Language of document : ECLI:EU:T:2014:739

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

5 ta’ Settembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni ta’ trasferiment mill-ġdid ta’ assi — Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tax-xerrej tal-assi ttrasferiti — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali li tikkonċerna l-istess proċedura — Interess ġuridiku — Ksur tal-Artikolu 266 TFUE — Ksur tal-impenji imposti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali — Distinzjoni bejn kundizzjonijiet u obbligi — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività — Evalwazzjoni tal-kandidatura taċ-ċessjonarju — Indipendenza taċ-ċessjonarju meta mqabbel maċ-ċedent — Użu ħażin ta’ poter — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑471/11,

Éditions Odile Jacob SAS, stabbilita f’Pariġi (Franza), inizjalment irrappreżentata minn O. Fréget, M. Struys u L. Eskenazi, sussegwentement minn Fréget, Eskenazi u D. Béranger u fl-aħħar nett minn Fréget u Eskenazi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, O. Beynet u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Lagardère SCA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn A. Winckler, F. de Bure, J.‑B. Pinçon u L. Bary, avukati,

u minn

Wendel, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn M. Trabucchi, F. Gordon u A. Gosset-Grainville, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 3503, tat-13 ta’ Mejju 2011, meħuda fil-Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP, wara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑452/04, Ġabra, EU:T:2010:385), li permezz tagħha l-Kummissjoni approvat għal darba oħra lil Wendel Investissement bħala x-xerrejja tal-assi ttrasferiti abbażi tal-impenji relatati mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 li tawtorizza l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni Lagardère/Natexis/VUP,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni 2004/422/KE, tas-7 ta’ Jannar 2004, li tiddkjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/M.2978 – Lagardère/Natexis/VUP) (sommarju fil-ĠU L 125, p. 54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004ˮ), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej awtorizzat il-proġett ta’ xiri mill-ġdid mill-ewwel intervenjenti, Lagardère SCA, tad-diviżjoni “Éditionsˮ għall-Europe de Vivendi Universal SA, Vivendi Universal Publishing SA (iktar ’il quddiem “VUPˮ).

2        Flimkien ma’ din l-awtorizzazzjoni kien hemm kundizzjonijiet li kienu intiżi sabiex jiżguraw li Lagardère tosserva l-impenji, iddefiniti minn din id-deċiżjoni, li hija kienet ħadet fil-konfront tal-Kummissjoni bl-għan li trenti l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Fost dawn l-impenji kien hemm it-trasferiment ta’ parti sinjifikattiva tal-assi ta’ VUP (li saret Editis) lil xerrej jew lil diversi xerrejja indipendenti minn Lagardère.

3        Sabiex tiżgura li twettaq l-impenji tagħha, Lagardère kellha fost oħrajn taħtar mandatarju indipendenti minnha u minn Editis u li kellu jiġi rremunerat minn Lagardère skont modalitajiet li ma jippreġudikawx l-eżekuzzjoni tajba tal-mandat tiegħu u lanqas l-indipendenza tiegħu.

4        Fil-5 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni approvat bħala mandatarju l-uffiċċju S., irrappreżentat mill-president tiegħu B., u approvat l-abbozz li jiddefinixxi l-mandat tiegħu, ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2004.

5        Fid-9 ta’ Frar 2004, Lagardère ħatret lill-uffiċċju S. bħala mandatarju.

6        Lagardère kkuntattjat diversi impriżi, fosthom lir-rikorrenti, l-Éditions Odile Jacob SAS li setgħu jerġgħu jixtru l-assi ttrasferiti mill-ġdid. Ir-rikorrenti wriet l-interess tagħha f’din it-tranżazzjoni. Permezz ta’ faks tat-28 ta’ April 2004, hija bagħtet l-offerta tagħha għax-xiri lil Lagardère.

7        Fit-28 ta’ Mejju 2004, wara li ħabbret li hija kellha l-offerti għax-xiri mill-ġdid ta’ ħames xerrejja potenzjali, fosthom dik tar-rikorrenti, iżda li hija kienet ser tagħti esklużività lil waħda fosthom, jiġifieri lit-tieni intervenjenti, Wendel Investissement SA (li saret Wendel), Lagardère għamlet, ma’ din tal-aħħar, abbozz ta’ ftehim ta’ xiri mill-ġdid tal-assi ta’ Editis.

8        Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2004, Lagardère talbet lill-Kummissjoni tapprova lil Wendel bħala x-xerrejja ta’ dawn l-assi.

9        Fil-5 ta’ Lulju 2004, l-uffiċċju S. ippreżenta lill-Kummissjoni r-rapport tiegħu fil-qosor li kkonkluda li l-kandidatura ta’ Wendel kienet konformi mal-kriterji għall-approvazzjoni tax-xerrej tal-assi stabbiliti fl-impenji ta’ Lagardère kif iddefiniti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

10      Fit-8 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat riskors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 (Kawża T‑279/04).

11      Permezz tad-Deċiżjoni (2004) D/203365, tat-30 ta’ Lulju 2004 (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoniˮ), ikkomunikata lir-rikorrenti fis-27 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni approvat lil Wendel bħala x-xerrejja tal-assi ta’ Editis li kienu s-suġġett tat-trasferiment, wara li kkonstatat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-uffiċċju S., li Wendel kienet tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni tax-xerrej stabbiliti fl-impenji ta’ Lagardère.

12      Permezz ta’ kuntratt tat-30 ta’ Settembru 2004, Lagardère ċediet lil Wendel l-assi ta’ Editis li kienu s-suġġett tat-trasferiment.

13      Fit-8 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni (Kawża T‑452/04).

14      Fit-30 ta’ Mejju 2008, Wendel biegħet l-assi ta’ Editis li Lagardère kienet ċeditilha lil grupp Spanjol Planeta.

15      Il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ċaħdet, permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (T‑279/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑279/04ˮ, EU:T:2010:384), ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti intiż kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 u, permezz ta’ sentenza tal-istess data, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (T‑452/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑452/04ˮ, Ġabra, EU:T:2010:385), annullat l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset li din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet ġiet adottata fid-dawl tar-rapport imfassal minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza imposta fl-impenji ta’ Lagardère.

16      Wara li ngħatat is-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), Lagardère ppreżentat lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Novembru 2010, talba ġdida għall-approvazzjoni ta’ Wendel bħala xerrejja tal-assi ta’ Editis li kienu s-suġġett tat-trasferiment u għal dan il-għan, fl-20 ta’ Diċembru 2010, issottomettitilha l-kandidatura ta’ mandatarju ġdid. Fil-11 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni approvat lill-mandatarju l-ġdid.

17      Fl-24 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza T‑279/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:384) (Kawża C‑551/10 P). L-istess jum, il-Kummissjoni u Lagardère ppreżentaw appell mis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385) (Kawżi C‑553/10 P u C‑554/10 P).

18      Ir-rikorrenti bagħtet ittri lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 2010 u fil-11 ta’ Marzu 2011, dwar is-segwitu li kellu jingħata lis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), li għalihom il-Kummissjoni rrispondiet permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar u tat-18 ta’ April 2011.

19      Fl-14 ta’ Frar u fis-16 ta’ Marzu 2011, saru laqgħat bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

20      B’risposta għal ittra tar-rikorrenti bid-data tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti, fis-6 ta’ April 2011, tissottometti l-opinjoni tagħha dwar il-mandatarju l-ġdid f’terminu ta’ ġimgħatejn u tittrażmettilha kwalunkwe rimarki addizzjonali f’terminu ta’ tliet ġimgħat. Ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-proċedura l-ġdida ta’ approvazzjoni tal-mandatarju l-ġdid permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2011 u lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2011.

21      Fir-rapport tiegħu, il-mandatarju l-ġdid ikkonkluda li Wendel kienet xerrejja adatta meta saret it-tranżazzjoni fl-2004.

22      Permezz tad-Deċiżjoni C (2011) 3503, tat-13 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), ikkomunikata lir-rikorrenti fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat, b’applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, deċiżjoni oħra li approvat lil Wendel, b’mod retroattiv mit‑30 ta’ Lulju 2004, bħala x-xerrejja tal-assi ta’ Editis li kienu s-suġġett tat-trasferiment.

23      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni u Lagardère vs Éditions Odile Jacob (C‑553/10 P u C‑554/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza C‑553/10 P u C‑554/10 Pˮ, Ġabra, EU:C:2012:682), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli mressqa mill-Kummissjoni u Lagardère mis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385). Permezz ta’ sentenza tal-istess data, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (C‑551/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza C‑551/10 Pˮ, Ġabra, EU:C:2012:681), hija ċaħdet l-appel ippreżentat mir-rikorrenti mis-sentenza T‑279/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:384).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-5 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

25      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent ressaq talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Novembru 2011, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, (T‑471/11 R, EU:T:2011:695), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji minħabba nuqqas ta’ urġenza u rriżerva l-ispejjeż.

26      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2011, il-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) ċaħdet din it-talba.

27      Permezz ta’ atti ppreżentati fis-17 u fl-24 ta’ Novembru 2011, Lagardère u Wendel talbu li jintervjenu fil-kawża sabiex isostnu t-talbiet tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2012, Lagardère u Wendel ġew ammessi jintervjenu fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

28      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Diċembru 2011, il-proċedura fil-kawża preżenti ġiet sospiża sa ma ngħataw is-sentenzi li temmew l-azzjoni fil-kawżi C‑551/10 P, C‑553/10 P u C‑554/10 P. Il-proċedura reġgħet bdiet fis-6 ta’ Novembru 2012.

29      Minħabba tibdil parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mit-Tieni Awla.

30      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Kummissjoni twieġeb għal domanda. Il‑Kummissjoni rrispettat din it-talba fit-terminu stabbilit.

31      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2014.

32      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għall-miżuri provviżorji.

34      Lagardère u Wendel jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha relatati mal-intervent tagħhom.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Lagardère u Wendel iqisu li r-rikors huwa inammissibbli, inkwantu r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku peress li, anki fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma għandha l-ebda mezz sabiex takkwista l-assi li kienu miżmuma minn Editis u li, fil-każ li titressaq kawża għad-danni, hija ma tistax titlob il-kumpens għad-dannu ikbar minn dak ikkawżat mill-illegalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

36      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm matul is-seduta l-Kummissjoni kellha dubji dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas matul is-seduta ma kkonkludiet li r-rikors huwa inammissibbli u sempliċement talbet li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu. Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talbiet fir-rikors għal intervent għandhom ikunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent għandu jaċċetta l-kawża fl-istat li tinsab fih fil-mument tal-intervent tiegħu.

37      Għaldaqstant, Lagardère u Wendel ma humiex intitolati, bħala intervenjenti fil-kawża preżenti, iqajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors u għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata teżamina l-motivi invokati minnhom (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punti 20 sa 22; tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra, EU:T:1997:186, punt 76; u tat-13 ta’ April 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑576/08, Ġabra, EU:T:2011:166, punti 38 u 39). Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn Lagardère u Wendel għandhom jiġu miċħuda.

38      Madankollu, peress li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio mill-qorti (digriet tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. vs Il-Kunsill u CES, 108/86, Ġabra, EU:C:1987:426, punt 10, u s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra, EU:T:2005:129, punt 22), huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tipproċedi ex officio sabiex teżamina l-eċċezzjoni mqajma mill-intervenjenti (sentenzi CIRFS et vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:1993:111, punt 23, u tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑305/86 u C‑160/87, Ġabra, EU:C:1990:295, punt 23).

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi r-rekwiżit essenzjali u ewlieni ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali, li l-azzjoni hija għalhekk adatta, permezz tar-riżultat tagħha, sabiex tagħti benefiċċju lill-parti li tkun bdietha u li din tiġġustifika interess reali u attwali fl-annullament tal-imsemmi att (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T‑269/03, EU:T:2009:211, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta jkun hemm xi dubji jew oġġezzjonijiet, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu (digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, Ġabra, EU:C:1989:333, punt 8, u s-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2005:129, punt 31). B’mod partikolari, ir-rikorrent għandu juri l-eżistenza ta’ interess personali li jikseb l-annullament tal-att ikkontestat. Dan l-interess għandu jkun reali u attwali u għandu jiġi evalwat fil-jum meta l-azzjoni tinbeda (ara d-digriet tad-29 ta’ April 1999, Unione provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il-Kummissjoni, T‑78/98, Ġabra, EU:T:1999:87, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra, EU:T:2007:295, punt 34). Jekk l-interess invokat mir-rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, huwa għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni diġà huwa ċert. Għalhekk, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra, EU:T:1992:95, punt 33, u Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2005:129, punt 26).

