta’ tkabbir estern, kif jikkonfermaw il-minuti inkwistjoni, kienet marbuta mal-eżistenza ta’ akkordju ma’ E.ON. Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma ineffettivi.

234    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat. Fil-fatt, mill-minuti li jikkonċernaw il-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004 jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tipparteċipa fil-PTG b’mod partikolari minħabba l-biża’ li kompetizzjoni supplimentari tiżviluppa tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt jippreżenta rabta, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mal-ksur inkwistjoni. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-imsemmija minuti juru r-rieda tagħha li tiżviluppa fil-Ġermanja mingħajr ma taffettwa l-interessi ta’ E.ON, għandu jiġi osservat li, jekk jitqies li dan huwa l-każ, dawn il-minuti jixhdu madankollu wkoll ir-rieda tagħha li tikkontrolla l-livell tal-kompetizzjoni. Il-fatt li r-rikorrenti esprimiet id-dispjaċir tagħha lil E.ON wara l-falliment tat-tentattiv tagħha ta’ xiri ta’ sehem E.ON f’[kunfidenzjali] u tal-intenzjoni tagħha li tiżviluppa ruħha fil-Ġermanja permezz ta’ ishma esterni ma jippermettix li titqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni ddeduċiet minn dawn il-minuti, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet ipprovat tfassal kunsens ma’ E.ON fir-rigward tal-għan komuni li jikkonsisti f’li jiġi evitat li gass [kunfidenzjali] mibjugħ fil-PTG jinxtara minn kompetituri terzi tal-impriżi inkwistjoni tul il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

235    Sussegwentement, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li E.ON qagħdet tiżgura l-ħin kollu lir-rikorrenti dwar il-fatt li hija ma kellhiex l-intenzjoni li twettaq kompetizzjoni aggressiva fis-suq Franċiż, għandu jiġi osservat, fir-rigward tan-nota ta’ “briefing” ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tal-20 ta’ Diċembru 2001 u tal-minuti ta’ E.ON dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tas-27 ta’ Mejju 2004 li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, li l-imsemmija affermazzjoni ma kinitx tidher żbaljata. Fil-fatt, fir-rigward tan-nota ta’ “briefing”, il-fatt li dan id-dokument ma huwiex ikkonfermat bi skambju ta’ korrispondenza bejn l-impriżi inkwistjoni jew b’dokument intern għar-rikorrenti huwa mingħajr effett, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 224 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, anki jekk xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li E.ON effettivament indikat lir-rikorrenti li r-rwol tal-uffiċċju tal-bejgħ li hija kienet għadha kemm fetħet f’Pariġi kien li juri l-preżenza tiegħu u mhux li jidħol b’mod aggressiv fis-suq, xorta jibqa’ l-fatt li din in-nota preparatorja turi b’mod ċar li E.ON kellha l-intenzjoni li tiżgura lir-rikorrenti dwar l-istrateġija kummerċjali tagħha fi Franza. Għaldaqstant din in-nota tikkostitwixxi indizju rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kollużjoni bejn l-impriżi inkwistjoni. Fir-rigward tal-minuti ta’ E.ON dwar il-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-informazzjoni dwar il-fatt li E.ON informatha li l-limitu tal-punent tal-intervent tagħha fl-Ewropa kontinentali kienet il-fruntiera tal-punent tal-Ġermanja u li hija ma kellhiex interess speċifiku b’mod partikolari għal Franza, kienet tirrifletti l-istrateġija kummerċjali ta’ E.ON fl-Ewropa. Hija però tikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni kienet suġġetta għal ftehim minn qabel min-naħa tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma allegatx li dan kien il-każ. Hija limitat ruħha ssostni li E.ON ma waqfitx tiżgura r-rikorrenti dwar il-fatt li hija ma kellhiex l-intenzjoni li twettaq kompetizzjoni aggressiva fis-suq Franċiż. Il-fatt, imfakkar mir-rikorrenti, li E.ON għamlet pubblika tali informazzjoni, jekk jitqies li ġie stabbilit, ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti dwar dawn id-dokumenti għandhom jiġu miċħuda.

236    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi inkwistjoni jiddeploraw il-bejgħ magħmul fis-swieq nazzjonali rispettivi ta’ xulxin, din ma tidhirx żbaljata fir-rigward tan-nota ta’ “briefing” interna tar-rikorrenti tad-29 ta’ Awwissu 2003 dwar il-laqgħa tat-2 ta’ Settembru 2003, tal-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 u tan-nota ta’ “briefing” ta’ E.ON dwar il-laqgħa tat-2 ta’ Lulju 2004, li fuqhom hija tistrieħ.

237    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tan-nota ta’ “briefing” tad-29 ta’ Awwissu 2003, l-argument tar-rikorrenti li dan id-dokument jinkludi deċiżjonijiet li jirriflettu biss l-opinjoni personali u suġġettiva tal-awturi tiegħu għandu jiġi miċħud ġaladarba minnu jirriżulta li ssir analiżi kkomporata tal-attivitajiet tal-impriżi b’mod oġġettiv. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li xejn ma juri li l-punti msemmija f’din in-nota ta’ “briefing” ġew effettivament iddibattuti jew esposti, għandu jiġi osservat li, f’din in-nota ta’ “briefing” huma esposti, fi kwalunkwe każ, il-punti li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tissottometti waqt din il-laqgħa. Sussegwentement, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din in-nota tikkostitwixxi indizju dwar l-eżistenza tal-akkordju, ġaladarba minnha joħroġ li l-azzjoni kummerċjali fil-Ġermanja tar-rikorrenti tidħol f’qafas strettament ikkontrollat u raġonevoli ta’ kumpens f’pajjiżi oħra Ewropej ta’ ishma mis-suq mitlufa fi Franza. Barra minn hekk minn dan jirriżulta li E.ON inizjalment tadotta mudell ta’ kompetizzjoni frontali fis-suq Franċiż filwaqt li r-rikorrenti tidħol, bil-kontra, fl-ispirtu ta’ sħubija, fil-perspettiva ta’ kompetizzjoni raġunata fiż-żewġt iswieq. Ġie speċifikat, f’dan ir-rigward, li huwa essenzjali li d-diskussjoni ma’ E.ON tkun diretta lejn il-prezzijiet ta’ suq. B’hekk, in-nota ta’ “briefing” ikkonċernata ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet tiddeplora n-natura antikompetittiva tal-offerti ta’ E.ON fi Franza u kellha l-intenzjoni tadotta attitudni ta’ kompetizzjoni raġunata u tiftiehem ma’ din l-impriża mill-perspettiva tal-prezzijiet tas-suq, liema fatt ma jikkostitwixxix aġir antikompetittiv, minkejja l-offerti li r-rikorrenti setgħet għamlet fil-Ġermanja u l-kuntest diffiċli li miegħu setgħet iltaqgħet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġustament qieset, billi bbażat ruħha fuq in-nota ta’ “briefing” inkwistjoni, li r-rikorrenti kkuntrastat l-offerta ta’ E.ON dwar il-provvista lil klijent mingħajr ma użat bis-sħiħ il-marġni ta’ manuvrar tagħha. Fil-fatt, minn dan id-dokument jirriżulta li, fir-rigward ta’ din l-offerta, ir-rikorrenti ma ħlietx il-marġni ta’ manuvrar mogħtija lilha mill-qafas kummerċjali tagħha, fejn barra minn hekk dan il-marġni ta’ manuvrar kien intuża meta hija kellha tiffaċċja l-kompetizzjoni ta’[kunfidenzjali], per eżempju. Il-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li, minħabba strateġija leġittima, [kunfidenzjali] ma jistax jispjega l-adozzjoni ta’ aġir differenti skont il-kompetitur li għandha tiffaċċja.

238    Minn naħa, fir-rigward tal-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 u n-nota li tikkonċerna dik tat-2 ta’ Lulju 2004, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni hija żbaljata. Fil-fatt, mill-imsemmija minuti jirriżulta li r-rikorrenti baqgħet tiġi pperċepita bħala li għandha aġir kummerċjali aggressiv u perikoluż fis-suq Ġermaniż. Barra minn hekk mill-imsemmija nota jirriżulta li, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet bejn E.ON u r-rikorrenti, il-pożizzjoni ta’ E.ON kienet li, minħabba offerti aggressivi wisq, il-valur tal-gass fis-suq Ġermaniż kien distrutt, filwaqt li l-pożizzjoni tar-rikorrenti kienet li ssostni li hija kellha ċċedi għall-pressjoni tal-Kummissjoni li kienet tesprimi x-xewqa tagħha għal kompetizzjoni transkonfinali u li, għaliha, is-suq Ġermaniż, kemm minħabba d-daqs tiegħu kif ukoll minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, kien ta’ importanza kbira. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti sabiex tikkunsidra li l-impriżi inkwistjoni kienu jiddeploraw il-bejgħ magħmul fis-swieq nazzjonali rispettivi ta’ xulxin. Barra minn hekk, anki jekk juru l-eżistenza ta’ ċerta forma ta’ kompetizzjoni, dawn id-dokumenti juru wkoll il-fatt li dawn l-impriżi kienu jiskambjaw informazzjoni dwar l-istrateġija kummerċjali rispettiva tagħhom. Dawn jikkostitwixxu wkoll indizji tal-eżistenza ta’ ftehim ta’ tqassim (jew ta’ penetrazzjoni miftiehma) tas-swieq nazzjonali, ġaladarba minn dan jirriżulta li, minħabba l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-Ġermanja, l-attivitajiet ta’ bejgħ ta’ E.ON fi Franza żdiedu, fejn tali penetrazzjoni simmetrika hija possibbli biss fil-preżenza ta’ tali ftehim. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem tagħhom, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni setgħet tuża dawn id-dokumenti sabiex tikkonstata l-ksur inkwistjoni.

239    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tagħha li atti tal-proċess, li ġew injorati jew interpretati b’mod żbaljat, juru n-nuqqas ta’ prattika miftiehma, ir-rikorrenti ssostni li dawn l-atti juru l-awtonomija tal-istrateġija tal-impriżi inkwistjoni fil-Ġermanja u fi Franza, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni frontali bejniethom fis-suq domestiku rispettiv u r-rieda tar-rikorrenti li tiffinalizza malajr kemm jista’ jkun ir-ristrutturar tal-Ftehim MEGAL sabiex issir trasportatur bis-sħiħ fil-Ġermanja. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ prattika miftiehma ta’ tqassim ta’ swieq li tirriżulta mil-laqgħat u skambji li saru bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005, b’riżerva għall-kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw is-suq Franċiż matul il-perijodu ta’ wara Awwissu 2004, li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tar-raba’ motiv, hija pprovata mill-Kummissjoni suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, b’mod partikolari permezz tad-dokumenti relatati mal-laqgħat u skambji tal-4 ta’ Frar 1999, l-24 ta’ Ġunju 1999, it-23 ta’ Mejju 2002, is-27 ta’ Frar 2003, id-19 ta’ Frar 2004 u s-16 ta’ Marzu 2004. Sussegwentement, b’eċċezzjoni għall-minuti interni tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2004 jew tal-pjan ta’ tmexxija Ġermaniża ta’ GDF Deutschland tat-30 ta’ April 2004, ir-rikorrenti tirreferi, sabiex tissostanzja l-argument tagħha, għall-punti prodotti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, fir-rikors, ma tesponi ebda argumenti li jikkonċernaw speċifikament dawn id-dokumenti. Għandu jingħad ukoll li, minbarra fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, tali riferiment għal dokumenti annessi mar-rikors ma jistax jiġi aċċettat, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 175 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-minuti interni tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2004, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li dan jikkonċerna biss għaxar kuntratti ta’ provvista li, mill-bqija, jikkonċernaw klijenti li jinsabu esklużivament fil-Majjistral tal-Ġermanja (u għaldaqstant barra miż-żona ta’ provvista tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL), u li jindika li l-approċċ tal-partijiet l-oħra tat-territorju huwa magħmul diffiċli mill-ispejjeż għoljin tal-ATN jew mill-impossibbiltà attwali ta’ forniment mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Barra minn hekk, filwaqt li ma jipprovax l-eżistenza ta’ kompetizzjoni frontali bejn l-impriżi inkwistjoni bħal ma ssostni r-rikorrenti, dan id-dokument jikkonferma n-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejniethom fiż-żona ta’ provvista tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kif ukoll l-impossibbiltà ta’ forniment minnha għar-rikorrenti. Ir-raġuni għal din l-impossibbiltà ma hijiex indikata, iżda jista’ jiġi dedott mill-minuti inkwistjoni li hija distinta mid-diffikultajiet marbuta mal-ATN, li wkoll jissemmew. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-pjan ta’ tmexxija għall-Ġermanja ta’ GDF Deutschland tat-30 ta’ April 2004, hija tindika li l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda żdiedet kompletament b’iktar ħeffa mit-tieni parti tas-sena 2003 u li dan huwa r-riżultat ta’ preżenza ta’ iktar minn sentejn fiż-żona, [kunfidenzjali]. Minn dan jirriżulta wkoll li kull preżenza tar-rikorrenti fis-suq Ġermaniż tqiegħedha f’sitwazzjoni ta’ konfrontazzjoni mal-operaturi l-kbar. Madankollu, dan id-dokument ma jindikax jekk il-kuntratti inkwistjoni jikkonċernawx iż-żona ta’ provvista tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Bil-kontra huwa jikkonferma li r-rikorrenti kkonċentrat l-offerti tagħha fil-Majjistral tal-Ġermanja, [kunfidenzjali]. Għaldaqstant dawn id-dokumenti ma jippermettux li jitqiegħed inkwistjoni l-argument tal-Kummissjoni.

240    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-laqgħat ikkonċernati kienu ġġustifikati minħabba r-rabtiet strutturali u kummerċjali li jgħaqqdu lill-impriżi inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-leġittimità ta’ tali rabtiet ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li huma ma jistgħux jiġġustifikaw laqgħat li jagħtu wkoll lok għal prattika miftiehma pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE. Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 50, 63 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk numru kbir ta’ dawn il-laqgħat kien intiż sabiex jiġu ttrattati temi ta diskussjoni leġittimi, l-impriżi inkwistjoni ta’ spiss użaw dawn il-kuntatti sabiex jiddibattu l-implementazzjoni ta’ ftehim ta’ tqssim tas-swieq. Peress li ebda punt mill-proċess ma jqiegħed inkwistjoni din il-kunsiderazzjoni, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

241    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti b’mod żbaljat issostni li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 sal‑2005 ma jippermettux li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ prattika ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva bejniethom, b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament.

242    Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment

243    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi billi kkunsidrat li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 sal-2005 kienu jippermettu li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ prattika ta’ skambju ta’ informazzjoni sinjifikattiva bejn l-impriżi inkwistjoni, kemm b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament kif ukoll indipendentement minnhom.

244    Preliminarjament, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tirreferi għal prattika miftiehma indipendenti mill-ittri ta’ akkumpanjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tagħha huwa ineffettiv. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx espliċitament li l-kuntatti bejn l-1999 u l-2005 kienu jikkostitwixxu ksur indipendenti mill-imsemmija ittri. Bil-kontra, mid-deċiżjoni kkontestata, moqri globalment, jirriżulta li din kienet tifhem il-prattiki miftiehma inkwistjoni bħala marbuta mal-implementazzjoni tal-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq li jirriżulta mill-Ftehim MEGAL u mill-ittri ta’ akkumpanjament.

245    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment ma humiex fondati, kemm jekk dawn jirreferu għal prattika miftiehma b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament kif ukoll indipendentement minnhom.

246    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 161 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-impriżi inkwistjoni ma skambjawx informazzjoni kummerċjali ddettaljata dwar il-bejgħ, il-prezzijiet, l-ispejjeż, il-marġni jew il-klijenti u li tali tqassim ta’ informazzjoni ma kienx neċessarju f’dan il-każ sabiex wieħed jasal għal pożizzjoni komuni intiża li ma jintużax gass trażmess fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex ikun hemm kompetizzjoni fis-suq nazzjonali tal-parti l-oħra u, b’mod iktar ġenerali, sabiex tiġi eżerċitata kompetizzjoni iktar “raġonevoli”. Fil-premessa 186 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li l-impriżi inkwistjoni skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva, jiġifieri li tikkonċerna l-prezzijiet u l-istrateġiji, eżaminaw u ftiehmu minn qabel dwar l-istrateġiji futuri reċiproċi tagħhom b’mod regolari u aġixxew skont l-aspettattivi tal-parti l-oħra. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dawn iż-żewġ affermazzjonijiet ma humiex kontradittorji. Fil-fatt, il-fatt li l-impriżi inkwistjoni ma skambjawx “data kummerċjali ddettaljata” ma jipprekludix il-fatt li huma skambjaw “informazzjoni kummerċjalment sensittiva”. Fil-fatt, l-impriżi inkwistjoni setgħu jiskambjaw data li, mingħajr ma kienet fid-dettall, setgħet tkun ta’ natura ġenerali u madankollu importanti għad-determinazzjoni tal-istrateġiji kummerċjali tagħhom.

247    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, li tqassim ta’ informazzjoni ddettaljata ma kinitx neċessarja, peress li kull fornitur storiku kien igawdi minn pożizzjoni ta’ kważi-monopolju fis-suq nazzjonali tradizzjonali tiegħu u li kien sempliċement meħtieġ li l-parti l-oħra tiġi informata li ma kien hemm ebda intenzjoni lejn dħul (attiv) fis-suq nazzjonali ta’ din il-parti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 213 iktar ’il fuq, dwar suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna, l-iskambju ta’ informazzjoni huwa ta’ natura li jippermetti lill-impriżi li jsiru jafu l-pożizzjonijiet fis-suq kif ukoll l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom u, b’hekk, ibiddlu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ekonomiċi. Din il-ġurisprudenza ma tirrikjedix li l-informazzjoni inkwistjoni tikkonċerna informazzjoni ddettaljata. B’hekk, fil-kuntest ta’ suq oligopolistiku, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, l-iskambju ta’ informazzjoni, anki ta’ natura ġenerali, li jikkonċerna b’mod partikolari l-istrateġija kummerċjali ta’ impriża, huwa f’pożizzjoni li jippreġudika l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrenti ssostni li, fil-prattika, dan ix-xenarju huwa rari ħafna, hija tirrikonoxxi, fir-replika, li l-ġurisprudenza ma teskludix, bħala prinċipju, li skambju ta’ informazzjoni “ta’ natura ġenerali” jkun kritikabbli meta jkun intiż li jtaffi l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni u, sussegwentement, li joħloq restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi. Għandu jingħad ukoll li l-ġurisprudenza tammetti li, kemm-il darba l-impriża li pparteċipat fil-prattika miftiehma tkun għadha attiva fis-suq inkwistjoni, il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir ta’ din l-impriża fis-suq hija applikabbli anki jekk il-prattika miftiehma tkun ibbażata biss fuq laqgħa waħda bejn l-impriżi kkonċernati (sentenza T‑Mobile et, punt 213 iktar ’il fuq, punt 62). Issa, f’dan il-każ, il-ftehim huwa bbażat fuq bosta laqgħat.

248    Iċ-ċirkustanza, imsemmija mir-rikorrenti, li l-impriżi inkwistjoni ppenetraw, b’mod limitat, is-swieq rispettivi ta’ xulxin, ma tippermettix li jitqiegħed inkwistjoni l-fatt li tqassim ta’ informazzjoni ddettaljata ma kienx neċessarju, ġaladarba l-kompetizzjoni kienet, fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li tiġi affettwata mill-iskambju ta’ informazzjoni, fejn l-inċertezza li suppost teżisti bejn impriżi kompetituri tneħħiet permezz tal-ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li l-analiżi tal-Kummissjoni tnaqqas l-istandard ta’ prova meħtieġ sabiex tikkonstata ksur.

249    Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-impriżi inkwistjoni ma skambjaw ebda informazzjoni kunfidenzjali u strateġika bejniethom fis-sens tal-ġurisprudenza ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza, imsemmija mir-rikorrenti, li l-impriżi inkwistjoni ma skambjawx informazzjoni bejniethom dwar l-ispejjeż, il-prezzijiet, il-volumi mibjugħa jew il-klijenti, ma hijiex rilevanti, ġaladarba huwa biżżejjed, fil-kuntest ta’ suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna bħal dak tal-gass, li kien hemm skambju ta’ informazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 213 iktar ’il fuq. Issa, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dokumenti ċċitati fil-premessi 84, 87, 120, 121, jew 180 tad-deċiżjoni kkontestata, seħħew numru ta’ kuntatti li matulhom ġiet skambjata informazzjoni dwar l-istrateġiji rispettivi tal-impriżi inkwistjoni fis-swieq nazzjonali rispettivi ta’ xulxin.

250    Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li d-diskussjonijiet li seħħew bejn l-impriżi inkwistjoni ma jikkostitwixxux “dikjarazzjonijiet vagi ta’ intenzjonijiet”. Pereżempju, mill-minuti tas-27 ta’ Mejju 2002, dwar laqgħa tat-23 ta’ Mejju 2002, jirriżulta li, waqt laqgħa ma’ E.ON, ir-rikorrenti żgurat li f’dak iż-żmien ma kellhiex l-intenzjoni li tbigħ gass fil-Ġermanja. Bl-istess mod, mill-minuti tal-laqgħa tas-27 ta’ Mejju 2004 jirriżulta li l-limitu mal-punent tal-intervent ta’ E.ON fl-Ewropa tal-oċċident kien il-fruntiera tal-punent tal-Ġermanja kif ukoll li E.ON ma kellhiex interess b’mod partikolari għal Franza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tindikax, fir-rikors, għal liema diskussjoni qed tirreferi u tagħmel riferiment għar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

251    Fir-raba’ lok, għandu jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu hija tikkontesta r-rilevanza tad-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

252    Minn naħa, fir-rigward tal-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, għandu jitfakkar li, f’dan id-dokument, huwa indikat li, anki jekk ir-rikorrenti setgħet tipprova tbigħ gass fiż-żona ta’ E.ON, dan huwa pjuttost sabiex tinforma ruħha dwar is-suq pjuttost milli sabiex twettaq attakk frontali dirett. Barra minn hekk, l-oġġezzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li dan id-dokument jikkonċerna opinjonijiet personali u suġġettivi ġiet ikkonfutata fil-punt 227 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hija ma kinitx taf dwar din il-laqgħa ta’ natura privata, għandu jiġi miċħud, ġaladarba mill-imsemmija posta elettronika jirriżulta li r-rappreżentant tagħha talab sabiex jiltaqa’ ma’ dak ta’ E.ON fil-kuntest tat-tħejjija ta’ laqgħa ulterjuri bejn l-impriżi inkwistjoni u ried jittrażmetti ċerta informazzjoni li tista’ tippreżenta interess kemm għaliha kif ukoll għal E.ON. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li indikat ir-rikorrenti, ebda punt mill-proċess ma jippermetti li jiġi pprovat attakk frontali dirett min-naħa tagħha fis-suq Ġermaniż, ġaladarba hija kkuntentat ruħha, essenzjalment, li tbigħ, matul il-perijodu kontenzjuż, il-kwantitajiet ta’ gass mixtrija fil-kuntest tal-PTG.

253    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, jirriżulta li, waqt laqgħa ma’ impjegat ta’ E.ON, impjegat tar-rikorrenti indikalu li din tal-aħħar kienet tqis il-prezzijiet mitluba minn E.ON lil ċerti klijenti bħala baxxi wisq. Minnha jirriżulta wkoll li l-impjegati tal-impriżi inkwistjoni pproċedew għal skambju ta’ informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ ċerti klijenti fir-rigward tal-prezzijiet mitluba lil dawn tal-aħħar. Barra minn hekk jirriżulta wkoll li r-rappreżentant tar-rikorrenti indika lir-rappreżentant ta’ E.ON li, fiż-żona tal-Lvant ta’ Franza, ir-rikorrenti ma riditx tbiddel il-livell tal-prezzijiet tagħha għall-klijenti “medji/żgħar”, filwaqt li għall-klijenti iktar importanti seta’ jsir tnaqqis. Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti din l-informazzjoni setgħet tippreżenta interess għal E.ON li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, bdiet tbigħ gass fi Franza fl-2003. Barra minn hekk, anki jekk ma hijiex iddettaljata ħafna, tali informazzjoni ppermettiet lil E.ON issir taf l-istrateġija ġenerali ta’ prezzijiet li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li timplementa fil-kuntest tal-wasla ta’ kompetituri fit-territorju tagħha fir-rigward ta’ tipi differenti ta’ klijenti. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li [kunfidenzjali], hija ma tistax tiġġustifika l-iskambju ta’ informazzjoni li għaliha tirreferi l-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, li, fi kwalunkwe każ, naqset il-livell ta’ inċertezza li normalment għandha teżisti bejn kompetituri. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata natura suġġettiva tat-traskrizzjoni mill-ġdid li saret, l-argumenti relatati magħha ġiet ikkonfutata fil-punti 174 u 227 iktar ’il fuq.

254    Għaldaqstant, il-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003 u tas-16 ta’ Marzu 2004 tikkostitwixxi prova ta’ skambju ta’ informazzjoni strateġika.

255    Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti fir-replika, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu “telenka” l-informazzjoni strateġika ta’ natura ġenerali li ġiet skambjata, ġaladarba mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li tali informazzjoni effettivament ġiet skambjata. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-iskambju bejn l-impriżi inkwistjoni seħħ fil-kuntest tan-negozjar ta’ Ftehim MEGAL ġdid, din ma tistax tiġġustifika skambju ta’ informazzjoni li tista’ taffettwa l-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari dik imsemmija fil-minuti tas-27 ta’ Mejju 2002 jew fil-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, tmur lil hinn minn informazzjoni marbuta man-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim MEGAL.

256    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li tippermetti li tnaqqas l-inċertezza tal-impriżi inkwistjoni abbażi tas-suq Ġermaniż u Franċiż tal-gass u l-aġir rispettiv futur tagħhom f’dawn is-swieq u, konsegwentement, li tbiddel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni bejniethom.

257    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 sal-2005 ma jippermettux li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ prassi ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva bejniethom, kemm jekk flimkien kif ukoll indipendentement mill-ittri ta’ akkumpanjament, għandhom tiġi miċħuda.

258    Għaldaqstant it-tieni lment għandu wkoll jiġi miċħud, kif ukoll, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

c)     Fuq ir-raba’ parti

259    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi ksur tal-Artikolu 81 KE inkwantu tikklassifika l-prattiki kkonċernati bħala ftehim u/jew prattika miftiehma mingħajr ma eżaminat il-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva intiża sabiex turi l-awtonomija tal-aġir tar-rikorrenti fil-Ġermanja u ta’ E.ON fi Franza. B’mod partikolari, fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-argumenti ekonomiċi li jippermettu li titqiegħed inkwistjoni l-eżistenza nnifisha tal-ksur inkwistjoni.

260    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ serje ta’ argumenti fejn l-ewwel serje tikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi li juru l-awtonomija tal-aġir taż-żewġ impriżi inkwistjoni fis-swieq rispettivi ta’ xulxin u t-tieni serje tikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ekonomiċi.

261    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-provi dwar l-awtonomija tal-aġir tal-impriżi inkwistjoni li ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati.

262    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-awtonomija tal-aġir tagħha, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-provi li hija tipproduċi huma ġenerali u ma jippermettux li jiġi pprovat aġir awtonomu li jikkonċerna speċifikament gass ittrasportat mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, fejn il-ksur ikkonstatat f’dan il-każ huwa limitat għal dan is-settur hekk kif jirriżulta mill-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata.

263    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata [kunfidenzjali], ir-rikorrenti b’mod żbaljat tallega li wettqet [kunfidenzjali], ġaladarba dokumenti, bħall-posta elettronika tas-27 ta’ Frar 2003, turi li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tagħmel dan. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ [kunfidenzjali] hija kkontestata minn nota interna tar-rikorrenti ta’ April 2005, redatta wara lmenti ta’ E.ON [kunfidenzjali]. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li hija wettqet [kunfidenzjali], xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-provi prodotti mill-Kummissjoni, hija pparteċipat f’numru ta’ skambji ma’ E.ON, fejn l-impriżi inkwistjoni esprimew id-dispjaċir tagħhom dwar [kunfidenzjali] fil-konfront ta’ xulxin waqt id-diversi laqgħat tagħhom u pprovaw jirrassiguraw lil xulxin f’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 164 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegati [kunfidenzjali] miksuba mir-rikorrenti, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li mill-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-bejgħ tar-rikorrenti mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL beda biss f’Ottubru 2004 u li l-volum tiegħu kien essenzjalment paragunabbli mal-volumi akkwistati fil-kuntest tal-PTG mill-inqas sa Ottubru 2005.

264    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-[kunfidenzjali], l-argument tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li [kunfidenzjali], ma humiex f’pożizzjoni li juru l-awtonomija tal-aġir tagħha u li jitqiegħdu inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li juru l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jagħtu spjegazzjoni differenti għall-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li jissostitwixxu spjegazzjoni oħra plawżibbli tal-fatti għal dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji hija rilevanti biss meta l-Kummissjoni tistrieħ biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni, ġaladarba l-Kummissjoni tistrieħ fuq bosta provi dokumentali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni, hekk kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, li tipprova li huma kienu neqsin minn saħħa probatorja. Fi kwalunkwe każ, speċifikament fir-rigward tal-ostakoli għad-dħul [kunfidenzjali], dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex, fihom infushom, f’pożizzjoni li jeskludu l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni.

265    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-awtonomija tal-aġir ta’ E.ON fi Franza, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-argument ibbażat fuq il-fatt li E.ON għamlet l-għażla li tiddefendi s-suq nazzjonali tagħha u li tiżviluppa ruħha biss marġinalment f’pajjiżi Ewropej oħra u fuq il-fatt li E.ON qatt ma kkunsidrat is-suq Franċiż bħala suq prijoritarju, ma hijiex f’pożizzjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, li tqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li, minkejja l-interess żgħir tagħha għas-suq Franċiż, E.ON kellha aġir aggressiv fi Franza, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mil-punt 198 iktar ’il fuq, il-bejgħ ta’ E.ON fi Franza ma jistax juri li hija ma kintix tqis lilha nnifisha vvinkolata mill-ittri ta’ akkumpanjament.

266    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti ekonomiċi li ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, dawn tal-aħħar huma bbażati, prinċipalment, fuq l-għan restrittiv ta’ rieda konkordanti u tal-prattiki miftiehma ssanzjonati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija stabbilixxiet numru ta’ provi dokumentali li jistabbilixxu, fl-opinjoni tagħha, kemm l-eżistenza ta’ dan il-ftehim u ta’ dawn il-prattiki miftiehma kif ukoll l-għan restrittiv tagħhom. Issa, fir-rigward tal-każ speċifiku ta’ ftehim li, bħal f’dan il-każ, jikkomporta r-rispett lejn is-swieq domestiċi, mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li fihom infushom huma għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ftehim espressament ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE u, min-naħa l-oħra, li dan l-għan, li ġie stabbilit b’mod inkontestabbli bi provi dokumentali, ma jistax ikun iġġustifikat permezz ta’ analiżi tal-kuntest ekonomiku li fih jidħol l-aġir antikompetittiv inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 184, u l-ġurisprudenza ċċitata).

267    Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni u t-tielet partijiet ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tqiegħed inkwistjoni l-provi dokumentali li ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-ftehim u tal-prattiki miftiehma inkwistjoni kif ukoll l-għan antikompetittiv tagħhom, għal kull perijodu kkonċernat minn dan il-motiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata talli wettqet evalwazzjoni ekonomika globali u fid-dettall tas-settur u tal-aġir tal-impriża inkwistjoni. Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, punt 207 iktar ’il fuq, dan ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, ġaladarba bil-kontra tal-fatti li taw lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, f’dan il-każ, fuq numru ta’ dokumenti dwar il-perijodu kkonċernat minn dan il-motiv, b’riżerva għall-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fl-aħħar parti tar-raba’ motiv.

268    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tilmenta wkoll lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx il-provi li juru l-awtonomija tal-aġir tagħha fil-Ġermanja u dik ta’ E.ON fi Franza, jeħtieġ sempliċement li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punti 259 sa 267 iktar ’il fuq, li jikkonfutaw l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-awtonomija tal-impriżi inkwistjoni.

269    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

d)     Fuq l-ewwel parti

270    Ir-rikorrenti tenfasizza li, fin-nuqqas ta’ ksur uniku u kontinwu għall-perijodu kollu mill-1980 sal-2005, l-ittri ta’ akkumpanjament kienu, fi kwalunkwe każ, preskritti, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

271    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni hija suġġetta, bħala prinċipju, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha twettaq il-ksur jew mill-ġurnata li fiha l-ksur intemm, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut. Skont l-Artikolu 25(3) u (4), il-preskrizzjoni hija interrotta permezz ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għat-tressieq ta’ proċeduri fir-rigward ta’ ksur, fejn l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effett mid-data li fiha l-azzjoni ġiet innotifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur u tapplika għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 25(5) jirriżulta li l-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri wara kull interruzzjoni, madankollu din tiskadi l-iktar tard fil-ġurnata li fiha terminu li jkun ugwali għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni jkun skada, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew sanzjoni; fejn dan il-perijodu jiġi mtawwal bil-perijodu li matulu l-preskrizzjoni tkun sospiża.

272    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur ma tikkostitwixxix sanzjoni taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 u għaldaqstant ma hijiex koperta mill-preskrizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 61). Fil-fatt, il-Kap VI tar-Regolament 1/2003, li jittratta s-sanzjonijiet, ikopri biss il-multi u l-penalitajiet perijodiċi u ebda dispożizzjoni minn dan ir-regolament ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 tiegħu, li permezz tagħhom hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE, jaqgħu taħt is-sanzjonijiet imsemmija fl-imsemmi kapitolu. B’hekk, il-preskrizzjoni tas-setgħa li jiġu imposti multi u penalitajiet perijodiċi timplika neċessarjament il-preskrizzjoni tas-setgħa impliċita li jiġi kkonstatat il-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

273    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tiġġustifika interess leġittimu sabiex tikkonstata ksur ikkostitwit mill-ittri ta’ akkumpanjament li kien preskritt, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, il-preskrizzjoni tal-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet ma timplikax dik li jiġi kkonstatat ksur. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza msemmija mir-rikorrenti, huwa biss meta hija jkollha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur li waqaf iseħħ min-naħa tal-impriża kkonċernata, li l-Kummissjoni għandha tiġġustifika interess leġittimu li tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 37). Issa, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-argument tar-rikorrenti jibbaża ruħu fuq allegata preskrizzjoni tal-ksur — jew saħansitra, hekk kif hija tallega fir-replika, fuq is-sempliċi data tal-bidu tal-ksur — u mhux fuq il-fatt li l-ksur twettaq fl-imgħoddi.

274    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv inkwantu jikkonċerna l-preskrizzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament jew tal-ksur.

275    Sa fejn l-argument tar-rikorrenti jikkonċerna n-nuqqas ta’ ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi kkonstatat li dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew saħansitra minn aġir kontinwat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 81). Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jiġu separati b’intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ tali akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 98).

276    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim u l-prattiki miftiehma kienu jidħlu fil-kuntest ta’ pjan globali li kien jiddetermina l-linji ta’ azzjoni tal-impriżi inkwistjoni fis-suq u kien jillimita l-aġir kummerċjali rispettiv tagħhom sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv identiku u għan ekonomiku wieħed, jiġifieri li kull kompetizzjoni bejniethom tiġi limitata fir-rigward tal-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Essenzjalment, hija kkonkludiet, fil-premessa 211 tal-istess deċiżjoni, li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”.

277    Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punti 142 u 143 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma kienet f’pożizzjoni la li tqiegħed inkwistjoni l-eżistenza tal-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq inkwistjoni f’dan il-każ qabel l-2000, u lanqas li turi t-terminazzjoni tal-imsemmi ftehim, anki jekk ġie kkonstatat li d-data tal-bidu tan-natura tiegħu li jikkostitwixxi ksur ikkunsidrata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Ġermanja, hija żbaljata.

278    Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ rieda konkordanti tal-impriżi inkwistjoni li japplikaw l-ittri ta’ akkumpanjament wara l-2000. Bl-istess mod, ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jsostnu li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni bejn l-1999 u l-2005 ma kinux jippermettu li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma ta’ tqassim ta’ swieq b’rabta mal-ittri ta’ akkumpanjament u ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn kompetituri ma ġie milqugħ.

279    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta qieset li l-aġir inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, anki jekk it-tul tal-imsemmi ksur huwa żbaljat sa fejn jikkonċerna s-suq Ġermaniż.

280    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-liberalizzazzjoni jagħti lok għal “tqassim maġġuri” li jqiegħed inkwistjoni l-għan komuni msemmi sa mill-1975, għandu jiġi osservat li hija ma pprovatx li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni ma kienx kollu kemm hu jsegwi l-istess għan, jiġifieri li jipprekludi — jew l-iktar jillimita — kull kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti tagħhom billi jaċċettaw li ma jippenetrawx fis-suq nazzjonali tradizzjonali rispettivi tagħhom għall-provvista ta’ gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, bħal ma osservat il-Kummissjoni fil-premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, il-provi prodotti mill-Kummissjoni juru li, anki wara d-data ffissata mill-ewwel direttiva dwar il-gass għat-traspożizzjoni tagħha, dawn l-impriżi għamlu riferiment għall-ittri ta’ akkumpanjament u għall-fatt li huma kienu jqisu li dawn l-ittri kienu vinkolanti.

281    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet parti għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti għamlet riferiment għall-annessi tar-rikors.

282    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas manifest ta’ elementi probatorji fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma intiżi sabiex jirrestrinġu l-użu fi Franza minn E.ON tal-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL

283    Dan il-motiv, imqajjem sussidjarjament u li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li ebda ksur tal-Artikolu 81 KE ma seta’ jiġi identifikat fir-rigward tas-suq Franċiż, huwa maqsum fi tliet partijiet, fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ ksur fis-suq Franċiż li jirriżulta mill-ittra Direktion G, it-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni li jikkonċernaw Franza u, it-tielet parti, invokata sussidjarjament, hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba l-eċċezzjoni relatata mal-azzjoni tal-Istat fi Franza qabel Jannar 2003.

a)     Fuq l-ewwel parti

284    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tallega li ebda ksur tal-Artikolu 81 KE ma seta’ jiġi indentifikat fir-rigward tas-suq Franċiż abbażi tal-ittra Direktion G. F’dan ir-rigward, hija tressaq, essenzjalment, tliet ilmenti fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna nuqqas ta’ ċarezza ta’ din l-ittra u l-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, it-tieni wieħed jikkonċerna żball manifest ta’ interpretazzjoni tal-imsemmija ittra u, it-tielet wieħed jikkonċerna nuqqas ta’ elementi probatorji prodotti mill-Kummissjoni insostenn ta’ l-interpretazzjoni tagħha ta’ din l-ittra.

