Language of document : ECLI:EU:C:2012:309

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C‑154/11

Ahmed Mahamdia

vs

Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni — Immunità mill-ġurisdizzjoni tal-Istati — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol — Kawża li tirrigwarda l-validità tat-tkeċċija tar-rikorrent li kien impjegat bħala xufier fi Stat Membru mill-ambaxxata ta’ Stat terz — Kunċett ta’ aġenzija, ta’ fergħa jew ta’ xi stabbiliment ieħor skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 — Klawżola dwar ġurisdizzjoni mdaħħla f’kuntratt individwali ta’ xogħol fil-mument tal-konklużjoni tiegħu — Kompatibbiltà ta’ tali klawżola mar-Regolament Nru 44/2001”






1.        Il-preżenti rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa”, jew ta’ “xi stabbiliment ieħor” skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) f’kuntest ġdid: dak ta’ kawża li tirrigwarda l-validità tal-liċenzjament ta’ ħaddiem li ġie impjegat minn Stat terz bħala xufier f’waħda mill-ambaxxati tal-imsemmi Stat li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 44/2001

2.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

3.        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[j]ekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

4.        Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 li tinkludi l-Artikoli 18 sa 21 tal-imsemmi regolament, tiddefinixxi r-regoli speċjali li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta’ impjieg.

5.        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.      F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 ta’ l-Artikolu 5.

2.      Meta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan ta’ l-aħħar li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjega għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, huwa meqjus li jkun domiċiljat f’dak l-Istat Membru”.

6.        L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)      fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)      fi Stat Membru ieħor:

a)      fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew,

b)      jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun [jew kien] jinstab in-negozju li kien jimpjega lill-impjegat”.

7.        L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)      li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni, jew

2)      li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

B –    Id-dritt Ġermaniż

8.        L-Artikolu 38 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung) jittratta l-klawżoli dwar ġurisdizzjoni u jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu li “l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-ewwel istanza tista’ barra minn hekk tinftiehem meta għall-inqas wieħed mill-partijiet għall-kuntratt ma jiddisponix minn ġurisdizzjoni ġenerali fil-Ġermanja. Dan il-ftehim irid jiġi konkluż bil-miktub jew, jekk dan intlaħaq verbalment, għandu jiġi kkonfermat bil-miktub”.

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, A. Mahamdia, għandu nazzjonalità doppja Alġerina-Ġermaniża. Huwa jgħix Berlin. Sa minn Settembru 2002, huwa impjegat mal-ambaxxata f’Berlin tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija. A. Mahamdia kellu, abbażi tal-attivitajiet professjonali tiegħu, isuq lill-viżitaturi u l-kollaboraturi tal-ambaxxata. Huwa ma kienx ix-xufier regolari tal-ambaxxatur tal-Alġerija fil-Ġermanja iżda seta’, okkażjonalment, isuqu. Huwa qatt ma kien direttament responsabbli mill-valiġja diplomatika iżda seta’ jsuq lill-kollaboratur li kien responsabbli li jieħu ħsiebha jew li jgħaddiha lil ħaddieħor. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, għall-kumplament, dwar il-fatt jekk A. Mahamdia kien jew le, ipprovda wkoll servizzi ta’ interpretazzjoni. Il-qorti tar-rinviju madankollu telqet mill-premessa li huwa ma wettaqx funzjonijiet b’rabta mal-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istat Alġerin.

10.      Il-kuntratt tax-xogħol li kien jgħaqqad lir-rikorrent għall-kawża prinċipali mal-persuna li timpjegah, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, kien redatt bil-Franċiż u kien jinkludi, mill-mument tal-konklużjoni tiegħu, klawżola li tagħti ġurisdizzjoni, għal kull kawża li tqum fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt, lill-qrati Alġerini biss.

11.      Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija ddeċidiet it-tkeċċija ta’ A. Mahamdia f’Awwissu 2007, b’effett mit-30 ta’ Settembru 2007. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht Berlin sabiex, jiġi kkonstatat li t-tkeċċija ma ġabitx fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, tikkundanna lill-persuna li timpjegah għall-ħlas ta’ kumpens sostituttiv tal-avviż minn qabel u għaż-żamma provviżorja tar-relazzjoni ta’ xogħol. Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija b’hekk ikkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi minħabba kemm il-karattru extraterritorjali tal-attivitajiet tagħha u tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni kontenuta fil-kuntratt ta’ xogħol. Fit-2 ta’ Lulju 2008, l-Arbeitsgericht Berlin ċaħdet it-talba ta’ A. Mahamdia billi bbażat ruħha fuq l-immunità mill-ġurisdizzjoni li kienet tgawdi minnha l-konvenuta. Ġie ppreżentat appell quddiem il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg li, f’sentenza tal-14 ta’ Jannar 2009, biddlet parzjalment is-sentenza tal-ewwel istanza u ddeċidiet li t-tkeċċija ma kinitx ġabet fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol. L-imsemmija qorti l-ewwel nett ikkonstatat li l-konvenuta ma tistax tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-imsemmija kawża, fuq l-immunità ġurisdizzjonali tal-Istati. Sussegwentement, hija kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni preżenti fil-kuntratt ta’ xogħol ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-aħħar nett, hija kkonkludiet li l-ambaxxata tal-konvenuta setgħet tiġi kkunsidrata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament bħala stabbiliment.

12.      Ġie ppreżentat rikors għal “reviżjoni” mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009. Fl-1 ta’ Lulju 2010, il-Bundesarbeitsgericht ikklassifikat l-imsemmija deċiżjoni u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju li b’hekk wasslet sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fil-kuntest tal-kawża preżenti. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Bundesarbeitsgericht stiednet b’mod partikolari lill-qorti tar-rinviju teżamina mill-ġdid il-problemi fir-rigward tad-dritt applikabbli għall-finijiet li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni kompetenti b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa qatt ma ħadet pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ambaxxata ta’ Stat terz fi Stat Membru tal-Unjoni tistax tiġi kkunsidrata “aġenzija”, “fergħa” jew “xi stabbiliment ieħor” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

13.      Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, l-imsemmija qorti tesponi li l-immunità mill-ġurisdizzjoni ma tkunx irrikonoxxuta lir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija b’mod partikolari skont id-deċiżjoni tal-Bundesarbeitsgericht tal-1 ta’ Lulju 2010, mogħtija fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li skont din, il-kawżi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol bejn impjegat ta’ ambaxxata li jinsab fit-territorju Ġermaniż u l-Istat terz li huwa jirrappreżenta jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi dment li l-ħaddiem ma jkunx wettaq, fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu ta’ xogħol, funzjonijiet b’rabta mal-eżerċizzju tas-sovranità tal-imsemmi Stat terz.