40      Skont il-ġurisprudenza, ma jistax jiġi kkontestat li d-destinatarji ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni Ewropea li tannulla att ta’ istituzzjoni huma kkonċernati direttament mill-mod li l-istituzzjoni teżegwixxi din is-sentenza u li għaldaqstant, huma intitolati jitolbu li l-qorti tal-Unjoni tikkonstata n-nuqqas eventwali tal-istituzzjoni ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha taħt id-dispożizzjonijiet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il-Parlament, 30/76, Ġabra, EU:C:1976:165, punti 8 u 9, u tal-14 ta’ Frar 1990, Hochbaum vs Il-Kummissjoni, T‑38/89, Ġabra, EU:T:1990:14, punt 9). Konsegwentement, id-destinatarji ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li tannulla att ta’ istituzzjoni għandhom interess ġuridiku fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza mill-istituzzjoni inkwistjoni, u dan anki meta l-effetti tal-att ikkontestat ikunu temmew (sentenza tat-28 ta’ Frar 1989, van der Stijl u Cullington vs Il‑Kummissjoni, 341/85, 251/86, 258/86, 259/86, 262/86, 266/86, 222/87 u 232/87, Ġabra, EU:C:1989:93, punti 15 sa 18). F’dan il-każ, is-sempliċi fatt invokat mill-intervenjenti li jipprovdi li r-rikorrenti ma għandha l-ebda mezz, anki fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex takkwista l-assi li kienu miżmuma minn Editis, ma jistax għaldaqstant jimmina dan il-prinċipju. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minkejja li hija biss Lagardère li tista’ tipproponi lill-Kummissjoni xerrej tal-assi inkwistjoni, ir-rikorrenti, li fl-2004 kienet tinsab fil-lista tal-ħames xerrejja potenzjali li kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ selezzjoni ddefiniti fl-impenji, tista’, fil-prinċipju, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal raġuni li jrendi neċessarja l-għażla ta’ xerrej ieħor li ma huwiex Wendel, tiġi proposta bħala xerrejja minn Lagardère u tiġi approvata mill-Kummissjoni.

41      Peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-modalità li biha l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi s-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li kienet parti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza.

42      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha l-istess suġġett bħall-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni annullata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), li lilha hija tissostitwixxi. Ir-rikorrenti hija għalhekk affettwata mid-deċiżjoni kkontestata bħalma kienet permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Issa, la l-Qorti Ġenerali f’din il-kawża u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet fuq l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma rrilevaw nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, li tagħha l-Qorti Ġenerali ddikjarat l-annullament.

43      Sussidjarjament, għandu jitfakkar li impriża għandha interess fl-annullament ta’ deċiżjoni li tawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, imwettqa bejn tnejn mill-kompetituri tagħha, li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni kummerċjali tagħha (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra, EU:T:2006:187, punt 41). Bl-istess mod, impriża li kienet tinsab fuq lista ristretta ta’ ħames xerrejja potenzjali tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni għandha interess fl-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova impriża oħra minn dawn il-ħamsa, peress li din id-deċiżjoni neċessarjament tista’ taffettwa s-sitwazzjoni kummerċjali tagħha, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija tistax tiġi approvata bħala xerrejja tal-assi inkwistjoni.

44      Barra minn hekk, rikorrent għandu interess jitlob l-annullament ta’ att li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fil-konfront tiegħu peress li tali konstatazzjoni tista’ sservi bħala bażi ta’ eventwali kawża għad-danni intiża sabiex tikkumpensa b’mod xieraq id-dannu kkawżat permezz tal-att ikkontestat (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra, EU:C:1998:148, punt 74, u tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra, EU:T:2009:72, punti 53 sa 55).

45      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

46      Ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi insostenn tar-rikors tagħha. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. Fit-tieni lok, hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali. Fit-tielet lok, hija tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 u billi użatha b’mod selettiv. Fir-raba’ lok, hija tqis li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqajjem motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività

47      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 266 TFUE billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma nnewtralizzat l-effetti kollha ta’ illegalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, minkejja li din kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba difett ta’ legalità interna u mhux difett proċedurali. Fit-tieni lok, hija tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

48      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, Lagardère tqis li l-ewwel motiv huwa inammissibbli inkwantu jmur kontra l-għajdut non concedit venire contra factum proprium.

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

49      Lagardère tqis li l-ewwel motiv huwa inammissibbli peress li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 23 iktar ’il fuq (EU:C:2012:682), ir-rikorrenti sostniet li l-assenza ta’ indipendenza tal-ewwel mandatarju kienet tikkostitwixxi difett ta’ legalità esterna u mhux interna, bil-kontra ta’ dak li hija tiddikjara issa quddiem il-Qorti Ġenerali.

50      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-Regoli tal-Proċedura ma tipprojbixxi lil parti milli tipproċedi għal klassifikazzjoni ġuridika ta’ motiv distinta minn dik li hija tkun għamlet f’kawża oħra. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, id-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali li għandha persuna fiżika jew ġuridika skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax ikun limitat fl-assenza ta’ bażi legali espressament prevista għal dan il-għan mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-prinċipju fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għall-aċċess għal qorti imparzjali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra, EU:C:2010:389, punti 89 sa 91).

51      Barra minn hekk għandu jitfakkar li, għalkemm il-partijiet jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża li ma jistax jinbidel mill-qorti, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tinterpreta l-motivi permezz tas-sustanza tagħhom minflok permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom u, konsegwentement, tipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-motivi u argumenti tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra, EU:C:1961:30; tal‑20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il‑Kummissjoni, T‑375/03, EU:T:2007:293, punti 65 u 66; u tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra, EU:T:2009:30, punt 54).

52      Fl-aħħar nett u fi kwalunkwe każ, l-għajdut non concedit venire contra factum proprium li Lagardère tinvoka, huwa intiż biss, fid-dritt tal-Unjoni, għal meta jkun impossibbli għal parti li tikkontesta quddiem il-qorti tal-appell punt ta’ fatt jew ta’ proċedura rikonoxxut quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u li jidher fil-proċess verbali tas-seduta quddiem din tal-aħħar (digrieti tal-25 ta’ Ottubru 2007, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑495/06 P, ĠabraSP, EU:C:2007:644, punti 52 sa 56, u tal‑24 ta’ Ġunju 2010, Kronoply vs Il-Kummissjoni, C‑117/09 P, EU:C:2010:370, punt 44).

53      Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Lagardère, għandu jitqies li l-ewwel motiv huwa ammissibbli.

–       Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 266 TFUE

54      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 266 TFUE billi adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma nnewtralizzat l-effetti kollha tal-illegalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

55      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat hija obbligata tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, li jipprovdi li huwa l-obbligu tal-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament. (digriet tat-13 ta’ Novembru 1963, Erba u Reynier vs Il‑Kummissjoni, 98/63 R u 99/63 R, Ġabra, EU:C:1963:46; sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1992, Meskens vs Il-Parlament, T‑84/91, Ġabra, EU:T:1992:103, punt 73, u tas-17 ta’ April 2007, C u F vs Il‑Kummissjoni, F‑44/06 u F‑94/06, ĠabraSP, EU:F:2007:66, punt 33).

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni għandhom, hekk kif isiru definittivi, l-awtorità assoluta ta’ res judicata. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll ir-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u huma, minħabba f’hekk, indissoċjabbli (sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra, EU:C:1988:199, punti 27 sa 30; tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra, EU:C:2000:531, punt 81; u tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il-Kummissjoni, T‑24/07, Ġabra, EU:T:2009:236, punti 113 u 140). Is-sentenza ta’ annullament timplika, għaldaqstant, li l-awtur tal-att annullat għandu jadotta att ġdid billi josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza iżda wkoll ir-raġunijiet li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ tagħha, filwaqt li b’hekk jiżgura li dan l-att il-ġdid ma jkunx ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, Ġabra, EU:C:2003:125, punti 29 u 30).

57      L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza tapplika biss, madankollu, għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑281/89, Ġabra, EU:C:1991:59, punt 14), Barra minn hekk, obiter dictum li jinsab f’sentenza ta’ annullament ma jibbenefikax mill-awtorità assoluta ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra, EU:C:2011:191, punt 132). Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza Interporc vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2003:125, punt 30).

58      Il-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż fejn tkun seħħet l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1986, Il-Kunsill vs Il-Parlament, 34/86, Ġabra, EU:C:1986:291, punt 47), billi l-annullament ta’ att ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji (sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 34). L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tinkludi diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha ta’ qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, mill-mertu jew mill-proċedura tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, T‑2/95, Ġabra, EU:T:1998:242, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-awtur tal-att għandu, għaldaqstant, imur lura għad-data li fiha kien adotta l-att annullat sabiex jadotta l-att li jissostitwih [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, T‑328/03, Ġabra, EU:T:2006:116, punti 47 u 48]. Huwa jista’ madankollu jinvoka, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu, motivi differenti minn dawk li fuqhom kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2003:125, punti 28 sa 32). Barra minn hekk, huwa ma għandux l-obbligu li jerġa’ jittratta mill-ġdid l-aspetti tad-deċiżjoni inizjali li ma tqiegħdux inkwistjoni mis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑224/95, Ġabra, EU:T:1997:187, punti 53 u 72).

59      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-possibbiltà tal-istituzzjoni li ma terġax tibda l-proċedura kollha ta’ qabel l-adozzjoni tal-att annullat ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dan l-att ikun ġie annullat minħabba difetti ta’ proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:1998:242, punt 91, u tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra, EU:T:2008:262, punt 103).

60      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi vverifikat jekk fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385) u, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-motivi ta’ din is-sentenza kinux jobbligaw lill-Kummissjoni tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 u jekk dawn il-motivi kinux jobbligawha terġa tibda l-proċedura kollha mid-9 ta’ Frar 2004, id-data li fiha Lagardère ħattret l-ewwel mandatarju.

61      Qabel kollox għandhom jiġu eżaminati d-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), li definittivament għandha l-awtorità assoluta ta’ res judicata, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati kontriha (sentenza tat-28 ta’ Frar 2002, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra, EU:T:2002:47, punt 70). Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni billi laqgħet it-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet adottata fid-dawl ta’ rapport imfassal minn mandatarju mhux indipendenti minn Editis (sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2010:385, punt 65). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra li kienu tqajmu mir-rikorrenti.

62      Fl-argumenti tagħha dwar it-tieni motiv, ir-rikorrenti kienet indikat b’mod partikolari li s-sempliċi eżistenza ta’ dubju dwar l-indipendenza tal-mandatarju kienet biżżejjed biex tivvizzja b’nullità l-proċedura relatata mal-assi ttrasferiti mill-ġdid u, għaldaqstant, l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, peress li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ xerrej redatt mill-mandatarju kien ikkostitwixxa, fil-fatt, element fundamentali u determinanti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova jew le lill-parti kkonċernata (sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2010:385, punti 71 u 72). Il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv billi kkunsidrat, minn naħa, li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel kien tfassal minn mandatarju li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza fil-konfront ta’ Editis meħtieġa mill-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardère (sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2010:385, punt 107) u, min-naħa l-oħra, li din l-illegalità kienet tali li tivvizzja l-kontenut tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, peress li r-rapport tal-mandatarju kellu influwenza determinanti fuq din tal-aħħar (sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2010:385, punti 110 sa 118). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali trattat biss il-kwistjoni tal-indipendenza tal-ewwel mandatarju u l-effetti tan-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel u l-impatti ta’ dan id-difett fuq l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

63      Għalkemm huwa minnu, kif tenfasizza r-rikorrenti, li l-Qorti Ġenerali indikat ukoll, fil-punt 100 tas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), li “l-eżerċizzju minn B. [rappreżentant tal-ewwel mandatarju] tal-funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv tal-kumpannija detentriċi tal-assi kollha ta’ Editis kien tali li jaffettwa l-indipendenza li l-persuna kkonċernata kellha turi fir-redazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji u tar-rapport li jinforma lill-Kummissjoni b’dawn ir-rakommandazzjonijietˮ, din id-dikjarazzjoni ma tikkostitwixxix is-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tas-sentenza u ma għandhiex, konsegwentement, l-awtorità assoluta ta’ res judicata (ara l-punt 57 iktar ’il fuq). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-legalità tar-rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni neċessarji magħmula mill-imsemmi mandatarju ma kinitx is-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza inkwistjoni, u lanqas l-atti kollha adottati mill-mandatarju ħlief ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel. Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha sempliċement tevalwa l-indipendenza tal-ewwel mandatarju u l-effetti ta’ eventwali nuqqas ta’ indipendenza ta’ dan tal-aħħar fuq l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, l-unika ħaġa kkontestata mir-rikors.

64      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, fis-sentenza C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 23 iktar ’il fuq (EU:C:2012:682) huwa indikat li l-indipendenza tal-mandatarju “hija element mill-impenji li Lagardère assumiet u li għandhom jiġu osservati b’mod sħiħˮ, li “[d]in l-indipendenza ġiet stabbilita ex ante u tkopri l-attività kollha tal-mandatarjuˮ (sentenza C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2012:682, punt 42), li l-eżerċizzju ta’ B. ta’ funzjonijiet ta’ membru tal-bord eżekuttiv ta’ Investima 10 SAS, li saret Editis, kien tali li jaffettwa l-indipendenza tiegħu u li “din is-sitwazzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi żgurat l-eżerċizzju, bl-indipendenza kollha, tal-attribuzzjonijiet ta’ mandatarju indipendenti msemmija fil-paragrafu 15 tal-impenji ta’ Lagardèreˮ (sentenza C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2012:682, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fl-ebda mument ma ddeċidiet dwar il-portata tal-atti adottati mill-mandatarju ħlief ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel, ta’ qabel l-approvazzjoni tagħha.

65      Konsegwentement, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, sabiex teżegwixxi s-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), li tapprova mandatarju ġdid inkarigat milli jfassal rapport ta’ evalwazzjoni ġdid tal-kandidatura ta’ Wendel, billi tmur lura għad-data li fiha Lagardère kienet talbet lill-Kummissjoni tapprova lil Wendel bħala x-xerrejja ta’ dawn l-assi, jiġifieri l-4 ta’ Ġunju 2004, imbagħad tadotta deċiżjoni li tawtorizza jew li tirrifjuta l-approvazzjoni ta’ Wendel fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ dan ir-rapport il-ġdid.

66      Issa, mill-proċess jirriżulta li sabiex teżegwixxi s-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), fil-11 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni approvat mandatarju ġdid propost minn Lagardère, li ssottomettielha r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu tal-kandidatura ta’ Wendel fit-12 ta’ Mejju 2011, li fih huwa eżamina, minn naħa, is-sitwazzjoni fil-mument meta Lagardère kienet talbet lill-Kummissjoni tapprova lil Wendel bħala xerrejja ta’ dawn l-assi (jiġifieri l-4 ta’ Ġunju 2004) u, min-naħa l-oħra, l-evoluzzjoni tal-assi ttrasferiti waqt il-perijodu ta’ wara filwaqt li ddistingwa dak li matulu dawn l-assi kienu miżmuma minn Wendel (Lulju 2004 sa Mejju 2008) u dak li matulu huma kienu fil-pussess ta’ Planeta (minn Mejju 2008). Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat, fit-13 ta’ Mejju 2011, id-deċiżjoni kkontestata li approvat lil Wendel, b’mod retroattiv mit-30 ta’ Lulju 2004, bħala x-xerrejja tal-assi ta’ Editis li kienu s-suġġett tat-trasferiment. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni evalwat is-sitwazzjoni fid-data tal-4 ta’ Ġunju 2004, id-data tal-ewwel talba għal approvazzjoni mressqa minn Lagardère, u kkorroborat il-konklużjonijiet tagħha permezz ta’ analiżi tas-sitwazzjoni ta’ wara din id-data.

67      Billi adottat dawn il-miżuri, il-Kummissjoni kkonfermat mar-res judicata tal-Qorti Ġenerali. Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jippermetti li titqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

68      Qabel kollox, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma nnewtralizzatx l-effetti kollha tal-illegalità tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni. Fil-fatt, hija tqis li l-ħatra ta’ mandatarju indipendenti kienet tikkostitwixxi wieħed mill-impenji ta’ Lagardère, li abbażi tiegħu ingħatat id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, impenn indissoċjabbli minn din id-deċiżjoni fl-intier tagħha. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha għaldaqstant tkun obbligata tadotta deċiżjoni li tirrevoka l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni flimkien ma’, skont il-każ, multa, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal‑21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni b’mod serju r-rapport tal-mandatarju l-ġdid, li ġie ssottomess lilha biss lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li ġiegħlet lil dan il-mandatarju l-ġdid ifassal rapport mhux komplut u li fih ħafna tifħir.

69      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma kellux, waħdu, impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, billi dan l-annullament kien irendi lill-imsemmija deċiżjoni temporanjament inapplikabbli biss, sakemm il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni fuq il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament, b’mod partikolari fuq l-eventwali approvazzjoni ta’ xerrej ġdid. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-intervenjenti, il-fatt li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdu, permezz ta’ sentenzi mogħtija l-istess jum bħal dawk li annullaw l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, ma kellux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tirrevoka lil din tal-aħħar.

70      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata tadotta deċiżjoni ta’ revoka tal-awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni flimkien ma’ multa.

71      Preliminarjament u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-intervenjenti li jipprovdu li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta n-nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri oħra minbarra d-deċiżjoni kkontestata ħlief fil-każ ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 266 TFUE ma jistabbilixxix rimedju partikolari sabiex jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni. Jekk parti fil-kawża tqis li l-att adottat li jissostitwixxi l-att annullat ma huwiex konformi mal-motivi u mad-dispożittiv ta’ dan tal-aħħar, hija tista’ tippreżenta rikors ġdid għal annullament fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE. Ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, previst fl-Artikolu 265 TFUE, jikkostitwixxi, min-naħa l-oħra, ir-rimedju x-xieraq sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas illegali ta’ istituzzjoni li tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza (sentenza tad-19 ta’ Frar 2004, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑297/01 u T‑298/01, Ġabra, EU:T:2004:48, punt 32) jew sabiex jiġi ddeterminat jekk, minbarra li tissostitwixxi l-att annullat, l-istituzzjoni kinitx ukoll obbligata tieħu miżuri oħra dwar atti oħra li ma kinux ikkontestati fil-kuntest tar-rikors għal annullament inizjali (sentenzi Asteris et vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:1988:199, punti 22 sa 24, u tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra, EU:T:1996:120, punt 40). F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija intitolata tressaq rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali peress li hija tikkontesta preċiżament il-mod li bih il-Kummissjoni eżegwixxiet is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Għalkemm huwa minnu li hija tikkritika lill-Kummissjoni li ma adottatx deċiżjonijiet oħrajn u li din il-kontestazzjoni tista’ taqa’ taħt proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni, tali fatt ma għandu ebda effett fuq l-ammissibbiltà tal-ilment preżenti, sa fejn sabiex tikkritika l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq argumenti li jipprovdu li l-Kummissjoni kien messha adottat miżuri oħrajn minflok din id-deċiżjoni.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, hekk kif il-partijiet ammettew waqt is-seduta, li r-Regolament Nru 4064/89 kien għadu applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) li jipprovdi li “[i]r-Regolament (KEE) Nru 4064/89 għandu jibqa’ japplika fir-rigward ta’ kull konċentrazzjoni li kienet is-suġġett ta’ ftehim jew ta’ avviż jew fejn il-kontroll kien miksub fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament qabel il-jum li minnu jibda japplika dan ir-Regolamentˮ.

73      Sussegwentement għandu jitfakkar li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ir-Regolament Nru 4064/89 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 447/98 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 89, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-rimedjiˮ) jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti fuq l-impriżi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni. Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 jipprovdi li l-Kummissjoni “[t]ista’ mad-deċiżjoni tagħha tehmeż kondizzjonijiet u obbligi biex tiżgura li l-impriżi konċernati jħarsu l-impenji li jkunu daħlu għalihom vis-à-vis l-Kummissjoni bil-ħsieb li jinbidel il-pjan oriġinali tal-konċentrazzjoniˮ. B’mod iktar preċiz, skont il-punt 12 tal-Avviż dwar ir-rimedji, “[i]l-ħtieġa għall-ilħuq ta’ kull miżura li tagħti bidu għal bidla strutturali tas-suq hija kondizzjoni - eżempju, li negozju għandu jiġi divestitˮ, filwaqt li “[i]l-passi implimentattivi li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat huma obbligi ġenerali fuq il-partijiet, eż. bħall-ħatra ta’ depożitarju b’mandat irrevokabbli sabiex ibiegħ in-negozjuˮ.

74      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, li “d-deċiżjoni li t-tranżazzjoni nnotifikata tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-parti li tinnotifika tosserva bis-sħiħ l-impenji ta’ trasferiment stipulati fil-punti 1 sa 3 u 10 tal-Anness IIˮ u li “l-osservanza bis-sħiħ tal-impjenji l-oħrajn stipulati fl-Anness II hija imposta fuq il-parti li tinnotifika taħt forma ta’ obbliguˮ (punt 1010) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

75      Din id-distinzjoni bejn kundizzjonijiet u obbligi hija importanti inkwantu l-ksur tagħhom ma jwassalx għall-istess konsegwenzi.

76      Għaldaqstant, l-Artikolu 8(5)(b) tar-Regolament Nru 4064/89 jindika espressament li, jekk l-impriżi kkonċernati jiksru wieħed mill-obbligi mehmuża mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, din tista’ tirrevokaha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 4064/89, il-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq l-impriżi li jiksru obbligu impost mid-deċiżjoni. Bl-istess mod, l-Avviż dwar ir-rimedji (punt 12) jipprovdi li “[f]ejn l-intrapriżi konċernati jwettqu ksur ta’ obbligu, il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjonijiet ta’ ħelsien maħruġa jew taħt l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Għaqda [Regolament Nru 4064/89], li jaġixxi bi qbil ma’ l-Artikolu 6(3) jew l-Artikolu 8(5)(b)ˮ u li “[i]l-partijiet jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal penali u għal ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kif għalihom hemm provdut fl-Artikolu 14(2)(a) u 15(2)(a) [tar-Regolament Nru 4064/89] rispettivamentˮ.

77      Min-naħa l-oħra għal dak li jirrigwarda l-ksur ta’ kundizzjoni, ir-Regolament Nru 4064/89 ma jipprovdix espressament konsegwenzi speċifiċi.

78      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem stess tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet imħaddna mir-regoli li tifforma parti minnhom (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑236/07, Ġabra, EU:T:2010:451, punt 44).

79      Huwa paċifiku, minn naħa, li kundizzjoni li tista’ tinsab f’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ konċentrazzjoni adottata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 tikkostitwixxi miżura strutturali li mingħajrha l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Konsegwentement, fil-każ ta’ ksur ta’ din il-kundizzjoni, l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 14(2)(ċ) tal-istess regolament, il-Kummissjoni tista’ tordna kwalunkwe azzjoni xierqa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid kompetizzjoni effettiva u timponi multa fuq l-impriżi li ma jieħdux il-miżuri ordnati. Issa, imur kontra l-għan stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni tiċċaħħad mill-possibbiltà li tagħmel dan minħabba s-sempliċi raġuni li huma ma jsemmux espressament il-każ fejn parti tikser kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni.

80      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li, meta parti tikser kundizzjoni, miżura strutturali li mingħajrha l-konċentrazzjoni ma setgħetx tiġi awtorizzata, id-deċiżjoni li tiddikjara t-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq komuni ma tibqax valida. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-Avviż dwar ir-rimedji, li fil-punt 12 tiegħu jindika li, meta kundizzjoni ma tkunx sodisfatta, “is-sitwazzjoni li tagħmel il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni ma timmaterjalizzaxˮ u li “id-deċiżjoni tal-kompatibilità ma treġġix aktar [ma tibqax valida]ˮ. L-imsemmi avviż jippreċiża li, “[f’]ċirkostanzi bħal dawn, il-Kummissjoni tista’, bi qbil ma’ l-Artikolu 8(4) tar-Regolament ta’ Għaqda [Regolament Nru 4064/89], tordna li tittieħed kwalunkwe azzjoni meħtieġa sabiex terġa’ ddaħħal fis-seħħ il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettivaˮ u li, “[b]arra minn hekk, il-partijiet jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal penali previsti fl-Artikolu 14(2)(ċ)ˮ.

81      B’mod simili, fil-Green paper tagħha dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Nru 4064/89 (COM/2001/0745 finali), fil-punt 223 tagħha, il-Kummissjoni indikat li hija tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-każ fejn il-partijiet ikunu kolpevoli ta’ ksur serju tal-kundizzjonijiet jew tal-obbligi li jkunu ppermettewlha tapprova tranżazzjoni u li, jekk ma tkunx ġiet osservata kundizzjoni, dan il-ksur iwassal għall-illegalità awtomatika tat-tranżazzjoni, filwaqt li fil-każ ta’ ksur ta’ obbligu hija għandha l-possibbiltà li tirrevoka d-deċiżjoni li tawtorizza t-tranżazzjoni.