285    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra Direktion G u dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hija tinvoka kontradizzjoni bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-restrizzjoni imposti minn din l-ittra.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 50 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li, “sa d-dħul fis-seħħ tal-ewwel direttiva […] dwar il-gass fl-2000, [l-]ittri [ta’ akkumpanjament] ma kienu jimponu ebda limitu espliċitu lil [E.ON] ġaladarba [r-rikorrenti] kellha l-monopolju tal-importazzjoni fi Franza”. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, minnha jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-ittra Direktion G kienet tinkludi restrizzjonijiet għal E.ON. B’hekk, fil-premessa 222, il-Kummissjoni qieset li din l-ittra “kellha bħala għan li tipprekludi lil E.ON […] milli tforni lill-klijenti Franċiżi b’gass trażmess permezz [tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass] MEGAL, liema fatt jikkostitwixxi, għal [E.ON] il-mezz ta’ aċċess prinċipali sabiex timporta gass, li għaddi mill-Ġermanja, fis-suq Franċiż.”

287    F’dan il-każ, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ diverġenza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-ispjegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti relatati ma’ dan huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi. Minnhom ma jistax, b’mod partikolari, jiġi dedott, fih innifsu, li l-ittra Direktion G hija ambigwa u li hija ma setgħetx tikkaratterizza ftehim ta’ tqassim ta’ swieq mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ innoċenza.

288    Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu huma ta’ natura purament provviżorja. Id-deċiżjoni sussegwenti mhux bilfors għandha tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-punti li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex jew tabbanduna oġġezzjonijiet li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija żżomm (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 14, tas-17 ta’ Novembru 1987 BAT u Reynolds vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 67).

289    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar żball manifest ta’ interpretazzjoni tal-ittra Direktion G, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett fir-rigward tan-nuqqas ta’ simmetrija tal-kliem tal-ittri ta’ akkumpanjament, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li dawn l-ittri kienu redatti b’mod simmetriku. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-ittra Direktion G ma hijiex redatta b’mod identiku jew simmetriku għall-ittra Direktion I hija, fiha nnifisha, mingħajr effett fuq il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkunsidra li dawn l-ittri għandhom għan simili, jiġifieri li joperaw tqassim tas-swieq nazzjonali tal-gass u li jillimitaw l-aċċess għas-swieq nazzjonali rispettivi tal-impriżi inkwistjoni.

290    It-tieni nett, għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, fir-rigward tal-kontenut tal-ittra Direktion G, il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li l-imsemmija ittra kienet intiża li tipprojbixxi lil E.ON milli tikkumerċjalizza gass li jittranżita mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fi Franza.

291    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ittra Direktion G hija redatta b’dan il-mod:

“[…]

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil [GDF], fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw gass li nxtara jew għandu jinxtara minn [GDF] u li għandu jiġi kkunsinnat lil [MEGAL] u/jew lil [MEGAL Finco] għal finijiet ta’ tranżitu f’isem [GDF] lejn Franza u intiż għall-konsum fi Franza.

Il-kapaċitajiet ta’ trasport li ġew jew li għandhom jiġu attribwiti lil [E.ON], fil-kuntest ta’ kuntratt, għat-trażmissjoni ta’ gass, jikkonċernaw it-trażmissjoni għal kull fini oħra ta’ tranżitu kif ukoll it-trażmissjoni ta’ gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u ta’ gass meħud mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiż għall-konsum fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew mixtri minn [E.ON] għal finijiet ta’ tranżitu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

[…]”

292    Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kliem tagħha, l-ittra Direktion G ma tipprojbixxix espliċitament lil E.ON milli tikkunsinna jew li tipprovdi gass li jittranżita mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fi Franza.

293    Madankollu, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jiġi dedott mill-ittra Direktion G li, jekk il-gass li tittrasporta r-rikorrenti permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL għandu jiġi dirett lejn Franza, dak li tittrażmetti E.ON permezz ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass għandu jew jittieħed fil-Ġermanja, jew jiġi trażmess għal kull finijiet oħra ta’ tranżitu, li jfisser li E.ON ma għandhiex tkun awtorizzata twassal gass trażmess minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lejn Franza. Fil-fatt, l-espressjoni “trażmissjoni għal kull finijiet oħra ta’ tranżitu” għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-punt preċedenti, li jattribwixxi lir-rikorrenti kapaċitajiet ta’ trażmissjoni għal gass ikkunsinnat “għal finijiet ta’ tranżitu f’[isimha] […] lejn Franza”. Din l-espressjoni għaldaqstant tfisser li E.ON tibbenefika minn kapaċitajiet ta’ trażmissjoni sabiex tikkunsinna gass fi tranżitu b’destinazzjoni lejn pajjiżi oħra minbarra Franza. B’hekk, skont l-imsemmija ittra, il-gass li setgħet tittrażmetti E.ON permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kellu jkun jew għall-konsum fil-Ġermanja, jew bi tranżitu lejn pajjiżi oħra minbarra Franza.

294    Għalhekk, anki jekk l-ittra Direktion G ma tipprojbixxix espressament lil E.ON milli tbigħ gass fi Franza, hija madankollu tillimita l-possibbiltajiet tagħha li tittrażmetti gass permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u, konsegwentement, sabiex tbigħ gass li jgħaddi minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Għaldaqstant l-imsemmija ittra ma tistax sempliċement titqies li għandha bħala għan, bħal ma ssostni r-rikorrenti, li tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni għat-terzi mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL.

295    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata meta jiġu interpretati flimkien l-ittra Direktion G u l-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL. [kunfidenzjali] Għaldaqstant il-gass trażmess għal E.ON ma setax jibbenefika minn punt ta’ ħruġ fi Franza u, għalhekk, jinbiegħ f’dan il-pajjiż. [kunfidenzjali]

296    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ittra Direktion G kellha bħala għan li tipprekludi lil E.ON milli tipprovdi gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lill-klijenti Franċiżi. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, imressaq fl-istadju tar-replika, dwar il-fatt li kien possibbli li tiġi ssostitwita spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti għal dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar, mill-ġdid, li l-ġurisprudenza li fuqha huwa bbażat dan l-argument hija relatata mas-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tistrieħ biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 186) u li fiha l-Kummissjoni ma għandhiex provi dokumentali fil-pussess tagħha. Issa, dawn ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, fid-dawl tal-istruttura u l-kliem tagħha, l-ittra Direktion G għandha titqies li tikkostitwixxi prova dokumentali, b’tali mod li l-imsemmija ġurisprudenza ma hijiex applikabbli. L-istess jgħodd għall-elementi li jikkonfermaw il-kontenut tagħha, jiġifieri l-Ftehim MEGAL u l-anness 2 tiegħu.

297    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qatt ma pproduċiet il-prova li tippermetti li jintwera li l-ittra Direktion G kellha bħala għan u/jew bħala effett li tirrestrinġi l-iżvilupp ta’ E.ON fi Franza, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, l-interpretazzjoni ta’ din l-ittra mill-Kummissjoni ma hi vvizzjata b’ebda żball. Għandu jingħad ukoll li, anki li kieku kellu jitqies li l-provi prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li tiġi ssostanzjata l-interpretazzjoni tagħha, dan ikun mingħajr effett fuq l-imsemmija interpretazzjoni, li, barra minn hekk, hija kkonfermata permezz ta’ interpretazzjoni magħquda tal-Ftehim MEGAL u tal-anness 2 tiegħu.

298    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, sussidjarjament, hekk kif jirriżulta mill-punti 299 sa 203 iktar ’il quddiem, li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jitqiegħdu inkwistjoni l-provi prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-interpretazzjoni tagħha.

299    L-ewwel nett, l-argument tar-rikorrenti li, billi rrikonoxxiet, fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fiż-żmien meta l-ittri ta’ akkumpanjament ġew iffirmati, kompetizzjoni eventwali min-naħa ta’ E.ON kienet ġuridikament eskluża minħabba l-monopolju tar-rikorrenti, il-Kummissjoni aċċettat il-fatt li l-għan u/jew l-effett tal-ittra Direktion G ma setgħux, bħala prinċipju, ikunu intiżi sabiex jillimitaw il-bejgħ ta’ E.ON fi Franza, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq.

300    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkonfutaw ir-rilevanza tar-riferiment għall-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL, dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punt 295 iktar ’il fuq.

301    It-tielet nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-fatt li l-kuntatti miżmuma bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 juru li kienet teżisti rabta bejn l-aġir ta’ E.ON fis-suq Franċiż u dak tar-rikorrenti fis-suq Ġermaniż, jeħtieġ qabel kollox li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha speċifikament fuq din il-konstatazzjoni sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tal-ittra Direktion G. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-imsemmija konstatazzjoni, hija rriferiet għal wieħed mill-provi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tissostanzja, b’mod ġenerali, il-fatt li l-ftehim u/jew il-prattika miftiehma kienu jikkonċernaw ukoll bejgħ ta’ gass ta’ E.ON fi Franza mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Għaldaqstant l-interpretazzjoni tar-rikorrenti dwar din l-affermazzjoni hija ineffettiva fil-kuntest ta’ din il-parti. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li ebda prova ma tippermetti li jintwera li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija “vvizzjata” bħal ma tallega r-rikorrenti. Wara kollox l-istess rikorrenti ma tipproduċi ebda prova fir-rikors. Bil-kontra, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata, b’mod partikolari, permezz ta’ nota ta’ “briefing” fid-dawl tal-laqgħa “Tour d’horizon” tat-2 ta’ Lulju 2004, li tindika li E.ON baqgħet deliberatament lura milli taġixxi fis-suq Franċiż sas-sajf tal-2003 u li, minħabba attivitajiet tar-rikorrenti fil-Ġermanja, l-attivitajiet tagħha ta’ bejgħ fi Franza żdiedu, liema fatt juri l-eżistenza ta’ rabta bejn il-bejgħ tal-impriżi fis-swieq rispettivi ta’ xulxin. Dan huwa wkoll il-każ ta’ nota ta’ “briefing” ta’ E.ON tal-5 ta’ Ottubru 2005 dwar laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 2005, li minnha jirriżulta li kien b’reazzjoni għall-attivitajiet tar-rikorrenti fil-Ġermanja li E.ON bdiet tbigħ gass fi Franza fi tmiem is-sena 2003.

302    Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni qieset li l-interpretazzjoni tagħha tal-ittra Direktion G kienet konsistenti ma’ dik tal-interpretazzjoni tad-dipartiment legali tar-rikorrenti. Ċertament, mill-posta elettronika tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000 jirriżulta li l-imsemmi dipartiment legali kkunsidra l-kwistjoni dwar jekk E.ON setgħetx tittrażmetti gass għal terzi permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL u qalet li, fil-passat, hija kienet interpretat favur E.ON billi osservat li hija setgħet tirrikjedi lil terz li jkun jixtieq jittrażmetti gass permezz ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass sabiex jidħol f’kuntratt magħha u mhux ma’ MEGAL Finco. Madankollu, lil hinn minn din il-kwistjoni, dan l-istess dipartiment sostna espliċitament li l-kontenut tal-imsemmija ittra kien simili għal “tqassim tas-suq” vast bejn l-impriżi inkwistjoni. Għaldaqstant dan jimplika li d-dipartiment legali tar-rikorrenti kien iqis li din l-ittra kienet tirrestrinġi l-possibbiltà għal E.ON li tikkummerċjalizza gass fi Franza mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li l-posta elettronika tippermetti li tiġi ssostanzjata l-interpretazzjoni tagħha.

303    Il-ħames nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkonfutaw il-provi dokumentali prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, f’dan il-każ, l-iskambju ta’ posta elettronika tat‑13 u l‑21 ta’ Mejju 2002 u l-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004. Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 18 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma użatx dawn id-dokumenti sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha tal-ittra Direktion G, iżda, essenzjalment, sabiex tqis li l-ftehim inkwistjoni kien għadu fis-seħħ. Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti dwar l-iskambju ta’ ittri tat‑13 u l‑21 ta’ Mejju 2002, dawn għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004, minn naħa, dawn għandhom, sa fejn jikkonċernaw il-valur probatorju tal-imsemmija posta elettronika, jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punt 174 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, dawn għandhom jiġu miċħuda inkwantu għandhom l-intenzjoni jqiegħdu inkwistjoni r-rilevanza tal-eżistenza ta’ kapaċitajiet mhux użati disponibbli. Fil-fatt, huwa b’riferiment espliċitu għall-Ftehim MEGAL u fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-kapaċitajiet kollha kienu rriżervati għar-rikorrenti, li l-posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2004 tikklassifika l-importazzjonijiet magħmula minn E.ON fi Franza bħala “illegali”. Fir-rigward ta’ [kunfidenzjali], il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq tali prova sabiex tissostanzja l-argument tagħha, b’tali mod li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma humiex rilevanti.

304    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti

305    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li ebda ksur tal-Artikolu 81 ma seta’ jiġi identifikat fir-rigward tas-suq Franċiż abbażi tal-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tikkontesta r-rilevanza ta’ ħames laqgħat li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

306    Ġaladarba l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw id-dokumenti relatati ma’ dawn il-ħames laqgħat, datati rispettivament is-27 ta’ Frar 2003, it-2 ta’ Settembru 2003, is-16 ta’ Marzu 2004, is-27 ta’ Mejju 2004 u t-2 ta’ Lulju 2004, ġew miċħuda (ara, b’mod partikolari, il-punti 237, 238, 252 u 253 iktar ’il fuq), din il-parti għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti

307    Ir-rikorrenti tqis li, skont il-prinċipju ta’ eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE bbażat fuq l-azzjoni mill-Istat, il-Kummissjoni ma setgħetx tiffissa d-data tal-bidu tal-ksur fis-suq Franċiż qabel Jannar 2003, data ta’ traspożizzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass fid-dritt Franċiż u ta’ adozzjoni tal-liġi tal-2003 li ttemm ġuridikament il-monopolju legali tagħha ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni ta’ gass, u li tiftaħ is-suq Franċiż għall-kompetizzjoni għall-klijenti eliġibbli.

308    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza, il-Kummissjoni qieset, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan dam, mill-inqas mill-10 ta’ Awwissu 2000 sat-30 ta’ Settembru 2005. Għalhekk din il-parti għandha tiġi miċħuda sa fejn hija tista’ tikkonċerna l-perijodu wabel l-10 ta’ Awwissu 2000, ġaladarba, għal dan il-perijodu, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżistenza ta’ ksur fi Franza. B’mod partikolari, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma siltitx il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tagħha, espost fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu li ta lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, Ġabra p. I‑5815), li jgħid li l-monopolju legali ta’ importazzjoni tar-rikorrenti kien jipprojbixxi kull kompetizzjoni ta’ operaturi barranin fi Franza, għandu jiġi miċħud, ġaladarba l-imsemmija konstatazzjoni saret qabel il-perijodu kkonċernat f’dan il-każ.

309    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, għall-perijodu inkluż bejn l-10 ta’ Awwissu 2000 u Jannar 2003, setax jiġi eskluż ksur tal-Artikolu 81 KE mill-impriżi inkwistjoni fejn hija kkonċernata Franza.

310    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 289 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-monopolju legali tar-rikorrenti fuq l-importazzjonijiet uffiċjalment ġie abolit fid-dritt Franċiż biss mad-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-2003. Madankollu hija enfasizzat li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom l-obbligu li jtemmu dan il-monopolju wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-implementazzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass, jiġifieri sal‑10 ta’ Awwissu 2000. Hija qalet ukoll li, bħala impriża pubblika, ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux ittrasponew l-ewwel direttiva dwar il-gass fid-dritt nazzjonali fi żmien utli. Għaldaqstant hija qieset, fil-premessa 291, li, fir-rigward tal-provvista ta’ gass fi Franza, l-aġir li kien is-suġġett tal-investigazzjoni kien kiser l-Artikolu 81 tat-Trattat KE mill-inqas mill-10 ta’ Awwissu 2000.

311    Din l-evalwazzjoni għandha tiġi approvata.

312    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jkopru biss aġir antikompetittiv adottat mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din ta’ l-aħħar toħloq qafas legali li minnu nnifsu jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma humiex applikabbli. F’sitwazzjoni tali, effettivament, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-aġir awtonomu tal-impriżi. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jistgħu japplikaw jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tiġi prekluża, ristretta jew imfixkla permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997 Il‑Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265, punti 33 u 34, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica, C‑207/01, Ġabra p. I‑8875, punti 30 u 31).

313    F’dan il-każ, qabel kollox għandu jitfakkar li mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass, li l-għan tagħha kien li jinħoloq suq tal-gass kompetittiv, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom joqogħdu lura milli japplikaw kull dispożizzjoni li tmur kontriha. Huma ma setgħux b’mod partikolari jinvokaw tali dispożizzjonijiet fil-konfront ta’ kompetituri tar-rikorrenti li jixtiequ jidħlu fis-suq Franċiż tal-gass. Fil-fatt, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi li ma tiġix applikata kull dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tmur kontra regola tal-Unjoni, sew jekk qabel jew wara din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 48).

314    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li fost in-numru ta’ entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effetti diretti jirriżulta korp li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika li jwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkollu, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C‑188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 18), bħal ma hu l-każ tar-rikorrenti.

315    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn Awwissu 2000, fornituri ta’ gass setgħu jippenetraw fis-suq Franċiż u ċerti klijenti ġew iddikjarati eliġibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li ħadet l-inizjattiva, sa minn Awwissu 2000, li tadotta dispożittiv tranżitorju ta’ aċċess tat-terzi għan-netwerk li jippermetti ftuħ progressiv għall-kompetizzjoni fis-suq Franċiż. L-awtoritajiet Franċiżi kienu ddikjaraw ukoll fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑259/01, Ġabra p. I‑11093, punti 12 u 13), li s-sistema tranżitorja ta’ aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni ta’ gass, fis-seħħ sa mill-10 ta’ Awwissu 2000, kien jippermetti lill-klijenti eliġibbli, fis-sens tal-Artikolu 18 tal-ewwel direttiva dwar il-gass, jaċċedu għan-netwerk tal-gass permezz ta’ kuntratti ta’ trażmissjoni validi għal mill-inqas sena. L-applikazzjoni ta’ din is-sistema kienet tippermetti lil klijenti eliġibbli jinnegozjaw mill-ġdid kuntratti ta’ provvista ta’ gass u anki li jbidlu l-fornitur tagħhom. Sena wara li ġiet stabbilita din is-sistema, 14 % tal-klijenti eliġibbli fis-suq Franċiż bidlu fornitur u 4 operaturi ġodda dehru f’dan is-suq.

