Language of document : ECLI:EU:T:2014:739

Kawża T‑471/11

Éditions Odile Jacob SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-pubblikazzjoni tal-kotba – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjoni ta’ trasferiment mill-ġdid ta’ assi – Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tax-xerrej tal-assi ttrasferiti – Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni inizjali li tikkonċerna l-istess proċedura – Interess ġuridiku – Ksur tal-Artikolu 266 TFUE – Ksur tal-impenji imposti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali – Distinzjoni bejn kundizzjonijiet u obbligi – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Evalwazzjoni tal-kandidatura taċ-ċessjonarju – Indipendenza taċ-ċessjonarju meta mqabbel maċ-ċedent – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Settembru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux imqajma mill-konvenut – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 u l-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 116(3))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Motivi differenti minn dawk tal-parti li qed tiġi sostnuta – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 u l-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 116(3))

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Interess relatat ma’ sitwazzjoni futura iżda ċerta – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors tad-destinatarju ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni ippreżentat kontra att ta’ istituzzjoni adottat b’eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza – Ammissibbiltà – Bażi ta’ rikors għad-danni eventwali

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 263 TFUE)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Motivi – Klassifikazzjoni ġuridika ta’ motiv distinta minn dik magħmula f’kawża oħra – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikoli 263 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

6.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Awtorità assoluta ta’ res judicata – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv – Punt ta’ liġi li jikkostitwixxi obiter dictum deċiż barra mil-limiti tat-tilwima mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Esklużjoni – Effetti tas-sentenza ta’ annullament – Obbligu tal-awtur tad-deċiżjoni l-ġdida li jmur lura għad-data tal-adozzjoni tal-att annullat u li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ f’dak iż-żmien

(Artikoli 264 TFUE u 266 TFUE)

7.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Miżuri ta’ eżekuzzjoni – Rifjut li jiġu adottati miżuri li jmorru lilhinn mis-sostituzzjoni tal-att annullat – Kontestazzjoni dwar il-portata tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni – Rimedju proċedurali – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Kontestazzjoni tal-legalità tal-att adottat b’sostituzzjoni tal-att annullat – Rimedju proċedurali – Rikors għal annullament

(Artikoli 263 TFUE, 265 TFUE u 266 TFUE)

8.      Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Distinzjoni bejn kundizzjonijiet u obbligi imposti fuq l-impriżi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni – Effetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 8(2) u (5)(b) u 14(2)(b) u (ċ); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 68/03, punt 12)

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Protezzjoni rrifjutata lill-awtur ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ – Supremazija tal-prinċipju ta’ legalità fuq dawk ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi ġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-ugwaljanza fit-trattament

10.    Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Nuqqas ta’ retroattività – Eċċezzjonijiet – Kundizzjonijiet – Kisba ta’ għan ta’ interess ġenerali u rispett tal-aspettattivi leġittimi – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tax-xerrej ta’ assi ċeduti mill-ġdid fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni minħabba nuqqas ta’ indipendenza tal-mandatarju – Adozzjoni ta’ deċiżjoni retroattiva intiża li tkopri l-illegalità inizjali – Ammissibbiltà

11.    Rikors għal annullament – Sentenza li tiċħad rikors għal annullament – Effetti – Awtorità relattiva ta’ res judicata – Żamma tal-preżunzjoni ta’ legalità tal-att ikkontestat – Inammissibbiltà ta’ rikors ġdid li jkollu l-istess suġġett, li jkun bejn l-istess partijiet u li jkun ibbażat fuq l-istess kawża

(Artikolu 256(1) TFUE)

12.    Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tax-xerrej ta’ assi ċeduti mill-ġdid fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni – Deċiżjoni li ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-istess motivi bħal dawk li jinsabu fl-att annulla – Teħid inkunsiderazzjoni tad-data relatata mal-perijodu ta’ wara d-data ta’ adozzjoni tal-att annullat – Ammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE)

13.    Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika – Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 2)