82      Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 139/2004, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 4064/89, jindika b’mod analogu fil-premessa 31, dwar l-istrumenti li l-Kummissjoni għandha sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-impenji li, “[f’]każijiet fejn ma tkunx rispettata kundizzjoni magħmula f’deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, għandu jitqies li s-sitwazzjoni li kellha tagħmel il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni ma rriżultatx u għalhekk il-konċentrazzjoni, kif implimentata, għandha titqies bħala li mhix awtorizzata mill-Kummissjoniˮ, li “[j]ekk il-konċentrazzjoni tkun fil-fatt implimentata, hija għandha tkun trattata daqs li kieku kienet konċentrazzjoni li mhix notifikata u li kienet implimentata mingħajr awtorizzazzjoniˮ u li, “[b]arra minn hekk, fejn il-Kummissjoni tkun diġa saret taf li, mingħajr il-kundizzjoni, l-konċentrazzjoni ħa tkun inkompatibbli mas-suq komuni, hija għandu jkollha s-setgħa li tordna direttament ix-xoljiment tal-konċentrazzjoni b’tali mod li treġġa lura s-sitwazzjoni kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoniˮ. Min-naħa l-oħra, “[f]ejn obbligu stabbilit f’deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni ma jkunx rispettat, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirrevoka d-deċiżjoni tagħhaˮ u, “[b]arra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ timponi sanzjonijiet finanzjarji xierqa meta l-kundizzjonijiet jew l-obbligi ma jkunux rispettatiˮ.

83      Minn dak kollu li ntqal, b’mod partikolari mill-premessi msemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, jirriżulta li skont dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5)(b) u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 4064/89, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu li jinsab fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi għar-revoka tal-imsemmija deċiżjoni u timponi multa fuq l-impriża li tkun kissret l-imsemmi obbligu, iżda li hija ma hijiex obbligata tadotta tali miżuri.

84      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 jirriżulta li “d-deċiżjoni li tiddikjara t-tranżazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-parti li tinnotifika tosserva bis-sħiħ l-impenji tat-trasferiment stipulati fil-punti 1 sa 3 u 10 tal-Anness IIˮ u li “[l]-osservanza bis-sħiħ tal-impenji oħrajn stipulati fl-Anness II hija imposta fuq il-parti li tinnotifika taħt forma ta’ obbliguˮ (punt 1010) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dispożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tagħmel l-istess distinzjoni, peress li l-Artikolu 2 jindika li l-Artikolu 1, li jiddikjara t-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, “japplika sakemm Lagardère tosserva l-impenji kollha msemmija fil-punti 1 sa 3 u 10 tal-Anness IIˮ, filwaqt li l-Artikolu 3 jippreċiża li “din id-deċiżjoni tinkludi l-obbligu li Lagardère tosserva bis-sħiħ l-impenji l-oħra deskritti fl-Anness IIˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, il-ħatra ta’ mandatarju indipendenti kienet prevista mill-paragrafu 15 tal-Anness II u kienet tikkostitwixxi, konsegwentement, obbligu u mhux kundizzjoni, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni la kienet obbligata li tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, u lanqas li timponi multa fuq Lagardère.

85      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tmur lura għad-data tat-30 ta’ Lulju 2004 sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li n-nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju kienet ivvizzjat l-atti mwettqa minn dan tal-aħħar kollha jew li kienu taħt is-sorveljanza tiegħu.

86      Minn naħa, mill-punt 58 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kienet obbligata biss terġa tibda l-proċedura mill-punt preċiż li fih l-illegalità kkonstatata kienet seħħet, peress li l-annullament ta’ att mhux neċessarjament jaffettwa l-legalità tal-atti preparatorji. Issa, huwa paċifiku li l-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385) kienet tikkonċerna biss ir-rapport tal-ewwel mandatarju u l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

87      Min-naħa l-oħra, mill-punti 62 sa 64 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi biss dwar il-kwistjoni tal-indipendenza tal-ewwel mandatarju u fuq l-effetti ta’ eventwali nuqqas ta’ indipendenza tiegħu fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kandidatura ta’ Wendel u fuq l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, peress li r-rikorrenti ma kinitx imminat l-atti kollha adottati preċedentement mill-ewwel mandatarju.

88      L-intervenjenti jsostnu, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma setgħetx tipproċedi sabiex tistabbilixxi materjalment għall-istat tagħhom preċedenti l-assi ta’ Editis iktar minn tmien snin wara l-fatti u li kien l-obbligu tagħha li tosserva l-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, fil-konfront tagħhom stess u ta’ Planeta.

89      Peress li minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipproċedi għal stabbiliment tal-assi ta’ Editi għall-istat tagħhom preċedenti sabiex teżegwixxi s-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), huwa biss b’mod superfluwu li għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jipprekludux lill-Kummissjoni milli tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

90      L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra, EU:C:1981:94, punt 48), jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra, EU:C:1996:51, punt 20).

91      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati [ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat jippresupponi li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra, EU:T:2005:265, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra, EU:T:2006:64, punt 77; u tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑444/07, Ġabra, EU:T:2009:227, punt 126).

92      L-intervenjenti jipprovaw jikkwalifikaw din it-tielet kundizzjoni billi jsostnu li hija biss impriża li tkun ħatja minn ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ li ma tkunx tista’ tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, il-ġurisprudenza li huma jinvokaw (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1985, Sideradria vs Il‑Kummissjoni, 67/84, Ġabra, EU:C:1985:506, punt 21; tal‑24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il‑Kummissjoni, T‑551/93 u T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra, EU:T:1996:54, punt 76; u tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il‑Kummissjoni, T‑73/95, Ġabra, EU:T:1997:39, punt 28) ma hijiex rilevanti għal dan il-każ peress li sabiex jiġi evalwat jekk it-tielet kundizzjoni imposta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti hijiex sodisfatta, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk l-intervenjenti kisrux manifestament il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, iżda jekk, il-Kummissjoni kisritx ir-regoli applikabbli, jiġifieri l-impenji li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 meta approvat lil Wendel bħala xerrejja minkejja li l-kandidatura tagħha kienet ġiet evalwata minn mandatarju mhux indipendenti. Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, ma hijiex importanti l-kwistjoni dwar jekk l-amministrazzjoni kisritx b’mod manifest jew le l-leġiżlazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet fil-punt 62 tar-risposta li l-ġurisprudenza kienet teskludi, fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’każ bħal dak ineżami.

93      Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm huwa importanti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti taċ-ċertezza legali li jipproteġu l-interessi privati, huwa importanti wkoll li jkunu f’bilanċ mar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-legalità li jipproteġu l-interessi pubbliċi u li jiġu promossi dawn tal-aħħar peress li l-eżistenza ta’ irregolaritajiet hija tali li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra, EU:C:1961:5; tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja, 14/61, Ġabra, EU:C:1962:28, u tat-13 ta’ Marzu 2003, José Martí Peix vs Il‑Kummissjoni, T‑125/01, Ġabra, EU:T:2003:7213, punt 111).

94      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali ma setgħux jipprekludu lill-Kummissjoni, kieku hija qieset li dan kien xieraq, milli tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

95      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE inkwantu, minn naħa, hija ma setgħetx tikkunsidra b’mod serju r-rapport tal-mandatarju l-ġdid, li kien sottomess lilha biss lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, dan il-mandatarju l-ġdid fassal rapport mhux komplut u li kien fih ħafna tifħir.

96      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li r-rapport tal-mandatarju l-ġdid ġie sottomess biss lill-Kummissjoni lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, matul is-seduta l-Kummissjoni indikat li l-mandatarju l-ġdid kien issottometta l-verżjoni bl-Ingliż tar-rapport tiegħu tliet xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li ppermettielha tieħu konjizzjoni sħiħa tal-kontenut tiegħu. Fi kwalunkwe każ, mill-kliem stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet debitament kunsiderazzjoni tar-rapport tal-mandatarju l-ġdid.

97      Barra minn hekk, mill-punt 28 tal-linji gwida tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2003, dwar l-Aħjar Prattika: Testi Mudell għall-Impenji ta’ Ċessjoni u ta’ Mandat, jirriżulta li r-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mill-mandatarju jikkostitwixxi biss element li jagħmel parti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, peress li din ma hijiex marbuta b’din l-opinjoni u tibqa’ obbligata tagħmel ir-riċerki neċessarji sabiex tiżgura ruħha li x-xerrej jissodisfa sew il-kriterji għall-approvazzjoni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Lagardère vs Éditions Odile Jacob, C‑553/10 P u C‑554/10 P, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2012:173, punti 55 sa 57). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà fakkret, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 82 KE, li l-Kummissjoni ma tistax tiddelega lil terz il-poteri ta’ investigazzjoni u eżekuzzjoni mogħtija lilha mir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra, EU:T:2007:289, punt 1264). F’dan il-każ, mill-punti 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq ir-rapport tal-mandatarju l-ġdid iżda wkoll fuq diversi tipi ta’ informazzjoni oħra, jiġifieri t-talba għall-approvazzjoni ta’ Lagardère, ir-risposti bil-miktub ta’ Lagardère u ta’ Wendel tal-21 ta’ Ġunju 2004 għat-talba tagħha għal informazzjoni, l-informazzjoni mogħtija minn Wendel waqt laqgħa li hija kellha ma’ din tal-aħħar, skambju ta’ opinjonijiet li hija kellha mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persunali ta’ Editis kif ukoll risposti ta’ Wendel u Lagardère għat-talbiet għal informazzjoni magħmula fl-2011 u laqgħat organizzati ma’ dawn tal-aħħar fl-2011. Konsegwentement, is-sempliċi fatt, jekk jiġi preżunt li huwa stabbilit, li r-rapport tal-mandatarju l-ġdid wasal biss għand il-Kummissjoni lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jivvizzja lil din id-deċiżjoni.

98      Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li tipprovdi li l-mandatarju l-ġdid fassal rapport mhux komplut u li kien fih ħafna tifħir, intiż biss sabiex jagħmel tajjeb għall-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova insostenn tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ ċitazzjoni minn silta tal-imsemmi rapport dwar l-eżami tal-portata tal-assi inklużi fit-tranżazzjoni konkluża fl-2004 bejn Lagardère u Wendel, meta mqabbla ma’ dik prevista fl-impenji. Issa, f’din is-silta mir-rapport, għalkemm il-mandatarju indika li l-eżami tiegħu ma kienx jippermettilu li jivverifika jekk it-trasferiment tan-negozju ta’ ċerti entitajiet ġuridiċi kienx seħħ skont l-imsemmija impenji, huwa ppreċiża, barra minn hekk, li “fi kwalunkwe każ, kull tranżazzjoni bejn impriżi kienu kollha suġġetti għall-obbligi li jinżamm in-negozju ttrasferit, bħalma huma esposti fl-impenji, taħt is-superviżjoni tal-mandatarju ta’ dak iż-żmienˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 29) u minn dan ikkonkluda li xejn ma kien jindika li l-portata tat-tranżazzjonijiet kienet tippreżenta differenza sostanzjali meta mqabbla mal-portata tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti skont l-impenji (p. 30).

99      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività

100    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi adottat id-deċiżjoni kkontestata b’effett mit-30 ta’ Lulju 2004, peress li l-atti tal-Unjoni ma jistax ikollhom portata retroattiva ħlief f’każijiet eċċezzjonali u marbuta ma’ għan ta’ interess ġenerali.

101    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

102    Hemm lok li jitfakkar li sentenza ta’ annullament għandha neċessarjament effett retroattiv, peress li l-konstatazzjoni ta’ illegalità tmur lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-att annullat (sentenza Asteris et vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:1988:199, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra, EU:C:2008:79, punt 61). Madankollu għandha ssir distinzjoni bejn din il-kwistjoni u dik tan-natura retroattiva tad-deċiżjoni l-ġdida meħuda mill-amministrazzjoni sabiex tissostitwixxi l-att annullat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-9 ta’ Lulju 1969, Portelange, 10/69, Ġabra, EU:C:1969:36), bħala regola ġenerali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att ikollha l-bidu tad-dekorrenza tagħha stabbilit għal data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu. Skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun madankollu mod ieħor b’mod eċċezzjonali meta l-għan li jkun irid jintlaħaq ikun jeħtieġ dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra, EU:C:1979:14, punt 20; tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il‑Kunsill, 108/81, Ġabra, EU:C:1982:322, punt 4, u Fédesa et, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1990:391, punt 45).

103    Bil-kontra ta’ dak li ssostni Lagardère, il-ġurisprudenza ma hijiex ibbażata fuq distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet individwali u l-atti regolatorji. Huwa minnu li s-sentenzi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività kienu jikkonċernaw direttivi jew regolamenti. Madankollu, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-atti tal-Union kollha kemm huma u mhux biss għall-atti regolatorji. Barra minn hekk, hija diġà indikat, għal dak li jirrigwarda preċiżament il-possibbiltà li miżura tittieħed b’mod retroattiv wara li tingħata sentenza ta’ annullament, li hemm lok li jiġi deċiż jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali dovut lill-persuni kkonċernati jipprekludix l-adozzjoni mill-ġdid b’effett retroattiv tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, sew jekk ikunu regolamenti sew jekk miżuri individwali (sentenza tat-30 ta’ Settembru 1982, Roquette Frères vs Il‑Kunsill, 110/81, Ġabra, EU:C:1982:323, punt 21). It-tliet sentenzi tal-Qorti Ġenerali ċċitati minn Lagardère fin-nota ta’ intervent tagħha [sentenzi O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2006:116, punt 48; tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra, EU:T:2006:265, punt 320; u tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra, EU:T:2008:317, punti 63 u 64] ma jikkonċernawx, barra minn hekk, il-kwistjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni individwali retroattiva wara annullament kontenzjuż, iżda dik tad-data li għaliha l-awtur tal-att annullat għandu jmur lura sabiex jadotta l-att li jissostitwixxih, sabiex jiġu ddeterminati l-fatti rilevanti u l-leġiżlazzjoni applikabbli. Għal dak li jirrigwarda s-sentenza C u F vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq (EU:F:2007:66), li kienet invokata wkoll minn Lagardère, għandu jiġi rrilevat li fiha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-istituzzjoni kkonċernata setgħet, f’dak il-każ ineżami, tadotta miżura individwali retroattiva li biha r-rikorrent jingħata l-irtirar u seta’ jibbenefika minn pensjoni tal-invalidità, peress li d-deċiżjoni preċedenti kienet ġiet annullata mill-qorti tal-Unjoni minħabba l-bażi legali żbaljata tagħha. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma trattax b’mod ġenerali l-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni individwali retroattiva. Barra minn hekk, f’din il-kawża, ebda terz ma seta’ jkollu a priori l-aspettattivi leġittimi tiegħu affettwati minn miżura retroattiva adotta, li kienet tikkonċerna biss lir-rikorrent.

104    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ att amministrattiv retroattiv ġewx osservati fil-kawża preżenti.

105    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju dwar l-għan li għandu jintlaħaq, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 102 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata kellhiex għan ta’ interess ġenerali. Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-ġurisprudenza ma ssemmix in-neċessità li jkun jeżisti interess ġenerali ta’ natura perentorja.

106    F’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva kienet tissodisfa diversi għanijiet ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, id-deċiżjoni l-ġdida kellha l-għan li tirrimedja l-illegalità kkritikata mis-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385). L-osservanza mill-amministrazzjoni tal-legalità u tal-awtorità ta’ res judicata tikkostitwixxi, evidentement, għan ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk id-deċiżjoni l-ġdida kellha l-għan li timla’ l-vojt legali li rriżulta mill-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-qorti tal-Unjoni u, għaldaqstant, li tipproteġi ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89 u li ħadu parti fit-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni tal-2004 kif ukoll għat-tranżazzjoni li seħħet fl-2008. Fil-fatt, mill-premessi 7 u 17 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiżgura l-effettività tal-kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il‑Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra, EU:T:2002:278, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    It-tieni kriterju li jippermetti lill-amministrazzjoni tadotta att retroattiv, relatat mal-aspettattivi leġittimi, huwa intiż li jivverifika li l-att amministrattiv individwali li għandu portata retroattiva la jippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li għalihom japplika direttament u lanqas dawk ta’ terzi.

108    Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax l-aspettattivi leġittimi tal-intervenjenti jew ta’ Planeta. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li dawn it-tliet kumpanniji ma setgħux, fi kwalunkwe każ, jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat, bil-kontra ta’ dak li hija ssostni, li l-prinċipju ta’ “aspettattivi leġittimi fl-eżekuzzjoni xierqa tad-deċiżjonijiet tal-qratiˮ ma kienx jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva, peress li l-implementazzjoni tal-impenji previsti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, li kompliet torbot lil Lagardère, kienet timplika, minn naħa, li Lagardère kienet ipproponiet lill-Kummissjoni l-approvazzjoni ta’ xerrej tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti mill-ġdid u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fuq il-proposta ta’ xerrej ifformulata minn Lagardère. Diġà ġie deċiż li kien, bil-kontra ta’ dan, ir-rifjut minn istituzzjoni li teżegwixxi sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li kienet tikkostitwixxi preġudizzju għall-aspettattivi li l-individwi kollha għandu jkollhom fis-sistema legali tal-Unjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq ir-rispett tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Hautem vs BEI, T‑11/00, Ġabra, EU:T:2000:295, punt 51). F’dan il-każ, in-nuqqas tal-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni seta’ jippreġudika l-prinċipju ta’ rispett tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni ħolqot fil-konfront tagħha aspettattivi fondati li hija stess kienet ser tinħatar bħala x-xerrejja tal-assi ta’ Editis, peress li Lagardère biss kellha l-kompetenza li tipproponi xerrej lill-Kummissjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

109    Bħala konklużjoni, iż-żewġ kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi awtorizzata l-adozzjoni ta’ att amministrattiv b’effetti retroattivi huma sodisfatti f’dan il-każ.

110    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma qiesu neċessarju li jaġġustaw ratione temporis l-effetti tas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385), u dan ifisser li dawn il-qrati ma qisux li kien neċessarju li l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni tiġi vvalidata b’mod retroattiv.

111    Id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE jippermettu lill-qorti tal-Unjoni tillimita l-effett retroattiv tal-annullamenti li hija tiddikjara filwaqt li tawtorizza, jekk tqis li jkun neċessarju, tindika dawk fost l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu li huma definittivi għall-passat. Għaldaqstant, il-qorti tista’ tiddeċiedi ex officio li żżomm l-effetti ta’ att annullat (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il‑Kummissjoni, C‑14/06 u C‑295/06, Ġabra, EU:C:2008:176, punti 84 sa 86), jew tagħmel dan fuq talba tal-partijiet. Il-fatt li la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma qiesu neċessarju li jillimitaw il-portata retroattiva tas-sentenza T‑452/04, punt 15 iktar ’il fuq (EU:T:2010:385) ma jfissirx, madankollu, li l-qrati kkunsidraw li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva. Fil-fatt, minn naħa, l-aġġustament tal-effetti ta’ sentenza ratione temporis jikkostitwixxi biss possibbiltà għall-qorti u mhux obbligu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni mhux sempliċement ivvalidat b’mod retroattiv l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, iżda ħatret mandatarju ġdid imbagħad qieset, fuq il-bażi tar-rapport imfassal minn dan tal-aħħar, u fuq l-analiżi tagħha stess, jekk Wendel kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta max-xerrej tal-assi ta’ Editis previsti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

112    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha titqies li hija infondata. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

113    Ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ksur ta’ wħud mill-impenji tagħha minn Lagardère kellu l-effett li jrendi l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni inapplikabbli u li d-deċiżjoni kkontestata hija, konsegwentement, nieqsa minn bażi legali. Fil-fatt, peress li Lagardère kisret il-paragrafi 1 u 10 tal-impenji tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar tapplika d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

114    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, Lagardère tqis li t-tieni motiv huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti ma tistax teċċepixxi l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

–       Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni motiv

115    Lagardère tqis li t-tieni motiv huwa inammissibbli peress li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 kienet saret definittiva wara li ngħatat is-sentenza C‑551/10 P, punt 23 iktar ’il fuq (EU:C:2012:681) u peress li r-rikorrenti issa ma tistax iktar teċċepixxi l-illegalità tagħha.

116    Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tiegħu, dan l-argument jista’ biss ikun miċħud, peress li r-rikorrenti ma ssostnix li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 hija illegali, billi teċċepixxi l-illegalità tagħha, iżda li hija kienet saret inapplikabbli minħabba l-ksur ta’ Lagardère ta’ wieħed mill-impenji tagħha.

–       Fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

117    Għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u li dawn is-sentenzi jibbenefikaw, konsegwentement, mill-awtorità relattiva ta’ res judicata. Fil-fatt, is-sentenzi ta’ ċaħda għandhom tali awtorità, li għandha l-unika konsegwenza li trendi inammissibbli kwalunkwe rikors ġdid li jkollu l-istess suġġett, li jkun bejn l-istess partijiet u li jkun ibbażat fuq l-istess kawża (sentenza tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra, EU:C:1985:355, punt 9). Għaldaqstant, sentenza ta’ ċaħda ma tfissirx li l-att ikkontestat huwa validu, iżda sempliċement li ebda wieħed mill-motivi mqajjma mir-rikorrent ma kien fondat u li l-istess kien jgħodd għall-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata tirrileva ex officio. Għaldaqstant, l-att ikkontestat jibqa’ jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità, li timplika wkoll, għall-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jirrikonoxxu l-effettività sħiħa ta’ dan l-att sakemm l-illegalità tiegħu ma tkunx ġiet stabbilita (sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria, 101/78, Ġabra, EU:C:1979:38, punt 5). Peress li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 kienet is-suġġett ta’ rikors miċħud permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jitqies li dan l-att jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità.

118    Barra minn hekk, mill-punti 73 sa 84 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, peress li Lagardère kienet kissret obbligu u mhux kundizzjoni. Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda dokument fil-proċess li l-Kummissjoni rrevokat l-imsemmija deċiżjoni. Issa, skont il-paragrafu 14 tal-impenji ddefiniti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, l-għażla taċ-ċessjonarju kellha tiġi suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, li kienet responsabbli milli tivverifika jekk kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 10 tal-impenji u l-Kummissjoni kellha tinforma lil Lagardère bid-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni jew ta’ ċaħda taċ-ċessjonarju f’ċertu terminu. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, fit-22 ta’ Novembru 2010, Lagardère ppreżentat lill-Kummissjoni talba ġdida għall-approvazzjoni ta’ Wendel bħala xerrejja tal-assi ta’ Editis li kienu suġġetti għat-trasferiment, sabiex timplementa l-impenji li Lagardère kellha taħt id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004.

119    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 u użatha b’mod selettiv

120    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni sussegwenti għat‑30 ta’ Lulju 2004. Anki jekk jiġi preżunt li l-fatti sussegwenti għat‑30 ta’ Lulju 2004 setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tqis, barra minn hekk, li dan kellu jsir b’mod imparzjali.

121    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

122    Prinċipalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni u lill-mandatarju li bbażaw ruħhom fuq fatti sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 sabiex jevalwaw il-kandidatura ta’ Wendel.

123    F’dan ir-rigward, mill-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni indikat li kienet eżaminat il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiżgura ruħha li Wendel kienet tissodisfa żgur il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni stabbiliti mill-paragrafu 10 tal-impenji tal-4 ta’ Ġunju 2004, id-data tal-ewwel talba għal approvazzjoni mressqa minn Lagardère. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li, fid-dawl tat-trasferiment ta’ Editis lil Planeta, li seħħ fit-30 ta’ Mejju 2008, u tan-natura prospettiva tal-analiżi li hija kellha, fil-prinċipju, twettaq, l-evalwazzjoni tagħha tal-kandidatura ta’ Wendel hija kkorroborata mill-informazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ Editis u tas-swieq inkwistjoni wara l-4 ta’ Ġunju 2004. Għaldaqstant, hija evalwat is-sitwazzjoni fl-4 ta’ Ġunju 2004 (punti 27 sa 37), imbagħad eżaminat jekk din kinitx ikkorroborata permezz tal-iżviluppi li seħħew minn dik id-data (punti 38 sa 49). Bħala konklużjoni, hija ddeċidiet li tapprova b’mod retroattiv lil Wendel fuq il-bażi tas-sitwazzjoni tal-4 ta’ Ġunju 2004, ikkorroborata permezz tal-iżviluppi sussegwenti għal din id-data (punt 50).