316    Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta min-nota preparatorja tal-laqgħa “Tour d’horizon” tal‑20 ta’ Diċembru 2001, imsemmija fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, E.ON fetħet uffiċċju tal-bejgħ fi Franza. Dan ma kienx ikun il-każ li kieku s-suq Franċiż kien totalment magħluq għall-kompetizzjoni f’din id-data. Barra minn hekk, minn nota ta’ “briefing” bi preparazzjoni għal-laqgħa “Tour d’horizon” tat‑2 ta’ Lulju 2004 jirriżulta li E.ON baqgħet deliberatament lura milli taġixxi fis-suq Franċiż sas-sajf 2003. In-nuqqas ta’ aġir min-naħa tagħha fis-suq Franċiż għaldaqstant ma kienx, mill-inqas sa din id-data, dovut għal restrizzjoni ta’ natura leġiżlattiva.

317    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk kienet għadha formalment fis-seħħ, mill-10 ta’ Awwissu 2000, il-liġi tal-1946 ma setgħetx titqies, fil-prattika, li timponi l-aġir antikompetittiv inkwistjoni jew li toħloq qafas legali li fih innifsu jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tal-impriżi inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 312 iktar ’il fuq. Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li l-Kummissjoni ma setgħetx tqis, minn naħa, li l-ksur allegat beda fl-10 ta’ Awwissu 2000 u, min-naħa l-oħra, li skont il-liġi tal-1946, ir-rikorrenti kienet tibbenefika minn monopolju legali fil-qasam tal-importazzjoni u tal-provvista ta’ gass, liema sitwazzjoni baqgħet l-istess. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din is-sitwazzjoni ta’ żamma ta’ monopolju legali ma baqgħetx l-istess sa meta ġiet adottata l-liġi tal-2003, ġaladarba mill-10 ta’ Awwissu 2000, l-awtoritajiet Franċiżi kienu meħtieġa li jittrasponu l-ewwel direttiva dwar il-gass u r-rikorrenti rrikonoxxiet li hija stess ħadet l-inizjattiva, minn Awwissu 2000, li tadotta provvediment tranżitorju ta’ aċċess tat-terzi għan-netwerk li jippermetti ftuħ progressiv tas-suq Franċiż għall-kompetizzjoni.

318    Il-konklużjonijiet preċedenti ma jitqiegħdux inkwistjoni mill-fatt li mis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 315 iktar ’il fuq (punt 21) jirriżulta li l-prattiki adottati mill-operaturi ekonomiċi, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, mill-10 ta’ Awwissu 2000, ma jistgħux jitqiesu li jikkonsistu eżekuzzjoni valida tal-obbligi tat-Trattat. Fil-fatt, l-unika kwistjoni rilevanti f’dan il-każ hija dwar jekk, minn din id-data, il-liġi tal-1946 kinitx tirrikjedi l-aġir antikompetittiv inkwistjoni jew kinitx toħloq qafas legali li fih innifsu kien jelimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv, sabiex jiġi vverifikat jekk għandux japplika l-Artikolu 81 KE. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk hekk kif jirriżulta mill-punti preċedenti. Fi kwalunkwe każ, entità li, bħar-rikorrenti, hija suġġetta għall-istħarriġ mill-Istat, ma tistax tistrieħ fuq in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tagħha tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġġustifika aġir antikompetittiv, ipprojbit mill-imsemmi trattat.

319    Jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-“ftuħ” li hija weriet minn Awwissu 2000 ma jistax jiġi ekwiparat mal-għan tal-monopolju legali jew mal-monopolju bbażat fuq il-fatt li r-regoli ta’ ATN tranżitorji implementati ma kinux ġew approvati mil-leġiżlatur. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet meħtieġa teżamina s-sitwazzjoni tas-suq Franċiż tal-gass b’mod oġġettiv u mhux biss b’mod teoretiku, sabiex tivverifika jekk, minkejja ż-żamma formali tal-monopolju legali ta’ importazzjoni prevista mil-liġi tal-1946, din tal-aħħar kinitx f’pożizzjoni li tipprekludi l-eżistenza ta’ kull kompetizzjoni fis-suq. L-oriġini u n-natura tal-miżuri li ppermettew dan il-ftuħ ma jistax ikollhom influwenza fuq il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetizzjoni setgħet effettivament tiġi eżerċitata fis-suq Franċiż.

320    Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma hemm xejn “paradossali” fil-fatt li l-Kummissjoni straħet fuq il-fatt li l-kompetituri tagħha setgħu jfornu gass lil klijenti eliġibbli fi Franza mill-10 ta’ Awwissu 2000, meta din is-sitwazzjoni tirriżulta esklużivament mill-aġir tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis b’mod żbaljat li hija ġiet ikkundannata talli pparteċipat fil-liberalizzazzjoni, u li dan imur kontra l-għanijiet tal-Unjoni u tal-politika tal-kompetizzjoni. Wara kollox, huma l-ftehim u l-prattiki miftiehma inkwistjoni li l-Kummissjoni ssanzjonat f’dan il-każ u mhux il-fatt li r-rikorrenti pproċediet, mill-10 ta’ Awwissu 2000, għall-implementazzjoni, parzjali u limitata, tal-ewwel direttiva dwar il-gass. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 313 iktar ’il fuq, tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-Ewwel Direttiva, liema fatt, anki jekk b’mod imperfett, hija wettqet permezz tal-aġir tagħha mill-10 ta’ Awwissu 2000.

321    Barra minn hekk, kif issostni r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, impriża ma tistax tiġi esposta għal sanzjonijiet, sew jekk ta’ natura kriminali sew jekk ta’ natura amministrattiva, minħabba aġir li seħħ fil-passat, ġaladarba dan l-aġir kien impost minn liġi nazzjonali li teskludi l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tiġi prekluża, ristretta jew imfixkla permezz tal-aġir awtonomu tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CIF, punt 313 iktar ’il fuq, punt 53). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tapplikax f’dan il-każ peress li, hekk kif diġà ġie indikat, minkejja ż-żamma formali fis-seħħ tal-liġi tal-1946, kien hemm fil-fatt il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tiġi prekluża. Barra minn hekk, din il-liġi ma kinitx timponi l-aġir inkwistjoni f’dan il-każ.

322    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, qabel l-implementazzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass, il-qafas ġuridiku u legali ma kienx joffri ċertezza legali suffiċjenti għall-kompetituri ġodda, dan għandu wkoll jiġi miċħud peress li, hekk kif ġie kkonstatat, minkejja ż-żamma fis-seħħ tal-liġi tal-1946, kull possibbiltà ta’ aġir antikompetittiv min-naħa tagħhom ma kienx eskluż u E.ON deliberatament baqgħet lura milli taġixxi fis-suq Franċiż sas-sajf tal-2003. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 313 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li mill-10 ta’ Awwissu 2000 id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-1946 ma setgħux jiġu invokati kontra operaturi barranin li xtaqu jfornu gass fi Franza b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet tal-ewwel direttiva dwar il-gass. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jistrieħ fuq allegata inċertezza legali qabel it-traspożizzjoni effettiva tal-ewwel direttiva dwar il-gass sabiex jiġi ġġustifikat l-aġir tal-impriżi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat il-fatt li operatur tad-daqs ta’ E.ON kellu l-mezzi neċessarji sabiex jikseb vantaġġ, mill-10 ta’ Awwissu 2000, tal-liberalizzazzjoni billi jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ effett dirett tad-Direttiva, anki fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni fis-sistema legali Franċiża. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 290 tad-deċiżjoni kkontestata, E.ON forniet gass fil-Belġju wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass u qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jittrasponuha. Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li jagħtu x’jifhmu l-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma lmentatx lil E.ON talli żviluppat ruħha fis-suq Franċiż biss wara Jannar 2003, iżda lmentat sempliċement lill-impriżi inkwistjoni talli kkonkludew ftehim ta’ tqassim ta’ swieq li jmur kontra l-Artikolu 81 KE.

323    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata ksur tal-impriżi inkwistjoni fl-Artikolu 81 KE, fir-rigward ta’ Franza, għall-perijodu inkluż bejn l-10 ta’ Awwissu 2000 u Jannar 2003. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni billi ffissat, f’dan il-każ, id-data ta’ bidu tal-ksur fis-suq Franċiż għall-10 ta’ Awwissu 2000.

324    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda kif ukoll, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi inkwistjoni wara Awwissu 2004

325    Dan il-motiv, imqajjem b’mod ulterjorment sussidjarju u li permezz tiegħu r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx, suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi inkwistjoni wara t-13 ta’ Awwissu 2004, jinqasam fi tliet partijiet, fejn l-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ rieda konkordanti tal-impriżi inkwistjoni għall-applikazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament wara Awwissu 2004, it-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE minħabba evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-laqgħat u skambji bejn dawn l-impriżi wara Awwissu 2004 u t-tielet parti, li hija mqajma sussidjarjament, hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, tar-regoli relatati mal-amministrazzjoni tal-prova u mal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ element probatorju fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur fis-suq Franċiż wara Awwissu 2004.

326    Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-partijiet, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita permezz tal-Artikoli 81 KE u 82 KE tikkonċerna ruħha mir-riżultati ekonomiċi tal-ftehim, jew minn kull forma paragunabbli ta’ ftehim ieħor jew ta’ koordinazzjoni, pjuttost milli mill-forma ġuridika tagħhom. B’hekk, fil-każ ta’ akkordji li waqfu milli jkunu fis-seħħ, jeħtieġ sempliċement, sabiex japplika l-Artikolu 81 KE, li l-effetti tagħhom ikomplu wara l-waqfien formali tagħhom. Minn dan jirriżulta li t-tul ta’ ksur ma għandux jiġi evalwat skont il-perijodu li matulu ftehim huwa fis-seħħ, iżda skont dak li matulu l-impriżi inkriminati adottaw aġir ipprojbit mill-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata).

327    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur intemm meta l-impriżi inkwistjoni waqfu japplikaw l-ittri Direktion I u Direktion G, kif ukoll ir-restrizzjoni kuntrattwali li tipprekludi lir-rikorrenti milli tuża punti ta’ ħruġ mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja għall-provvista ta’ gass lill-klijenti. Anki jekk dawn l-ittri ġew uffiċjalment ġew abrogati permezz tal-ftehim tal-2004, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-restrizzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma ġietx fi tmiemha qabel tmiem ix-xahar ta’ Settembru 2005. Hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim interim tad-9 ta’ Settembru 2005 ppermetta lir-rikorrenti sabiex tikkummerċjalizza l-kapaċitajiet tagħha ta’ trażmissjoni fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL mill-1 ta’ Ottubru 2005 u li l-ftehim tal-2005 daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2005. Barra minn hekk hija osservat, fl-istess premessa, li, fl-istess waqt, il-bejgħ mir-rikorrenti ta’ gass li ġej minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lil klijenti stabbiliti fil-Ġermanja qabżu kunsiderevolment l-ammonti li hija xtrat fil-kuntest tal-PTG minn Ottubru 2005 biss. Għaldaqstant hija qieset li l-Artikolu 81 KE kien japplika ġaladarba l-konsultazzjoni tkompliet wara l-waqfien tal-ftehim preċedenti u kompliet tipproduċi l-effetti tagħha sa meta ġie ssostitwit il-Ftehim MEGAL.

328    Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset li l-ksur kompla wara l-ftehim tal-2004 billi mhux biss ibbażat ruħha fuq il-provi li juru li l-impriżi inkwistjoni komplew japplikawhom, minkejja l-abbrogazzjoni formali tal-ittri ta’ akkumpanjament, iżda wkoll fuq il-fatt li r-restrizzjonijiet kuntrattwali li jipprekludu lir-rikorrenti milli tuża l-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja, li jinsabu fl-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL, kienu għadhom fis-seħħ wara l-ftehim tal-2004.

329    Huwa fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet differenti ta’ dan il-motiv.

a)     Fuq l-ewwel parti

330    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 81 KE minħabba n-nuqqas ta’ rieda konkordanti tal-impriżi inkwistjoni intiżi għall-applikazzjoni tal-ittri ta’ akkumpanjament wara Awwissu 2004.

331    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti, ibbażati, minn naħa, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ valur probatorju tal-punti invokati mill-Kummissjoni.

–       Fuq l-ewwel ilment

332    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-PTG, u b’mod iktar partikolari billi kkunsidrat li l-fatt li hija biegħet gass fin-Nofsinhar tal-Ġermanja fl-2004 ma kienx biżżejjed biex jiġi pprovat in-nuqqas ta’ tqassim ta’ swieq.

333    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ bejgħ ta’ gass fil-Ġermanja mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, minn Ottubru 2004, ma kinitx f’pożizzjoni, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi l-prova li l-ittri ta’ akkumpanjament ma kinux iktar ikkunsidrati bħala vinkolanti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali]. Għaldaqstant huwa biss b’mod limitat, bħal ma osservat il-Kummissjoni, li r-rikorrenti pproċediet għal bejgħ ta’ gass fil-Ġermanja mill-2003. Barra minn hekk, il-bejgħ ta’ gass li ġej mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, li beda biss fl-2004, jirrappreżenta sehem relattivament żgħir (jew, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, sehem “relattivament minimu”) mit-total tal-bejgħ tar-rikorrenti fil-Ġermanja u ma jistax jiġi kkunsidrat, bħal ma tallega, bħala sinjifikattiv. Fil-fatt, fl-2004 u fl-2005, [kunfidenzjali]. Fl-aħħar nett, mill-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-volumi ta’ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li nbiegħu mir-rikorrenti fil-Ġermanja bejn l-2004 u Settembru 2005 kważi esklużivament inxtraw mingħand E.ON fil-kuntest tal-PTG, li kellhom jiġu ttrasferiti b’mod obbligatorju skont id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi li tawtorizza ż-żwieġ bejn E.ON u Ruhrgas.

334    Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi kollha, il-bejgħ ta’ gass li ġej mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL jippermetti ċertament li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ inizjattivi kummerċjali, bħal ma sostniet ir-rikorrenti. Madankollu, huma ma jippermettux, waħedhom, li jipprovaw in-nuqqas ta’ setgħa vinkolanti tal-ittri ta’ akkumpanjament. Barra minn hekk, il-provi dokumentali intiżi sabiex jipprovaw essenzjalment, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet tqis li ma setgħetx tipproċedi għal bejgħ ta’ volumi lil hinn mill-volumi miksuba fil-kuntest tal-PTG minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali ma’ E.ON (ara, b’mod partikolari, il-punti 337 sa 339 iktar ’il quddiem). Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni missha ħadet inkunsiderazzjoni l-offerti magħmula mir-rikorrenti, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn ma kinux setgħu, waħedhom, juru l-eżistenza ta’ kompetizzjoni (ara l-punt 196 iktar ’il fuq), u dan wisq iżjed li r-rikorrenti stess irrikonoxxiet fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ebda waħda mill-offerti li hija semmiet ma kellha suċċess. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fornimenti ta’ gass li saru minn Settembru 2005 kienu jikkorrispondu parzjalment għal kuntratti nnegozjati sa mill-2004, qed isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 350 iktar ’il fuq.

335    It-tieni nett, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tispjegax fhiex il-fatt li wieħed jipparteċipa attivament fil-PTG u li jintużaw volumi ta’ gass mixtrija f’dan il-kuntest għall-bejgħ mill-ġdid fil-Ġermanja ma huwiex il-prova tan-nuqqas ta’ akkordju huwa ineffettiv, ġaladarba l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u mhux in-nuqqas ta’ eżistenza tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni fil-PTG ma hijiex tali li turi n-nuqqas ta’ ftehim ta’ tqassim ta’ suq, fejn iċ-ċirkustanza li skontha r-rikorrenti għażlet liberament li tipparteċipa fil-PTG u li tuża l-kwantitajiet mixtrija fil-kuntest ta’ din il-parteċipazzjoni sabiex tiżviluppa ruħha fin-Nofsinhar tal-Ġermanja hija mingħajr effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-gass mibjugħ fil-Ġermanja mir-rikorrenti fil-kuntest tal-PTG ma huwiex is-suġġett tal-ksur inkwistjoni, hekk kif jirriżulta mill-punt 346 tad-deċiżjoni kkontestata. Sussegwentement, kemm mill-analiżi tal-bejgħ tar-rikorrenti kif ukoll mill-provi dokumentali jirriżulta li hija limitat, effettivament, l-attività tagħha għall-volumi akkwistati fil-kuntest tal-PTG. B’hekk il-bejgħ tagħha ma eċċediex dawn il-volumi b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant dan juri li, minkejja l-parteċipazzjoni tagħha fil-PTG, hija baqgħet tosserva r-restrizzjonijiet kuntrattwali dovuti għall-Ftehim MEGAL. Barra minn hekk, mill-minuti interni ta’ E.ON għal-laqgħa “Tour d’horizon” tad-29 ta’ Marzu 2004 jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tipparteċipa fil-PTG, minħabba l-biża’ li inkella l-gass Russu jaqa’ taħt idejn ħżiena u b’hekk tinħoloq iżjed kompetizzjoni.

336    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-bejgħ tagħha mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL eċċeda l-volumi akkwistati fil-kuntest tal-PTG, dan għandu jiġi miċħud ġaladarba, għalkemm il-Kummissjoni ma kkontestatx dan il-fatt, hija madankollu osservat, bħal ma tirrikonoxxi r-rikorrenti, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi bejgħ ma kienx eċċeda dawn il-volumi b’mod sinjifikattiv. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-volumi ta’ bejgħ tar-rikorrenti setgħu kienu kemxejn ogħla minn dawk akkwistati fil-kuntest tal-PTG, hekk kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma hijiex f’pożizzjoni li turi, fid-dawl tad-differenza żgħira inkwistjoni, li r-rikorrenti ma kinitx tqis lilha nnifisha vvinkolata mill-ittri ta’ akkumpanjament.

337    It-tielet nett, ebda prova ma tippermetti li jintwera li l-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, billi bbażat ruħha fuq il-posta elettronika tar-rikorrenti tal-21 ta’ Lulju 2004, li l-kontenut tagħha jissemma fil-punt 189 iktar ’il fuq, li l-istess rikorrenti qieset li ma setgħetx tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali ma’ E.ON. B’hekk, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, bħal ma tallega r-rikorrenti, li l-impossibbiltà li jittieħed gass mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass b’eċċezzjoni għall-volumi akkwistati fil-kuntest tal-PTG kienet dovuta għall-fatt [kunfidenzjali]. Iktar preċiżament, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-iżvilupp tagħha fin-Nofsinhar tal-Ġermanja twaqqaf minħabba raġunijiet tekniċi [kunfidenzjali], meta dan ma kienx il-każ fil-kuntest tal-PTG, għandu jiġi osservat li tali raġunijiet ma jissemmewx fil-posta elettronika inkwistjoni sabiex tiġi ġġustifikata l-pożizzjoni espressa mir-rikorrenti.

338    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-posta elettronika ma tirreferix għall-ittri ta’ akkumpanjament ma huwiex deċiżiv, billi wara kollox il-Kummissjoni ma allegatx li dan kien il-każ. Iċ-ċirkustanza li din il-posta elettronika tindika li, fl-istennija ta’ ftehim globali dwar il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, huwa eskluż li jintużaw punti ta’ ħruġ minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass minbarra dawk li hija telenka u l-fatt li l-imsemmija posta elettronika tesponi l-kundizzjonijiet ta’ forniment tal-klijenti fin-Nofsinhar tal-Ġermanja minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass jidher, min-naħa l-oħra, li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li s-sitwazzjoni deskritta tikkorrispondi għal dik li tirriżulta mill-Ftehim MEGAL eżistenti [kunfidenzjali].