14.    Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jagħmlu t-tranżazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern – Impenn għal trasferiment mill-ġdid ta’ assi – Kriterji ta’ selezzjoni tax-xerrej – Possibbiltà tal-Kummissjoni li tisselezzjona lix-xerrej li l-iktar jista’ jiżgura kompetizzjoni perfetta fis-suq – Assenza – Trasferiment mill-ġdid ta’ assi lil xerrej li ma għandux esperjenza fis-settur ikkonċernat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 2(1)(a)(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 68/03, punt 49)

15.    Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jagħmlu t-tranżazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq intern– Impenn għal trasferiment mill-ġdid ta’ assi – Kriterji ta’ selezzjoni tax-xerrej Critères de sélection de l’acquéreur – Kompetitur attwali jew potenzjali– Indipendenza tax-xerrej fil-konfront taċ-ċedent – L-istess persuna li tagħmel parti minn uħud mill-korpi taċ-ċedent u tax-xerrej – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 2(1)(a) u (2) u 3; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 68/03, punt 49)

16.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi – Deċiżjoni li tawtorizza operazzjoni ta’ konċentrazzjoni – Motivazzjoni li tikkompleta motivazzjoni li fiha nnifisha diġà hija suffiċjenti

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 36, 37)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 39)

4.      Id-destinatarji ta’ sentenza ta’ qorti tal-Unjoni li annullat att ta’ istituzzjoni għandhom interess ġuridiku fil-kuntest ta’ kawża relatata mal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza mill-istituzzjoni inkwistjoni, u dan anki meta l-effetti tal-att ikkontestat ikunu temmew. Is-sempliċi ċirkustanza li r-rikorrenti ma għandha l-ebda mezz, anki fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex takkwista l-assi li kienu ġew ittrasferiti lil impriża oħra, tranżazzjoni vvalidata bid-deċiżjoni annullata, ma jistax jimmina dan il-prinċipju. Fil-fatt, peress li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi l-modalità li biha l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi sentenza, ir-rikorrent għandu interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li kien parti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza.

Barra minn hekk, impriża li kienet tinsab fuq lista ristretta ta’ ħames xerrejja potenzjali tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni għandha interess fl-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova impriża oħra minn dawn il-ħamsa, peress li din id-deċiżjoni neċessarjament tista’ taffettwa s-sitwazzjoni kummerċjali tagħha, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija tistax tiġi approvata bħala xerrejja tal-assi inkwistjoni.

Barra minn hekk, rikorrent għandu interess jitlob l-annullament ta’ att li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ illegalità mwettqa fil-konfront tiegħu peress li tali konstatazzjoni tista’ sservi bħala bażi ta’ eventwali kawża għad-danni intiża sabiex tikkumpensa b’mod xieraq id-dannu kkawżat permezz tal-att ikkontestat.

(aral-punti 40, 41, 43, 44)

5.      Ebda dispożizzjoni tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tar-Regoli tal-Proċedura ma tipprojbixxi lil parti milli tipproċedi għal klassifikazzjoni ġuridika ta’ motiv distinta minn dik li hija tkun għamlet f’kawża oħra. Fil-fatt, id-dritt għal azzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali li għandha persuna fiżika jew ġuridika skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax ikun limitat fl-assenza ta’ bażi legali espressament prevista għal dan il-għan mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-prinċipju fundamentali ta’ legalità u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għall-aċċess għal qorti imparzjali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-partijiet jiddeterminaw is-suġġett tal-kawża li ma jistax jinbidel mill-qorti, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tinterpreta l-motivi permezz tas-sustanza tagħhom minflok permezz tal-klassifikazzjoni tagħhom u, konsegwentement, tipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-motivi u argumenti tar-rikors.

L-għajdut non concedit venire contra factum proprium jirrigwarda biss, fid-dritt tal-Unjoni, l-impossibbiltà, għal parti, li tikkontesta quddiem il-qorti tal-appell, punt ta’ fatt jew ta’ proċedura rikonoxxut quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u li jidher fil-proċess verbali tas-seduta quddiem din tal-aħħar.

(aral-punt 50-52)

6.      Is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni għandhom, hekk kif isiru definittivi, l-awtorità assoluta ta’ res judicata. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll ir-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u huma, minħabba f’hekk, indissoċjabbli.