14.      Huwa f’kuntest bħal dan li l-Landesarbeitsgericht Berlin‑Brandenburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2011, tagħmel lil din tal-aħħar, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, iż-żewġ domandi preliminari segwenti:

“1)      L-ambaxxata, li tinsab fi Stat Membru, ta’ Stat li jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Nru°44/2001] hija fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001?

2)      Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda: klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni, li tkun saret wara li tkun qamet il-kwistjoni, tista’ tkun il-bażi ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti li tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 meta din il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni telimina l-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru°44/2001?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Isvizzera kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV – Analiżi legali

A –    Osservazzjonijiet preliminari fuq l-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-Istat li jimpjega

16.      Qabel ma tingħata risposta għaż-żewġ domandi preliminari magħmula, nixtieq nieqaf għall-mument fuq l-immunità mill-ġurisdizzjoni invokata mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija.

17.      Ir-regola li skont din, Stat ma jistax jitressaq quddiem il-qrati ta’ entità oħra sovrana hija regola magħrufa sew tad-dritt internazzjonali pubbliku. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li “s-setgħet [tal-Unjoni] għandhom jiġu eżerċitati b’osservanza tad-dritt internazzjonali” (3) u li, “meta hija tadotta att, [l-Unjoni] hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju” (4). Ir-regoli tad-dritt idderivat għandhom ikunu, skont il-każ, interpretati fid-dawl tar-regoli internazzjonali konswetudinarji. B’hekk, jiena tal-opinjoni, li tqum il-kwistjoni dwar jekk, iva jew le, fil-kuntest ta’ kawża partikolari bħal dik fil-kawża prinċipali, il-problema dwar it-tgawdija mill-Istat parti għall-imsemmija kawża tal-immunità mill-ġurisdizzjoni — problema li tkun eżaminata fid-dawl tal-prassi internazzjonali li sejjer nippreżenta immedjatament — għandha l-kapaċità li tinfluwenza s-soluzzjoni tal-problemi mqajma fil-kuntest tar-rinviju preliminari preżenti dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

18.      Minn naħa, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar ħafna li r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, sa mill-ewwel mumenti tal-kawża, argumentat dwar l-immunità tagħha mill-ġurisdizzjoni u b’mod ċar telqet mill-prinċipju li din l-immunità ma seħħietx fil-każ preżenti. Hija tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha, sabiex jiġi evalwat jekk Stat jistax isostni, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol li huwa jkun ikkonkluda, l-immunità tiegħu mill-ġurisdizzjoni, għandu jiġi stabbilit jekk il-funzjonijiet imwettqa mill-ħaddiem fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt jaqgħux jew le fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-rikorrent fil-kawża prinċipali wettaq biss funzjonijiet minuri, essenzjalment tekniċi, fil-kuntest tal-kuntratt tiegħu ta’ xogħol, hija kkunsidrat li huwa ma pparteċipax fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika Alġerina. Konsegwentement, l-Istat Alġerin ma setax, skont din, jinvoka l-immunità tiegħu mill-ġurisdizzjoni.

19.      Min-naħa l-oħra, hemm ċerta inċertezza fir-rigward tal-istatus, fid-dritt internazzjonali pubbliku, tal-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-Istati.

20.      Fil-fatt, l-immunità mill-ġurisdizzjoni hija kunċett li ftit wieħed jaqra dwarha, diffiċilment antiċipabbli u dipendenti ħafna fuq sensitivitajiet nazzjonali. L-evalwazzjoni li saret mill-qorti tar-rinviju hija ġurisprudenza ġdida miġjuba lil ġabra tad-duttrina tal-immunità, peress li r-reġim attribwit lill-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-Istati huwa fil-parti l-kbira ġurisprudenzjali. Ftit mill-Istati, fil-fatt, għandhom strumenti bil-miktub f’dan ir-rigward.

21.      Madankollu, wieħed għandu jinnota evoluzzjoni kważi ġenerali favur it-trattament ta’ immunità li tirrigwarda l-ġurisdizzjoni li hija bbażata fuq id-distinzjoni fundamentali bejn l-atti mwettqa iure imperii u l-atti mwettqa iure gestionis, peress li dawn tal-aħħar ikunu ekwivalenti għal atti mwettqa minn individwi. Fi kliem ieħor, l-uniku fatt li Stat ikun konvenut għal kawża ma huwiex suffiċjenti sabiex ikun immedjatament mogħti l-immunità mill-ġurisdizzjoni (5). L-Istat modern sar attur li jista’ jkollu forom diversi tal-ħajja ġuridika u jista’ jaġixxi, jidħol f’relazzjonijiet ġuridiċi mingħajr, madankollu, ma jeżerċità, f’dawn l-okkażjonijiet, is-sovranità tiegħu jew l-awtorità pubblika tiegħu: jien naħseb b’mod partikolari fl-Istat negozjatur iżda wkoll, ċertament, fl-Istat li jħaddem. Dawn l-aspetti differenti tal-attività ġuridika tal-Istat, peress li huma ma jkunux akkumpanjati sistematikament mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ saħħa pubblika, għandhom it-tendenza li ma jiġġustifikawx rikonoxximent awtomatiku tal-immunità mill-ġurisdizzjoni. Il-Bundesarbeitsgericht, pereżempju, diġà ddeċidiet li l-attivitajiet ta’ wieħed li jinstalla l-lifts, impjegat fl-ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-Ġermanja, ma kinux jaqgħu fis-sovranità tal-Istat u li b’hekk ma kienx hemm lok li tiġi rrikonoxxuta l-immunità mill-ġurisdizzjoni lill-Istat li jimpjega (6). L-istess ġie deċiż f’dak li jirrigwarda l-funzjonijiet ta’ tekniku tad-djar impjegat fl-istess ambaxxata u responsabbli mill-manteniment ta’ varji installazzjonijiet tekniċi li jinkludu s-sistema tal-alarm (7) jew dik tal-purtinar (8).

22.      Din ir-relattività ġdida tiġi spjegata permezz tas-setgħa eżorbitanti tal-immunità mill-ġurisdizzjoni li teqred kull azzjoni legali u tammonta għall-inkarnazzjoni istituzzjonalizzata taċ-ċaħda tal-ġustizzja.