339    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li n-nota tar-rikorrenti tal-10 ta’ Mejju 2004, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru. 98 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 102. Fil-fatt, minnha jirriżulta li, fir-rigward tal-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, ir-rikorrenti għandha d-dritt li tieħu gass akkwistat b’irkant (u hija biss f’dik id-data) minn kull punt ta’ dħul jew ta’ ħruġ fuq l-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. Din in-nota tindika wkoll espliċitament li l-forniment ta’ gass [kunfidenzjali] sal-klijenti finali fil-Ġermanja permezz ta’ punt ta’ ħruġ fuq il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma kienx possibbli f’din id-data, peress li r-rikorrenti ma kellhiex tali punti ta’ ħruġ lejn il-punent ta’ dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass.

340    Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-pajjiż ta’ oriġini tal-gass sabiex tikkaratterizza l-ksur. Fil-fatt, mill-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur inkwistjoni jirreferi għall-provvista ta’ gass trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, fejn ma tissemma ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-gass. Barra minn hekk, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-bejgħ ikkonċernat mill-ksur huwa l-bejgħ ta’ gass trażmess minn E.ON u mir-rikorrenti permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, u mibjugħ lil klijenti fil-Ġermanja u lil klijenti eliġibbli fi Franza, b’eċċezzjoni għal bejgħ ta’ gass magħmul minn E.ON fil-kuntest tal-PTG biex jiġi fornut f’Waidhaus, u għal bejgħ ta’ gass mixtri mir-rikorrenti fil-kuntest tal-imsemmi PTG biex jiġi fornut f’Waidhaus. [kunfidenzjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha billi kkonstatat ksur [kunfidenzjali]. L-istess jgħodd għall-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma spjegatx kemm l-oriġini tal-gass jista’ jkollu effett fuq il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ksur.

341    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-asserzjoni tar-rikorrenti li r-raġunament tal-Kummissjoni jimplika li l-ittri ta’ akkumpanjament għandhom jitqiesu li ma huma xejn iktar ħlief klawżola ta’ destinazzjoni [kunfidenzjali], jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat, bħal ma kkonstatat il-Kummissjoni, li tali klawżola tikkostitwixxi ftehim vertikali, ġeneralment konkluż bejn fornitur u l-klijent tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ gass intiż li jipprojbixxi lil klijent milli jesporta mill-ġdid gass mixtri lill-fornitur, meta f’dan il-każ il-ftehim inkwistjoni huwa ftehim orizzontali, konkluż bejn żewġ fornituri fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport ta’ gass intiż li jillimita l-bejgħ ta’ gass trażmess minn din l-infrastruttura fit-territorji rispettivi tagħhom. Għaldaqstant l-asserzjoni inkwistjoni għandha tiġi miċħuda.

342    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment

343    Ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-valur probatorju tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi ż-żamma tal-projbizzjoni li jittieħed gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL wara Awwissu 2004. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx provi preċiżi u konkordanti insostenn tal-allegazzjonijiet li, minkejja l-ftehim tal-2004, l-ittri ta’ akkumpanjament kienu baqgħu jiġi applikati mill-impriżi inkwistjoni wara din id-data.

344    L-ewwel nett, fir-rigward tal-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL, għandu jitfakkar li, fl-imsemmi anness, ġew iddefiniti l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ li minnhom setgħu jibbenefikaw l-impriżi inkwistjoni fuq l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-punt 2.1 ta’ dan l-anness jagħti biss punt ta’ ħruġ wieħed għall-kwantitajiet kollha ta’ gass trażmessi minnha u li jinsab fuq il-fruntiera bejn Franza u l-Ġermanja, sakemm l-impriżi inkwistjoni ma jiddeċidux mod ieħor. Għaldaqstant, hija ma tatx punt ta’ ħruġ lir-rikorrenti fil-Ġermanja u għaldaqstant ipprekludietha milli tieħu gass għal klijenti Ġermaniżi mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Issa, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-anness inkwistjoni ġie rreżiljat jew li l-għan tiegħu spiċċa ineffettiv permezz tal-ftehim tal-2004, u lanqas li jiġi pprovat li dan tal-aħħar kien jikkostitwixxi emenda konvenzjonali tiegħu miftiehem mill-impriżi inkwistjoni. Fil-fatt, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ftehim tal-2004 ma jsemmix lil dan l-anness, liema fatt huwa rikonoxxut mir-rikorrenti. Fil-fatt jirriżulta espliċitament mill-kliem tal-ftehim tal-2004 li dan jikkonċerna biss uħud mill-ittri ta’ akkumpanjament, fejn ma jsir ebda riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim MEGAL jew għall-annessi tiegħu. Barra minn hekk ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li titqiegħed inkwistjoni l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-imsemmija premessa, li kieku l-impriżi inkwistjoni kienu xtaqu jitrattaw il-kwistjoni tal-Anness 2 tal-Ftehim MEGAL fil-ftehim tal-2004, huma kienu jagħmlu dan b’mod espliċitu. Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impriżi inkwistjoni rrikonoxxew, sa mill-2001, imbagħad permezz tal-ftehim tal-2004, il-fatt li l-ittra Direktion I kienet “nulla u mingħajr effett”, li, skont ir-rikorrenti, kienet tinkludi dispożizzjoni li tixbah lill-imsemmi anness, din-nuqqas ta’ riferiment espliċitu f’dan is-sens fir-rigward ta’ dan l-anness (inkluż fil-faks tas-7 ta’ Jannar 2002 jew fil-ftehim tal-2004), ma tistax tiġi dedotta minn dan in-natura obsoleta ta’ dan l-anness. Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti dwar l-anness inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

345    It-tieni nett, fir-rigward tal-artiklu mill-istampa tat-23 ta’ Awwissu 2004, imsemmi fil-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li dan huwa biss wieħed mill-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha li r-rikorrenti kienet tqis, wara l-ftehim tal-2004, li hija ma setgħetx tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL minħabba d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ E.ON. Fil-fatt, mill-premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija bbażat ruħha wkoll fuq nota interna tar-rikorrenti tax-xahar ta’ Jannar 2005, dwar il-pjan ta’ żvilupp fil-Ġermanja tar-rikorrenti kif ukoll fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

346    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-artiklu tal-istampa tat-23 ta’ Awwissu 2004 huwa meħud minn ġurnal speċjalizzat, relatat mal-istqarrijiet tad-direttur tal-bejgħ tar-rikorrenti fil-Ġermanja u li jinkludi elementi preċiżi ħafna li jikkonċernaw il-limiti għall-possibbiltajiet għar-rikorrenti li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. Fi żmien l-artiklu tal-istampa, jirriżulta għalhekk li r-rikorrenti kienet għadha ma waslitx għal ftehim definittiv ma’ E.ON fir-rigward tal-possibbiltà li tieħu gass mill-imsemmi pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u li kien hemm possibbiltajiet limitati għar-rikorrenti li tieħu gass minn dan il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass. F’dan l-artiklu tal-istampa, huwa speċifikat li r-rikorrenti setgħet tieħu gass minn kull fejn dan kien possibbli abbażi ta’ interpretazzjoni komuni tar-regoli eżistenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur porbatorju tal-artiklu tal-istampa inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala dgħajjef jew null u l-Kummissjoni setgħet validament tistrieħ fuq dan id-dokument sabiex tikkorrobora l-affermazzjoni tagħha li ċerti provi juru li r-rikorrenti kienet tqis li hija ma setgħetx tieħu gass mill-istess pajp għat-trażmissjoni ta’ gass minħabba r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ E.ON. Fir-rigward tal-fatt li l-artiklu tal-istampa kkonċernat huwa għaxart ijiem wara l-ftehim tal-2004, dan ma huwiex direttament rilevanti, ġaladarba l-persuna li l-kliem tagħha qed jiġu ċċitati kellha, fid-dawl tal-funzjonijiet tagħha, tkun neċessarjament u preċiżament informata dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass inkwistjoni.

347    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega b’mod żbaljat li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004 li permezz tagħha E.ON irreaġixxiet għall-artiklu inkwistjoni u fakkret in-natura obsoleta tal-ittra Direktion I. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-ittra kellha tiġi ttrattata fil-punt 4.3.1 tal-imsemmija deċiżjoni, fil-kuntest ġenerali tal-argument ta’ E.ON li hija kienet tippermetti lir-rikorrenti tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja. Huwa b’hekk li, fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-punt 4.3.1 tagħha, il-Kummissjoni tindika li l-affermazzjoni li E.ON aċċettat id-dritt tar-rikorrenti li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL hija kontradetta bil-prova li r-rikorrenti kienet tqis, kemm internament kif ukoll fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, li hija ma kellhiex id-dritt li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass lil hinn mill-volumi mixtrija fil-PTG. Għandu jiġi kkunsidrat li, billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni twieġeb, impliċitament iżda neċessarjament, għall-argumenti bbażati fuq l-ittra ta’ E.ON tas-26 ta’ Awwissu 2004. Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2004 juri n-nuqqas ta’ rieda konkordanti bejn l-impriżi inkwistjoni, li l-“abbandun” tal-ittri ta’ akkumpanjament ma seħħx fl-istess żmien tal-ftehim tal-2005 u li d-diffikultajiet għar-rikorrenti li tikkummerċjalizza gass kienu jirriżultaw minn ostakoli indipendenti mir-rieda tagħha, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li dawn huma kontradetti minn provi oħra li ġew wara l-imsemmija ittra (ara, b’mod partikolari, id-dokumenti msemmija fil-punti 349, 361 u 362 iktar ’il quddiem) kif ukoll mill-aġir tar-rikorrenti fis-suq (ara l-punt 350 iktar ’il quddiem), li juru t-tkomplija tal-ksur inkwistjoni wara l-ftehim tal-2004, b’tali mod li l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda. Barra minn hekk, għalkemm minn din l-ittra jirriżulta li E.ON ikkonfermat, bosta drabi, li r-rikorrenti setgħet tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, [kunfidenzjali], liema fatt jindika, fil-prattika, li l-possibbiltajiet għar-rikorrenti li tieħu gass fil-Ġermanja kienu għadhom, f’din id-data, mill-inqas limitati. Fl-aħħar nett, kif indikat il-Kummissjoni, minn dan id-dokument jirriżulta b’mod ċar li E.ON esprimiet lir-rikorrenti li ma kienx kostruttiv li wieħed ixandar fil-pubbliku deskrizzjoni jew diskussjonijiet li jikkonċernaw il-possibbiltajiet li jittieħed gass mill-pajp għad-distribuzzjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt juri li l-għan segwit minn E.ON kien fuq kollox li r-rikorrenti tifhem li kien preferibbli li ma jsirux dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar is-suġġett.

348    Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti dwar l-artiklu tal-istampa inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

349    It-tielet nett, fir-rigward tal-pjan ta’ żvilupp tar-rikorrenti fil-Ġermanja, fil-verżjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2005, jirriżulta li, minħabba raġunijiet kuntrattwali, ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu gass mid-diversi punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, u lanqas ma setgħet tikkummerċjalizza direttament il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni li hija kellha. Il-konklużjoni mistennija ta’ kuntratt ġdid ma’ E.ON għat-tħaddim tal-pajp jista’ jbiddel din is-sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, anki li kieku kellu jitqies li dan kien il-każ, il-fatt li dan il-pjan ta’ żvilupp kien biss fl-istadju ta’ abbozz, bħal ma tallega r-rikorrenti, ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-kontenut tiegħu, elaborat mid-dipartimenti tar-rikorrenti nnifisha, u għaldaqstant tal-valur probatorju tiegħu. L-istess jgħodd għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li la ġie aġġornat u lanqas ivverifikat internament għal numru ta’ snin. Barra minn hekk, din l-allegazzjoni tidher li hija kontradetta bil-fatt li dan id-dokument jindika espliċitament li hija l-“verżjoni tat-2 ta’ Settembru 2005”. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma pproduċietx dokument definittiv, li l-kontenut tiegħu ġie aġġornat u vverifikat u li kien differenti minn dak imsemmi mill-Kummissjoni.

350    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ mir-rikorrenti ta’ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL lil klijenti stabbilit fil-Ġermanja qabeż b’mod sinjifikattiv l-ammonti mixtrija mir-rikorrenti fil-kuntest tal-PTG biss minn Ottubru 2005, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni dan l-element sabiex tiddeterimina d-data ta’ tmiem il-ksur. Fil-fatt, apparti l-fatt li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni eskludiet mingħajr ġustifikazzjoni aċċettabbli l-ispjegazzjonijiet alternattivi li l-bejgħ fil-Ġermanja huwa kkaratterizzat b’żidiet speċifiċi matul ix-xahar ta’ Ottubru u l-fornimenti mibdija minn Ottubru 2005 jissuċċedu kuntratti ta’ provvista konklużi sew qabel din id-data, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument intiż sabiex turi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Issa, sabiex tikkonkludi li kien jeżisti tali żball, ir-rikorrenti għandha tipproduċi l-provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa żbaljat, liema fatt hija naqset milli twettaq f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ispjegazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat fil-premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata, b’risposta għall-ispjegazzjoni dwar l-istruttura tas-snin li jikkonċernaw il-gass, li r-rikorrenti kienet taf li l-kuntratti annwali kollha ta’ provvista kienu jidħlu fis-seħħ fix-xahar ta’ Ottubru u li hija setgħet raġonevolment tantiċipa ftehim ġdid ma’ E.ON. Ir-rikorrenti ma ressqitx espliċitament argumenti intiżi sabiex jikkonfutaw din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki kieku r-rikorrenti kienet iffirmat ftehim ta’ provvista ma’ klijenti preċedentement, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma kinitx realment ħadet gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass qabel Ottubru 2005 u li, b’hekk, hija kienet osservat il-projbizzjoni li tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi vvalidata, ġaladarba, hekk kif ġie osservat, sa Ottubru 2005 il-volumi ta’ gass mibjugħa mir-rikorrenti fil-Ġermanja mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL kienu jirrappreżentaw parti żgħira ħafna mill-konsum Ġermaniż u kienu jeċċedu b’mod limitat ħafna l-kwantitajiet ta’ gass akkwistati fil-kuntest tal-PTG li E.ON kellha obbligu tittrasferixxi.

351    Għaldaqstant it-tieni lment għandu jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel parti.

b)     Fuq it-tieni parti

352    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-laqgħat u l-iskambji li saru wara l-ftehim tal-2004. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni interpretat il-laqgħat u l-iskambji li saru bejn l-impriżi inkwistjoni wara l-ftehim tal-2004 b’mod totalment żbaljat. F’dan ir-rigward, hija tagħmel ħames argumenti.

353    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li E.ON kompliet, wara l-ftehim tal-2004, tilmenta dwar il-kompetizzjoni li hija kienet teżerċita fil-Ġermanja, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Kummissjoni ma qisitx, bħal ma jagħti x’jifhem l-argument tar-rikorrenti, li dan il-fatt ma kienx jippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma sabiex jibqgħu jiġu applikati l-ittri ta’ akkumpanjament. Fil-premessi 130 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt limitat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni dan il-punt, fost oħrajn, sabiex turi, essenzjalment, l-eżistenza ta’ aġir kollużorju, u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ skambju bejn l-impriżi, iktar relatat ma’ ftehim milli ma’ kompetizzjoni, wara l-ftehim tal-2004.

354    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali lmenti ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ akkordju. Bil-kontra, hekk kif sostniet, essenzjalment, il-Kummissjoni, li kieku ftehim antikompetittiv ta’ tqassim ta’ swieq bejn żewġ impriżi kompetituri ma kienx jeżisti minn qabel, ma kienx ikun hemm lok għal waħda minn dawn l-impriżi sabiex tilmenta, waqt laqgħat regolari, dwar il-kompetizzjoni eżerċitata fit-territorju tagħha mill-impriża l-oħra. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 195 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi speċifiċi ta’ nuqqas ta’ qbil dwar suġġetti li ma għandhomx jiġu diskussi bejn kompetituri f’ambjent kompetittiv juru li l-impriżi inkwistjoni aġixxew fil-kuntest ta’ pożizzjoni komuni, anki meta, f’ċerti okkażjonijiet, huma kienu jakkużaw reċiprokament lil xulxin li ma kinux qed jimxu skont din il-pożizzjoni komuni.

355    Iċ-ċirkustanza, imsemmija mir-rikorrenti, li ċerti punti juru l-eżistenza ta’ kompetizzjoni intensa ma hijiex f’pożizzjoni li tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, il-fatt li wieħed ma josservax akkordju ma jbiddel xejn mill-eżistenza nnifisha tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, kieku kellu jitqies li tali kompetizzjoni teżisti, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriżi inkwistjoni ddeploraw reċiprokament il-bejgħ jew il-prezzijiet mitluba u kienu jirreaġixxu għal dawn l-ilmenti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 123, 124 u 130 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata.

356    Fil-fatt, għalkemm, kif jirriżulta minn nota tar-rikorrenti tad-9 ta’ Frar 2005 E.ON kienet akkużat lir-rikorrenti talli “tiddistruġġi” l-valur tal-gass fil-Ġermanja u talli tapprofitta ruħha minn differenzjali ta’ prezzijiet [kunfidenzjali], sabiex tikseb klijenti ġodda, liema fatt jista’ juri ċertu aġir kompetittiv min-naħa tar-rikorrenti fil-Ġermanja, xorta jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar kienet tqis li kien meħtieġ “li wieħed jaħdem fuq din il-kwistjoni”. Issa, f’kuntest kompetittiv normali, impriża ma jkollhiex l-intenzjoni li “taħdem” fuq l-akkużi tal-kompetitur tagħha dwar il-prattika tagħha tal-prezzijiet. Għaldaqstant dan juri li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tindirizza t-tħassib ta’ E.ON.

357    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta operatur ekonomiku jaċċetta l-ilmenti indirizzati lilu minn operatur ieħor dwar il-kompetizzjoni magħmula fil-konfront ta’ dan tal-aħħar mill-prodotti derivanti mill-ewwel operatur, l-aġir tal-partijiet ikkonċernati jikkostitwixxi prattika miftiehma (sentenza Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, punt 211 iktar ’il fuq, punt 283). Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, billi indikat li hija kienet ser “taħdem fuq din il-kwistjoni” dwar l-ilmenti ta’ E.ON li jikkonċernaw il-prattiki tal-prezzijiet tagħha fil-Ġermanja, kif ukoll billi, wara li saru lmenti minn E.ON dwar il-prezzijiet mitluba minnha fil-kuntest ta’ bejgħ lil kumpanniji tal-istat, irrediġiet nota f’April 2005, ir-rikorrenti aċċettat l-imsemmija lmenti fis-sens din il-ġurisprudenza, anki jekk hija kienet tqis, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari minn din in-nota ta’ April 2005, li kien meħtieġ li tiġi rrelativizzata l-perċezzjoni ta’ E.ON.