L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza tapplika biss, madankollu, għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi. Barra minn hekk, obiter dictum li jinsab f’sentenza ta’ annullament ma jibbenefikax mill-awtorità assoluta ta’ res judicata. Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

Il-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż fejn tkun seħħet l-illegalità. L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tinkludi diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha ta’ qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, mill-mertu jew mill-proċedura tas-sentenza ta’ annullament. L-awtur tal-att għandu, għaldaqstant, imur lura għad-data li fiha kien adotta l-att annullat sabiex jadotta l-att li jissostitwih, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dak iż-żmien, u punti ta’ fatt li kienu rilevanti. Madankollu, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu huwa jista’ jinvoka motivi li ma humiex dawk li fuqhom kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma għandux l-obbligu li jerġa’ jittratta mill-ġdid l-aspetti tad-deċiżjoni inizjali li ma tqiegħdux inkwistjoni mis-sentenza ta’ annullament.

(aral-punti 56-59, 63, 66, 67, 125)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 71)

8.      Ir-Regolament Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament Nru 4064/89 u taħt ir-Regolament Nru 447/98 jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet u l-obbligi imposti fuq l-impriżi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni. Jekk l-impriżi kkonċernati jiksru wieħed mill-obbligi mehmuża mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, din tista’ tirrevoka l-imsemmija deċiżjoni u timponi multa fuq dawn l-impriżi. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-ksur ta’ kundizzjoni, ir-Regolament Nru 4064/89 ma jipprovdix espressament konsegwenzi speċifiċi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, meta parti tikser kundizzjoni, miżura strutturali li mingħajrha l-konċentrazzjoni ma setgħetx tiġi awtorizzata, id-deċiżjoni li tiddikjara t-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq komuni ma tibqax valida. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu li jinsab fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi għar-revoka tal-imsemmija deċiżjoni u timponi multa fuq l-impriża li tkun kissret l-imsemmi obbligu, iżda ma hijiex obbligata tadotta tali miżuri.

(aral-punti 73, 76, 77, 80, 83)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punt 92-94)

10.    Il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħala regola ġenerali jipprekludi li l-portata ratione temporis ta’ att ikollha l-bidu tad-dekorrenza tagħha stabbilit għal data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu. Skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jkun madankollu mod ieħor b’mod eċċezzjonali meta l-għan li jkun irid jintlaħaq ikun jeħtieġ dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ibbażata fuq distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet individwali u l-atti regolatorji.

L-osservanza mill-amministrazzjoni tal-legalità u tal-awtorità ta’ res judicata tikkostitwixxi tali għan ta’ interess ġenerali. Għalhekk, deċiżjoni tal-Kummissjoni intiża li timla’ l-vojt legali li jirriżulta mill-annullament, mill-qorti tal-Unjoni, ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tapprova xerrej ta’ assi ttrasferiti skont l-impenji marbuta ma’ deċiżjoni li tawtorizza operazzjoni ta’ konċentrazzjon ta’ impriżi u, għaldaqstant, li tipproteġi ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, tissodisfa tali għan.

Fir-rigward tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, huwa lanqas ma jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ approvazzjoni retroattiva, peress li l-implementazzjoni tal-impenji previsti mid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni kundizzjonali ta’ konċentrazzjoni, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida, tkompli tivvinkola lill-impriża li impenjat ruħha tittrasferixxi assi bil-għan li twettaq il-konċentrazzjoni, tfisser, minn naħa, li din l-impriża tipproponi lill-Kummissjoni l-approvazzjoni ta’ xerrej tal-assi li kellhom jiġu ttrasferiti mill-ġdid bil-għan li titwettaq l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra li l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-proposta ta’ xerrej ifformulata mill-impriża.