23.      B’hekk, għandu jiġi rrikonoxxut li l-ebda teorija tal-immunità dwar il-ġurisdizzjoni tal-Istati ma tirriżulta verament. Sabiex nitrattaw l-Istat li jimpjega, is-soluzzjonijiet nazzjonali huma differenti ħafna u l-qrati nazzjonali kultant jirreferu għan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, kultant għall-għan tal-imsemmija funzjonijiet, u kultant għan-natura tal-kuntratt. Kultant, dawn il-kriterji għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex titneħħa l-immunità. Il-kwistjoni tal-immunità tista’, barra minn hekk, tiġi kkunsidrata b’mod differenti skont jekk ikunx każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda r-reklutaġġ, it-tkeċċija jew l-eżerċizzju stess tal-funzjonijiet.

24.      Dawn id-diverġenzi nazzjonali huma f’dan il-punt tant ippronunċati li kull kodifikazzjoni fil-livell internazzjonali minn naħa, hija diffiċli ħafna li sseħħ (9) u, min-naħa l-oħra, tista’ twassal għal dubju dwar l-eżistenza vera, lil hinn minn tendenza inkontestabbli, ta’ regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarja fil-qasam.

25.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tagħtix risposta ħafna iktar ċerta. Hija l-ewwel nett iddeċidiet li “l-għoti tal-immunità sovrana lil Stat f’proċedura ċivili għandha l-għan leġittimu li tirrispetta d-dritt internazzjonali sabiex tiffavorixxi l-korteżija u r-relazzjonijiet tajba bejn Stati grazzi għar-rispett tas-sovranità ta’ Stat ieħor” (10) u li “b’hekk wieħed ma jistax jikkunsidra b’mod ġenerali bħala restrizzjoni sproporzjonata għad-dritt ta’ aċċess għall-qorti kif previst fl-Artikolu 6 punt 1 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] miżuri meħuda minn Parti Għolja kontraenti li tirrefletti prinċipji tad-dritt internazzjonali ġeneralment rikonoxxuti fil-qasam ta’ immunità tal-Istati” (11).

26.      Madankollu, fl-okkażjoni tas-sentenza Cudak vs Il-Litwanja (12), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat tibdil tal-Komunità internazzjonali favur id-duttrina tal-immunità dwar il-qasam tat-tkeċċija. F’din il-kawża, ċittadin Litwan kien eżerċita funzjonijiet ta’ segretarju fl-ambaxxata tal-Polonja f’Vilnius u kien ressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni quddiem il-qrati Litwani sussegwentement għat-tkeċċija tiegħu. Ir-Repubblika tal-Polonja kienet invokat l-immunità tagħha mill-ġurisdizzjoni, li kienet wasslet għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni minn naħa tal-qrati Litwani. Waqt li kompliet tirrikonoxxi li l-immunità mill-ġurisdizzjoni għandha għan leġittimu fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li r-reazzjoni tal-qrati Litwani kienet sproporzjonata wara li vverifikat li r-rikorrenti ma kinitx eżerċitat kompiti marbuta mal-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istat Pollakk (13) u ddeċidiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija Konvenzjoni (14). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reġgħet irreferiet għall-ġurisprudenza tagħha Cudak vs Il-Litwanja fl-okkażjoni tas-sentenza tagħha Sabeh El Leil vs Franza (15). Fiż-żewġ każijiet, hija eżaminat l-istat tad-dritt u tal-ġurisprudenza tal-Istati previsti mir-rikorsi sabiex jiġi stabbilit jekk huma jaċċettawx diġà xi każijiet ta’ immunità, qabel ma jiġi affermat li l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni — mhux irratifikata — ta’ New York li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prinċipju li skont dan “Stat ma jistax jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni quddiem qorti ta’ Stat ieħor kompetenti fil-każ preżenti, f’proċedura li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol bejn l-Istat u persuna fiżika għal xogħol imwettaq jew qabel ma jitwettaq, fl-intier tiegħu jew in parti, fit-territorju ta’ dan l-Istat ieħor” (16) għandu forza vinkolanti sa fejn, għal darba oħra skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan jirrifletti d-dritt internazzjonali konswetudinarju. Il-karattru mhux vinkolanti tal-Konvenzjoni stess ingħeleb mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull darba, peress li kkunsidrat li l-Istati konvenuti ma kinux, fil-mument tat-tfassil tal-imsemmi Artikolu 11, ifformulaw oġġezzjonijiet partikolari u ma kinux opponew iktar il-Konvenzjoni ta’ New York (17). Din is-serje ta’ affermazzjonijiet ma sseħħx, madankollu, mingħajr ma tqajjem xi domandi (18). Id-diverġenzi nazzjonali li semmejt iktar ’il fuq jistgħu, madankollu, jeżiġu perspettiva iktar moderata.

27.      B’hekk, anki jekk l-obbligu li wieħed jikkunsidra r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, meta huma rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt idderivat tal-Unjoni Ewropea, jibqa’ sod, hemm lok, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, li wieħed iżomm mal-pożizzjoni inizjali tal-qorti tar-rinviju li skont din, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija ma tistax tipprevali, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mill-immunità tagħha mill-ġurisdizzjoni, u dan b’mod iktar partikolari li dan il-postulat għandu t-tendenza li jippreżerva l-protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva tar-rikorrent għall-kawża prinċipali. Jiena nirrispondi b’hekk, għaż-żewġ domandi preliminari li għamlet il-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg b’kunsiderazzjoni tal-fatt li huma jikkonċernaw kawża li fil-kuntest tiegħu l-Istat konvenut ma jistax jipprevalixxi mill-immunità tiegħu mill-ġurisdizzjoni.

28.      Jiena ntemm dawn il-kummenti preliminari billi niċħad l-argument tal-Gvern Spanjol li skont dan, wieħed ma jistax jaħbi l-fatt li, anki jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi kellha finalment tkun ittrattata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fil-każ preżenti billi tapplika r-Regolament Nru 44/2001, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija tista’ ssostni, sussegwentement, l-immunità tagħha ta’ eżekuzzjoni fejn l-għan huwa preċiżament dak li l-Istat ikkonċernat jaħrab kull obbligu amministrattiv jew ġurisdizzjonali li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ sentenza. Madankollu, irrid nirrimarka li din il-kunsiderazzjoni, pjuttost ipotetika (19), ma tistax tinfluwenza l-analiżi li tirrigwarda l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001 peress li din tmur lil hinn mill-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati mistoqsija lilna.

29.      Ladarba dan ġie ppreċiżat, niġu għall-analiżi taż-żewġ domandi preliminari li ġew magħmula.

B –    Fuq l-ewwel domanda

30.      Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tal-qrati msemmija fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom vokazzjoni li japplikaw biss meta l-konvenut huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tibqa’, bħala prinċipju, irregolata mil-liġi tal-Istati Membri (20).

