Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja) fit-22 ta’ April 2021 – DG vs Ministero dell'Interno - Dipartimento per le Libertà Civili e l'Immigrazione - Direzione Centrale dei Servizi Civili per L’Immigrazione e l’Asilo - Unità Dublino

(Kawża C-254/21)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Roma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DG

Konvenut: Ministero dell'Interno - Dipartimento per le Libertà Civili e l'Immigrazione - Direzione Centrale dei Servizi Civili per L’Immigrazione e l’Asilo - Unità Dublino

Domandi preliminari

Id-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 4 u 19 ta’ din l-istess Karta jiggarantixxu wkoll protezzjoni mir-riskju ta’ refoulement indirett wara t-trasferiment lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li diġà jkun eżamina u ċaħad l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u li fih ma jkunx hemm difetti sistemiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 1 (meta ma jkun hemm l-ebda Stat Membru ieħor responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitoli III u IV)?

Il-qorti tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tkun ġiet adita b’rikors skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013 u li għaldaqstant għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa t-trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda mhux sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandha tqis bħala eżistenti r-riskju ta’ refoulement indirett lejn pajjiż terz, meta l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkun interpreta b’mod differenti il-kunċett ta’ “Protezzjoni interna” stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/95/UE 2 ?

L-evalwazzjoni [tar-riskju] ta’ refoulement indirett wara interpretazzjoni differenti tal-bżonn ta’ “Protezzjoni interna” minn żewġ Stati Membri, hija kompatibbli mal-Artikolu 3(1) (it-tieni parti) tar-Regolament [Nru 604/2013] u mal-projbizzjoni ġenerali magħmula fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jagħżlu l-pajjiż tal-Unjoni li fih jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom?

Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fl-affermattiv:

a)    L-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-[riskju] ta’ refoulement indirett magħmula mill-qorti tal-Istat li fih l-applikant ikun ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tiegħu, għandha l-ħtieġa li tapplika l-klawżola stabbilita fl-Artikolu 17(1), u ddefinita fir-Regolament Nru 604/2013 bħala “Klawsoli diskrezzjonali”?

b)    Liema huma l-kriterji li l-qorti adita [skont] l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013 għandha tuża sabiex tevalwa r-riskju ta’ refoulement indirett, minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitoli III u IV, inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali riskju diġà jkun ġie eskluż mill-Istat li jkun eżamina l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

____________

1     Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).

2     Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU 2011, L 337, p. 9).