358    Barra minn hekk għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li billi, okkażjonalment, il-partijiet fi ftehim ta’ tqassim ta’ swieq ma osservawhx jew ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ osservanza mill-parti l-oħra, dan assolutament ma jurix li dan il-ftehim ma nżammx jew ma ġiex applikat. Madankollu hija tqis li tali prinċipju ma japplikax f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-impriżi inkwistjoni reġgħu tennew, permezz tal-ftehim tal-2004, li l-ittri ta’ akkumpanjament kienu “nulli u mingħajr effett” u li l-Kummissjoni ma werietx rieda konkordanti bejn l-impriżi inkwistjoni wara Awwissu 2004.

359    Madankollu, minn naħa, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ rieda konkordanti wara din id-data ġie kkonfutat fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv. Min-naħa l-oħra, anki jekk l-impriżi inkwistjoni ddikjaraw, fil-ftehim tal-2004, li huma kienu jqisu l-ittri ta’ akkumpanjament bħala “nulli u mingħajr effett”, xorta jibqa’ l-fatt li huma baqgħu josservaw il-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq li kien jirriżulta minnhom, ġaladarba E.ON kompliet tiddeplora l-aġir tar-rikorrenti, liema fatt din tal-aħħar tipprova tirrelativizza, bħal ma juru, b’mod partikolari, in-noti tad-9 ta’ Frar u ta’ April 2005. Barra minn hekk, speċifikament fir-rigward tar-rikorrenti, sa Settembru 2005, hija ma ħaditx gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sinjifikattivament iktar mill-kwantitajiet akkwistati fil-kuntest tal-PTG, hekk kif jirriżulta mill-premessi 101 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata.

360    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi kkontestat il-fatt li l-preokkupazzjoni ta’ E.ON fir-rigward tal-iżvilupp tagħha fil-Ġermanja wara Awwissu 2004 kien biss apparenti, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-Kummissjoni ma qisitx li dawn l-ilmenti kienu biss “apparenti” bħal ma ssostni r-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, din il-preokkupazzjoni ma hijiex tali li turi n-nuqqas ta’ ftehim, u dan għall-istess raġunijiet li għalihom ġew miċħuda l-argumenti relatati mal-ilmenti ta’ E.ON (ara l-punti 353 sa 359 iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif ġie osservat fil-punt 263 iktar ’il fuq, in-nota tar-rikorrenti ta’ April 2005 ma tippermettix li tiġi deskritta politika tal-prezzijiet aggressiva min-naħa tagħha fil-Ġermanja. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 357 iktar ’il fuq, f’kuntest kompetittiv normali, ma jidhirx konċepibbli li impriża tirreaġixxi għall-kritika tal-kompetitur tagħha fir-rigward tal-politika tagħha tal-prezzijiet u tipprova tirrelativizza l-perċezzjoni ta’ pożizzjonament aggressiv ta’ prezzijiet min-naħa tagħha, bħal ma tagħmel ir-rikorrenti fl-imsemmija nota, li ġiet redatta wara lmenti minn E.ON. Għaldaqstant din in-nota ma hijiex rilevanti sabiex jintwera n-nuqqas ta’ akkordju. Fil-fatt, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-preokkupazzjonijiet espressi minn E.ON għandhom it-tendenza li juru li l-impriżi inkwistjoni kienu qed jiżguraw li l-ftehim jiġi osservat, għar-raġunijiet esposti fil-punt 354 iktar ’il fuq. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, dan ma jaqlibx l-oneru tal-prova, ġaladarba din il-konstatazzjoni għandha tinqara b’rabta mal-provi l-oħra li juru t-tkomplija ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur wara Awwissu 2000.

361    Fit-tielet lok, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet irreaġixxiet għall-ilmenti ta’ E.ON dwar il-politika tagħha ta’ prezzijiet fuq is-sezzjoni ta’ [kunfidenzjali] fil-Ġermanja, billi bbażat ruħha fuq in-noti tad-9 ta’ Frar u ta’ April 2005. F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li n-nota tad-9 ta’ Frar 2005 tindika li jeħtieġ li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-akkużi ta’ E.ON u li n-nota ta’ April 2005 ġiet redatta wara lmenti ta’ E.ON dwar il-pożizzjonament ta’ prezzijiet tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ bejgħ lill-[kunfidenzjali] li jkisser il-valur tal-gass fil-Ġermanja. Għaldaqstant effettivament teżisti rabta bejn l-ilmenti ta’ E.ON dwar il-politika tar-rikorrenti u r-reazzjonijiet ta’ din tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma qisitx, fid-deċiżjoni kkontestata, li n-nota ta’ April 2005 kienet tirrakkomanda li tiġi ddilwita l-aggressività tar-rikorrenti fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett għandu jiġi speċifikat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li tali reazzjoni tikkostitwixxi l-indizju ta’ ġestjoni tajba. Fil-fatt, mill-imsemmija nota jirriżulta b’mod ċar li l-għan kien li tiġi rrelativizzata l-perċezzjoni ta’ E.ON u mhux li jinżamm il-livell ta’ profitabbiltà tar-rikorrenti fil-Ġermanja, bħal ma tallega din tal-aħħar.

362    Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dokumenti dwar il-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005, f’dan il-każ nota ta’ “briefing” tal-20 ta’ Settembru 2005 ippreparata għal din il-laqgħa u posta elettronika tat-22 ta’ Settembru 2005 li tispjegaha fil-qosor, li jissemmew fil-premessi 132 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li hekk kif ammettiet finalment b’risposta għal domanda mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tqis li E.ON kompliet tilmenta dwar il-kompetizzjoni eżerċitata mir-rikorrenti fil-Ġermanja u li l-aġir tagħhom kien jaqa’ iktar taħt ftehim milli taħt kompetizzjoni. Għaldaqstant dawn id-dokumenti tqisu li kienu inkriminanti, bil-kontra ta’ dak li inizjalment sostniet il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. josservaw ir-rikorrenti, li dawn jiżvelaw l-eżistenza ta’ negozjati bejn xerrej (E.ON Ruhrgas) u fornitur (GDF Deutschland). Madankollu, xorta jibqa l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-minuti tal-imsemmija laqgħa u kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt din il-laqgħa, GDF esprimiet l-istrateġija tagħha u s-suċċess tagħha fis-suq Ġermaniż.

363    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argument relatat tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata n-nota ta’ “briefing” tal-20 ta’ Settembru 2005 ppreparata fid-dawl tal-laqgħa tal-għada, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, filwaqt li ma turix, bħal ma ssostni r-rikorrenti, li [kunfidenzjali], il-minuti ta’ din il-laqgħa jippermettu li tintwera n-natura kollużorja tal-aġir tal-impriżi inkwistjoni. Fil-fatt jirriżulta li r-rikorrenti indikat li hija ma kinitx tqis lill-Ġermanja bħala suq essenzjali u li, reċentement, disa’ offerti kienu waslu sabiex jintrebaħ klijent wieħed biss. Hija indikat ukoll li saħansitra tilfet xi klijenti. B’hekk, inklużi xi jiem qabel id-data ta’ tmiem il-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti skambjat ma’ E.ON informazzjoni dwar il-politika kummerċjali tagħha fil-Ġermanja. Tali informazzjoni setgħet tinfluwenza l-aġir ta’ E.ON fis-suq, li kienet tinsab f’pożizzjoni li tkun taf is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-klijenti Ġermaniżi, u kienet tiżvela l-aġir li kellha l-intenzjoni tadotta f’dan is-suq. Issa, il-ħtieġa tal-awtonomija tal-politika ta’ kull operatur ekonomiku, li hija inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni, tipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi li jkun tali jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir fis-suq li wieħed iddeċieda, jew li bi ħsiebu, li jadotta fis-suq, ladarba dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq in kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi preżunt, b’riżerva għal kull prova kuntrarja li l-produzzjoni tagħha hija responsabbiltà tal-operaturi interessati, li l-impriżi li jipparteċipaw fi ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 275 iktar ’il fuq, punti 117 u 121). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi ammess li l-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005 serviet bħala qafas għal ftehim li jmur kontra l-Artikolu 81(1) KE, fejn ir-rikorrenti lanqas biss ipprovat tipproduċi l-prova li l-informazzjoni inkwistjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni.

364    Għaldaqstant mingħajr ma wettqet żball il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dokumenti relatati mal-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005 sabiex tikkunsidra li l-iskambju bejn l-impriżi inkwistjoni kien jikkonċerna iktar ftehim milli kompetizzjoni.

365    Fl-aħħar lok, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni diġà ġew ikkonfutati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, li għalih konsegwentement qed isir riferiment. Hija fakkret ukoll li l-minuti tal-laqgħa tal-21 ta’ Settembru 2005 juru, waħedhom, li l-impriżi inkwistjoni skambjaw informazzjoni ta’ natura li tinfluwenza l-aġir tagħhom fis-suq u li jiżvelawha, fejn tali skambju huwa pprojbit mill-Artikolu 81 KE.

366    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti

367    Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-Artikolu 81 KE, tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-prova u b’nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu hija ma tipproduċi ebda element probatorju li jikkonċerna l-eżistenza tal-ksur fis-suq Franċiż wara t-13 ta’ Awwissu 2004.

368    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ksur dam mill-1 ta’ Jannar 1980 mill-inqas sat-30 ta’ Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja, u mill-10 ta’ Awwissu 2000 sa mill-inqas it-30 ta’ Settembru 2005, fir-rigward tal-ksur imwettaq fi Franza.

369    Madankollu, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li ebda prova dokumentali ma turi t-tkomplija tal-ksur inkwistjoni wara t-13 ta’ Awwissu 2004, sew jekk taħt forma ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma. B’hekk, l-aħħar dokument li jikkonċerna s-suq Franċiż huwa n-nota ta’ “briefing” interna ta’ E.ON tas-26 ta’ Ġunju 2004, dwar il-laqgħa “Tour d’horizon” tat-2 ta’ Lulju 2004, li tippreċedi t-13 ta’ Awwissu 2004, data tal-ftehim tal-2004. Iktar preċiżament, fir-rigward tal-laqgħat u skambji li matulhom, skont il-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ddiskutew l-istrateġija rispettiva tagħhom fis-suq nazzjonali ta’ xulxin wara Awwissu 2004, għandu jiġi osservat li fl-imsemmija premessa l-Kummissjoni ma tirreferi għal ebda element dokumentali speċifiku relatat ma’ laqgħa li kkonċerna s-suq Franċiż. Barra minn hekk, id-dokumenti li jikkonċernaw il-laqgħat sussegwenti għat-13 ta’ Awwissu 2004 ċċitati fil-premessi 123, 124 u 130 sa 136 tal-imsemmija deċiżjoni jirreferu biss għas-suq Ġermaniż tal-gass u mhux għas-suq Franċiż.

370    Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tinvokax l-aġir ta’ E.ON fis-suq Franċiż sabiex turi t-tkomplija tal-akkordju f’dan is-suq. B’mod partikolari, hija ma għamlitx riferiment għall-bejgħ ta’ E.ON fi Franza, meta hija kienet għamlet dan fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-bejgħ tar-rikorrenti fil-Ġermanja.

371    Barra minn hekk, fir-rigward tar-restrizzjonijiet relatati mal-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL li jistgħu japplikaw għal E.ON fi Franza, b’mod partikolari dawk li jistgħu jirriżultaw mill-anness 2 tal-Ftehim MEGAL, dawn lanqas biss huma invokati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar, tirreferi biss, fil-premessi 299, 300 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-restrizzjonijiet kuntrattwali li jipprekludu lir-rikorrenti milli tuża l-punti ta’ ħruġ tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL fil-Ġermanja sabiex tforni lil klijenti. Fi kwalunkwe każ, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-anness 2 tal-Ftehim MEGAL li jikkonċernawha, E.ON setgħet tieħu gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL sabiex tbigħu fi Franza, anki jekk dan il-bejgħ kien jirrappreżenta biss parti żgħira tas-suq u kienet tikkonċerna biss ftit klijenti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 73 u 101 tad-deċiżjoni kkontestata.

372    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fatt li l-impriżi inkwistjoni nnegozjaw ftehim ġdid jindika li huma kienu għadhom iħossuhom marbuta mill-ftehim eżistenti, jew l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, fin-nuqqas ta’ ftehim ġdid, dak qadim kien għadu fis-seħħ, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jippermettu li jiġu ssostanzjati suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-konklużjonijiet tagħha li jikkonċernaw is-suq Franċiż. Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi suffiċjentement preċiżi u konkordanti li l-ksur tkompla, fi Franza, wara l-ftehim tal-2004.

373    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-ksur inkwistjoni kien tkompla, wara l-ftehim tal-2004, fis-suq Franċiż. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni barra minn hekk irrikonoxxiet li hija ma kellhiex fil-pussess tagħha, fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-suq Franċiż, provi paragunabbli għal dawk li jikkonċernaw is-sitwazzjoni fis-suq Ġermaniż.

374    Issa, peress li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel distinzjoni bejn it-tul tal-ksur fis-suq Ġermaniż u dak fis-suq Franċiż, il-Kummissjoni kellha wkoll tissostanzja l-konklużjoni tagħha dwar dan l-aħħar suq. Fi kliem ieħor, billi kkaratterizzat, fl-Artikolu 1, tul ta’ ksur distinti fis-suq Ġermaniż u fis-suq Franċiż, il-Kummissjoni kellha tipprovdi l-provi neċessarji li jippermettu li jiġi pprovat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza tal-ksur fiż-żewġt iswieq u matul it-tul ta’ żmien imsemmi għaż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt, hija għandha l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur, u, għaldaqstant, tat-tul tiegħu (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 341, u l-ġurisprudenza ċċitata).

375    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jitqegħdux inkwistjoni biċ-ċirkustanza li l-ksur jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza fir-rigward tan-natura tal-ksur ikkonstatat hija mingħajr effett fuq il-fatt li, ladarba l-Kummissjoni deliberatament semmiet, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, tul tal-ksur distint fis-suq Franċiż u fis-suq Ġermaniż, hija kellha l-obbligu li tipprova suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi t-tul ta’ ksur li għalhekk ġie kkunsidrat.

376    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li ebda prova ma turi waqfien antiċipat mill-ksur inkwistjoni fis-suq Franċiż ma jistax jiġi aċċettat, ġaladarba l-oneru tal-prova li għandha ma jistax jiġi sodisfatt bis-sempliċi konstatazzjoni li xejn ma jindika li l-imsemmi ksur ma ntemmx, minkejja l-ftehim tal-2004.

377    Barra minn hekk fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li waqfien minn qabel huwa f’kuntradizzjoni ma’ ftehim ta’ tqassim ta’ swieq jew ma jikkorrispondi għal ebda loġika, jeħtieġ li jiġi osservat li tali allegazzjoni ma hijiex f’pożizzjoni li turi t-tkomplija tal-ksur inkwistjoni fiż-żewġ swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, bħal ma osservat ir-rikorrenti, din hija f’kontradizzjoni mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur inkwistjoni ma bediex fl-istess dati. L-argument tal-Kummissjoni li l-assimetrija dwar il-bidu tal-ksur tispjega ruħha biss permezz taċ-ċirkustanza li l-ftehim inkwistjoni ma setax jipproduċi l-effetti tiegħu fis-suq Franċiż sakemm dan jibqa’ magħluq għall-kompetizzjoni u li l-assimetrija dwar id-data ta’ tmiem hija kwistjoni fattwali, ma huwiex konvinċenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-impriżi inkwistjoni komplew josservaw l-ittri ta’ akkumpanjament wara l-ftehim tal-2004, kemm fil-Ġermanja kif ukoll fi Franza, ma hijiex assolutament issostanzjata fir-rigward ta’ dan l-aħħar pajjiż.

378    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-ksur inkwistjoni tkompla, fi Franza, matul il-perijodu inkluż bejn it-13 ta’ Awwissu 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005.

379    Għaldaqstant għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonstata li l-ksur fi Franza dam matul dan il-perijodu.

B –  Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

1.     Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija tal-multa

380    Insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tneħħija tal-multa, ir-rikorrenti tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

381    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, billi imponitilha multa meta l-Kummissjoni ma kinitx għamlet dan f’kawżi simili preċedenti, hija kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

382    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjoni ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza Musique diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 105, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 105). Din il-funzjoni tinkludi d-dmir li tinvestiga u twaqqaf ksur individwali kif ukoll id-dover li ssegwi politika ġenerali sabiex fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Minn dan isegwi li l‑Kummissjoni għandha tiżgura li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 79).

383    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impożizzjoni ta’ multi ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma tagħha, iċ-ċirkustanzi li taw lok għad-deċiżjonijiet preċedenti msemmija mill-impriżi inkwistjoni waqt il-proċedura amministrattiva huma differenti minn dawk tal-każ inkwistjoni, b’tali mod li ma hemm ebda sitwazzjoni paragunabbli li kienet ġiet suġġetta għal trattament differenti. F’dan ir-rigward, hija ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur inkwistjoni fil-premessa 321 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll il-kuntest, il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul tiegħu fil-premessa 322 ta’ din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett hija kkonfutat l-argumenti li l-impriżi inkwistjoni leġittimament kienu fondati li jistennew li l-Kummissjoni ma timponix multa minħabba li huma eskludew, qabel id-deċiżjonijiet fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL, li huma kienu qed iwettqu ksur jew minħabba l-fatt li ebda multa ma kienet ġiet imposta fl-ewwel deċiżjoni (ara l-premessi 323 sa 325 tad-deċiżjoni kkontestata).

384    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-punti li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv mir-rikorrenti.

385    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, ġaladarba dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 254, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra huma biss ta’ natura indikattiva fir-rigward tal‑eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma tantx huwa probabbli li ċirkustanzi li jkunu partikolari għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l‑perijodi kkonċernati, ikunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60).

386    Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħal ma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata).

387    Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 316, u l-ġurisprudenza ċċitata).

388    Issa, f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 389 sa 396 iktar ’il quddiem, id-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati mad-deċiżjonijiet preċedenti invokati mir-rikorrenti ma humiex paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni, sabiex b’hekk l-imsemmija deċiżjonijiet ma humiex rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 387 iktar ’il fuq.

389    Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-kawżi, E.ON vs Gazprom, OMVvs Gazprom, ENI vs Gazprom u NLNG, ma ġiet imposta ebda multa minħabba l-fatt li l-Kummissjoni għalqet dawn il-kawżi mingħajr ma adottat deċiżjoni formali li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, b’mod partikolari fir-rigward tal-impenji meħuda mill-impriżi kkonċernati. Issa, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni hija differenti, peress li l-Kummissjoni għalqet il-proċedura permezz ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE.

390    It-tieni nett, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, is-sitwazzjoni ta’ din il-kawża hija differenti minn dik inkwistjoni fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL.

391    Qabel kollox, il-fatt li l-aġir ikkonċernat seħħ fis-settur tal-gass fl-istess perijodu, ikkaratterizzat bil-liberalizzazzjoni u għaldaqstant evoluzzjoni profonda tas-settur, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jipprova li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni.

