Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja) fis-6 ta’ Novembru 2023 – SIA TOODE vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-653/23, TOODE)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā apgabaltiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent fl-ewwel istanza u appellant fl-appell: SIA TOODE

Konvenut fl-ewwel istanza: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala “mogħtija” fil-mument meta l-awtorità pubblika kompetenti mingħajr ebda bażi ċaħdet li tiddikjara d-dritt ta’ individwu li jirċievi l-għajnuna mill-Istat, jekk dan jiġi kkonstatat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-għoti tal-għajnuna?

L-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti għajnuna li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tirrikonoxxi d-dritt għall-għoti tal-għajnuna, adottata mill-awtorità pubblika kompetenti fit-terminu għall-għoti tal-għajnuna, tingħata lil individwu, wara l-iskadenza tat-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst mill-iskema ta’ għajnuna, b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddikjara li, fit-terminu għall-għoti tal-għajnuna previst mill-iskema ta’ għajnuna, l-individwu kien jissoddisfa r-rekwiżiti kollha previsti mid-dritt nazzjonali sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna inkwistjoni u li r-rifjut tal-awtorità pubblika kompetenti li tagħti l-għajnuna kien illegali?

____________

1 ĠU 2015, L 248, p. 9.