Language of document : ECLI:EU:F:2012:145

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑57/11

Gustav Eklund

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Kompetizzjoni ġenerali — Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Offerta ta’ xogħol proposta lil persuna inkluża fuq lista ta’ riżerva — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Esperjenza professjonali miksuba wara d-diploma — Kompetenza rispettiva tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra — Aċċettazzjoni tal-offerta ta’ xogħol — Irtirar tal-offerta ta’ xogħol”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Eklund essenzjalment jitlob, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Awwissu 2010 li ma tirrikonoxxix l-effett tal-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni ta’ uffiċjal bħala assistent tekniku, offruta lilu mill-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni fl-ittra tat-30 ta’ Lulju 2010 mibgħuta lilu bil-posta u li tirtira din l-offerta.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż inkorsi mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Irtirar ta’ offerta ta’ xogħol — Esklużjoni — Deċiżjoni li ma tagħtix segwitu għal-aċċettazzjoni ta’ offerta ta’ xogħol minn kandidat — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Indipendenza — Limiti — Adozzjoni ta’ deċiżjonijiet illegali — Obbligi tal-Awtorità tal-Ħatra — Stħarriġ ġudizzjarju

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Esperjenza professjonali — Kunċett — Perijodi ta’ studju — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

1.      Offerta ta’ impjieg magħmula lil kandidat għall-ħatra tiegħu bħala uffiċjal tikkostitwixxi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, flimkien ma’, skont il-każ, talba għal informazzjoni, u ma toħloqx drittijiet. Fil-fatt, il-ħatra ta’ uffiċjal tista’ biss issir permezz tal-forom u tar-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal. Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni tikkostitwixxi att preparatorju li ma jistax jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, ma jistax jintalab l-annullament tal-irtirar tagħha, peress li att li ma joħloqx dritt jista’ jiġi rtirat f’kull mument.

Madankollu, deċiżjoni li ma tagħtix segwitu għal-aċċettazzjoni ta’ offerta ta’ xogħol minn kandidat u li tirtira din l-offerta ttemm proċedura li tista’ twassal għall-ħatra ta’ uffiċjal u min-natura tagħha tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju. Għalhekk, it-talbiet għal annullament diretti kontra tali deċiżjoni huma ammissibbli.

(ara l-punti 30, 31, 66 u 97)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ Settembru 2010, Jacobs vs Il‑Kummissjoni, F‑41/05, punt 44; 30 ta’ Settembru 2010, De Luca vs Il‑Kummissjoni, F‑20/06, punt 37; 14 ta’ Diċembru 2010, F‑25/07, Bleser vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, punt 54; 14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, F‑113/07, punti 44 u 45

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Mejju 2011, Région Nord‑Pas‑de‑Calais vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, punt 190; 14 ta’ Diċembru 2011, De Luca vs Il‑Kummissjoni, T‑563/10 P

2.      Minħabba l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla, l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex is-setgħa li tannulla jew li tibdel deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla. Madankollu, hija meħtieġa, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stess, li tieħu deċiżjonijiet li ma jkunux illegali. Għalhekk hija ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li l-illegalità tagħha tista’ konsegwentement tivvizzja d-deċiżjonijiet tagħha stess. Huwa għalhekk li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu, li qabel ma taħtar persuna bħala uffiċjal, tivverifika jekk din tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għal dan il-għan. Meta l-Bord tal-Għażla b’mod żbaljat jaċċetta kandidat sabiex jieħu sehem f’kompetizzjoni u sussegwentement jinkludih fuq il-lista ta’ riżerva, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tirrifjuta li taħtar dan il-kandidat permezz ta’ deċiżjoni motivata li tippermetti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jevalwa il-fondatezza tagħha.

Madankollu, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal- avviż tal-kompetizzjoni, Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jiddetermina jekk l-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati jippermettilhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni, kemm fir-rigward tan-natura u tat-tul tagħha kif ukoll tar-rabta li din jista’ jkollha mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni vakanti. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-istħarriġ li hija topera fuq ir-regolarità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tillimita ruħha li tivverifika li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha mill-Bord tal-Għażla ma huwiex ivvizzjat bi żball manifest.

F’dan ir-rigward, żball jista’ biss jiġi kklassifikat bħala manifest meta jkun jista’ jiġi faċilment skopert permezz tal-kriterji li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jissuġġetta l-eżerċizzju permezz tad-diskrezzjoni wiesgħa tagħha. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit li żball manifest twettaq fl-evalwazzjoni tal-fatti li huwa tali li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, huwa neċessarju li jintwera li l-evalwazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex plawżibbli. Fi kliem ieħor, ma jistax ikun hemm żball manifest jekk l-evalwazzjoni inkwistjoni tista’ tiġi aċċettata bħala vera jew valida.

Dawn il-prinċipji għandhom jiġu kkunsidrati bħala applikabbli wkoll għall-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra meta din teżamina, qabel taħtar persuna bħala uffiċjal, jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti għal dan l-effett.

(ara l-punti 49 sa 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Gustizzja: 23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 142/85, punti 19 u 20; 20 ta’ Frar 1992, Il‑Parlament vs Hanning, C‑345/90 P, punt 22

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Mejju 2008, Pascua‑Garcia vs Il‑Kummissjoni, F‑145/06, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il‑Kummissjoni, F‑80/10, punt 34

3.      Bħala parti minn kompetizzjoni ġenerali organizzata sabiex tiġi kkostitwita lista ta’ riżerva, ħlief fejn l-avviż tal-kompetizzjoni jiddisponi mod ieħor, perijodi ta’ studju ma jikkostitwixxux perijodi li jistgħu jitqiesu taħt l-esperjenza professjonali wara l-ksib tad-diploma, irrispettivament mil-livell ta’ dawn l-istudji, peress li l-istudji jwasslu għall-kisba ta’ għarfien u mhux ta’ kompetenza. Ċertament, il-perijodi li matulhom il-kandidat ikun wettaq studji waqt li kien jaħdem jistgħu jiġu kkunsidrati, iżda f’din is-sitwazzjoni, huwa x-xogħol imwettaq li jgħodd bħala esperjenza professjonali mingħajr ma l-istudji li twettqu fl-istess ħin, b’mod marġinali u inċidentali, ma jimpedixxu li dawn jiġu kkunsidrati.

(ara l-punt 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Novembru 1997, Wolf vs Il‑Kummissjoni, T‑101/96, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Pascual‑Garcia vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66