Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Settembru 2011 - Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-471/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Éditions Odile Jacob SAS (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru SG-Greffe(2011) D/C(2011)3503 tat-13 ta' Mejju 2011, meħuda fil-Kawża COMP/M.2978 Lagardère/Natexis/VUP wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta' Settembru 2010 fil-Kawża Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, u li biha l-Kummissjoni approvat għal darb'oħra Wendel bħala akkwirent tal-assi ttrasferiti skont impenji marbuta mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2004 li tawtorizza l-konċentrazzjoni Lagardère vs Natexis/VUP;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-impossibbiltà manifesta għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta' konfermazzjoni li tivvalida ex post, flimkien barra minn hekk effett retroattiv, l-approvazzjoni ta' Wendel li jakkwista fl-2004 l-assi ta' Editis. Ir-rikorenti ssostni li:

Meta aġixxiex b'dan il-mod, mingħajr ma tislet il-konsegwenzi kollha li kienu wasslu għall-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali, fir-rigward tan-nuqqas ta' indipendenza tal-mandatorju responsabbli milli jissorvelja l-imsemmi trasferiment, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE u li:

Billi ffissat id-data ta' effett tad-deċiżjoni kkonstatata għat-30 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattivà, b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tawtorizzax tali effett, eċċezzjonalment, li l-kundizzjoni doppja li għan ta' interess ġenerali perentorju jeżiġih u li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati. Ir-rikorrenti ssostni li dawn iż-żewġ kundizzjonijeit ma humiex osservati f'dan il-każ.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar li tawtorizza l-konċertazzjoni saret inapplikabbli wara l-konstatazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-nuqqas ta' osservanza ta' ċerti impenji minn Lagardère.

It-tielet u r-raba' motivi bbażati fuq żbalji ta' liġi u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kandidatura ta' Wendel, kemm fl-2004 kif ukoll fid-deċiżjoni l-ġdid ta' approvazzjoni, kif ukoll fuq żbalji li jirrigwardaw, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, ta' data sussegwenti t-30 ta' Lulju 2004 u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni b'mod selettiv u parzjali ta' din id-data sussegwenti.

Il-ħames motiv ibbażat fuq użu ħażin ta' poter b'mod partikolari sa fejn, billi adottat ex post deċiżjoni ta' validazzjoni retroattiva ta' trasferiment illegali u billi approvat mandatorju ġdid responsabbli mill-inkarigu biss li jabbozza rapport ġdid li jikkonferma l-kwalitajiet ta' Wendel bħala akkwirent tal-assi trasferiti, il-Kummissjoni biddlet l-għan tal-Artikolu 266 TFUE u tar-Regolament Nru 4064/891, li kien jipprovdi, fost oħrajn, il-possibbiltà li tiġi rrevokat id-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni u li jiġu ssanzjonati l-partijiet responsabbli għall-illegalità mwettqa.

Is-sitt motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni peress li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa kemm minn insuffiċjenza u minn kontradizzjoni ta' motivi.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8,Vol. 1, p. 31).