124    Bl-istess mod, il-mandatarju l-ġdid indika fir-rapport tiegħu sottomess lill-Kummissjoni li huwa ntalab li jwettaq eżami retrospettiv tal-kandidatura ta’ Wendel fit-30 ta’ Lulju 2004 u li jikkompleta din l-analiżi billi jipprepara ħarsa ġenerali tal-iżvilupp ta’ Editis wara l-akkwist tagħha minn Wendel f’Lulju 2004 u mbagħad wara l-akkwist tagħha minn Planeta f’Mejju 2008.

125    Skont il-ġurisprudenza, wara l-annullament ta’ att amministrattiv, l-awtur tiegħu għandu jadotta att ġdid li jissostitwixxih billi jmur lura għad-data li fiha dan kien sar, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dak iż-żmien, u punti ta’ fatt li kienu rilevanti [sentenza O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2006:116, punti 47 u 48; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, EU:T:2008:317, punt 63]. Madankollu, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu huwa jista’ jinvoka motivi li ma humiex dawk li fuqhom kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (sentenza Interporc vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2003:125, punti 28 sa 32).

126    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ġusta meta fid-deċiżjoni kkontestata ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk Wendel kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni stabbiliti mill-paragrafu 10 tal-impenji billi ħadet inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li kellha konjizzjoni tagħhom fit-30 ta’ Lulju 2004, id-data li fiha ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni.

127    Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni jeħtieġ analiżi prospettiva tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta fil-futur mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra, EU:T:2002:254, punt 443, u tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra, EU:T:2009:212, punt 89). L-istess jgħodd għall-evalwazzjoni tal-vijabbiltà tax-xerrej u tal-kapaċità tiegħu li jżomm u jiżviluppa kompetizzjoni effettiva fuq is-swieq ikkonċernati, previsti mill-paragrafu 10(b) tal-impenji.

128    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet neċessarjament obbligata twettaq a posteriori l-analiżi tagħha tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li rriżultat mill-opeazzjoni ta’ konċentrazzjoni. Huwa għaldaqstant ġust li hija eżaminat jekk l-analiżi tagħha mwettqa fuq il-bażi ta’ elementi li tagħhom hija kellha konjizzjoni fit-30 ta’ Lulju 2004 kinitx ikkorroborata minn informazzjoni relatata mal-perijodu sussegwenti għal din id-data. Kieku l-eżami tas-sitwazzjoni sussegwenti kien irrileva li Wendel ma aġixxietx bħala kompetitur fuq is-suq, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata, barra minn hekk, li tevalwa l-konsegwenzi ta’ dan fl-analiżi tat-talba l-ġdida għal approvazzjoni mressqa minn Lagardère.

129    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li użat l-informazzjoni sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 b’mod selettiv u parzjali. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet żgur inkunsiderazzjoni l-fatt li Wendel biegħet mill-ġdid lil Editis f’Mejju 2008 (punti 47 sa 49) u li Editis baqgħet fit-tieni pożizzjoni fil-pubblikazzjoni fi Franza (punti 38, 42, 43 u 45), filwaqt li rrilevat li din il-konstatazzjoni ma kinitx inkompatibbli mal-impenji ta’ Lagardère u b’mod partikolari, il-paragrafu 10(b) tagħhom, li jipprovdu li ċ-ċessjonarju kellu jkun kapaċi jżomm jew jiżviluppa kompetizzjoni effettiva.

130    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-kandidatura de Wendel

131    Ir-rikorrenti tqis li kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħmel eżami mill-ġdid tal-informazzjoni kollha disponibbli fid-data tat-talba għal approvazzjoni sabiex tevalwa l-kandidatura ta’ Wendel u, b’mod partikolari, il-kapaċità ta’ din tal-aħħar li tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq elementi sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004. Ir-rikorrenti tqis, madankollu, li l-fatti sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 tawha raġun peress li Wendel biegħet mill-ġdid lil Editis wara biss erba’ snin u li Editis ma reġgħetx saret l-ewwel impriża Franċiża fis-suq tal-pubblikazzjoni bil-Franċiż.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma pparagunatx ir-rata interna ta’ profitt mistennija minn Wendel ma’ dik ta’ konsorzji oħrajn magħżula minn qabel minn Lagardère u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Wendel ma kellha ebda esperjenza fis-settur tal-pubblikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-preżenza ta’ amministratur komuni għal Lagardère u Wendel, minkejja l-kundizzjoni ta’ indipendenza prevista mill-paragrafu 10 tal-impenji u minbarra dan, hija immotivat b’mod insuffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat l-impatt li l-ftehimiet tranżitorji bejn iż-żewġ impriżi seta’ jkollhom fuq l-indipendenza ta’ Wendel.

133    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

134    Preliminarjament, għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-possibbiltà tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq elementi sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 u, skont il-każ, dwar l-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali elementi, għandu jitfakkar li mill-punti 125 sa 128 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kwistjoni dwar jekk Wendel kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni stabbiliti mill-paragrafu 10 tal-impenji, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li kellha konjizzjoni tagħhom fit-30 ta’ Lulju 2004, id-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni, filwaqt li kkorroborat l-analiżi tagħha permezz ta’ informazzjoni relatata mal-perjodu sussegwenti għal din id-data.

135    Għall-eżami ta’ dan il-motiv għandu wkoll jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita r-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 4064/89, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, dwar l-evalwazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa neċessarju fl-applikazzjoni ta’ regoli rigward il-konċentrazzjoni, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi Franza et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, EU:C:1998:148, punti 223 u 224, u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, Ġabra, EU:T:2002:146, punt 64).

136    Għalkemm il-qorti tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan madankollu ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi mressqa, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom. Tali stħarriġ huwa iktar u iktar neċessarju meta tkun meħtieġa analiżi prospettiva (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra, EU:C:2005:87, punt 39, u Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2009:212, punt 92).

137    L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti dwar l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħti lilha mir-Regolament Nru 4064/89 għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni ma’ tagħha (sentenza tat-3 ta’ April 2003, Petrolessence u SG2R vs Il‑Kummissjoni, T‑342/00, Ġabra, EU:T:2003:97, punt 101). Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-neċessità li jinkisbu impenji sabiex jiġu eliminati dubji serji kkawżati minn konċentrazzjoni, ma huwiex l-obbligu tal-qorti li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma’ tagħha, peress li l-istħarriġ tagħha għandu jkun limitat sabiex tivverifika li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza easyJet vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2006:187, punt 128). Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-impenji, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa l-istess bħal dak eżerċitat fuq il-kompatibbiltà ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni jew fuq in-neċessità li jinkisbu impenji għall-awtorizzazzjoni ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni (sentenza Petrolessence u SG2R vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2003:97, punti 101 sa 103).

138    Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ limitat għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li l-Kummissjoni kellha twettaq sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma’ tagħha stess. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet oħra li l-Kummissjoni kellha twettaq sabiex tevalwa l-kandidatura ta’ Wendel, dan l-istħarriġ huwa komplet.

139    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati s-sitt argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

140    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, skont il-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère, sabiex tippreżerva kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati, din tal-aħħar kienet qed timpenja ruħha sabiex iċċedi l-assi ta’ Editis lil ċessjonarju jew lil diversi ċessjonarji indipendenti u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti:

“Lagardère ma jistax ikollha interessi sinjifikattivi diretti jew indiretti fiċ-ċessjonarju.

Iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom ikunu operaturi vijabbli, kapaċi u li għandhom l-inizjattivi ekonomiċi sabiex iżommu jew jiżviluppaw kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma din il-formulazzjoni ma teskludi a priori ebda kategorija ta’ xerrejja industrijali jew finanzjarji.

L-akkwist tal-assi ttrasferiti ma għandux ikun tali li joħloq problemi ġodda ta’ kompetizzjoni u lanqas joħloq riskju ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-impenji. Lagardère għandha tkun f’pożizzjoni li turi lill-Kummissjoni li x-xerrej jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-impenji u li l-assi ttrasferiti huma ttrasferiti skont l-impenji preżenti.

Iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom ikunu kisbu jew jistgħu raġonevolment jiksbu l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji għall-akkwist u għall-użu tal-assi ttrasferiti.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

141    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-fatti sussegwenti għat‑30 ta’ Lulju 2004 tawha raġun peress li Wendel biegħet mill-ġdid lil Editis wara biss erba’ snin u peress li Editis ma reġgħetx saret l-ewwel impriża fis-suq tal-pubblikazzjoni bil-Franċiż. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li Wendel kienet operatriċi vijabbli, kapaċi u li żviluppat kompetizzjoni effettiva fis-suq, skont il-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère. Fil-fatt huwa paċifiku li Editis kellha negozju u tkabbir sinjifikattivi wara li nxtrat minn Wendel, li f’Mejju 2008 ippermettew lil din tal-aħħar tipproċedi sabiex tbigħha mill-ġdid lil Planeta, bejgħ mill-ġdid li dwaru r-rikorrenti ma allegatx li jista’ jkollu l-effett li jnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq.

142    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien messha wettqet evalwazzjoni tal-kapaċità u tal-inizjattivi ta’ Wendel li żżomm u li tiżviluppa kompetizzjoni effettiva. Madankollu, mill-punti 28 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eżami tal-Kummissjoni kien sar dwar il-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafu 10(b) tal-impenji ta’ Lagardère billi eżaminat, minn naħa, jekk Wendel kinitx operatur vijabbli (punti 28 u 29) u, min-naħa l-oħra, jekk Wendel kinitx kapaċi li żżomm jew li tiżviluppa lil Editis bħala kompetitriċi effettiva fis-swieq ikkonċernati (punti 30 sa 34). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma eżaminatx sempliċement il-profitt finanzjarju li Wendel seta’ jkollha mit-tranżazzjoni, iżda analizzat ukoll ir-riżorsi ta’ Editis filwaqt li enfasizzat ir-rieda ta’ Wendel li żżomm it-timijiet tal-maniġers, kif ukoll l-eżistenza ta’ pjan ta’ kummerċ imfassal minn Wendel li kien jipprevedi strateġija ta’ tkabbir intern u estern. L-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-kapaċità ta’ Wendel li tiżviluppa kompetizzjoni effettiva ma huwiex għaldaqstant sostnut mill-fatti, peress li l-Kummissjoni eżaminat il-kapaċità ta’ Wendel li żżomm u li tiżviluppa lil Editis sabiex tagħmilha kompetitriċi effettiva.

143    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma qabblitx ir-rata interna ta’ profitt mistenni minn Wendel ma’ dik ta’ konsorzji oħrajn magħżula minn qabel minn Lagardère, minkejja li l-Kummissjoni pparagunat l-offerta ta’ Wendel ma’ offerti oħra għal dak li jikkonċerna ż-żamma tar-riżorsi maniġerjali ta’ Editis.

144    Għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 13(b) u l-paragrafu 14 tal-impenji, Lagardère kellha tissottometti lill-Kummissjoni lista ta’ xerrejja potenzjali li hija kellha l-intenzjoni li tikkuntattja u li l-għażla taċ-ċessjonarju jew taċ-ċessjonarji minn Lagardère kellha tkun suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni li kellha tiddeċiedi fid-dawl tal-informazzjoni neċessarja, sabiex tkun tista’ tivverifika jekk kinux jissodisfaw il-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti mill-impenji. Skont il-paragrafu 20 ta’ dawn l-impenji, din il-proċedura ta’ selezzjoni tax-xerrej jew tax-xerrejja mill-parti li tinnotifika kellha tiżvolġi taħt is-sorveljanza ta’ mandatarju approvat mill-Kummissjoni u inkarigat li jiżgura l-eżekuzzjoni sodisfaċenti tal-impenji ta’ Lagardère, fis-sens tal-paragrafu 21(g), jew anki li jmexxi n-negozjati tal-akkwist mat-terzi kkonċernati fl-ipoteżi, imsemmija fil-paragrafu 25, fejn il-parti li tinnotifika tkun baqgħet ma wettqitx l-obbligi assunti fit-terminu mogħti. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 11 tal-impenji kien jippreċiża li Lagardère kellha tagħmel kull sforz sabiex tbigħ lil ċessjonarju wieħed l-assi kollha ttrasferiti mill-ġdid, filwaqt li żżomm l-għan li tikseb l-aħjar dħul possibbli. Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li kienet tipprevedi li Lagardère biss kellha l-kompetenza li tipproponi lill-Kummissjoni xerrej tal-assi ta’ Editis u li l-Kummissjoni kellha tivverifika biss li x-xerrej magħżul minn Lagardère kien jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-impenji sabiex iżomm kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni, kienet ġiet iddefinita b’dan il-mod ċar mhux mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, li r-rikorrenti ma tistax iktar tikkontesta l-legalità tagħha, peress li s-sentenza T‑452/04 (EU:T:2010:385) tibbenefika mill-awtorità relattiva ta’ res judicata (sentenza Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:1985:355, punt 9).