31.      Madankollu, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-leġiżlatur xtaq jiddedika sezzjoni speċjali għar-regoli tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratt tax-xogħol. L-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi speċifikament għas-sitwazzjoni tal-persuna li timpjega li ma hijiex iddomiċiljata fi Stat Membru u b’hekk jipprovdi, “[m]eta impjegat jidħol f’kuntratt individwali ta’ impjieg ma’ min jimpjegah u dan ta’ l-aħħar li ma jkunx domiciljat fi Stat Membru iżda li jkollu fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dak li jimpjega għandu, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, aġenzija jew stabbiliment, huwa meqjus li jkun iddomiċiljat f’dak l-Istat Membru”. Il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-ambaxxata li fiha A. Mahamdia ħadem tista’ tiġi kklassifikata bħala “fergħa”, “aġenzija” jew “xi stabbiliment ieħor” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti mis-sezzjoni 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

32.      Il-fatt li l-immunità mill-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta lill-Istat Alġerin, skont dak li tgħid il-qorti tar-rinviju, jagħtina stampa iktar ċara tal-evalwazzjoni li saret mill-imsemmija qorti. Skont din, fil-fatt, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ A. Mahamdia, l-Istat Alġerin ma eżerċitax prerogattivi ta’ awtorità pubblika u A. Mahamdia, minn naħa tiegħu, ma kkontribwixxix, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, għall-eżerċizzju tas-sovranità statali ta’ min iħaddmu. Din il-premessa twassalni sabiex nikkunsidra li, minkejja l-fatt li x-xogħol twettaq f’ambaxxata, li hija bla dubju estensjoni tal-Istat Alġerin, dan l-Istat stess, peress li ma jeżerċitax funzjonijiet sovrani, jista’ jiġi kkomparat ma kwalunkwe persuna privata li tħaddem. Fi kliem ieħor, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li l-ħaddiem kien assenjat f’ambaxxata ta’ Stat terz ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk għandu jiġi ddeterminat jekk, din l-ambaxxata taqax taħt id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “fergħa”, ta’ “aġenzija” jew ta’ “xi stabbiliment ieħor” fis-sens tal-imsemmi regolament.

33.      Jekk ir-regolament jirreferi kemm il-darba għal dawn it-tlett kunċetti (21), għandu jingħad li huwa ma jagħti l-ebda definizzjoni speċifika.

34.      Min-naħa l-oħra, mill-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikoli 18 et seq tal-imsemmi regolament joperaw bħala lex specialis u jammontaw għall-eċċezzjonijiet għall-prinċipju li, skont dan, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-regolament japplikaw biss meta l-konvenut huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru. Huma għandhom manifestament bħala effett li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. L-ispeċjalità tal-imsemmija regoli teżiġi, b’hekk, interpretazzjoni restrittiva tagħhom (22).

35.      Madankollu, din l-interpretazzjoni litterali u sistematika għandha neċessarjament tkun ikkonċiljata mal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 44/2001. Issa, fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol, l-għan imħaddan huwa dak li “l-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali” (23) billi jiġi miżjud in-numru ta’ każijiet imsemmija li fihom il-ħaddiem jista’ jressaq lil min iħaddmu quddiem il-qrati li huma l-eqreb tiegħu, l-iktar familjari. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li f’dan il-qasam, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali “Konvenzjoni ta’ Brussell” (24) għandha tiġi interpretata “b’mod li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-parti kontraenti l-inqas b’saħħitha mill-perspettiva soċjali, f’dan il-każ l-impjegat” (25). Huwa b’hekk ukoll fid-dawl ta’ dan l-għan partikolari li l-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” u ta’ “xi stabbiliment ieħor”, kif użati fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati.

36.      Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tinterpreta l-Artikolu 5(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, għalkemm f’kuntest differenti, għandha wkoll regola ta’ eċċezzjoni fil-qasam tal-ġurisdizzjoni billi tirreferi għal “kontestazzjoni li tirrigwarda l-operat ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ xi stabbiliment ieħor”, hija ddeċidiet li “l-ħsieb legali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet u obbligi ugwali tal-partijiet, għal dak li jirrigwarda l-fakoltà li ssir eċċezzjoni għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali […] timponi interpretazzjoni awtonoma u, konsegwentment, komuni għall-Istati kontraenti kollha tal-kunċetti previsti fl-Artikolu 5, [paragrafu] 5, tal-Konvenzjoni” (26). Mutatis mutandis, soluzzjoni bħal din hija meħtieġa għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni, li b’hekk għandha tkun awtonoma tal-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” jew ta’ “xi stabbiliment ieħor” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

37.      Dawn il-kunċetti huma ddefiniti rarament biss fit-testi. Sa fejn naf jien, hija biss il-Konvenzjoni Ewropea fuq l-immunità tal-Istati li tista’, kultant minimament, tiċċara s-sens tagħhom peress li hija tipprovdi, fl-Artikolu 7 tagħha, li “Stat kontraenti ma jistax jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni quddiem qorti ta’ Stat kontraenti ieħor meta huwa għandu fit-territorju tal-Istat ta’ ġurisdizzjoni, uffiċċju, aġenzija jew stabbiliment ieħor li permezz tiegħu huwa jeżerċita, bl-istess mod bħal persuna privata, attività industrijali, kummerċjali jew finanzjarja, u li l-proċedura tirrigwarda din l-attività tal-uffiċċju, tal-aġenzija jew tal-istabbiliment” (27).

38.      B’hekk, huwa neċessarju li wieħed idur għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” jew ta’ “xi stabbiliment ieħor” biss fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u qatt fir-rigward ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol.

39.      Huwa permezz tas-sentenza De Bloos (28) li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovat, għall-ewwel darba, tiddefinixxi l-imsemmija kunċetti. Hija, f’din l-okkażjoni, sostniet li “waħda mill-elementi essenzjali li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ fergħa u ta’ aġenzija hija l-issuġġettar għad-direzzjoni u l-kontroll tal-kumpannija prinċipali” (29) u li l-kunċett ta’ stabbiliment “huwa bbażat, skont il-Konvenzjoni, fuq l-istess elementi essenzjali bħal dawk ta’ fergħa jew ta’ aġenzija” (30).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement, tat iktar dettalji. Fis-sentenza Somafer (31), hija ddeċidiet li, “hekk kif jirriżulta mill-kunċetti previsti li jagħtu l-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni […], l-interpretazzjoni tagħhom għandha tippermetti li tiġi żvelata mingħajr diffikultà r-rabta partikolari li tiġġustifika din l-eċċezzjoni” (32). Hija kompliet billi indikat li “din ir-rabta speċjali tikkonċerna, fl-ewwe lok, is-sinjali materjali li jippermettu faċilment li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ fergħa, tal-aġenzija jew tal-istabbiliment u, fit-tieni lok, ir-rapport li hemm bejn l-entità b’hekk lokalizzata u l-għan tal-kawża diretta kontra l-kumpannija prinċipali” (33). Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ xi stabbiliment ieħor jimplika ċentru ta’ operazzjonijiet li jimmanifestaw ruħhom fit-tul lejn l-estern bħall-estensjoni ta’ kumpannija prinċipali, li għandha direzzjoni u hija materjalment mgħammra b’mod li tista’ twettaq kummerċ ma’ terzi bħal dan, meta jafu li rabta legali eventwali ser isseħħ mal-kumpannija prinċipali li s-sede tagħha qegħda f’pajjiż barrani, huma eżenti milli jindirizzaw direttament lil din, u jistgħu jikkonkludu negozju fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet li kkostitwew l-estensjoni” (34). Fir-rigward tat-tieni punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li huwa barra minn hekk neċessarju li l-għan tal-kawża jikkonċerna l-operat tal-fergħa, tal-aġenzija jew ta’ xi stabbiliment ieħor” (35) u li “dan il-kunċett ta’ operat jinkludi, minn naħa, il-kawżi li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li jirrigwardaw il-ġestjoni hekk imsejħa tal-aġenzija, tal-fergħa jew tal-istabbiliment stess, bħal dawk li jirrigwardaw il-post tal-immobbli fejn dawk l-entitajiet ikunu stabbiliti jew għar-reklutaġġ fuq il-post tal-persunal li jaħdem hemm” (36).

41.      Fl-aħħar nett, fl-okkażjoni tas-sentenzi Blanckaert & Willems (37) u SAR Schotte (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment “għandha tidher f’għajnejn terzi b’mod faċilment identifikabbli bħala estensjoni ta’ kumpannija prinċipali” (39) u li “r-rabta ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-kontestazzjoni u l-ġurisdizzjoni li hija msejħa li tisma’ l-każ hija evalwata […] ukoll abbażi tal-mod kif dawn iż-żewġ impriżi jġibu ruħhom fil-ħajja soċjali u jippreżentaw ruħhom fir-rigward ta’ terzi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” (40).

42.      Wieħed irid jara jekk u b’liema mod, l-ambaxxata ta’ Stat terz tista’ taqa’ taħt din id-definizzjoni legali tal-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” u ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

43.      Huwa l-ewwel nett stabbilit li l-kunċetti jagħmlu bħala prinċipju riferiment għall-entitajiet nieqsa minn personalità ġuridika (41). L-ambaxxata, bħala organu tal-Istat li hija tirrappreżenta, hija effettivament nieqsa minn personalità ġuridika. Nixtieq inressaq bħala prova b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-ħaddiem ippreżenta r-rikors kontra l-Istat Alġerin, u mhux kontra l-ambaxxata stess.

44.      Imbagħad, tqum il-mistoqsija dwar jekk dawn il-kunċetti humiex esklużivament marbuta ma’ entitajiet li jeżerċitaw attività ta’ tip kummerċjali, il-ġurisprudenza disponibbli tal-Qorti tal-Ġustizzja turi b’mod ċar teħid ta’ pożizzjoni f’dan is-sens. Dan premess, wieħed ma għandux jinsa li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fejn it-telos kienu partikolarment differenti minn dawk tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 peress li l-ewwel dispożizzjoni ma kinitx ġiet redatta speċifikament għall-kawżi li jirrigwardaw kuntratt ta’ xogħol. Din id-differenza fundamentali twassal, fl-opinjoni tiegħi, għal interpretazzjoni aġġornata u adattata tal-imsemmija kunċetti.

45.      Il-funzjonijiet ta’ ambaxxata, bħala missjoni diplomatika, huma stabbiliti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq ir-relazzjonijiet diplomatiċi tat-18 ta’ April 1961. Skont dan l-artikolu, huma jikkonsistu f’li jirrappreżentaw l-Istat akkreditanti fl-Istat li jakkredita, sabiex tipproteġi l-interessi tal-Istat li hija tirrappreżenta fl-Istat li takkredita, sabiex tinnegozja mal-gvern ta’ dan tal-aħħar, sabiex tinforma ruħha dwar il-kundizzjonijiet u l-evoluzzjoni tal-avvenimenti fl-Istat li jakkredita jew inkella sabiex tippromwovi relazzjonijiet amikevoli u sabiex tiżviluppa r-relazzjonijiet ekonomiċi, kulturali u xjentifiċi bejn l-Istat akkreditanti u l-Istat li jakkredita. Strettament, il-funzjonijiet ta’ ambaxxata ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “kummerċjali”, iżda ma jistgħux jiġu totalment injorati iktar l-implikazzjonijiet eventwali tagħhom fil-qasam.

46.      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rikjest mill-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” jew ta’ “stabbiliment” mhux li dawn neċessarjament jinkludu rabta ma’ attività kummerċjali iżda iktar probabbli li dawn jirrigwardaw entitajiet li jaġixxu bħala attur privat. L-għan partikolari mħaddan mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa f’dan is-sens, peress li l-kliem tal-imsemmi artikolu ma jikkontjenix espliċitament limitazzjoni bħal din. Sabiex jitkompla l-eżempju ċċitat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, jekk wieħed għandu jillimita l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għall-attivitajiet kummerċjali jew finanzjarji biss, il-ħaddiema ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li s-sede tagħha tinsab fi Stat terz, iżda li huma assenjati f’sezzjoni tal-imsemmija organizzazzjoni li tinsab fi Stat Membru, ma jistgħux jibbenefikaw mill-protezzjoni ikbar li bħala prinċipju hija mogħtija lilhom mir-Regolament Nru 44/2001 u lanqas ma jistgħu jirrikorru għall-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament u b’hekk ma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, peress li min iħaddimhom ma huwiex iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru.

47.      Wara li jkun intgħeleb l-ewwel ostaklu għall-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ “aġenzija”, ta’ “fergħa” jew ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001, għadu jrid jiġi vverifikat jekk ambaxxata tippreżentax sinjali materjali suffiċjenti fir-rigward tar-rikonoxximent tal-eżistenza tagħha (l-ewwel kriterju li jirriżulta mis-sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq) u sabiex tiġi analizzata r-rabta li tista’ ssir bejn l-ambaxxata u l-għan tal-kawża prinċipali hekk kif diretta kontra l-Istat Alġerin (it-tieni kriterju li jirriżulta mis-sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq).

