Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta' Settembru 2009 minn Roberto Sevenier mid-digriet mogħti fit-8 ta' Lulju 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-każ F-62/08, Sevenier vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-368/09 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Roberto Sevenier (Parigi, Franza) (rappreżentant: E. Boigelot u L. Defalque, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla d-digriet mogħti fit-8 ta' Lulju 2009 mit-Tielet Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fil-każ F-62/08, Sevenier vs Il-Kummissjoni, u nnotifikat lir-rikorrent fit-13 ta' Lulju 2009;

tilqa' it-talbiet tal-appellant li huwa ppreżenta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

B'dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-8 ta' Lulju 2009, mogħti fil-każ Sevenier vs Il-Kummissjoni, F-62/08, li permezz tiegħu t-TSP ċaħad bħala manifestament inammissibbli r-rikors li bih ir-rikorrent kien talab l-annullament ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta' Settembru 2007, inkwantu tiċħad it-talba tar-rikorrent intiża, min-naħa, għall-irtirar tar-riżenja tiegħu tad-19 ta' Ottubru 1983 u, min-naħa l-oħra, sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni, prinċipalment, aggravju wieħed ibbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta' att purament konfermattiv, safejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ikkwalifika id-deċiżjoni espliċita, li ngħatat wara rifjut impliċitu tat-talba tal-appellant, bħala att purament konfermattiv minkejja l-fatt li d-deċiżjoni espliċita laqgħet parzjalment it-talba magħmula mir-rikorrent.

____________