145    Barra minn hekk għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-konċentrazzjonijiet ma kinux jimponu fuq il-Kummissjoni li torganizza hija stess proċedura ta’ selezzjoni ta’ kandidati għax-xiri tal-assi ttrasferiti mill-ġdid jew li tipparaguna l-merti rispettivi tal-imsemmija kandidati. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward il-paragrafu 21 tal-Avviż dwar ir-rimedji jipprovdi li “hekk kif id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni hija suġġetta għat-trasferiment ta’ negozju, huwa l-obbligu tal-partijiet li jsibu xerrej xieraq għal dan in-negozju partikolariˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-paragrafu ma jidher bl-ebda mod li jikkontradixxi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4064/89, li l-Artikolu 8(2) tiegħu sempliċement jipprevedi eventwali “tibdil mill-impriżi konċernatiˮ għall-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni nnotifikata, sabiex issir kompatibbli mas-suq komuni, mingħajr ma jiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jintlaħaq tali riżultat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza C‑551/10 P (EU:C:2012:681), li l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 jagħti lill-Kummissjoni l-missjoni li tiżgura li t-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni suġġetti għall-istħarriġ tagħha ma joħolqux jew ma jsaħħux pożizzjoni dominanti bir-riżultat li kompetizzjoni effettiva tiġi ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, u li konsegwentement ma huwiex l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ kompetizzjoni perfetta u li tiddeċiedi, minflok l-atturi ekonomiċi, minn għandu jopera fis-suq (punti 66 u 67). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Kummissjoni kellha biss il-possibbiltà li tapprova jew le lix-xerrej ippreżentat lilha (punt 76).

146    Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tan-neċessità li tikseb impenji sabiex telimina d-dubji serji maħluqa minn konċentrazzjoni, il-qorti tal-Unjoni tqis li ma huwiex l-obbligu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma’ dik tagħha u li, għaldaqstant, l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ impenji oħra ssuġġeriti minn terzi ma jistabbilixxix, fih innifsu, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, il-fatt li setgħu jiġu aċċettati wkoll impenji oħra, jew anki li setgħu jkunu iktar favorevoli għall-kompetizzjoni, ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sakemm il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod raġonevoli li l-impenji elenkati fid-deċiżjoni kienu jippermettu li jiġu eliminati d-dubji serji (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, ARD vs Il‑Kummissjoni, T‑158/00, Ġabra, EU:T:2003:246, punti 328 u 329, u easyJet vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, EU:T:2006:187, punti 128 u 129). B’mod simili, ma huwiex għaldaqstant l-obbligu tal-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, li tagħmel analiżi komparattiva tad-diversi offerti li ġew sottomessi lil Lagardère fl-2004 u l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħmel paragun tar-rati interni ta’ profitt mistennija mid-diversi xerrejja, peress li l-kandidatura ta’ Wendel, l-unika xerrejja proposta minn Lagardère, kienet tidhrilha li tissodisfa l-impenji ta’ din tal-aħħar.

147    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Kummissjoni wettqet paragun tal-offerti ta’ diversi xerrejja fuq punt partikolari ma għandu l-ebda bażi fattwali. Fil-fatt, mill-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat jekk Wendel kinitx kandidata kapaċi li żżomm u li tiżviluppa lil Editis bħala kompetitriċi effettiva fis-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Wendel kienet impenjat ruħha li żżomm ir-riżorsi maniġerjali u editorjali tagħha u li Wendel kienet enfasizzat li dan l-approċċ kien jippermettilha tiggarantixxi iktar l-iżvilupp ta’ Editis milli l-akkwist tagħha minn kompetitur tas-settur li kien neċessarjament jorganizza mill-ġdid il-kontroll maniġerjali.

148    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ esperjenza ta’ Wendel fis-settur tal-pubblikazzjoni. Madankollu, mill-paragrafu 10(b) tal-impenji jirriżulta espressament li ċ-ċessjonarju tal-assi ttrasferiti mill-ġdid seta’ jintgħażel fost ix-xerrejja finanzjarji, u dan kien ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (sentenza T‑279/04, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2010:384, punti 344 u 345) u l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza C‑551/10 P, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:2012:681, punt 78) matul l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti ma għandu l-ebda bażi fattwali peress li, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat b’mod espress jekk Wendel kinitx operatur kapaċi li żżomm u li tiżviluppa kompetizzjoni effettiva, minkejja li ma kellhiex esperjenza fis-settur tal-pubblikazzjoni. Hija fakkret għalhekk li Editis baqgħet tibbenefika mir-riżorsi maniġerjali, editorjali u ta’ appoġġ kollha neċessarji sabiex tiżgura hija stess il-vijabbiltà tagħha u li Wendel kienet impenjat ruħha li żżomm l-imsemmija riżorsi. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li Lagardère obbligat ruħha, fil-paragrafu 12(b) tal-impenji tagħha, li ma tirreklutax, qabel l-iskadenza ta’ ċertu terminu, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Editis u l-maniġers prinċipali editorjali tal-assi ttrasferiti mill-ġdid.

149    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li qieset li Wendel kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza prevista mill-impenji, minkejja li wieħed mill-amministraturi ta’ din il-kumpannija kien membru tal-bord ta’ sorveljanza u tal-bord tal-awdituri ta’ Lagardère fl-istess waqt.

150    Skont il-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère, din tal-aħħar impenjat ruħha, sabiex iżżomm kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkonċernati, li “ċċedi l-atti ta’ Editis lil ċessjonarju jew lil diversi ċessjonarji indipendentiˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 10(a) kien jipprevedi, barra minn hekk, li Lagardère ma jistax ikollha “interessi sinjifikattivi diretti jew indiretti fiċ-ċessjonarjuˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 346 tas-sentenza T‑279/04 (EU:T:2010:384), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imqajjem mir-rikorrenti insostenn tad-disa’ motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li l-impenji ta’ Lagardère ma kinux konformi mal-punt 49 tal-Avviż dwar ir-rimedji. Il-Qorti Ġenerali qieset għaldaqstant li “s-sempliċi assenza ta’ interessi sinjifikattivi diretti jew indiretti fiċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji, kif jidher fil-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère, tidher kompatibbli mal-assenza tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ rabta bejn ix-xerrej u l-partijiet, imposta fil-punt 49 tal-Avviż dwar ir-rimedji, peress li, skont il-paragrafu 10 tal-impenji ta’ Lagardère, it-trasferiment seta’ jsir biss favur ‘ċessjonarju jew diversi ċessjonarji indipendenti mill-parti li tinnotifika’ u li l-akkwist ta’ ass jew ta’ diversi assi ttrasferiti mill-ġdid ‘ma jistax ikun tali li joħloq problemi ġodda ta’ kompetizzjoni’ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

151    Għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali għalhekk evalwat iż-żewġ kundizzjonijiet, previsti fil-paragrafu 10 u fil-paragrafu 10(a) tal-impenji, kollha kemm huma, u qieset li “l-assenza ta’ interessi sinjifikattivi diretti jew indiretti ta’ Lagardère fiċ-ċessjonarjuˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali], prevista mill-paragrafu 10(a) kellha tiġi eżaminata filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni ġenerali ta’ indipendenza taċ-ċessjonarju fir-rigward ta’ Lagardère prevista fil-paragrafu 10.

152    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk meta evalwat il-kandidatura ta’ Wendel, il-Kummissjoni osservatx verament il-kundizzjoni ta’ indipendenza ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ Lagardère, prevista mill-paragrafu 10 u l-paragrafu 10(a) tal-impenji, moqrija fid-dawl tal-punt 49 tal-Avviż dwar ir-rimedji. Il-kundizzjoni ta’ indipendenza tax-xerrej hija intiża, b’mod partikolari, li tiggarantixxi l-kapaċità tax-xerrej li jaġixxi fis-suq bħala kompetitur effettiv, mingħajr ma l-istrateġija tiegħu u l-għażliet tiegħu jkunu jistgħu jiġu influwenzati miċ-ċedent. Din l-indipendenza tista’ tiġi evalwata billi jiġu eżaminati r-rabtiet ta’ kapital u r-rabtiet finanzjarji, kummerċjali, personali u materjali bejn iż-żewġ kumpanniji.

153    Fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kwistjoni tal-indipendenza bejn il-partijiet il-Kummissjoni indikat li, “fil-mument tat-talba inizjali għal approvazzjoni fl-2004, Wendel kienet indipendenti mill-grupp Lagardèreˮ u li “fil-fatt ma kienet teżisti ebda rabta ta’ kapital u lanqas ebda rabta oħra ekonomika bejn iż-żewġ kumpannijiˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li barra minn hekk ma allegatx li kienu jeżistu rabtiet materjali u finanzjarji bejn iż-żewġ kumpanniji.

154    Huwa minnu li r-rikorrenti ġustament issostni li l-istess persuna kienet tagħmel parti minn uħud mill-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza ta’ Lagardère u ta’ Wendel. Fil-fatt huwa paċifiku li P. kien sa mill-1998 wieħed mill-ħmistax-il membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Lagardère u kien membru tal-bord tal-awdituri ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, mill-2002 sal-31 ta’ Mejju 2005, P. kien wieħed mit-tnax-il membru tal-bord tad-diretturi, wieħed mit-tliet membri tal-bord ta’ ħatra u ta’ remunerazzjoni, u wieħed mill-ħames membri tal-bord tal-awdituri ta’ Wendel.

155    Madankollu, il-preżenza ta’ P. fil-korpi taż-żewġ kumpanniji ma hijiex, f’dan il-każ, tali li tistabbilixxi li Wendel ma kinitx xerrejja indipendenti minn Lagardère.

156    Fil-fatt, fit-30 ta’ Lulju 2004, Lagardère kienet kumpannija limitata b’azzjonijiet irregolata mid-dritt Franċiż bi struttura fuq żewġ livelli, li l-funzjonament tagħha kien irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L 226-1 sa L 226-14 tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż. Għaldaqstant hija kienet immexxija minn amministrazzjoni taħt il-kontroll ta’ bord ta’ sorveljanza. Fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza, u mhux ta’ amministratur, P. kien jeżerċita biss, hekk kif issostni Wendel, funzjonijiet ta’ sorveljanza u ta’ gwida għall-ġestjoni tal-kumpannija. Barra minn hekk, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-bord tal-awdituri, huwa kien responsabbli minn kwistjonijiet essenzjalment finanzjarji u ta’ kontabbiltà.

157    Fit-30 ta’ Lulju 2004, Wendel kienet kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż bi struttura fuq livell wieħed, li l-funzjonament tagħha kien irregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L 225-17 sa L 225-56 tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż. Għaldaqstant, hija kienet amministrata minn bord tad-diretturi inkarigat milli jiddetermina d-direzzjoni tal-attività tagħha. Il-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kienu ċertament suġġetti, taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L 225-37 tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż, għal obbligu ta’ diskrezzjoni, kif irrevelat Wendel, iżda kellhom ukoll d-dmir li jibqgħu leali lejn il-kumpannija, skont, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L 242-6 ta’ dan il-kodiċi. Barra minn hekk, P. kien ukoll membru tal-bord ta’ ħatra u ta’ remunerazzjoni u tal-bord tal-awdituri ta’ Wendel, inkarigat milli jipprepara d-deliberazzjonijiet tal-bord tad-diretturi, li kienu jiltaqgħu mill-inqas erba’ darbiet fis-sena. Il-bord tal-awdituri kellu speċifikament kompetenza rigward il-kwistjonijiet tal-kontabbiltà, filwaqt li l-bord ta’ ħatra u ta’ remunerazzjoni kellu jagħmel, b’mod partikolari, proposti għall-ħatra tal-amministraturi, għar-remunerazzjoni tal-president tal-bord tad-diretturi u tal-assistent direttur ġenerali u għad-direzzjoni tal-politika tal-parteċipazzjoni tad-diretturi fl-impriża. Għaldaqstant, mir-rapport annwali tal-2004 jirriżulta li matul il-laqgħat tad-9 ta’ Lulju, tas-6 u tat-23 ta’ Settembru u tat-22 ta’ Ottubru 2004, l-aġenda tal-bord ta’ ħatra u ta’ remunerazzjoni kienet tirrigwarda l-premium għall-akkwist ta’ Editis, l-investiment f’Editis u l-parteċipazzjoni tad-diretturi ta’ Wendel fil-kapital ta’ Editis.