48.      Fir-rigward tal-ewwel kriterju, l-ambaxxata tista’ tiġi assimilata ma’ ċentru ta’ operazzjonijiet li timmanifesta ruħha b’mod fit-tul lejn l-estern bħall-estensjoni ta’ kumpannija prinċipali. L-ambaxxata tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u għar-rappreżentanza tal-Istat akkreditanti fl-Istat li fit-territorju tiegħu tinstab. Skont l-evidenza, hija tammonta għall-estenzjoni. Hija evidentement, materjalment mgħammra. Barra minn hekk, hija ddireġuta mill-ambaxxatur liema rwol ma jkunx ridott għal dak ta’ intermedjarju ordinarju nieqes minn setgħat ta’ azzjoni jew ta’ deċiżjoni. Jekk l-attivitajiet tal-ambaxxata huma mwettqa b’kooperazzjoni stretta mal-gvern ċentrali, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha marġni ta’ manuvrar ikbar f’ċerti oqsma, pereżempju fir-rigward tal-ġestjoni tal-persunal tekniku tagħha jew ta’ servizz, b’mod partikolari kuntrattwali.

49.      Fir-rigward tat-tieni kriterju, huwa ċar li l-għan tal-kawża prinċipali, li jimplika li l-Istat Alġerin, għandu rabta suffiċjenti mal-ambaxxata. L-ambaxxata tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija f’Berlin hija post fejn ġie rreklutat A. Mahamdia (42) u l-post fejn eżerċità l-funzjonijiet tiegħu u fejn ġie suġġett għall-evalwazzjoni u, skont il-każ, għas-setgħa dixxiplinari ta’ min iħaddmu. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw l-operat ta’ aġenzija, ta’ fergħa jew ta’ stabbiliment jinkludu l-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw ir-reklutaġġ fuq il-post tal-persunal fejn jaħdem (43).

50.      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li seta’ jiġi sostnut, min-naħa l-oħra ma naħsibx li l-kawża prinċipali titlef il-karattru internazzjonali tagħha minħabba l-fatt li, f’dan il-kuntest preċiż, l-Istat Alġerin ikun, peress li l-ambaxxata tiegħu tinsab fil-Ġermanja, ikkunsidrat iddomiċiljat fit-territorju tal-istess Stat Membru bħal A. Mahamdia (44). Minn naħa, huwa permezz tal-iffissar fittizju tad-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli. B’hekk, din il-finzjoni ġuridika ma jkollhiex bħala effett li taħbi totalment il-karattru oriġinarjament internazzjonali tal-kawża. Min-naħa l-oħra, u konsegwentement, li jiġi kkunsidrat li l-kawża għandha, wara applikazzjoni tal-finzjoni ġuridika, tkompli topponi żewġ partijiet fil-kawża, iddomiċiljati f’żewġ Stati Membri distinti tammonta li teżiġi kundizzjoni supplimentari għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u li titnaqqas, fl-opinjoni tiegħi b’mod kunsiderevoli, il-portata tagħhom (45), anki jkun kuntrarju għall-għan ta’ protezzjoni mħaddna mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-mument tar-redazzjoni tal-Artikoli 18 et seq tar-Regolament Nru 44/2001. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li diġà ddeċidiet f’dan is-sens (46).

51.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li ġiet magħmula, li l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ambaxxata ta’ Stat terz fi Stat Membru għandha tiġi assimilata ma’ “aġenzija”, “fergħa” jew “xi stabbiliment ieħor” fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol konkluż mill-imsemmija ambaxxata fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant tal-Istat akkreditanti meta l-ħaddiem ġie rreklutat u eżerċità l-funzjonijiet tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru, dment li l-imsemmija funzjonijiet ikunu mingħajr rabta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat akkreditanti.

C –    Fuq it-tieni domanda

52.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment li tistabbilixxi jekk l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprekludix klawżola, imdaħħla f’kuntratt tax-xogħol fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat terz sabiex jittrattaw kull kawża li tirrigwarda l-imsemmi kuntratt b’mod li, kemm il-ħaddiem kif ukoll min iħaddem huma ddomiċiljati jew ikkunsidrati ddomiċiljati fl-istess Stat Membru u li l-post tax-xogħol huwa wkoll f’dan l-Istat Membru. Din id-domanda tqum biss fis-sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u li, hekk kif issuġġerejt, l-ambaxxata tista’ tiġi meqjusa bħala “aġenzija”, “fergħa” jew “xi stabbiliment ieħor” fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament.

53.      Preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skont din “[i]l-fatt li tiġi ddikjarata kompetenti l-qorti ta’ Stat [Membru], minħabba d-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ dak l-Istat, anki fil-każ ta’ kawża relatata, għall-inqas in parti, minħabba s-suġġett tagħha jew tad-domiċilju tar-rikorrent, għal Stat terz mhux tali li joħloq obbligu fuq dan l-Istat” (47). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-ħatra eventwali tal-qrati Ġermaniżi bħala qrati kompetenti sabiex jittrattaw l-imsemmija kawża ma jkollhiex bħala riżultat, fiha nnifisha, li toħloq obbligu fuq l-Istat mhux membru. Fil-fatt, infakkar li, fil-kuntest tar-rinviju preliminari preżenti, għandna nittrattaw lill-Istat mhux bħala persuna morali tad-dritt pubbliku ddotata bis-sovranità, iżda bħala Stat li jħaddem li jaġixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ funzjoni mhux sovrana. Il-ħatra ta’ qrati kompetenti sabiex jittrattaw il-kawża prinċipali b’applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament Nru 44/2001 eventwalment tikkontradixxi lil din tal-aħħar bħala entità li tħaddem iżda mhux bħala entità li teżerċita funzjoni sovrana.

54.      Sabiex nittrattaw it-tieni domanda, il-kundizzjonijiet li fihom tista’ ssir validament eċċezzjoni għar-regoli stabbiliti mill-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001 huma ppreċiżati mill-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament. Dan l-artikolu, li jaqa’ wkoll fis-sezzjoni speċjali li l-leġiżlatur iddeċieda li jittratta fil-kuntratti individwali tax-xogħol, jindika li l-uniċi derogi ammessi għandhom ikollhom il-forma ta’ ftehim. Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim kellu jiġi konkluż wara li tkun seħħet il-kwistjoni (Artikolu 21, punt 1, tar-Regolament Nru 44/2001) jew jippermetti lill-ħaddiem li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati fl-Artikoli 18 u 19 (Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001).

