Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Settembru 2011 - Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-470/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Total SA (Courbevoie, Franza) u Elf Aquitaine SA (Courbevoie) (rappreżentanti: A. Noël-Baron u É. Morgan de Rivery, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiddikjara n-nullità tal-ittri tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s746396, tal-24 ta' Ġunju 2011, u BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta' Lulju 2011 fl-intier tagħhom;

sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tas-somma mitluba lir-rikorrenti fl-ittra tal-Kummissjoni BUDG/DGA/C4/BM/s812886, tat-8 ta' Lulju 2011, jew mill-inqas tannulla l-interessi moratorji li jammontaw għal EUR 31 312 114,58 imposti fuq Elf Aquitaine, li għalihom Total hija responsabbli in solidum għall-ammont ta' EUR 19 191 296,03;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw motiv uniku bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u kisret l-obbligi tagħha billi ma siltitx, fil-konfront tagħhom, il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta' Ġunju 2011, mogħtija fil-kawża T-217/06, Arkema France et vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha tnaqqset il-multa imposta fuq is-sussidjarji tar-rikorrenti fil-kuntest tal-każ COMP/F/38.64 - Metakrilati. Ir-rikorrenti jsostnu fost oħrajn li:

fil-kapaċità tagħhom bħala kumpanniji parent miżmuma responsabbli għall-akkordju f'din il-kwalità, huma għandhom jibbenefikaw ukoll mit-tnaqqis tal-multa imposta fuq is-sussidjarji tagħhom u dan minkejja li r-rikors tagħhom ippreżentat kontra l-istess deċiżjoni ġiet miċħuda mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta' Ġunju 2011, mogħtija fil-kawża T-206/06, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni;

permezz tal-ħlas imwettaq minn Arkema SA tal-multa kollha imposta fuq ir-rikorrenti u s-sussidjarji permezz tad-deċiżjoni fil-każ COMP/F/38.645, id-drittijiet kollha tal-Kummissjoni kienu sodisfatti u ma tista' titlob xejn iktar lir-rikorrenti.

____________