158    Barra minn hekk, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 10, li għaliha jirreferi l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet prodotta mill-Kummissjoni bħala risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali, hemm ikkjarifikat li “għal dak li jirrigwarda r-rabta personali li teżisti bejn Lagardère u Wendel, il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li r-rappreżentanti ta’ Wendel kienu impenjaw ruħhom qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni sabiex P. ma jibqax jagħmel parti mill-bord tad-diretturi ta’ Wendelˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mir-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta jirriżulta li, fuq talba tal-Kummissjoni, Wendel kienet impenjat ruħha formalment, fis‑27 ta’ Lulju 2004, minn naħa, sabiex P. itemm il-mandati tiegħu fi ħdan din il-kumpannija f’terminu ta’ sena mid-data tal-approvazzjoni tal-kandidatura ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, sabiex huwa ma jipparteċipax, matul dan l-intervall, fid-deliberazzjonijiet tal-bord tad-diretturi u ta’ bordijiet oħra interni meta dawn kienu relatati mal-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-grupp u sabiex ma jirċievi ebda informazzjoni kunfidenzjali dwar is-settur tal-pubblikazzjoni min-naħa tad-diretturi jew maniġers tal-operazzjonijiet ta’ Wendel.

159    Dawn l-elementi kollha jippermettu li jiġi konkluż li l-Kummissjoni żgurat li l-preżenza ta’ P. fi ħdan Wendel ma setgħetx tikkomprometti l-indipendenza ta’ din il-kumpannija u, konsegwentement, iż-żamma u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni. Għaldaqstant, is-sempliċi preżenza ta’ P. fil-korpi ta’ żewġ kumpanniji ma setgħetx, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor, tippermetti li wieħed jaħseb li l-aġir ta’ Wendel fis-suq kien influwenzat minn Lagardère u li l-kundizzjoni ta’ indipendenza tax-xerrej ma kinitx osservata.

160    Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li l-preżenza ta’ P. fil-korpi ta’ tmexxija u ta’ sorveljanza taż-żewġ kumpanniji kienet partikolarment problematika waqt il-fażi tal-irtirar tal-investiment u tal-għażla tax-xerrej minn Lagardère, għandu jitfakkar, min-naħa, li l-proċess tal-irtirar tal-investiment kien taħt is-sorveljanza mill-qrib tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li ma kienx l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ kompetizzjoni perfetta u li tiddeċiedi, minflok l-atturi ekonomiċi, min kellu jopera fis-suq, peress li Lagardère biss kienet inkarigata li ssib ix-xerrej ix-xieraq, li wara kellu jiġi approvat mill-Kummissjoni (ara l-punti 144 u 145 iktar ’il fuq).

161    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt stess, dan għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv.

162    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li injorat l-impatt li l-ftehimiet tranżitorji bejn iż-żewġ impriżi seta’ jkollhom fuq l-indipendenza ta’ Wendel, peress li Editis baqgħet tiġi rremunerata mill-kumpannija Hachette, li kienet ikkontrollata kollha kemm hi minn Lagardère, sabiex tiddistribwixxi ċerti pubblikazzjonijiet. Peress li dawn il-ftehimiet tranżitorji kienu jagħmlu parti mill-impenji ta’ Lagardère u għaldaqstant kienu ddefiniti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 (ara l-Anness 1, punti 13 u 14 ta’ din id-deċiżjoni), dan l-argument għandu jiġi miċħud billi r-rikorrenti ma tistax iktar tikkontesta l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punt 144 iktar ’il fuq).

163    Bla ħsara għall-punt 161 iktar ’il fuq, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

164    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, inkwantu l-Kummissjoni użat l-Artikolu 266 TFUE sabiex tivvalida a posteriori l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni minflok ma marret lura fil-mument ta’ qabel ma seħħet l-illegalità ssanzjonata mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja.

165    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti.

166    Skont il-ġurisprudenza (sentenza Fédesa et, punt 58 iktar ’il fuq, EU:C:1990:391, punt 24), l-użu ħażin ta’ poter jikkostitwixxi l-adozzjoni, minn istituzzjoni tal-Unjoni, ta’ att bl-għan esklużiv jew għall-inqas bil-għan determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni tal-każ. Il-qorti tal-Unjoni tqis għalhekk li att huwa biss ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ttieħed bl-għan esklużiv, jew għall-inqas bil-għan determinanti li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il‑Kummissjoni, C‑186/02 P u C‑188/02 P, Ġabra, EU:C:2004:702, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jingħaqad ma’ motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx għal daqshekk ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter sakemm din ma tannullax l-għan essenzjali (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 1954, L-Italja vs L-Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra, EU:C:1954:8; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑266/97, Ġabra, EU:T:1999:144, punt 131).

167    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni vvalidat a posteriori l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni sabiex tissodisfa interess privat minflok ma tat preċedenza lill-interess ġenerali.

168    Insostenn ta’ dan il-motiv, fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni tat, b’mod illegali, natura retroattiva lid-deċiżjoni kkontestata, minkejja li kienet obbligata tissanzjona l-ksur minn Lagardère ta’ wieħed mill-impenji tagħha. Madankollu, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni setgħet tadotta legalment deċiżjoni ta’ natura retroattiva u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrevoka d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004 u li tissanzjona lil Lagardère. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva kellha l-għan li tissodisfa diversi għanijiet ta’ interess ġenerali, imfakkra matul l-eżami tal-ewwel motiv.

169    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan li tostakola l-azzjoni legali li hija bdiet kontra Lagardère u Wendel quddiem it-Tribunal de commerce de Paris (Franza) fl‑4 ta’ Novembru 2010, bi ksur ta’ dak li jinsab fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDBˮ). Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, permezz ta’ din l-azzjoni, hija kellha l-intenzjoni tikseb quddiem il-qorti nazzjonali n-nullità tal-kuntratt ta’ trasferiment konkluż bejn Lagardère u Wendel fuq il-bażi li jmur kontra l-ordni pubbliku ekonomiku, minħabba l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ Wendel.

170    Huwa minnu li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti għandha titqies li tagħmel parti integrali mill-proċess fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (Qorti EDB, Hornsby vs Il-Greċja, 19 ta’ Marzu 1997, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1997‑II, § 40 u 41), u li hija żviluppat ġurisprudenza dwar il-projbizzjoni ta’ interferenza fil-leġiżlatura bl-għan li jiġi influwenzat l-eżitu ġudizzjarju ta’ kawża (Qorti EDB, Raffineries grecques Stran u Stratis Andreadis vs Il-Greċja, 9 ta’ Diċembru 1994, § 49, Serje A Nru 301-B; Zielinski u Pradal u Gonzales u a. c. France, Nri 24846/94 u 34165/96 sa 34173/96, § 57, KEDB 1999-VII). Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda argument insostenn tal-allegazzjoni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan li tostakola l-proċedura ġudizzjarja nazzjonali pendenti. Barra minn hekk, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva kellha preċiżament l-għan li tiżgura l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-legalità u tal-awtorità ta’ res judicata mill-Qorti Ġenerali.

171    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan li tivvalida b’mod retroattiv l-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni u, għaldaqstant, li tissodisfa interess privat minflok ma tat preċedenza lill-interess ġenerali.

172    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

173    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata suffiċjentement. Il-Kummissjoni ma pprovdietx b’mod partikolari biżżejjed indikazzjonijiet rigward ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura retroattiva. Bl-istess mod, hija ma indikatx ir-raġunijiet li ppermettewlha tieħu inkunsiderazzjoni elementi li seħħew wara t-30 ta’ Lulju 2004 u ma indikatx għaliex il-bejgħ tal-assi ta’ Editis lil Planeta fl-2008 ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-impenji. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat b’mod insuffiċjenti kif il-preżenza ta’ amministratur komuni għal Lagardère u għal Wendel kienet kompatibbli mal-kundizzjoni tal-indipendenza prevista mill-paragrafu 10 tal-impenji.

174    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Lagardère u minn Wendel, twieġeb li hija mmotivat b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata.

175    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u fuq il-kuntest li fih ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod, minn naħa, li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min-naħa l-oħra, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoniommission vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑238/09, EU:T:2011:705, punt 37).

176    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni dwar l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-ekonomija tad-deċiżjoni (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra, EU:C:2008:375, punt 96, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra, EU:T:2010:62, punt 180).

177    Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni. Għaldaqstant, fil-qasam tal-kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew manifestament sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il‑Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra, EU:T:2009:144, punt 192). Tali rekwiżit huwa fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ kjarezza u mat-termini qosra ta’ proċedura li għandha l-Kummissjoni meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u li jagħmlu parti miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ dawn it- tranżazzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punt 167). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-ekonomija tad-deċiżjoni (sentenza NVV vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2009:144, punt 194).

178    Evalwata fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tidher li hija suffiċjenti.

179    Fil-fatt, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel parti mill-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, ikkostitwit mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni tas-7 ta’ Jannar 2004, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tiżgura l-impelementazzjoni tagħha, kif ukoll miċ-ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti ppreżentat kontra din id-deċiżjoni u mill-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ approvazzjoni mill-Qorti Ġenerali u ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni rrispondiet, fl-24 ta’ Frar u t‑18 ta’ April 2011, għall-ittri tar-rikorrenti dwar is-segwitu li kellu jingħata lis-sentenza T‑452/04 (EU:T:2010:385), li saru laqgħat bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni dwar dan is-suġġett fl-14 ta’ Frar u fis-16 ta’ Marzu 2011, u li r-rikorrenti reġgħet issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proċedura l-ġdida tal-approvazzjoni tal-mandatarju l-ġdid permezz ta’ ittra tal-20 ta’ April 2011 u lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2011.

180    Barra minn hekk, il-punti 15 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata jesponu b’mod ċar u inekwivoku l-għażla ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni retroattiva mill-Kummissjoni kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod addizzjonali, ta’ punti ta’ fatt sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004. Il-Kummissjoni għamlet sforz, b’mod partikolari, sabiex tirrispondi, fuq dawn il-punti, għall-argumenti żviluppati mir-rikorrenti matul id-diversi istanzi ta’ skambju ta’ komunikazzjoni li kellha mal-Kummissjoni bejn it-30 ta’ Settembru 2010 u t-13 ta’ Mejju 2011. Għal dak li jirrigwarda l-bejgħ mill-ġdid ta’ Editis lil Planeta fl-2008, il-Kummissjoni esponiet ukoll b’mod suffiċjentement ċar u inekwivoku fil-punti 47 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li dan il-bejgħ mill-ġdid huwa kompatibbli mal-impenji ta’ Lagardère.

181    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ indipendenza prevista mill-impenji, mill-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, meta saret it-talba inizjali għal approvazzjoni fl-2004, Wendel kienet indipendenti minn Lagardère, peress li ma kienet teżisti ebda rabta ta’ kapital u lanqas kwalunkwe rabta ekonomika oħra bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Din il-motivazzjoni, li fiha nnifisha hija suffiċjenti, hija barra minn hekk ikkompletata mill-kjarifika li hemm fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 10, li jirreferi għaliha l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara li Wendel kienet impenjat ruħha sabiex P., li kien membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ Lagardère, ma jibqax jagħmel parti mill-bord tad-diretturi (ara l-punt 158 iktar ’il fuq).

182    Il-fatt li l-kontenut ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ġie kkomunikat biss lir-rikorrenti matul il-proċedura kontenzjuża ma huwiex tali li jimmina l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 181 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kjarifiki magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, li jikkompletaw motivazzjoni li fiha nnifisha hija diġà suffiċjenti, ma jaqgħux daqstant taħt ir-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti, inkwantu jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra, EU:C:2000:634, punt 46).

183    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti tikkontesta b’mod effettiv il-fondatezza tagħha u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha, bħalma barra minn hekk jirriżulta mill-eżami tal-motivi l-oħra. Għaldaqstant, is-sitt motiv jista’ jiġi miċħud bħala infondat u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

184    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif ukoll għall-ispejjeż ta’ Lagardère u ta’ Wendel, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Éditions Odile Jacob SAS huma kkundannati għall-ispejjeż inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Settembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 3

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 9

Id-drittII – 11

Fuq l-ammissibbiltàII – 11

Fuq il-mertuII – 17

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattivitàII – 17

– Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motivII – 18

– Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 266 TFUEII – 20

– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattivitàII – 43

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestataII – 50

– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni motivII – 50

– Fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestataII – 51

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni sussegwenti għat-30 ta’ Lulju 2004 u użatha b’mod selettivII – 53

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-kandidatura de WendelII – 57

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poterII – 74

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoniII – 77

Fuq l-ispejjeżII – 82


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.