55.      Huwa stabbilit li l-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Alġerini ddaħħlet, ab initio, fil-kuntratt li jorbot lir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma’ min iħaddmu. Din b’hekk ma tissodisfax ir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

56.      Il-kundizzjoni ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari l-użu tal-konġunzjoni “jew”, timponi li jiġi rrikonoxxut li klawżola dwar ġurisdizzjoni, anki konkluża qabel ma bdiet il-kawża, tista’ tkun konformi mal-imsemmi artikolu jekk hija tippermetti lill-ħaddiem li jirrikorri għal qrati oħra minn dawk li jkollhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001.

57.      Anki f’każ li żewġ partijiet kontraenti ddomiċiljati jew ikkunsidrati ddomiċiljati fl-istess Stat Membru jistgħu jinftiehmu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat terz sabiex jittrattaw kawżi li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ xogħol li huma kkonkludew (48) meta l-post tax-xogħol jinstab ukoll fl-imsemmi Stat Membru, l-ispeċifiċità ta’ dawn it-tip ta’ kuntratti kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni partikolari li għandha tiġi żgurata lill-ħaddiem ma għandhomx jintnesew. L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ klawżola bħal din għandha ssir, hija wkoll, fid-dawl tal-għan speċifiku mħaddan mill-Artikoli 18 et seq tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk, jidhirli evidenti li l-imsemmija klawżola għandha, għal dan il-għan, tagħti lil ħaddiem għażla: dik tal-qorti li quddiemha jressaq il-kawża tiegħu.

58.      Hekk kif issuġġerew, fl-opinjoni tiegħi, ġustament, il-Gvern Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim li jattribwixxi gurisdizzjoni konkluż qabel ma bdiet il-kawża huwa konformi mal-imsemmi artikolu jekk huwa jippermetti lill-ħaddiem li jressaq il-kawża tiegħu quddiem qrati oħra barra mill-qrati li normalment għandhom ġurisdizzjoni skont ir-regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001. Issa, il-klawżola inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali tippermetti biss li l-qrati Alġerini jittrattaw il-kawżi, u b’hekk ma jpoġġix lil A. Mahamdia, li huwa l-parti l-iktar dgħajfa li għandha tiġi żgurata protezzjoni partikolari, f’pożizzjoni fejn huwa jista’ jagħżel il-qorti li quddiemha jressaq il-kawża tiegħu.

59.      Interpretazzjoni bħal din hija koerenti mal-analiżi li saret fil-kuntest tar-rapport Jenard (49) ta’ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għall-kontenut simili għal dak tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001, għalkemm ma jkoprux direttament lill-ħaddiema. L-imsemmi rapport jippreċiża, fir-rigward tal-Artikolu 12, punt 2 (50), tal-imsemmija Konvenzjoni, li l-qafas tal-ftehimiet li jagħtu ġurisdizzjoni kellu bħala għan “li jipprojbixxi lill-partijiet li jillimitaw l-għażla mogħtija” (51) mill-konvenzjoni. Huwa jżid li, sabiex tali ftehimiet konklużi qabel ma bdiet il-kawża jkunu legali, huma għandhom ikunu “favur” (52) tal-parti meqjusa l-iktar dgħajfa. Il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa l-oħra dejjem ikkunsidrat, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema, li “l-leġiżlazzjoni dwar ġurisdizzjoni hija […] inspirata mix-xewqa li tingħata protezzjoni adegwata lill-parti kontraenti li hija l-iktar dgħajfa mill-perspettiva soċjali” (53).

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju li, għall-finijiet li tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ta’ klawżola dwar ġurisdizzjoni konkluża, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, qabel ma seħħet il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-imsemmija klawżola toffri l-possibbiltà lil ħaddiem li jirrikorri, minbarra għall-qrati normalment kompetenti skont regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001, għal qrati oħra u b’hekk jippermettulu għażla.

V –    Konklużjoni

61.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg:

“1)      L-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ambaxxata ta’ Stat terz fi Stat Membru għandu jiġi assimilat ma’ ‘aġenzija’, ‘fergħa’ jew ‘xi stabbiliment ieħor’ fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol konkluż mill-imsemmija ambaxxata fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant tal-Istat akkreditanti meta l-ħaddiem ikun ġie rreklutat u eżerċità l-funzjonijiet tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru, dment li l-imsemmija funzjonijiet ikunu mingħajr rabta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat akkreditanti.

2)      Għall-finijiet li tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ta’ klawżola dwar ġurisdizzjoni konkluża, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, qabel ma seħħet il-kwistjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-imsemmija klawżola toffri l-possibbiltà lil ħaddiem li jirrikorri, minbarra għall-qrati normalment kompetenti skont regoli speċjali tal-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 44/2001, għal qrati oħra u b’hekk jippermettulu għażla.”


1—      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2—      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04, p. 42


3—      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019).


4—      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, Ġabra p. I‑13755, punt 101 u ġurisprudenza ċċitata).


5 —      Duttrina tal-immunità assoluta.


6 —      Bundesarbeitsgericht, sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1997, 2 AZR 631/96, BAGE 87, 144‑153.


7 —      Bundesarbeitsgericht, sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, 9 AZR 116/04, BAGE 113, 327‑342.


8 —      Bundesarbeitsgericht, sentenza tat-30 ta’ Ottubru 2007, 3 AZB 17/07.


9 —      Il-Konvenzjoni Ewropea fuq l-immunità tal-Istati ġiet imfassla fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u nfetħet għall-firma tal-istati f’Basel (l-Isvizzera) fis-16 ta’ Mejju 1972. L-Artikolu 5 tal-imsemmija Konvenzjoni tirregola s-sitwazzjonijiet li fihom Stat jista’ jirrikorri għall-immunità tiegħu mill-ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda kuntratt ta’ xogħol. Sal-lum, tmien Stati biss irratifikawha. Min-naħa l-oħra, f’Diċembru 2004, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ltaqgħet sabiex tadotta l-Konvenzjoni fuq l-immunitajiet ġurisdizzjonali tal-Istati u tal-beni tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York”) li nfetħet għall-firem tal-Istati mis-17 ta’ Jannar 2005. L-Artikolu 11 tagħha jittratta l-kuntratti ta’ xogħol. Il-Konvenzjoni fuq l-immunitajiet ġurisdizzjonali tal-Istati u tal-beni tagħhom illum għandha 28 Stati sinjatarji li minnhom 13-il Stat huma parti, iżda hija ma daħlitx fis-seħħ.