392    Sussegwentement, fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan kien jikkonċerna l-ewwel deċiżjoni dwar restrizzjonijiet territorjali fis-settur tal-gass. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

393    Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet ikkonċernati huma differenti skont in-natura tagħhom. Fil-fatt, dawk inkwistjoni fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL kienu ta’ natura vertikali, billi kienu jirriżultaw, minn naħa, minn kuntratt ta’ tranżitu u, min-naħa l-oħra, minn kuntratt li jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ xiri-bejgħ. Barra minn hekk mill-eżami mwettaq f’dawn il-kawżi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 81(3) KE, jirriżulta li hija stess kienet tqis ir-restrizzjonijiet bħala restrizzjonijiet vertikali. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk fejn ir-restrizzjoni hija ta’ natura orizzontali, billi tirriżulta minn ftehim bejn żewġ fornituri fir-rigward tal-użu ta’ pajp għat-trażmissjoni ta’ gass u tikkonċerna l-possibbiltajiet rispettivi tagħhom li jbigħu gass fis-suq ta’ xulxin. Barra minn hekk, il-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL huma differenti mill-każ inkwistjoni, hekk kif osservat il-Kummissjoni, peress li l-kawżi kienu jikkonċernaw klawżola kuntrattwali li tillimita b’mod unilaterali t-territorju li fuqu ENI u ENEL setgħu jużaw il-gass li kien is-suġġett tal-kuntratt, filwaqt li dan ma huwiex il-każ hawnhekk, fejn ir-restrizzjoni tikkonċerna t-territorji rispettivi tal-impriżi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, minn naħa, li r-rikorrenti ma tindikax sa fejn din il-miżura ma hijiex rilevanti u, min-naħa l-oħra, li l-argumenti tagħha li jikkonċernaw l-allegata natura assimetrika tal-ittri ta’ akkumpanjament diġà ġew ikkonfutati.

394    Barra minn hekk, bil-kontra tal-każ inkwistjoni, ebda prattika miftiehma ma ġiet identifikata fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL. Ir-rilevanza ta’ din id-differenza ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-fatt, imsemmi mir-rikorrenti, li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma huma flessibbli u jistgħu jkunu sovrapposti u li għaldaqstant ma kienx hemm lok li speċifikament issir distinzjoni ta’ dawn iż-żewġ kunċetti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li ma huwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ ksur ma tippermettix li jitqiegħed inkwistjoni l-fatt li t-tnejn li huma ġew ikkonstatati f’dan il-każ, filwaqt li dan ma kienx il-każ fil-kawżi GDF/ vs ENI u GDF vs ENEL. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-laqgħat u l-iskambji bejn l-impriżi inkwistjoni mill-1999 sal-2005 ma ppermettewx li tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ ksur awtonomu ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva, indipendentement mill-ittri ta’ akkumpanjament, dan diġà ġie miċħud hekk kif jirriżulta mill-punti 243 sa 258 iktar ’il fuq.

395    Fl-aħħar nett, minkejja l-iżball ikkonstatat fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur fil-Ġermanja u dak li jikkonċerna d-data ta’ tmiem il-ksur fi Franza, għandu jiġi enfasizzat li l-ksur fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL twettaq fuq perijodu relattivament qasir, jiġifieri madwar sentejn filwaqt li dan ma huwiex il-każ inkwistjoni fejn il-ksur dam mill-inqas seba’ snin fil-Ġermanja u erba’ snin fi Franza. L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw din id-differenza għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda wkoll.

396    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

397    Fit-tieni lok, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi għandu jiġi miċħud ġaladarba f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ma tressaq ebda argument separat minn dawk imressqa insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment jista’ jiġi miċħud biss ġaladarba kull impriża involuta fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 229) u li l-fatt li l-Kummissjoni tista’ f’kull mument tirrevedi l-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika oħra ta’ kompetizzjoni hija għaldaqstant raġonevolment prevedibbli għall-impriżi kkonċernati. Din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-indikazzjoni, imsemmija mir-rikorrenti u li tinsab fi stqarrija għall-istampa dwar id-deċiżjonijiet GDF vs ENI u GDF vs ENEL, li l-Kummissjoni turi inqas klemenza fil-każ fejn, wara l-adozzjoni tagħhom, hija jkollha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet tal-istess tip f’kuntratti oħra dwar il-gass. Fil-fatt, minn dan ma jistax jiġi dedott, fin-nuqqas ta’ riferiment espliċitu f’dan ir-rigward, sew jekk fl-imsemmija stqarrija għall-istampa jew fl-imsemmija deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tissanzjona ksur li beda qabel dawn id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, diġà ġie osservat li s-sitwazzjoni ta’ din il-kawża kienet differenti minn dik inkwistjoni fil-kawżi GDF vs ENI u GDF vs ENEL (ara l-punti 390 sa 396 iktar ’il fuq). Għaldaqstant ir-rikorrenti hija żbaljata billi tallega li, skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-pieni, il-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-fatt li kull twebbis tal-politika tagħha dwar sanzjonijiet fi kwalunkwe każ jista’ jseħħ biss għal prattiki li jseħħu wara l-imsemmija deċiżjonijiet.

398    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi miċħud bħala mhux rilevanti f’dan il-każ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax timponi multa għal ksur li l-karatteristiċi tagħha ġġustifikaw il-fatt li, f’kawża simili preċedenti, ebda sanzjoni finanzjarja effettivament ma tqieset proporzjonata, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma imponietx multa lill-awtur ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax, fih nnifisha, tipprekludi li tiġi imposta multa lill-awtur ta’ ksur tal-istess natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il‑Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 487). Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi tal-kawżi li taw lok għad-deċiżjonijiet l-oħra msemmija mir-rikorrenti ma humiex paragunabbli għal dawk inkwistjoni (ara l-punti 389 sa 396 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni impliċitament qieset li l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji minħabba aġir bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fi żmien meta il-liġi kienet għadha ma ġietx ikkjarifikata hija kuntrarja għal dan il-prinċipju, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, tali pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi dedotta, bħal ma tidher li qed issostni r-rikorrenti, mill-fatt li hija indikat, fi stqarrija għall-istampa dwar il-kawża GDF vs ENEL, li hija xtaqet tikkjarifika l-liġi, mhux għall-benefiċċju tal-impriżi inkwistjoni f’dawn il-kawżi, iżda wkoll għal dawk kollha attivi fis-settur. Tali ċirkustanza li tikkonċerna l-ħtieġa li tiġi kkjarifikata l-liġi effettivament tissemma mill-Kummissjoni, fl-istqarrija għall-istampa, biss sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li hija kellha interess tadotta deċiżjoni formali li tikkonċerna ksur li seħħ fil-passat. Min-naħa l-oħra l-istess ċirkustanza ma hijiex rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multa f’dan il-każ. L-istess jgħodd għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjonijiet GDF vs ENI u GDF vs ENEL, li għandu jiġi evitat li l-impriżi tas-settur iqisu jew ikomplu jqisu, b’mod żbaljat, li l-prattiki bħal dawk osservati f’dan il-każ ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud ukoll.

399    Fl-aħħar nett, ebda raġuni ma tiġġustifika l-fatt li l-Qorti Ġenerali tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fejn jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

400    Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv uniku mressaq insostenn tat-talbiet għat-tneħħija tal-multa għandu jiġi miċħud.

401    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ebda motiv marbut ma’ ħtieġa ta’ ordni pubbliku li hija marbuta tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑12789, punt 131) ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni sabiex tikkanċella l-multa.

2.     Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

402    Insostenn tat-talbiet tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tqajjem, wara li ddeżistiet parzjalment fl-istadju tar-replika, ħames motivi, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-ksur allegat li jikkonċerna suq Franċiż tal-gass ma ġiex ipprovat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi u dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur, it-tielet wieħed huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, ir-raba’ wieħed huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ħtieġa li jiġi applikat ammont addizzjonali ta’ 15 % u l-ħames wieħed huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti.

a)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ksur allegat li jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass ma ġiex ipprovat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

403    Ir-rikorrenti ssostni li, ġaladarba l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ ksur li jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass kif ukoll il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, l-ammont tal-multa li ġiet imposta għandha titnaqqas bi proporzjon li jikkorrispondi għall-bejgħ tagħha fi Franza.

404    F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-prova tal-eżistenza ta’ ksur dwar is-suq Franċiż tal-gass u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata relatata magħha ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv imressaq insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u kif ukoll li dan il-motiv ma jippreżenta ebda portata awtonoma meta mqabbla mal-imsemmija argumenti.

405    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li ebda motiv ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjonijiet għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur fis-suq Franċiż.

406    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

407    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat it-tul tal-ksur. Skont hi, ma kienx hemm ksur qabel Awwissu 2000 fil-Ġermanja u Jannar 2003 fi Franza. Barra minn hekk, ma kienx hemm iżjed ksur wara Awwissu 2004 fi Franza u fil-Ġermanja jew, sussidjarjament, wara Awwissu 2004 fi Franza. Ir-rikorrenti tqis li t-tul u l-valur tal-bejgħ b’rabta mal-ksur allegat għandhom konsegwentement jitnaqqsu u l-ammont tal-multa għandha titnaqqas konsekuttivament.

408    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, hekk kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tar-raba’ motiv imressaq insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-ksur inkwistjoni kompla wara l-10 ta’ Awwissu 2004, u dan sat-30 ta’ Settembru 2005; sa fejn dan kien jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass. Għaldaqstant jidher opportun li l-Qorti Ġenerali tnaqqas, billi tuża s-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjonijiet, l-ammont tal-multa mogħtija lir-rikorrenti sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur fl-imsemmi suq. Il-konsegwenzi konkreti tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandhom jiġu speċifikati fil-punti 458 sa 466 iktar ’il quddiem.

409    Sussegwentement, ġaladarba l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru, minn naħa, li ebda ksur ma seta’ jiġi kkonstatat fis-suq Ġermaniż qabel Awwissu 2000 u fis-suq Franċiż qabel Jannar 2003 u, min-naħa l-oħra, li ebda ksur ma seta’ jiġi kkonstatat wara Awwissu 2004 fis-suq Ġermaniż, diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mressqa insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-imsemmija argumenti, ġaladarba, f’dan is-sens, ma jippreżenta ebda portata awtonoma fir-rigward tagħhom.

410    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, il-Qorti Ġenerali tista’ tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx għalfejn ir-raġunament li wasslitha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-perijodu ta’ wara April 1998 sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa b’rabta mas-suq Ġermaniż (meta l-ksur kien beda mill-1 ta’ Jannar 1980), ma setax jiġi applikat għall-perijodu inkluż bejn l-aħħar ta’ April 1998 u Awwissu 2000, minkejja n-nuqqas ta’ ATN matul dan il-perijodu. Fil-fatt, fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fir-rigward tal-perijodu mill-1998 sal-2000, li, billi abroga l-eżenzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli għall-ftehim ta’ delimitazzjoni fl-24 ta’ April 1998, il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa li s-settur tal-gass kellu jkun miftuħ għall-kompetizzjoni wara din id-data. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv imressaq insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ebda punt ma ppermetta li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tort meta kkunsidrat li fil-Ġermanja, kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali wara l-1998.

411    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset li ebda motiv ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni, bħal ma tissuġġerixxi r-rikorrenti, għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward tat-tul tal-ksur, lil hinn mill-konsegwenzi msemmija fil-punt 408 iktar ’il fuq.

412    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, ħlief fir-rigward ta’ tmiem il-ksur fis-suq Franċiż, dan il-motiv gћandu jiġi miċћud.

c)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

413    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball u bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Filwaqt li tirreferi għan-natura kif ukoll għan-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħha, hija ssostni li l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, f’dan il-każ 15 %, huwa eċċessiv u għandu jitnaqqas mill-Qorti Ġenerali.

414    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċirkustanzi tal-ksur u tal-gravità tal-ksur, u l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet magħmula fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata).

415    B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni imputabbli lil impriża, sabiex jiġi stabbilit ammont ta’ multa li jkun proporzjonali miegħu, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-tul partikolarment twil ta’ ċertu ksur, tan-numru u tad-diversità tal-ksur, li kkonċerna l-prodotti kollha jew kważi kollha tal-impriża inkwistjoni u fejn ċerti elementi tiegħu affettwaw l-Istati Membri kollha, tal-gravità partikolari ta’ ksur li jaqa’ taħt strateġija deliberata u koerenti intiża, permezz ta’ prattiki eliminatorji diversi fir-rigward tal-kompetituri u premezz ta’ politika ta’ fedeltà tal-klijenti, li żżomm artifiċjalment jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-swieq fejn il-kompetizzjoni kienet diġà limitata, tal-effetti ta’ abbuż partikolarment dannuż mill-perspettiva tal-kompetizzjoni u tal-vantaġġ meħud mill-impriża mill-ksur tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punti 240 u 241).

416    Skont il-punti 19 u 21 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, li jista’ jammonta sa 30 %, iddeterminat skont il-livell ta’ gravità tal-ksur, immoltiplikat bin-numru tas-snin tal-ksur. Barra minn hekk, skont il-punt 20 tal-imsemmija linji gwida, l-evalwazzjoni tal-gravità ssir skont il-każ partikolari għal kull tip ta’ ksur, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ.

417    F’dan il-każ, sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, wieħed mill-iktar tipi ta’ ksur gravi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, il-fatt li l-impriżi ftiehmu sabiex iġibu fis-seħħ, waqt laqgħat regolari, proġett sigriet u istituzzjonalizzat intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur tal-gass, il-fatt li l-ftehim u l-prattiki miftiehma ġew ikkonċepiti, diretti u inkoraġġuti fl-ogħla livelli ta’ tmexxija ta’ kull impriża, u ġew kollha kemm huma operati fl-interess ta’ dawn l-impriżi u b’detriment tal-klijenti tagħhom u, finalment, tal-konsumaturi finali, kif ukoll il-fatt li l-ksur kien ikopri l-gass trażmess lejn Franza u l-Ġermanja bil-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, jiġifieri parti sostanzjali tas-suq komuni. Fil-premessa 365 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonkludiet li perċentwali ta’ 15 % tal-bejgħ ikkonċernat kellha tiġi applikata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur.

418    Ebda prova prodotta mir-rikorrenti ma tippermetti li titqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

419    Fil-fatt, l-eżami tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettiex li titqiegħed inkwistjoni l-parteċipazzjoni tal-impriżi inkwistjoni, ikkonstatata fil-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fi ksur kumpless, uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li għandu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq nazzjonali rispettiv tagħhom, u li jikkawża, b’mod partikolari, t-tqassim ta’ swieq u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna l-provvista ta’ gass naturali trażmess mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-natura tal-ksur u li jgħidu, minn naħa, li l-ittri ta’ akkumpanjament ma jikkostitwixxux ftehim orizzontali kkaratterizzat bi tqassim ta’ swieq, iżda li huma sempliċement klawżola ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-laqgħat u l-kuntatti oħra bejn l-impriżi inkwistjoni ma jippermettux li tiġi identifikata waħda mir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni, inkluż jekk ġewx analizzati b’mod indipendenti mill-ittri ta’ akkumpanjament, diġà ġew ikkonfutati fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mressqa insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-punti 243 sa 258 u 341 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, id-dipartiment legali tar-rikorrenti rrikonoxxa, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 u s-17 ta’ Frar 2000, li l-ittra Direktion G kienet bħal “tqassim ta’ swieq” vast, liema fatt juri li r-rikorrenti kienet taf perfettament dwar in-natura antikompetittiva tagħha.

420    Issa, tali ksur evidenti tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa, min-natura tiegħu, partikolarment gravi. Huwa jmur kontra l-għanijiet l-iktar fundamentali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, it-twettiq tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ April 1993, Peugeot vs Il‑Kummissjoni, T‑9/92, Ġabra p. II‑493, punt 42). Dan huwa kkonfermat bil-punt 23 tal-linji gwida tal-2006 li jispeċifika li l-ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim ta’ swieq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, li huma ġeneralment sigrieti, huma, min-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni.

421    Il-punt 23 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi wkoll li, taħt il-politika tal-kompetizzjoni, dan il-ftehim għandu jiġi ssanzjonat severament u li, b’hekk, il-proporzjon tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għal tali ksur għandu ġeneralment jiġi kkunsidrat fuq parti għolja mill-iskala li, skont il-punt 21 tal-imsemmija linji gwida, huwa bejn 0 % u 30 %.

422    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li perċentwali ta’ 15 % tal-bejgħ ikkonċernat kellha tiġi applikata fid-dawl tan-natura tal-ksur.

423    Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-implementazzjoni u l-effetti tal-ksur, ġaladarba, skont il-punt 23 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni setgħet tiffissa ammont fir-rigward tas-sempliċi kriterju tan-natura tal-ksur. Fi kwalunkwe każ, minn naħa, fir-rigward tal-implementazzjoni, mill-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriżi inkwistjoni matul is-snin implementaw il-ftehim inkwistjoni kif ukoll prattika miftiehma, liema fatt ma tqiegħditx inkwistjoni meta ġew eżaminati t-talbiet għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-effetti tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni qieset, fl-istess premessa, li, ġaladarba huma kienu implementawh, wieħed seta’ jassumi li l-arranġamenti kollużorji kienu sussegwentement ipproduċew effetti antikompetittivi konkreti fis-suq, fis-sens li l-ksur saħħaħ il-monopolji eżistenti qabel il-liberalizzazzjoni u dewmu l-effett ta’ din tal-aħħar.

424    Fl-aħħar nett, ebda prova ma tiġġustifika l-fatt li l-Qorti Ġenerali tuża setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

425    B’hekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

d)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ħtieġa li jiġi applikat ammont addizzjonali ta’ 15 %

426    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi ammont addizzjonali ta’ 15 % minħabba l-fatt li l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq kien ġeneralment jiġġustifika, min-natura tiegħu, l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ mill-inqas 15 %.

427    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tinkludi fl-ammont bażiku somma inkluża bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ, sabiex jiġu dissważi l-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim ta’ swieq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tapplika wkoll tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor.

428    Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ speċifiku, l-imsemmi punt jispeċifika li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk iddefiniti fil-punt 22 tal-linji gwida tal-2006, jiġifieri n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni tal-ksur jew le.

429    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq jiġġustifika ġeneralment, min-natura tiegħu, l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ mill-inqas 15 % u li, f’dan il-każ, ma kienx neċessarju li jiġi applikat ammont addizzjonali ogħla minn 15 %. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi milqugħa.

430    Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-imsemmi aġir kien jikkostitwixxi ftehim orizzontali ta’ tqassim ta’ swieq (ara, b’mod partikolari, il-punt 419 iktar ’il fuq), fejn dan ma jikkostitwixxix klawżola ta’ restrizzjoni territorjali li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni identifikat in-natura oġġezzjonabbli tagħha biss wara ftit, hekk kif issostni r-rikorrenti (ara, b’mod partikolari, il-punti 341 u 393 iktar ’il fuq). Issa, għal dan it-tip ta’ informazzjoni, il-linji gwida tal-2006 jipprovdu l-inklużjoni fl-ammont bażiku tal-multa somma inkluża bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest, timponi ammont addizzjonali ta’ 15 %.

431    Fi kwalunkwe każ, kieku kellu jitqies li l-ksur inkwistjoni ma huwiex ta’ natura orizzontali, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 25 tal-linji gwida tal-2006 jippermettu lill-Kummissjoni tapplika ammont addizzjonali għal ksur ieħor minbarra dan it-tip.