(aral-punti 102, 103, 106, 108)

11.    Is-sentenzi ta’ ċaħda ta’ rikors għal annullament ta’ att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni huma mogħnija b’awtorità relattiva ta’ res judicata, li għandha l-unika konsegwenza li trendi inammissibbli kwalunkwe rikors ġdid li jkollu l-istess suġġett, li jkun bejn l-istess partijiet u li jkun ibbażat fuq l-istess kawża. Għaldaqstant sentenza bħal din ma tfissirx li l-att ikkontestat huwa validu, iżda sempliċement li ebda wieħed mill-motivi mqajjma mir-rikorrent ma kien fondat u li l-istess kien jgħodd għall-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija obbligata tirrileva ex officio. Għaldaqstant, l-att ikkontestat jibqa’ jibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità, li timplika wkoll, għall-persuni kollha suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li jirrikonoxxu l-effettività sħiħa ta’ dan l-att sakemm l-illegalità tiegħu ma tkunx ġiet stabbilita.

(aral-punti 117, 144)

12.    Wara l-annullament ta’ att amministrattiv, l-awtur tiegħu għandu jadotta att ġdid li jissostitwixxih billi jmur lura għad-data li fiha dan kien sar, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dak iż-żmien, u punti ta’ fatt li kienu rilevanti. Madankollu, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu huwa jista’ jinvoka motivi li ma humiex dawk li fuqhom kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu.

Il-kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni jeħtieġ analiżi prospettiva tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta fil-futur mit-tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-vijabbiltà tax-xerrej u tal-kapaċità tiegħu li jżomm u jiżviluppa kompetizzjoni effettiva fuq is-swieq ikkonċernati.

Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni jkollha twettaq a posteriori analiżi tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li rriżultat mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, hija tista’ teżamina ġustament jekk l-analiżi tagħha mwettqa fuq il-bażi ta’ elementi li tagħhom hija kellha konjizzjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata hija kkorroborata minn informazzjoni relatata mal-perijodu sussegwenti għal din id-data.

(aral-punti 125, 127, 128, 134)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 135-138)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 145, 146, 148)

15.    Fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, il-kundizzjoni ta’ indipendenza ta’ xerrej ta’ assi ttrasferiti mill-ġdid sabiex din il-konċentrazzjoni tiġi awtorizzata hija intiża, b’mod partikolari, li tiggarantixxi l-kapaċità tax-xerrej li jaġixxi fis-suq bħala kompetitur effettiv, mingħajr ma l-istrateġija tiegħu u l-għażliet tiegħu jkunu jistgħu jiġu influwenzati miċ-ċedent. Din l-indipendenza tista’ tiġi evalwata billi jiġu eżaminati r-rabtiet ta’ kapital u r-rabtiet finanzjarji, kummerċjali, personali u materjali bejn iż-żewġ kumpanniji.

Iċ-ċirkustanza li l-istess persuna tagħmel parti fil-korpi ta’ tmexxija tax-xerrej u fil-korpi ta’ sorveljanza taċ-ċedent ma huwiex neċessarjament tali li jistabbilixxi li x-xerrej huwa dipendenti miċ-ċedent.

Fil-fatt, meta, fuq talba tal-Kummissjoni, ix-xerrej jimpenja ruħu formalment, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, minn naħa, sabiex itemm il-mandati tal-imsemmija persuna fi ħdan din il-kumpannija f’terminu ta’ sena mid-data tal-approvazzjoni tal-kandidatura ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, sabiex l-imsemmija persuna ma tipparteċipax, matul dan l-intervall, fid-deliberazzjonijiet tal-bord tad-diretturi u ta’ bordijiet oħra interni meta dawn jirrigwardaw l-attivitajiet ikkonċernati mill-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni u sabiex din il-persuna ma tirċievi ebda informazzjoni kunfidenzjali dwar is-settur ta’ negozju kkonċernat min-naħa tad-diretturi jew maniġers tal-operazzjonijiet tax-xerrej, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żgurat li l-preżenza tal-istess persuna fil-korpi ta’ tmexxija tax-xerrej u fil-korpi ta’ sorveljanza taċ-ċedent ma tistax tikkomprometti l-indipendenza tax-xerrej u, konsegwentement, iż-żamma u l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni.

(aral-punti 152, 155, 158, 159)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(aral-punti 175-177, 182)