10 —      Qorti Ewr. D. B., sentenza Fogarty vs Ir-Renju Unit tal-21 ta’ Novembru 2001, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001‑XI (punt 34). Ara wkoll Qorti Ewr. D. B., sentenzi Al‑Adsani vs Ir-Renju Unit tal-21 ta’ Novembru 2001, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001‑XI (punt 54); Cudak vs Il-Litwanja tat-23 ta’ Marzu 2010, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2001 (punt 60); Sabeh El Leil vs Franza tad-29 ta’ Ġunju 2011, Rikors Nru 34869/05 (punt 52).


11 —      Qorti Ewr. D. B., sentenzi Fogarty vs Ir-Renju Unit (punt 36); Cudak vs Il-Litwanja (punt 57), u Sabeh El Leil vs Franza (punt 49).


12—      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


13 —      Qorti Ewr. D. B., sentenza Cudak vs Il-Litwanja ċċitata iktar ’il fuq (punt 70).


14 —      Qorti Ewr. D. B., sentenza Cudak vs Il-Litwanja ċċitata iktar ’il fuq (punt 75).


15—      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


16 —      L-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni ta’ New York (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tal-konklużjonijiet preżenti) iżid il-prinċipju li jirriżulta mill-paragrafu 1 ta’ ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni fejn l-impjegat ġie ingaġġat sabiex iwettaq funzjonijiet partikolari fl-eżerċizzju tal-awtorità sovrana [Artikolu 11(2)(a) tal-imsemmija Konvenzjoni] jew huwa aġent diplomatiku, jew uffiċjal konsulari jew huwa stess igawdi minn immunità diplomatika [Artikolu 11(2)(b), punti (i), (ii) u (iv), tal-imsemmija Konvenzjoni].


17 —      Ara Qorti Ewr. D. B., sentenzi ċċitati Cudak vs Il-Litwanja (punt 66) u Sabeh El Leil vs Franza (punt 57).


18 —      Fuq l-affermazzjoni li skont din dispożizzjoni ta’ trattat mhux irratifikat b’forża vinkolanti, nirreferi għall-opinjoni korroboranti tal-imħallef Cabral Barreto f’din il-kawża.


19 —      Fil-fatt, il-kwistjoni tal-immunità ta’ eżekuzzjoni tqum biss fl-ipoteżi doppja fejn il-qrati Ġermaniżi jilqgħu, fuq il-mertu, ir-rikors tar-rikorrenti għall-kawża prinċipali u fejn l-Istat tal-Alġerija jirrifjuta li jeżegwixxi d-deċiżjoni tal-qorti li tkun, konsegwentement, ġiet adottata.


20—      Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.


21 —      Ara l-Artikoli 5(5), 9(2), 15(2), kif ukoll 18 tar-Regolament Nru 44/2001.


22 —      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali [previsti mir-Regolament Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lilhinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament” (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C‑462/06, Ġabra p. I‑3965, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23—      Ara t-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001.


24—      ĠU 1998, C 27, p. 1 (verżjoni kkonsolidata).


25—      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel (133/81, Ġabra p. 1891, punt 14); tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, Ġabra p. I‑4075, punt 18); tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, Ġabra p. I‑57, punt 17) kif ukoll tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, Ġabra p. I‑3573, punt 18).


26—      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Somafer (33/78, Ġabra p. 2183, punt 8).


27 —      Konvenzjoni ta’ Basel, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 9.


28—      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976 (14/76, Ġabra p. 1497).


29—      Ibidem, punt 20.


30—      Ibidem, punt 21.


31—      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.


32—      Sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 11).


33—      Ibidem.


34—      Ibidem (punt 12).


35—      Ibidem (punt 13).


36—      Idem.


37 —      Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1981 (139/80, Ġabra p. 819).


38—      Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1987 (218/86, Ġabra p. 4905).


39 —      Sentenza Blanckaert &Willems, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).


40 —      Sentenza SAR Schotte, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).


41—      Ara Opinjoni 1/03, tas-7 ta’ Frar 2006 (Ġabra p. I‑1145, punt 150).


42 —      Infakkar li dan il-ħaddiem ma jifformax parti mill-persunal tal-ambaxxata provenjenti mill-Alġerija, li huwa għandu n-nazzjonalità doppja Alġerina-Ġermaniża u li ġie rreklutat f’Berlin fejn jirrisjedi.


43—      Sentenza Somafer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13).


44 —      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li tipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom professjonista, f’dak li jirrigwarda kuntratt konkluż minn konsumatur, tista’ titqies iddomiċiljata fi Stat Membru filwaqt li kellha d-domiċilju tagħha fi Stat terz, il-punti 58 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, Ġabra p. I‑139) kif ukoll il-punti 24 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Brenner u Noller (C‑318/93, Ġabra p. I‑4275).


45 —      Fil-fatt, dan jipprovdi għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn ħaddiem li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru u min iħaddem li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat terz u bil-kundizzjoni li l-attività tal-ħaddiem tirrappreżenta rabta ma’ aġenzija, fergħa jew xi stabbiliment ieħor ta’ min iħaddmu bil-kundizzjoni li din l-aġenzija, fergħa jew dan l-istabbiliment ieħor ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-ħaddiem.


46 —      Hekk kif l-Avukat Ġenerali Darmon kien ħa pożizzjoni fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dispożittiv tagħha, ma ppreċiżatx li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-finzjoni ġuridika prevista fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-konvenut kellu jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak tar-rikorrent (ara l-punt 18 u d-dispożittiv tas-sentenza Brenner u Noller, iċċitata iktar ’il fuq).


47—      Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, Ġabra I‑1383, punt 31).


48 —      Kuntrarjament għall-Konvenzjoni fuq il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU L 266, p. 1) u għar-Regolament (KE) Nru 593/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6), ir-Regolament Nru 44/2001 ma jikkontjenix dispożizzjoni li tittratta l-karattru universali tiegħu li tammetti espliċitament li l-applikazzjoni tar-regoli li jinkludi jistgħu jwasslu li jinħatru bħala li għandhom ġurisdizzjoni l-qrati ta’ Stati terzi.


49—      Rapport Jenard, P., fuq il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1).


50 —      Li skont dan “[m]a tistax issir eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni preżenti li permezz ta’ ftehimiet […] li jippermettu lil minn jidħol għall-polza ta’ assigurazzjoni, għall-assigurat jew għall-benefiċjarju li jirrikorri għal qrati oħra minn dawk indikati fit-taqsima preżenti”.


51—      Rapport Jenard, iċċitat iktar ’il fuq (p. 33).


52—      Rapport Jenard, iċċitat iktar ’il fuq (p. 33).


53—      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ivenel (punt 16); Rutten (punt 22), Mulox IBC (punt 18) u Pugliese, (punt 18).