432    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li huwa kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità li jiġi approvat tali ammont addizzjonali, filwaqt li jkunu ġew deċiżi kawżi ta’ natura paragunabbli mingħajr ma tiġi adottata deċiżjoni formali, dawn għandhom jiġu miċħuda wkoll. Fil-fatt, bil-kontra tal-każ inkwistjoni, fil-kawżi msemmija mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur. Għaldaqstant hija ma setgħetx timponi sanzjoni u tapplika tali ammont addizzjonali. Barra minn hekk, il-kawżi msemmija mir-rikorrenti kienu jikkonċernaw, hekk kif ġie osservat fil-punt 389 iktar ’il fuq, restrizzjonijiet ta’ natura vertikali u mhux orizzontali bħal f’dan il-każ.

433    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li ebda motiv ieħor ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni fejn jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward tal-ammont addizzjonali li ġie applikat.

434    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

e)     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti

435    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi rrifjutat li tagħtiha l-benefiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti marbuta mal-fatt, minn naħa, li hija kellha parteċipazzjoni ridotta fil-ksur u, min-naħa l-oħra, li l-aġir tagħha ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.

436    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-punt 29 tal-linji gwida tal-2006 jirriżulta li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas, b’mod partikolari, meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni, jew meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija ħadet sehem fil-ftehim li ta lok għall-imsemmi ksur, hija effettivament baqgħet lura milli timplementah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq.

437    Fl-ewwel lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta ma’ parteċipazzjoni ridotta fil-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi kienu jikkonfutaw it-teżi tal-impriżi inkwistjoni li l-ftehim ta’ tqassim ta’ swieq u l-prattiki miftiehma ma kinux ġew implementati.

438    Madankollu r-rikorrenti toġġezzjona li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi li juru li hija kienet adottat aġir kompetittiv.

439    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat li, sabiex tibbenefika miċ-ċirkustanza attenwanti marbuta ma’ parteċipazzjoni ridotta fil-ksur inkwistjoni, ir-rikorrenti għandha turi li, matul il-perijodu li fih ir-rikorrenti ħadet sehem fil-ftehim li ta lok għall-imsemmi ksur, hija effettivament baqgħet lura milli timplementah billi adottat imġiba kompetittiva fis-suq jew, minn tal-anqas, li hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113). Fi kliem ieħor, hija għandha turi li hija ma applikatx il-ftehim kontenzjuż, billi f’dan ir-rigward tkun aġixxiet fis-suq b’mod li jmur kontra l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 629).

440    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi pprovat tali aġir.

441    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li impriża li, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, issegwi politika ftit jew wisq indipendenti fis-suq tista’ sempliċement tipprova tuża l-akkordju favuriha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il‑Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 230). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni ammettiet li r-rikorrenti kienet ippruvat tevita r-restrizzjoni inkwistjoni ma jippermettix li jiġi pprovat aġir fis-suq li jista’ jipprekludi l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat. Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkontradixxiet lilha nnifisha billi ammettiet li hija kienet ippruvat tevita r-restrizzjoni inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

442    It-tieni nett, ebda prova prodotta mir-rikorrenti ma tista’ turi parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni sostanzjalment limitata jew l-eżistenza ta’ aġir fis-suq li jista’ jipprekludi l-effetti antikompetittivi tal-imsemmi ksur. B’mod partikolari, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, imfakkar fil-punti 194 u 333 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-fatt li bdew f’Ottubru 2004, il-volum limitat tagħhom u ċ-ċirkustanzi li huma ma kinux jikkorrispondu għal volumi sostanzjalment ogħla minn dawk akkwistati fil-kuntest tal-PTG, il-bejgħ ta’ gass mir-rikorrenti mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL ma huwiex tali li jipproduċi tali prova. Il-fatt li r-rikorrenti pparteċipat liberament fil-PTG huwa mingħajr effett fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet, hekk kif jirriżulta mill-punt 335 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ offerti, ta’ stediniet, jew ta’ talbiet ta’ aċċess għan-netwerk ma hijiex, fiha nnifisha, tali li turi l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, ġaladarba dawn ma wasslux għal bejgħ sostanzjali ta’ gass mill-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, b’mod partikolari lil hinn mill-volumi akkwistati fil-kuntest tal-PTG. Barra minn hekk, [kunfidenzjali], ikkonfutata bin-nota interna tagħha ta’ April 2005 li fiha hija stess irrikonoxxiet li kien meħtieġ li tirrelativizza l-perċezzjoni ta’ [kunfidenzjali] tan-naħa tagħha fis-suq Ġermaniż. Fl-aħħar nett, hekk kif ġie diġà osservat, mill-provi dokumentali li jinsabu fl-atti b’mod partikolari l-fatt li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tesplora soluzzjonijiet ma’ E.ON li jippermettu kompetizzjoni raġunata jew li hija beżgħet li l-gass Russu jista’ jaqa’ taħt idejn ħżiena u b’hekk jingħata lok għal awtorizzazzjoni ta’ kompetizzjoni supplimentari madwar il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL, liema fatt jikkuntrasta mal-eżistenza ta’ parteċipazzjoni ridotta tar-rikorrenti fl-akkordju. Barra minn hekk, ebda prova ma turi li l-funzjonament tal-akkordju ġie mfixkel bl-aġir tar-rikorrenti.

443    It-tielet nett, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tallega li l-Kummissjoni taqleb l-oneru tal-prova. Fil-fatt, ġaladarba l-Kummissjoni pprovat l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, hija r-rikorrenti li għandha turi, skont il-punt 29 tal-linji gwida tal-2006, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet sostanzjalment ridotta u, b’hekk, li, matul il-perijodu li fih hija aderixxiet mal-akkordji li taw lok għall-imsemmi ksur, hija effettivament evitat milli tapplikahom billi adottat aġir kompetittiv fis-suq. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hija għandha turi li l-aġir tagħha jista’ jmur kontra l-effetti tal-akkordju fis-suq meta l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ dawn l-effetti, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, anki jekk hija ma kinitx ipprovat l-effetti tal-ksur inkwistjoni, bħal ma wara kollox tawtorizzaha l-ġurisprudenza, il-Kummissjoni madankollu qieset li, peress li ġiet prodotta l-prova li l-ftehim antikompetittiv u l-prattika miftiehma ġew implementati matul is-snin, wieħed seta’ jassumi li l-arranġamenti kollużorji pproduċew effetti antikompetittivi konkreti fis-suq, fis-sens li l-ksur saħħaħ il-monopolji eżistenti qabel il-liberalizzazzjoni u dewwmet l-effett ta’ din il-liberalizzazzjoni.

444    Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza attenwanti marbuta mal-fatt li l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li din ma setgħetx tiġi applikata għall-perijodu li jiġi wara l-bidu tal-liberalizzazzjoni, ġaladarba, billi adottaw u implementaw l-ewwel direttiva dwar il-gass, l-awtoritajiet tal-Unjoni u l-Istati Membri wrew l-intenzjoni tagħhom li s-swieq tal-gass isiru kompetittivi. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, għalkemm l-awtoritajiet Franċiżi ma osservawx it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, huma ma pprekludewx li jsir forniment lil klijenti eliġibbli minn kompetituri ġodda mill-10 ta’ Awwissu 2000, b’tali mod li ma jkun hemm ebda raġuni li miżura tal-awtoritajiet Franċiżi tawtorizza jew tinkoraġġixxi ftehim illegali ta’ tqassim ta’ swieq. Fil-premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li kieku kellu jitqies ġustifikat li wieħed isostni li l-awtoritajiet pubbliċi awtorizzaw jew ħajjru l-ksur għal kull perijodu li jippreċedi l-adozzjoni tal-ewwel direttiva dwar il-gass, din l-affermazzjoni, fi kwalunkwe każ, diġà tkun ittieħdet debitament inkunsiderazzjoni, sa fejn il-perijodu ta’ ksur meqjus għall-kalkolu tal-multi jibda biss f’April 1998 għall-Ġermanja u fl-10 ta’ Awwissu 2000 għal Franza.

445    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni jmissha rrikonoxxiet li l-aġir tagħha ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.

446    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża u dik Franċiża jawtorizzaw, sat-traspożizzjoni effettiva tal-ewwel direttiva dwar il-gass, it-tqassim tas-swieq tal-gass, għandu jitfakkar, għal dak li jikkonċerna l-Ġermanja, li l-qafas legali ma jeskludix, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali wara l-24 ta’ April 1998.

447    Għal dak li jikkonċerna Franza, mill-punti 312 sa 323 iktar ’il fuq jirriżulta li mhux biss il-qafas legali Franċiż ma setax iżjed, mill-10 ta’ Awwissu 2000, jawtorizza jew jinkoraġġixxi t-tqassim tas-suq, iżda wkoll li, barra minn hekk, il-miżuri adottati fi Franza kkontribwixxew (ċertament b’mod limitat) sabiex minn din id-data s-suq jinfetaħ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Franċiżi ma pprekludewx il-forniment ta’ klijenti minn kompetituri ġodda ma jfissirx li jkun qed jiġi riżervat il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni għal każijiet fejn is-sitwazzjoni antikompetittiva hija meħtieġa (u mhux sempliċement awtorizzata) mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan fil-fatt juri li l-awtoritajiet Franċiżi ma kellhomx iżjed l-intenzjoni li jħallu fis-seħħ, u għaldaqstant li jawtorizzaw, it-tqassim tas-suq Franċiż.

448    Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kapaċità tagħha bħala impriża pubblika, ir-rikorrenti ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, wara l-10 ta’ Awwissu 2000, tinvoka s-sitwazzjoni fi Franza ġaladarba hija waħda minn fost l-entitajiet li kontrihom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effetti diretti, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 314 iktar ’il fuq. Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma hijiex intiża li ċċaħħadha, fil-kapaċità tagħha bħala impriża pubblika, mill-possibbiltà li tiġi invokata ċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, iżda turi li, taħt din il-kapaċità, hija ma setgħetx timplementa aġir li jmur kontra l-għan tad-direttiva, u li għaldaqstant il-qafas legali Franċiż ma kienx jawtorizza u lanqas jinkoraġġixxi l-aġir inkwistjoni f’dan il-każ.

449    Fir-rigward tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Franċiża fil-kawżi C‑159/94 u C‑259/01, ma jistax jiġi dedott minn dan li l-Kummissjoni kkontradixxiet ruħha billi rrifjutat lir-rikorrenti milli tibbenefika miċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott minn dan li l-qafas legali Franċiż kien jawtorizza jew jinkoraġġixxi l-ftehim inkwistjoni f’dan il-każ, iżda, l-iktar, li l-Kummissjoni kienet tqis li l-awtoritajiet Franċiżi kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 30, 34 u 37 tat-Trattat KE billi ma stabbilixxewx drittijiet esklużivi ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni għall-gass u għall-elettriku, fir-rigward tal-ewwel kawża, jew l-obbligi tagħha skont l-ewwel direttiva dwar il-gass billi ma implementathiex korrettement, fir-rigward tat-tieni kawża. Barra minn hekk, ir-rikors fil-Kawża C‑159/94 ma ġiex milqugħ. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi dedott mill-konstatazzjoni li għamlet il-Kummissjoni li l-qafas leġiżlattiv Ġermaniż ma kienx jippermetti kompetizzjoni effettiva tal-kompetituri ġodda barranin, li l-imsemmi qafas kien jawtorizza jew jinkoraġġixxi aġir antikompetittiv.

450    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġir antikompetittiv inkwistjoni ma ġiex awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni.

451    It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li s-settur tal-gass kien f’fażi ta’ liberalizzazzjoni matul il-perijodu tal-ksur u li kienu jeżistu inċertezzi fir-rigward tar-regoli applikabbli, jeħtieġ li jiġi osservat li dan f’ebda każ ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-aġir antikompetittiv ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni. Anki jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi u Franċiżi kienu ħallew livell kunsiderevoli ta’ inċertezza għall-operaturi dwar il-legalità tal-aġir tagħhom mhux biss qabel, iżda wkoll wara l-liberalizzazzjoni, tali ċirkustanza ma tippermettix li jiġi stabbilit li huma awtorizzaw jew inkoraġixxew l-aġir inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant ir-rikorrenti tippretendi b’mod żbaljat li tali konstatazzjoni hija tali li fuqha jiġi bbażat it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-impatt tal-qafas leġiżlattiv fuq il-kalkolu tal-multa.

452    Barra minn hekk, kieku kellu jitqies li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li ssostni li, fid-dawl tal-kuntest ta’ liberalizzazzjoni u tal-inċertezza li tirriżulta minnu, hija wettqet il-ksur b’negliġenza, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-posta elettronika tad-dipartiment legali tagħha tad-9 u tas-17 ta’ Frar 2000 turi biċ-ċar li hija kellha għarfien tan-natura li tikkostitwixxi ksur, mill-inqas, tal-ittra Direktion G.

453    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 — Tabakk mhux maħdum — Spanja). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li hija għamlet preċedentement (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni tal-produtturi ta’ tabakk Spanjoli ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik ta’ impriżi tad-daqs ta’ dawn inkwistjoni f’dan il-każ, li huma atturi ewlenin fis-suq Ewropew tal-gass u li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ oligopolija fi żmien il-fatti.

454    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda punt ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma aċċettatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti.

455    Barra minn hekk, ebda punt ieħor ma jiġġustifika l-fatt li l-Qorti Ġenerali tagħmel użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjonijiet għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-multa fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti.

456    Għaldaqstant għandu jiġi miċħud il-ħames motiv kif ukoll, konsegwentement, il-motivi kollha mqajma insostenn tat-talbiet intiż għat-tnaqqis tal-multa, bl-eċċezzjoni tat-tieni motiv li ġie milqugħ parzjalment, liema fatt jimplika li l-Qorti Ġenerali tagħmel użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni (ara l-punt 408 iktar ’il fuq).

457    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li ebda motiv marbut ma’ ħtieġa ta’ ordni pubbliku li hija marbuta tqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 401 iktar ’il fuq, punt 131) ma jiġġustifika li jsir użu mis-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa.

f)     Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

458    Kif jirriżulta mill-punt 378 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li l-ksur inkwistjoni kien kompla wara l-10 ta’ Awwissu 2004, u dan sat-30 ta’ Settembru 2005, sa fejn dan jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass.

459    Għaldaqstant hemm lok sabiex tinbidel id-deċiżjoni kkontestata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tat-tul tal-ksur imwettaq fis-suq Franċiż, f’dan il-każ mill-10 ta’ Awwissu 2000 (ara l-punt 323 iktar ’il fuq) sat-13 ta’ Awwissu 2004 (ara l-punt 378 iktar ’il fuq).

460    F’dan ir-rigward, li kieku kellu jiġi applikat il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 358 u 391 sa 391 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri (Perċentwali inizjali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fi Franza x tul tal-ksur fi Franza) + (Perċentwali ta’ ammont addizzjonali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fi Franza) + (Perċentwali inizjali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fil-Ġermanja x tul tal-ksur fil-Ġermanja) + (Perċentwali ta’ ammont addizzjonali applikata għall-medja tal-bejgħ annwali fil-Ġermanja), billi tintuża data rettifikata li tikkonċerna t-tul tal-ksur fi Franza (4 snin minflok 5.5 snin) u l-medja tal-bejgħ relatata mal-ksur fis-suq Franċiż [kunfidenzjali], l-ammont tal-multa tar-rikorrenti għandu jkun ta’ EUR 267 miljun [kunfidenzjali].

461    Madankollu, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni li tippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tibdel l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha fattwali, billi tiġi mmodifikata b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

462    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta bil-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas bil-linji gwida tagħha meta tiddeċiedi fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 326 iktar ’il fuq, punt 213, u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

463    Issa, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-metodu segwit mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multa, hekk kif espost fil-punt 460 iktar ’il fuq, ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

464    Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għad-data rrettifikata fir-rigward tat-tul tal-ksur fi Franza u l-medja tal-bejgħ b’relazzjoni mal-ksur fis-suq Franċiż waqt dan il-perijodu jimplika tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kunsiderevolment sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza relattiva tal-iżball ikkonstatat. Fil-fatt, filwaqt li l-iżball tal-Kummissjoni tikkonċerna biss is-suq Franċiż u li fuq tnax-il xahar u nofs mill-ħames snin u xahar u nofs ikkonstatati inizjalment mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur imwettaq fl-imsemmi suq, l-evalwazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni twassal għal tnaqqis tal-multa b’iktar minn 50 %.

465    Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-metodu tal-Kummissjoni twassal, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għal kunsiderazzjoni mnaqqsa tal-importanza relattiva tal-ksur imwettaq fis-suq Ġermaniż meta mqabbel ma’ dak imwettaq fis-suq Franċiż.

466    Barra minn hekk, wara li semgħet lill-partijiet waqt is-seduta fir-rigward ta’ konsegwenzi eventwali li għandhom jinsiltu minn annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fir-rigward tat-tul tal-ksur, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, b’mod partikolari mill-punti 464 u 465 iktar ’il fuq, hemm lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari tat-tul u tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, sabiex l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jiġi ffissat għal EUR 320 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

467    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tal-imsemmija regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

468    Fid-dawl tal-fatt li kull parti tilfet parzjalment fit-talbiet tagħha, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5355 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/39.401 — E.ON/GDF), huwa annullat, minn naħa, sa fejn jikkonstata li l-ksur dam mill-1 ta’ Jannar 1980 mill-inqas sal-24 ta’ April 1998, fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, sa fejn jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq fi Franza bejn it-13 ta’ Awwissu 2004 u t-30 ta’ Settembru 2005.

2)      L-ammont tal-multa imposta lil GDF Suez SA fl-Artikolu 2(a), tad-Deċiżjoni C (2009) 5355 finali huwa ffissat għal EUR 320 miljun.

3)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

1.  Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2.  Id-drittijiet nazzjonali

Id-dritt Franċiż

Id-dritt Ġermaniż

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  L-impriżi inkwistjoni

2.  Il-Ftehim MEGAL

3.  Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A —  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma qabel Awwissu 2000

a)  Fuq l-ewwel parti

b)  Fuq it-tieni parti

—  Fuq l-ewwel ilment

—  Fuq it-tieni lment

c)  Fuq it-tielet parti

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma wara Awwissu 2000

a)  Fuq it-tieni parti

—  Fuq it-tieni lment

—  Fuq it-tielet ilment

—  Fuq l-ewwel ilment

b)  Fuq it-tielet parti

—  Fuq l-ewwel ilment

—  Fuq it-tieni lment

c)  Fuq ir-raba’parti

d)  Fuq l-ewwel parti

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas manifest ta’ elementi probatorji fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma intiżi sabiex jirrestrinġu l-użu fi Franza minn E.ON tal-gass trażmess permezz tal-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass MEGAL

a)  Fuq l-ewwel parti

b)  Fuq it-tieni parti

c)  Fuq it-tielet parti

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-eżistenza ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma bejn l-impriżi inkwistjoni wara Awwissu 2004

a)  Fuq l-ewwel parti

—  Fuq l-ewwel ilment

—  Fuq it-tieni lment

b)  Fuq it-tieni parti

c)  Fuq it-tielet parti

B —  Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

1.  Fuq it-talbiet intiżi għat-tneħħija tal-multa

2.  Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

a)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ksur allegat li jikkonċerna s-suq Franċiż tal-gass ma ġiex ipprovat suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward

b)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

c)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

d)  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ħtieġa li jiġi applikat ammont addizzjonali ta’ 15 %

e)  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti

f)  Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 —      Informazzjoni kunfidenzjali moħbija