Language of document : ECLI:EU:T:2021:102

(Kawża T161/18)

Anthony Braesch et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal24 ta’ Frar 2021

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni preventiva ta’ Banca Monte dei Paschi di Siena – Fażi preliminari ta’ eżami – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà – Kwalità ta’ parti interessata – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà”

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett – Detenturi ta’ bonds li jinvokaw telf ekonomiku sostanzjali li jirriżulta minn miżuri ta’ għajnuna – Inklużjoni – Kundizzjoni

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 35-41)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Oneru tal-prova

(Artikoli 107(3)(b), 108(2) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 45, 46, 51)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Annullament tal-att ikkontestat li jista’ jagħti vantaġġ lir-rikorrent fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali – Ammissibbiltà – Possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tevalwa l-probabbiltà tal-fondatezza tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali – Esklużjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 47, 48, 52, 53)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna Statali mas-suq intern mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors ta’ persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Rikors intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali ta’ persuni interessati –Ammissibbiltà – Motivi li jistgħu jiġu invokati

(Artikolu 108(2) u (3), ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 1(h), 4(3) u (4), u 6(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 59-64)

Sunt

Fl-2008, il-bank Taljan Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem “BMPS”) wettaq żieda fil-kapital ta’ EUR 950 miljun, issottoskrivata fl-intier minn J. P. Morgan Securities Ltd (iktar ’il quddiem “JPM”), skont kuntratti konklużi bejniethom (iktar ’il quddiem il-“kuntratti FRESH”). JPM kisbet il-fondi neċessarji sabiex tiffinanzja din l-operazzjoni mingħand Mitsubishi UFJ Investor Services & Banking (Luxembourg) SA (iktar ’il quddiem “MUFJ”) li, għal dan il-għan, ħarġet bonds imsejħa FRESH fl-ammont ta’ EUR 1 biljun. Id-detenturi ta’ dawn il-bonds jirċievu, min-naħa tagħhom, tariffi fil-forma ta’ kupuni trażmessi lilhom minn MUFJ.

Fl-aħħar tal-2016, BMPS ressqet talba għal għajnuna finanzjarja pubblika eċċezzjonali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni preventiva taħt il-leġiżlazzjoni Taljana. Wara din it-talba, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS fl-ammont ta’ EUR 5.4 biljun. Din l-għajnuna kellha tiżdied ma’ għajnuna finanzjarja individwali ta’ EUR 15 biljun favur BMPS, li l-Kummissjoni kienet temporanjament approvat b’deċiżjoni tad‑29 ta’ Diċembru 2016.

B’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni approvat, wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, kemm l-għajnuna finanzjarja ta’ EUR 15 biljun favur BMPS kif ukoll l-għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni preventiva tagħha fl-ammont ta’ EUR 5.4 biljun (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”). Dawn il-miżuri ta’ għajnuna, flimkien ma’ pjan ta’ ristrutturazzjoni u impenji proposti mill-awtoritajiet Taljani, tqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern (1) għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja.

Peress li qiesu li l-annullament tal-kuntratti FRESH kien jirriżulta mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni li jakkumpanja l-miżuri ta’ għajnuna u li huma kienu ġarrbu telf ekonomiku sostanzjali minħabba dan l-annullament, id-detenturi tal-bonds FRESH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba li r-rikorrenti la għandhom interess ġuridiku u lanqas locus standi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni hija miċħuda mit-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali. Fis-sentenza tagħha, din għandha tapplika, f’dan il-kuntest fattwali mingħajr preċedent, il-ġurisprudenza li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn partijiet interessati kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra għajnuna nnotifikata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fid-dawl tal-fatt li r-rikors għal annullament jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (2), il-Qorti Ġenerali tirrileva qabelxejn li kemm l-interess ġuridiku tar-rikorrenti kif ukoll il-locus standi tagħhom għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni jiddependu mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala “partijiet interessati” li jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna mill-Istat.

Ir-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (3) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “parti interessata”, identiku għal dak fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, bħal, b’mod partikolari, kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna. Peress li dan il-kunċett jingħata interpretazzjoni wiesgħa fil-ġurisprudenza, huwa jista’ jinkludi kull persuna f’pożizzjoni li turi li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jkollu effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha.

Minn din il-lenti, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti wrew, suffiċjentement skont il-liġi, li l-għoti tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni u, għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, jista’ probabbilment ikollhom effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom, b’tali mod li għandhom jiġu kkwalifikati bħala partijiet interessati. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-impenji tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, li allegatament wasslu, skont ir-rikorrenti, għal telf ekonomiku sinjifikattiv għad-detenturi tal-bonds FRESH, jagħmlu parti integrali mill-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati, b’tali mod li d-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet tirrigwarda dawn il-miżuri u dawn l-impenji meħuda kollha kemm huma. Peress li din id-deċiżjoni awtorizzat l-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri ta’ għajnuna filwaqt li għamlet dawn l-impenji vinkolanti, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti tiġi neċessarjament affettwata minn dawn l-elementi kollha u huma jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom biss billi jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fit-totalità tagħha.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tanalizza l-interess ġuridiku kif ukoll il-locus standi tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tafferma li, bħala partijiet interessati, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, li l-kontenut tagħha huwa marbut mill-qrib mal-impenji tal-awtoritajiet Taljani dwar il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS. Fil-fatt, l-annullament tagħha jista’ jkun ta’ benefiċċju għalihom, sa fejn dan iwassal għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti jkollhom il-possibbiltà li jifformulaw osservazzjonijiet u li jinfluwenzaw b’hekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati mas-suq intern. Barra minn hekk, l-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet jista’ jaffettwa r-riżultat tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-qrati Lussemburgiżi kontra x-xoljiment tal-kuntratti FRESH.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti għandhom ukoll locus standi għall-annullament tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, sa fejn din tiddikjara l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li kull parti interessata fis-sens tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (4) hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il-benefiċjarji tad-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE, u f’dan ir-regolament (5), jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom jekk huma jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni. Konsegwentement, il-kwalità partikolari tal-partijiet interessati fis-sens tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tindividwalizza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom locus standi.


1      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE dwar l-għajnuna intiża sabiex tirrimedja disturbi serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.


2      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE”). L-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, sa fejn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern, hija tiddeċiedi li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni tissejjaħ “deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet”.


3      Artikolu 1(h) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE.


4      Artikolu 1(h) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE.


5      Artikolu 6(1) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE.