Language of document : ECLI:EU:T:2021:113

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

3 ta’ Marzu 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ ċertifikazzjoni – Esklużjoni mil-lista definittiva tal-uffiċjali awtorizzati li jsegwu l-programm ta’ taħriġ – Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal – Rikors għal annullament – Komunikazzjoni b’ittra rreġistrata – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal – Posta rreġistrata mhux irtirata mid-destinatarju tagħha – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Proporzjonalità – Sistema lingwistika”

Fil-Kawża T‑723/18,

João Miguel Barata, residenti f’Evere (il-Belġju), irrappreżentat minn G. Pandey, D. Rovetta u V. Villante, avocats,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Steele u I. Terwinghe, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018, tal-att tas-7 ta’ Diċembru 2017, tal-att tal-21 ta’ Diċembru 2017, tal-ittra tal-1 ta’ Marzu 2018, tal-ittra tat-22 ta’ Marzu 2018 dwar il-kandidatura tar-rikorrent għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għas-sena 2017, kif ukoll tal-avviż ta’ kompetizzjoni interna tat-22 ta’ Settembru 2017,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot u M. Sampol Pucurull (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Settembru 2017, il-Parlament Ewropew ippubblika sejħa għal kandidaturi (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”) għas-sena ta’ ċertifikazzjoni 2017, sabiex jintgħażlu uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST li jistgħu jinħatru għal impjieg fil-grupp ta’ funzjonijiet AD. Fis-27 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent, João Miguel Barata, li huwa uffiċjal tal-Parlament, applika.

2        Fis-7 ta’ Diċembru 2017, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet din il-kandidatura bħala inammissibbli, minħabba li din ma kinitx akkumpanjata mil-lista obbligatorja tal-annessi (iktar ’il quddiem l-“att tas-7 ta’ Diċembru 2017”).

3        Fit-13 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent talab eżami ġdid tal-fajl ta’ kandidatura tiegħu.

4        Fil-21 ta’ Diċembru 2017, l-Awtorità tal-Ħatra kkonfermat l-att tas-7 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“att tal-21 ta’ Diċembru 2017”).

5        Fit-2 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent ressaq ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

6        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-1 ta’ Marzu 2018”), l-Awtorità tal-Ħatra tenniet li r-rikorrent ma kienx ammess jipparteċipa fil-proċedura ta’ ċertifikazzjoni għall-2017 filwaqt li informatu dwar il-possibbiltà li jippreżenta appell quddiem il-Kumitat Konġunt għall-Proċedura ta’ Ċertifikazzjoni (iktar ’il quddiem iċ-“COPAC”).

7        Fit-8 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem iċ-COPAC.

8        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2018, iċ-COPAC indika lir-rikorrent li kien ta parir lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiċħad dan l-appell (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-22 ta’ Marzu 2018”).

9        Fit-28 ta’ Marzu 2018, l-Awtorità tal-Ħatra kkonfermat iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent.

10      Fit-13 ta’ April 2018, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2018.

11      Fis-16 ta’ April 2018, il-Parlament ippubblika l-lista tal-kandidati magħżula.

12      Fit-23 ta’ Lulju 2018, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrent u kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li ma taċċettax il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni tal-uffiċjali li jistgħu jinħatru għal impjieg fil-grupp ta’ funzjonijiet AD (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018”). Il-Parlament bagħat din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni fid-dar tar-rikorrent. Fil-25 ta’ Lulju 2018, is-servizz postali Belġjan ippreżenta din l-ittra fid-dar tar-rikorrent u, fl-assenza ta’ dan tal-aħħar, ippreżenta nota ta’ avviż tat-tranżitu. Peress li l-imsemmija ittra ma ġietx irtirata mir-rikorrent, is-servizz postali Belġjan bagħatha lura lill-Parlament fid-9 ta’ Awwissu 2018.

13      Fit-28 ta’ Awwissu 2018, il-Parlament bagħat ittra elettronika lir-rikorrent li magħha kienet annessa d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

15      Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fil-25 ta’ Frar, fil-25 ta’ April u fis-7 ta’ Ġunju 2019.

16      Fid-9 ta’ Lulju 2019, ir-rikorrent ressaq talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

17      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, assenja mill-ġdid il-kawża lil imħallef relatur ġdid, assenjat lis-Seba’ Awla.

18      Fuq proposta tas-Seba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-6 ta’ Diċembru 2019, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat lura l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur (Is-Seba’ Awla Estiża), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit. Is-seduta, prevista fit-2 ta’ April 2020, ġiet posposta għall-1 ta’ Lulju 2020.

20      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018, l-att tas-7 ta’ Diċembru 2017, l-att tal-21 ta’ Diċembru 2017, l-ittra tal-1 ta’ Marzu 2018, l-ittra tat-22 ta’ Marzu 2018 kif ukoll l-avviż ta’ kompetizzjoni;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

21      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibiltà

22      Il-Parlament iqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-natura tardiva tar-rikors u, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ konformità tar-rikors mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq in-natura tardiva tar-rikors

23      Il-Parlament isostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li huwa tardiv. Huwa jsostni li kien innotifika lir-rikorrent bid-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni. Fil-25 ta’ Lulju 2018, id-dipartiment tal-posta ppreżenta din l-ittra fid-dar tar-rikorrent, fi Brussell (il-Belġju) u, fl-assenza ta’ dan tal-aħħar, ħalla nota ta’ avviż tat-tranżitu. Peress li r-rikorrent ma rtirax din l-ittra qabel l-iskadenza tat-terminu legali għaż-żamma mill-posta fid-9 ta’ Awwissu 2018, it-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri minn din id-data u skada fid-19 ta’ Novembru 2018. Ir-rikors, ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018, huwa għalhekk tardiv.

24      Ir-rikorrent jikkontesta r-regolarità tan-notifika bil-posta tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018, deċiżjoni li huwa jafferma li seta’ jsir jaf biha biss meta l-Parlament bagħathielu permezz ta’ posta elettronika fit-28 ta’ Awwissu 2018. Huwa jallega li, peress li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri minn din id-data, ir-rikors ma huwiex tardiv.

25      Għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li “[k]ull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt […] ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat”. Peress li ma tistabbilixxix il-metodu jew il-metodi li jippermettu l-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni individwali “bil-miktub”, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-amministrazzjoni għandha diversi possibbiltajiet f’dan ir-rigward, fosthom il-mezz elettroniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, WL/ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 54).

26      Fil-fatt, il-mezz elettroniku ma huwiex l-uniku wieħed possibbli għan-notifika tad-deċiżjonijiet amministrattivi. L-amministrazzjoni tista’ wkoll tibgħat ittra bil-posta rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, peress li dan il-metodu huwa previst b’mod espliċitu fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid “[i]l-komunikazzjoni ta’ kull dokument lil uffiċjal għandha tkun evidenzjata billi jiffirma għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tkun effettwata b’ittra lejn l-aħħar indirizz ikkomunikat mill-uffiċjal”. Bis-saħħa tal-garanziji partikolari li hija tippreżenta kemm għall-uffiċjal kif ukoll għall-amministrazzjoni, l-ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni hija barra minn hekk irrikonoxxuta bħala li tikkostitwixxi modalità ċerta fil-qasam tan-notifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2018, WL/ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 61).

27      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-amministrazzjoni hija, fil-prinċipju, libera li tagħżel il-metodu li hija tqis l-iktar xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tipproċedi bin-notifika ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment, peress li r-Regolamenti tal-Persunal ma jimponu l-ebda ordni ta’ prijorità bejn id-diversi metodi possibbli, bħall-mezz elettroniku jew l-ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni.

28      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda b’risposta għall-ilment. Skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]t-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza”.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors, previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u la jistgħu jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas għad-dispożizzjoni tal-qorti li għandha tivverifika, saħansitra ex officio, jekk ikunux ġew osservati. Dawn it-termini jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li jiġu evitati kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs CES, 79/70, EU:C:1971:79, punt 18, u tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs ETF, C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 15).

30      Hija l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors li għandha turi minn liema jum it-terminu għall-preżentata ta’ dan ir-rikors beda jiddekorri (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 70; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il-Kummissjoni, 108/79, EU:C:1980:146, punt 7, u tad-29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 59).

31      Fir-rigward tar-rikorsi fil-qasam tas-servizz pubbliku ppreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, il-ġurisprudenza hija wkoll stabbilita fis-sens li, sabiex deċiżjoni tiġi debitament innotifikata fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ mhux biss li din tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, iżda wkoll li dan ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1976, Jänsch vs Il-Kummissjoni, 5/76, EU:C:1976:92, punt 10, u tad-29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 57).

32      Huwa wkoll utli li jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament hija dik tan-notifika tal-att inkwistjoni meta dan jindika destinatarju. Deċiżjoni tiġi debitament innotifikata meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf biha. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din kienet issodisfatta meta d-destinatarju jkun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bil-kontenut ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll bil-motivi li fuqhom din kienet ibbażata (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Eco-Bat Technologies et vs Il-Kummissjoni, C‑312/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:235, punti 25 u 26).

33      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent sar jaf bil-kontenut tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 biss meta l-Parlament ikkomunikalu din id-deċiżjoni permezz ta’ posta elettronika, fit-28 ta’ Awwissu 2018. Hija għalhekk din id-data li għandha, fil-prinċipju, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

34      Madankollu, il-Parlament joġġezzjona li t-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri minn data preċedenti. Huwa jqis li ma hijiex id-data li fiha r-rikorrent effettivament sar jaf bil-kontenut tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda dik li fiha r-rikorrent tqiegħed f’pożizzjoni li jagħmel dan. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, meta n-notifika ssir permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni, jista’ jiġi preżunt li d-destinatarju jkun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bil-kontenut tagħha meta jiskadi t-terminu taż-żamma ta’ din l-ittra mis-servizz postali. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Parlament jirreferi għal żewġ deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament (F‑25/10, EU:F:2010:171), u s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex (F‑87/11, EU:F:2013:10).

35      Mill-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li, meta deċiżjoni tiġi nnotifikata b’ittra rreġistrata, id-destinatarju tagħha jitqies li jsir jaf biha bil-firma li huwa jqiegħed fuq il-konferma tar-riċezzjoni. Madankollu, jista’ jkun il-każ li l-konferma tar-riċezzjoni ma tkunx tista’ tiġi ffirmata mid-destinatarju tal-ittra, meta dan ikun assenti mir-residenza tiegħu fil-mument li tgħaddi l-persuna inkarigata mill-posta, jew ma jieħu ebda azzjoni u b’mod partikolari ma jirtirax l-ittra fit-terminu taż-żamma tagħha. F’tali każ, għandu jitqies li d-deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata lid-destinatarju tagħha fid-data tal-iskadenza tat-terminu taż-żamma tal-ittra mis-servizzi postali. Fil-fatt, kieku kellu jiġi aċċettat li billi jastjeni minn kull pass u b’mod partikolari billi ma jirtirax l-ittra rreġistrata fl-imsemmi terminu d-destinatarju jista’ jostakola n-notifika regolari ta’ deċiżjoni permezz ta’ ittra rreġistrata, id-destinatarju jkollu ċerta libertà fl-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, meta tali terminu ma jistax ikun għad-dispożizzjoni tal-partijiet u għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament, F‑25/10, EU:F:2010:171, punti 41 sa 43, u s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2013, Wahlström vs Frontex, F‑87/11, EU:F:2013:10, punti 38 u 39).

36      Mill-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta wkoll li l-preżunzjoni li d-destinatarju rċieva notifika tad-deċiżjoni fl-iskadenza tat-terminu normali ta’ żamma tal-ittra rreġistrata mis-servizzi postali ma hijiex ta’ natura assoluta. Għall-kuntrarju, din hija konfutabbli u suġġetta għar-regolarità ta’ notifika. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-fatt ikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni kienet tirrikjedi l-prova, mill-amministrazzjoni, tar-regolarità tan-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata, b’mod partikolari permezz tal-preżentata ta’ nota’ ta’ avviż tat-tranżitu fl-aħħar indirizz indikat mid-destinatarju. Barra minn hekk, id-destinatarju jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni billi jipprova li huwa ġie prekluż, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ mard jew minħabba każ ta’ forza maġġuri indipendenti mir-rieda tiegħu, milli jieħu konjizzjoni utli tan-nota’ ta’ avviż tat-tranżitu (digriet tas-16 ta’ Diċembru 2010, AG vs Il-Parlament, F‑25/10, EU:F:2010:171, punt 44).

37      Fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-ewwel istanza dwar rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83), annullat id-digriet tad-19 ta’ April 2016, LL vs Il-Parlament (T‑615/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:432), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali, peress li rrilevat li r-rikors kien ġie ppreżentat iktar minn 17‑il xahar wara n-notifika tal-att ikkontestat, mingħajr ma l-appellant invoka l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, kienet manifestament ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli minħabba tardività. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors wara notifika mingħajr suċċess permezz ta’ ittra rreġistrata beda jiddekorri fl-imsemmija kawża mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ żamma applikat mill-posta Belġjana.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li deċiżjoni tkun ġiet debitament innotifikata, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, meta hija tkun ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf biha. Hija osservat li, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jistabbilixxi prinċipju ta’ ċertezza legali li minnu jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn att amministrattiv individwali ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tad-destinatarju tiegħu sakemm dan l-att ma jkunx ġie mgħarraf debitament lil dan id-destinatarju. Billi bbażat ruħha fuq dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-imsemmija ittra nnotifikata kienet intbagħtet lura lill-ispeditur tagħha mingħajr ma ġiet irtirata, irrilevat li d-destinatarju kien irċieva din l-ittra bħala dokument mehmuż ma’ ittra elettronika tal-Parlament. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-notifika ma kinitx saret biss meta ntbagħtet l-ittra rreġistrata. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, peress li t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem ma setax jibda jiddekorri fir-rigward tad-destinatarju ħlief fil-jum li fih dan kellu għarfien sħiħ ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali kien ammissibbli (sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punti 46 sa 56).

39      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83), jekk il-preżunzjoni ta’ notifika invokata mill-Parlament hijiex applikabbli għal din il-kawża. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub dwar l-eventwali konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza u mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Il-partijiet esprimew, bil-miktub u waqt is-seduta, pożizzjonijiet diverġenti.

40      Ir-rikorrent iqis, essenzjalment, li l-imsemmija sentenza tinvalida l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ notifika. Huwa jqis, l-istess bħall-fehma espressa b’mod partikolari fil-punti 59 u 62 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2017:605), li din il-preżunzjoni tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll għad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

41      Il-Parlament isostni, għall-kuntrarju, li l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-preżunzjoni ta’ notifika tibqa’ ġġustifikata fid-dawl tad-differenzi fundamentali li jeżistu bejn il-kuntesti ġuridiċi u fattwali ta’ din il-kawża u ta’ dik li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83). Dik is-sentenza tidħol fil-kuntest tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li l-portata tagħha ma testendix għal dan ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE u lanqas għar-Regolamenti tal-Persunal. Il-Parlament jispjega fil-fatt li, fir-rigward tal-awtonomija tad-dritt tas-servizz pubbliku, għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kuntesti kontenzjużi. Minħabba l-ekwilibriju li jeżisti bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tagħha, il-preżunzjoni ta’ notifika hija ġġustifikata u adattata għal dan il-kuntest partikolari. F’dan ir-rigward, il-Parlament jinsisti b’mod partikolari fuq il-mekkaniżmu tal-Artikolu 20 tar-Regolamenti tal-Persunal li jippermetti lill-amministrazzjoni tevita kull irregolarità ta’ notifika bil-posta, peress li hija tkun taf l-indirizz tal-uffiċjali f’impjieg attiv, peress li dawn huma obbligati jikkomunikawh u jinformaw immedjatament lill-amministrazzjoni bi kwalunkwe bidla fih. Il-Parlament jenfasizza li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83) ma kinux irregolati mir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk ma kinux joffru garanziji ekwivalenti. Il-Parlament jiċħad l-idea li l-preżunzjoni ta’ notifika ċċaħħad lill-uffiċjali mid-dritt tagħhom għal azzjoni ġudizzjarja u jikkunsidra li din il-preżunzjoni hija favorevoli għalihom, peress li tipposponi l-bidu tad-dekorrenza.

42      Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Parlament jistax jinvoka l-preżunzjoni ta’ notifika stabbilita fid-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi biss li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ tliet xhur jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda b’risposta għall-ilment. Barra minn hekk, huwa paċifiku li ebda dispożizzjoni li tinsab fir-Regolamenti tal-Persunal jew fi strumenti normattivi oħra tal-Unjoni Ewropea ma tispeċifika li, fil-każ ta’ notifika mingħajr suċċess ta’ ittra rreġistrata, il-bidu tad-dekorrenza għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors jiġi pospost għall-iskadenza tat-terminu ta’ żamma ta’ din l-ittra mill-posta pjuttost milli għad-data ta’ għarfien effettiv tal-kontenut ta’ din l-ittra.

43      Fl-assenza ta’ test li jistabbilixxi tali dispożizzjoni legali, għandu jsir riferiment għall-prinċipju ta’ ċertezza legali u għall-Karta, b’mod partikolari, għad-dritt għal rimedju effettiv u għad-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali, sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-preżunzjoni ta’ notifika inkwistjoni.

44      F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha, iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu nkisru, għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

45      Skont l-ispjegazzjonijiet marbuta ma’ dan l-artikolu, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

46      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li għandu jsir riferiment għalih skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, jirriżulta li d-dritt għal qorti ma huwiex assolut. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa limitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Il-leġiżlazzjoni dwar it-termini li għandhom jiġu osservati għall-preżentata ta’ rikors hija intiża sabiex tiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Jekk il-persuni kkonċernati għandhom jistennew li dawn ir-regoli jiġu applikati, l-applikazzjoni tagħhom li ssir ma għandhiex madankollu tipprekludi lill-individwi milli jinvokaw rimedju disponibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 43; Qorti EDB, 13 ta’ Marzu 2018, Kuznetsov et vs Ir-Russja, CE:ECHR:2018:0313JUD 005635409, punt 40).

47      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar it-termini tal-proċedura previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara d-digriet tal-5 ta’ Lulju 2018, Müller et vs QH, C‑187/18 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta ma huma bl-ebda mod affettwati mill-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni rigward it-termini tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Ġunju 2020, GMPO vs Il-Kummissjoni, C‑575/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:448, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, il-preżunzjoni ta’ notifika invokata mill-Parlament ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċedura. Madankollu, min-natura tagħha, din il-preżunzjoni taffettwa ġuridikament id-destinatarju tal-att innotifikat, peress li hija tiddetermina l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u, konsegwentement, l-ammissibbiltà tiegħu. Issa, peress li l-għan tar-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors huwa li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja filwaqt li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju u l-osservanza, b’mod partikolari, taċ-ċertezza legali, tali preżunzjoni ta’ notifika għandha, qabel l-implimentazzjoni tagħha, tiġi mgħarrfa lill-persuni kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jiġu informati bil-modalitajiet tagħha u raġonevolment jipprevedu bi preċiżjoni suffiċjenti liema ser ikunu l-konsegwenzi, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, tan-nuqqas ta’ rtirar ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni.

49      Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet testwali li jirregolaw b’mod preċiż u prevedibbli d-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors fil-każ ta’ nuqqas ta’ rtirar ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċezzjoni fit-tilwim li jaqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal f’dan il-kuntest tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata tqiegħdet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tad-deċiżjoni individwali inkwistjoni.

50      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-komunikazzjoni permezz ta’ ittra rreġistrata hija prevista fl-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal f’termini li ma nbidlux sa mill-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-1962, il-preżunzjoni ta’ notifika invokata mill-Parlament hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar iż-żamma mis-servizzi postali tal-ittri rreġistrati mhux mitluba. Barra minn hekk, għaddew kważi sittin sena mill-adozzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħal barra minn hekk l-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, huma msejħa b’dejjem iktar frekwenza sabiex jużaw il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini.

51      Is-silenzju tat-testi applikabbli attwalment fis-seħħ u, b’mod partikolari, wara l-għoti tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament (C‑326/16 P, EU:C:2018:83), iċ-ċertezza legali u n-neċessità li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jipprekludu l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-preżunzjoni ta’ notifika invokata mill-Parlament.

52      Għaldaqstant, il-Parlament ma jistax isostni li n-notifika tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 titqies li seħħet fl-iskadenza tat-terminu ta’ żamma tal-ittra rreġistrata mibgħuta lir-residenza tar-rikorrent.

53      Il-Parlament innotifika wkoll din id-deċiżjoni permezz ta’ posta elettronika tat-28 ta’ Awwissu 2018, li r-rikorrent ikkonferma li rċieva mingħajr dewmien. Huwa għalhekk żbaljat li l-Parlament jallega li hija biss in-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, anki jekk din tal-aħħar ma ġietx irtirata fit-terminu mogħti mis-servizzi postali Belġjani. Ma huwiex ikkontestat li kien fit-28 ta’ Awwissu 2018 li r-rikorrent sar jaf bid-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018. It-terminu għall-preżentata ta’ rikors għalhekk beda jiddekorri mit-28 ta’ Awwissu 2018. Għaldaqstant, dan ir-rikors, ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018, ma huwiex tardiv (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, LL vs Il-Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punti 53 sa 56). Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u bbażata fuq in-natura tardiva tar-rikors.

 Fuq l-assenza ta’ konformità tar-rikors mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura

54      Il-Parlament isostni li huwa inammissibbli l-kap tat-talbiet li permezz tiegħu r-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala invalidu u inapplikabbli f’din il-kawża. Minkejja li din il-konklużjoni tista’ tinqara bħala eċċezzjoni ta’ illegalità, il-Parlament jenfasizza li din ma hija s-suġġett ta’ ebda żvilupp ulterjuri fir-rikors. Konsegwentement, il-Parlament iqis li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi ddikjarata inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Parlament jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv imqajjem mir-rikorrent, ibbażat fuq ksur tas-sistema lingwistika tal-Unjoni.

55      Għandu jitfakkar li skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u abbażi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkun fih “is-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet, u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba”. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din l-espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tar-rikorrent għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors (ara d-digriet tal-25 ta’ Settembru 2019, EM Research Organization vs EUIPO, C‑728/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:781, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sempliċi dikjarazzjoni astratta tal-motivi fir-rikors ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

56      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors jinkludi fil-punti 61 sa 67 espożizzjoni tal-argumenti legali li permezz tagħhom ir-rikorrent jikkontesta permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ibbażat fuq ksur tas-sistema lingwistika tal-Unjoni, il-legalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, id-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1”), u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din l-espożizzjoni hija suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-Parlament jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

57      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors, f’taqsima preliminari, jiddefinixxi s-suġġett tar-rikors fil-kuntest ta’ sentenza li telenka l-atti li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom, jiġifieri l-atti tas-7 ta’ Diċembru 2017 u tal-21 ta’ Diċembru 2017, l-ittri tal-1 ta’ Marzu 2018 u tat-22 ta’ Marzu 2018, id-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 kif ukoll l-avviż ta’ kompetizzjoni.

58      Wara dan l-elenku, ir-rikors jinkludi s-sentenza li ġejja: “[p]reliminarjament, tiddikjara, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal invalidu u inapplikabbli f’din il-kawża, skont l-Artikolu 277 TFUE”.

59      Din it-talba ma hija sostnuta minn ebda argument, fil-liġi jew fil-fatt, żviluppat fil-bqija tar-rikors. Għaldaqstant, ir-rikors ma jesponix l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata t-talba intiża sabiex l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi ddikjarat illegali, permezz ta’ eċċezzjoni.

60      Sabiex jirribatti l-argument tal-Parlament ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent jesponi fil-punti 19 sa 23 tar-replika tiegħu diversi argumenti intiżi sabiex juru l-illegalità tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

61      Madankollu, ir-rikorrent ma ressaq ebda ġustifikazzjoni sabiex jispjega l-produzzjoni tardiva ta’ tali argumentazzjoni.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikors ma jsemmi l-ebda argument insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, it-talba intiża sabiex l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi ddikjarat inapplikabbli għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

63      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ u tal-Artikolu 41 tal-Karta, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tar-Regolament Nru 1 u fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn il-motivi għandhom jinġabru fi gruppi sabiex jiġu eżaminati suċċessivament l-ilmenti bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 41 tal-Karta, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità u, ir-raba’, fuq ksur tas-sistema lingwistika tal-Unjoni u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

64      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 kif ukoll id-deċiżjonijiet li ppreċedewha huma vvizzjati b’motivazzjoni manifestament insuffiċjenti. Il-Parlament naqas milli jispjega għaliex ma qallux li l-att tal-kandidatura tiegħu ma kellux il-lista ta’ annessi minkejja li d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi ma kinitx intlaħqet. Jekk id-dipartimenti tal-Parlament kellhom aċċess għall-iskeda ta’ evalwazzjoni tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali tordna lill-Parlament il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti.

65      Il-Parlament jikkontesta din l-allegazzjoni.

66      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 25 tal-Istatut, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22, u tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50).

67      Att ikun immotivat suffiċjentment meta jseħħ f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu jifhem il-portata tiegħu (sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il-Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, EU:C:1983:152, punt 48; tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punt 18, u d-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs UASI, C‑12/05 P, EU:C:2006:779, punt 89).

68      Barra minn hekk, l-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu mmotivati jikkostitwixxi formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat. Jekk dawn il-motivi jkunu jinkludu żbalji, dawn jaffettwaw il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑295/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:997, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, il-motivi li wasslu għaċ-ċaħda tal-att tal-kandidatura tar-rikorrent ġew ikkomunikati lil dan tal-aħħar fl-att tas-7 ta’ Diċembru 2017 u l-motivi ta’ ċaħda tal-ilmenti tiegħu ġew stabbiliti fid-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018. Din id-deċiżjoni tindika b’mod espliċitu li din iċ-ċaħda hija mmotivata mill-assenza ta’ lista tal-annessi, minkejja li hija meħtieġa. L-imsemmija deċiżjoni tirreferi f’dan ir-rigward għall-punt 5.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni u għat-tieni parti tad-dikjarazzjoni ffirmata mir-rikorrent li jikkonfermaw li dan tal-aħħar kien informat bil-fatt li l-att tal-kandidatura kellu jkun akkumpanjat mill-imsemmija lista, taħt piena ta’ ċaħda. Dawn il-motivi huma esposti f’termini ċari, preċiżi u inekwivoċi, ta’ natura li jippermettu lir-rikorrent jifhem il-portata tagħhom, jevalwa jekk huwiex xieraq li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni bħala infondat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu ordnati miżuri istruttorji.

 Fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

70      Ir-rikorrent isostni li l-Parlament kiser il-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ stabbiliti mid-dritt primarju tal-Unjoni u fl-Artikolu 41 tal-Karta. Il-Parlament kellu jagħtih id-dritt li jesprimi ruħu bil-miktub qabel ma jiddikjara l-kandidatura tiegħu inammissibbli u jippermettilu jikkummenta bil-miktub dwar il-motivi invokati sabiex jiċħad l-ilment tiegħu. Ir-rikorrent kien ikun jista’ għalhekk jipprova jikkonvinċi lill-Parlament jeżamina l-fajl tiegħu b’mod li jiżgura ruħu li kien fih id-dokumenti rilevanti kollha u juri l-ineżattezzi kollha dwar l-evalwazzjoni tiegħu.

71      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

72      Fir-rigward tal-possibbiltà li jesprimi ruħu bil-miktub qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura, previst fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, li jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża filwaqt li huwa inqas estiż minn dawn tal-aħħar, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tagħha matul proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 34 u 36; tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punti 149 u 150, u tal-14 ta’ Diċembru 2018, UC vs Il-Parlament, T‑572/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:975, punt 86).

73      L-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandha tiġi evalwata skont, b’mod partikolari, ir-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 154).

74      Madankollu, il-persuna li tressaq ilment kontra att li jikkawżalha preġudizzju, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax, fil-prinċipju, utilment issostni li hija ma nstemgħetx fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sa fejn l-ilment għandu l-għan stess li jippermetti lill-persuna kkonċernata tifformula osservazzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, UC vs Il-Parlament, T‑572/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:975, punt 90; ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-26 ta’ Settembru 2019, Barata vs Il-Parlament, C‑71/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:793, punt 49, u s-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Barata vs Il-Parlament, T‑81/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:137, punt 109).

75      Għaldaqstant, l-argument li permezz tiegħu r-rikorrent jikkritika lill-Parlament talli ma stidnux jesprimi ruħu bil-miktub qabel ma jiddikjara l-kandidatura tiegħu inammissibbli u sabiex jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-motivi ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 ma għandux bażi legali.

76      Barra minn hekk, mill-fatti li wasslu għall-kawża esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent talab eżami ġdid tal-kandidatura tiegħu, għamel żewġ ilmenti u adixxa liċ-COPAC b’appell. B’hekk, ir-rikorrent eżerċita d-dritt tiegħu li jiddefendi l-interessi tiegħu fl-istadji kollha tal-proċedura prekontenzjuża wara l-adozzjoni tal-att tas-7 ta’ Diċembru 2017 li jiċħad l-att tal-kandidatura tiegħu bħala inammissibbli. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-rikorrent ma jistax isostni b’mod utli li ma kellux l-opportunità li jesprimi ruħu bil-miktub qabel ma l-kandidatura tiegħu ġiet iddikjarata inammissibbli u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 dwar il-motivi ta’ ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

77      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi miċħud.

 Fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità

78      Ir-rikorrent jikkritika, essenzjalment, l-eċċess ta’ formaliżmu li bih il-Parlament ċaħad l-att ta’ kandidatura tiegħu sempliċement minħabba l-assenza tal-lista ta’ dokumenti mehmuża. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Parlament li kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi naqas milli jwissih u milli jippermettilu jikkompleta l-att tal-kandidatura tiegħu billi jipprovdi l-lista tad-dokumenti annessi qabel id-data ta’ skadenza għall-preżentata tal-applikazzjonijiet u billi ma tahx l-opportunità li jirregolarizza l-att tal-kandidatura tiegħu wara din id-data. Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Parlament talli kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u wettaq abbuż ta’ dritt meta ddikjara l-att tal-kandidatura tiegħu inammissibbli għal raġuni purament formali. Ikun assurd li jiġi kkunsidrat li l-fatt li huwa jkun jista’ jirregolarizza l-att tal-kandidatura tiegħu jippreġudika l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati.

79      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

80      Id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriflettu l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u jimplikaw b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel dan, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il-Qorti tal-Awdituri, 321/85, EU:C:1986:408, punt 18).

81      Għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni, huwa, fil-prinċipju, il-kandidat f’kompetizzjoni li għandu jipprovdi lill-Bord tal-Għażla l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li huwa jqis utli għall-eżami tal-kandidatura tiegħu sabiex dan ikun jista’ jivverifika jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni, u dan a fortiori jekk ikun ġie mistieden jagħmel dan b’mod espliċitu u formali (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Colin vs Il-Kummissjoni T‑614/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:914, punt 48; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 225/87, EU:C:1989:309, punt 24).

82      Il-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi bejn l-amministrazzjoni u l-kandidat jeżiġi, l-ewwel nett, li dan tal-aħħar jaqra b’mod attentiv u serju d-dispożizzjonijiet ta’ avviż ta’ kompetizzjoni li jkunu ta’ natura kompletament ċara, preċiża u inkundizzjonata (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, EU:T:1990:36, punt 33).

83      Fir-rigward tal-amministrazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li Bord tal-Għażla, sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni humiex issodisfatti, jista’ biss jieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kandidati fl-att tal-kandidatura tagħhom u d-dokumenti ta’ sostenn li huma għandhom jipproduċu (sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T‑386/00, EU:T:2002:12, punt 74, u tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, EU:T:2004:91, punt 45). Għalhekk, Bord tal-Għażla ma huwiex obbligat jagħmel riċerki sabiex jivverifika jekk il-kandidat jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha tal-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punt 77, u tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, EU:T:2004:91, punt 49). Ma huwiex il-kompitu ta’ Bord tal-Għażla, fil-preżenza ta’ dokumenti inkompleti jew ambigwi, li jikkuntattja lill-persuna kkonċernata sabiex jiċċara dawn l-ommissjonijiet u ambigwitajiet (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1992, Almeida Antunes vs Il-Parlament, T‑54/91, EU:T:1992:65, punt 36, u tas-6 ta’ Novembru 1997, Wolf vs Il-Kummissjoni, T‑101/96, EU:T:1997:171, punt 64).

84      Għalhekk, meta d-dispożizzjonijiet ċari ta’ avviż ta’ kompetizzjoni jistabbilixxu mingħajr ekwivoku l-obbligu li mal-att tal-kandidatura jiġu annessi dokumenti ta’ sostenn, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu minn kandidat la jista’ jawtorizza u lanqas, inqas u inqas, jobbliga lill-Bord tal-Għażla jew l-Awtorità tal-Ħatra sabiex jaġixxu b’mod kuntrarju għal dan l-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il-Parlament, C‑255/90 P, EU:C:1992:153, punt 12; tat-23 ta’ Jannar 2002, Gonçalves vs Il-Parlament, T‑386/00, EU:T:2002:12, punt 74, u tal-25 ta’ Marzu 2004, Petrich vs Il-Kummissjoni, T‑145/02, EU:T:2004:91, punt 49). F’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti mitluba huwa għalhekk kawża valida ta’ nuqqas ta’ ammissjoni fil-kompetizzjoni.

85      Min-naħa l-oħra, jekk it-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni jkunu vagi jew ambigwi, l-amministrazzjoni hija f’dak il-każ obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-kandidat, konformement mad-dmir ta’ premura u mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta avviż ta’ kompetizzjoni ma jispeċifikax il-kundizzjonijiet proċedurali li għandhom jiġu ssodisfatti mid-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa. B’hekk, meta r-rekwiżiti tal-avviż ta’ kompetizzjoni jimponu biss, għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi, l-obbligu li jiġu pprovduti d-dokumenti ta’ sostenn relatati mat-taħriġ skolastiku, iżda fejn, barra minn hekk, huwa ppreċiżat li għandhom jiġu pprovduti diplomi jew provi ta’ studji ċċertifikati konformi mal-oriġinal, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-preċiżazzjoni kienet tikkostitwixxi biss “rakkomandazzjoni prattika indirizzata lill-kandidati li [ma kinux] ingħataw lura d-dokumenti kkomunikati”. F’tali ċirkustanzi, huwa l-Bord tal-Għażla li għandu jevalwa jekk id-dokumenti pprovduti mill-kandidat humiex jew le dokumenti ta’ sostenn li jippermettulu li jipparteċipa fil-kompetizzjoni (sentenza tal-25 ta’ April 1978, Allgayer vs Il-Parlament, 74/77, EU:C:1978:89, punt 4).

86      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, meta avviż ta’ kompetizzjoni jirreferi, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, għall-kunċett ta’ “dokumenti ta’ sostenn”, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, wara li interpreta dan il-kunċett b’mod strett bħala li jfisser “oriġinal jew fotokopja ċċertifikata konformi”, ma jistax, mingħajr ma jikser il-prinċipji msemmija fil-punti 80 u 85 iktar ’il fuq, jeskludi kandidat għar-raġuni li huwa pprovda biss sempliċi fotokopji, mingħajr ma jqiegħed lil dan tal-aħħar f’pożizzjoni li jipproduċi d-dokumenti ta’ sostenn addizzjonali li jistgħu jirregolarizzaw il-kandidatura tiegħu (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il-Qorti tal-Awdituri, 321/85, EU:C:1986:408, punt 20). F’tali ċirkustanzi, il-Bord tal-Għażla għandu jippermetti lill-kandidat jissottometti fotokopji ċċertifikati konformi billi jissostitwixxi s-sempliċi fotokopji inizjalment ippreżentati.

87      Permezz ta’ raġunament analogu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, meta avviż ta’ kompetizzjoni ma jispeċifikax li l-kandidat għandu jipproduċi d-dokumenti ta’ natura li jistabbilixxu l-għarfien suffiċjenti ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni, taħt piena ta’ nuqqas ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ma setax jiċħad att ta’ kandidatura akkumpanjat minn dikjarazzjoni fuq l-unur dwar il-livell lingwistiku tal-kandidat minħabba li dan l-att ta’ kandidatura ma kienx akkumpanjat minn dokumenti ta’ sostenn (sentenza tad-19 ta’ Lulju 1999, Varas Carrión vs Il-Kunsill, T‑168/97, EU:T:1999:154, punti 45 sa 57). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li n-natura ekwivoka ta’ dokument ta’ sostenn ta’ diploma ma setgħetx, waħedha, tippermetti lill-Bord tal-Għażla jiċħad kandidatura mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ipprovduti mill-kandidat fl-att ta’ kandidatura tiegħu kif ukoll l-elementi rilevanti tad-dritt tal-Istat Membru tal-għoti ta’ din id-diploma (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018, Colin vs Il-Kummissjoni, T‑614/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:914, punti 44 sa 66).

88      Dawn il-prinċipji mill-ġurisprudenza stabbiliti ferm huma applikabbli għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

89      F’dan il-każ, il-punt 5.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jeżiġi li l-kandidati jipprovdu “lista, li fiha kull dokument ta’ sostenn anness mal-kandidatura [jiġi] nnumerat u deskritt fil-qosor”, u kien jipprevedi b’mod espliċitu li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni kien ser iwassal għaċ-ċaħda tal-kandidatura.

90      Barra minn hekk, din il-kundizzjoni hija mfakkra fil-formola tal-kandidatura li kienet tinkludi d-dikjarazzjoni li ġejja:

“2. [j]iena informat(a) li l-kandidatura tiegħi tiġi miċħuda jekk nonqos milli nikkompleta t-taqsimiet kollha ta’ din il-formola ta’ applikazzjoni u milli nippreżentaha fit-terminu stabbilit, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn kollha mitluba, u b’mod partikolari lista, li fiha kull dokument ta’ sostenn anness mal-kandidatura huwa nnumerat u deskritt fil-qosor (punt 5 tal-avviż ta’ kompetizzjoni)”.

91      Dan it-test jinsab fl-aħħar nett tal-applikazzjoni ta’ kandidatura u jiġi immedjatament qabel l-ispazju rriżervat għall-firma tal-kandidat. Jidher taħt it-titolu “Dikjarazzjoni”, stampat b’ittri kapitali u b’karattri grassi, b’tali mod li ma jistax jaħrab l-attenzjoni tal-qarrej. Ir-rikorrent iffirma din id-dikjarazzjoni.

92      Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-applikazzjoni tal-kandidatura kienu ċari, preċiżi u nieqsa minn kull ambigwità. Meta ffirma l-applikazzjoni, ir-rikorrent ma setax jinjora li l-assenza ta’ lista ta’ dokumenti ta’ sostenn kienet ser twassal għaċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-Parlament bl-ebda mod ma kien marbut skont id-dmir ta’ premura jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jwissi lir-rikorrent dwar in-nuqqas li affettwa l-att tal-kandidatura tiegħu jew li jistiednu jirregolarizza din is-sitwazzjoni. Qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-applikazzjonijiet, ir-rikorrent seta’ jirregolarizza l-att tal-kandidatura tiegħu billi jissostitwixxi l-att ta’ kandidatura inizjali tiegħu b’fajl komplut, li jinkludi l-lista meħtieġa tal-annessi. F’dan il-każ, peress li r-rikorrent ippreżenta l-att tal-kandidatura tiegħu fis-27 ta’ Settembru 2017, huwa kien għad kellu disat ijiem sabiex iwettaq tali regolarizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, fl-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-atti tal-kandidatura fis-6 ta’ Ottubru 2017, l-osservanza tat-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma kinitx tippermetti lill-Parlament jistieden lil kandidat jirregolarizza att tal-kandidatura li ma jinkludix il-lista tal-annessi meħtieġa.

94      Sabiex tingħata risposta għall-argument li permezz tiegħu r-rikorrent jiddenunzja n-natura sproporzjonata ta’ tali interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ ċertifikazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi taċ-ċaħda ta’ att ta’ kandidatura meta mqabbla man-natura purament formali tal-lista nieqsa mill-annessi, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (digriet tal-14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs UASI, C‑12/05 P, EU:C:2006:779, punt 68, u s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO, T‑169/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:135, punt 122).

95      Fid-dawl, minn naħa, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal li jistabbilixxi l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni kif ukoll għall-evalwazzjoni u għall-paragun tal-merti tal-kandidaturi fil-kuntest ta’ kull proċedura ta’ selezzjoni, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam għandu jistabbilixxi biss jekk, fid-dawl tal-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni sabiex tistabbilixxi l-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar żammitx ma’ limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat jew għal finijiet oħra għajr dawk li għalihom ġiet fdata lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Novembru 2003, Faita vs CES, T‑248/02, EU:T:2003:298, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk ir-regola stabbilita fil-punt 5.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, li tgħid li kull att ta’ kandidatura għandu jkun akkumpanjat minn lista tal-annessi, taħt piena ta’ ċaħda, u li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ ċaħda tissodisfax il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

97      Għandu jiġi eżaminat jekk din ir-regola għandhiex għan leġittimu. Il-Parlament, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt id-dibattiti fis-seduta, sostna, essenzjalment, li l-imsemmija regola kienet issegwi żewġ għanijiet. L-għan prinċipali huwa li jiġi ffaċilitat it-trattament amministrattiv tal-atti ta’ kandidatura. L-għan sekondarju huwa li tiġi vverifikata l-kapaċità tal-kandidati li jsegwu struzzjonijiet ċari u inekwivoċi.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni inkwistjoni kienet intiża sabiex jintgħażlu uffiċjali li jaqgħu fil-grupp ta’ funzjonijiet AST sabiex ikunu jistgħu jaċċedu għal pożizzjonijiet ta’ amministraturi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-portata tal-kompiti amministrattivi li għandhom jitwettqu f’perijodu ta’ żmien pjuttost żgħir sabiex jiġi ggarantit l-iżvolġiment tajjeb ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni tista’ leġittimament tiġġustifika li l-amministrazzjoni teżiġi l-preżentazzjoni ta’ lista sommarja li tippermetti li jiġu vverifikati l-informazzjoni u d-dokumenti kollha sottomessi insostenn ta’ kull kandidatura. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura stess tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, għandu jiġi rrikonoxxut li ma huwiex irraġonevoli li l-kandidati li jixtiequ jaċċedu għal funzjonijiet ta’ amministraturi juru rigorożità u attenzjoni suffiċjenti sabiex isegwu l-istruzzjonijiet li jirriżultaw mit-termini ċari, preċiżi u inekwivoċi tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

99      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-għanijiet invokati mill-Parlament, intiżi sabiex jiġu amministrati b’mod effikaċi l-atti ta’ kandidatura u sabiex tiġi vverifikata l-kapaċità tal-kandidati li jsegwu struzzjonijiet ċari, preċiżi u inekwivoċi, jikkostitwixxu għanijiet leġittimi fid-dawl tal-għan tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

100    Għad irid jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-amministrazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni, il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

101    F’dan ir-rigward, lista sommarja tad-dokumenti ta’ sostenn tippermetti lill-amministrazzjoni jkollha, f’forma sintetika, sunt tad-dokumenti kollha sottomessi insostenn ta’ kull kandidatura. Il-Parlament insista ġustament, f’dan ir-rigward, fuq il-varjetà ta’ dawn id-dokumenti, b’mod partikolari mill-perspettiva lingwistika, minħabba d-diversità tan-nazzjonalitajiet tal-kandidati. Għandu jiġi rrilevat ukoll li proċedura ta’ din in-natura tinteressa numru għoli ta’ kandidati. Ċertament, minħabba n-natura interna tagħha, hija tikkonċerna numru ta’ kandidati li jista’ jidher relattivament modest meta mqabbel mal-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ li xi kultant jiġbdu bosta eluf ta’ kandidati. Madankollu, in-numru potenzjali ta’ kandidati mistennija fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ reklutaġġ xejn ma huwa negliġibbli. Għandhom jiġu enfasizzati wkoll il-limiti ta’ żmien inerenti għal tali proċedura ta’ selezzjoni. Fil-fatt, din ingħalqet 190 jum wara d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet permezz tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-kandidati magħżula.

102    Fid-dawl tal-varjetà tal-kontenuti tal-fajls, tan-numru ta’ kandidati u tal-limitazzjonijiet ta’ żmien, l-obbligu li tiġi pprovduta lista ta’ dokumenti ta’ sostenn jidher li huwa miżura xierqa sabiex tikkontribwixxi għall-ġestjoni tajba tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni. Tali rekwiżit ma jistax jitqies li jimponi piż eċċessiv jew mhux raġonevoli fuq il-kandidati. L-avviż ta’ kompetizzjoni jiġbed l-attenzjoni tal-kandidati għall-importanza li għandha tingħata lill-osservanza ta’ dan l-obbligu f’termini ċari, preċiżi u inekwivoċi, li ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra d-dmir ta’ premura.

103    Billi tipprovdi li din il-lista għandha tiġi pprovduta taħt piena ta’ ċaħda tal-att ta’ kandidatura, ir-regola stabbilita fil-punt 5.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-kandidati jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu. Huwa minnu li, peress li l-lista għandha biss funzjoni purament amministrattiva, l-assenza tagħha ma tikkostitwixxix ostakolu għall-evalwazzjoni tal-merti individwali tal-kandidati, bħalma jista’ jkun il-każ meta ma tkunx teżisti, pereżempju, prova li turi livell ta’ kwalifika jew ta’ taħriġ. Madankollu, fl-assenza ta’ tali regola, il-kandidati jkollhom inqas inċentiv sabiex jivverifikaw b’diliġenza l-istat tajjeb tal-applikazzjonijiet tagħhom. Minbarra l-fatt li l-assenza ta’ tali regola tista’ twassal, fil-prattika, sabiex jittaqqal il-kompitu tal-amministrazzjoni, ġuridikament, din tkun ta’ natura li tqajjem ambigwità rigward in-natura regolarizzabbli ta’ tali nuqqas.

104    Konsegwentement, billi adotta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-att ta’ kandidatura tar-rikorrent abbażi tar-regola stabbilita fil-punt 5.3 tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-Parlament uża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’limiti raġonevoli u ma użax is-setgħa tiegħu b’mod manifestament żbaljat jew għal finijiet differenti minn dawk li għalihom huwa kien ingħata din is-setgħa.

105    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità huwa infondat u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tas-sistema lingwistika stabbilita mir-Regolament Nru 1

106    Ir-rikorrent isostni li, billi naqas milli juża l-lingwa Portugiża fid-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 kif ukoll fl-avviż ta’ kompetizzjoni għall-eżerċizzju ta’ ċertifikazzjoni 2017, il-Parlament kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1. Huwa jallega li, minkejja li l-ġurisprudenza tawtorizza l-użu ta’ xi lingwi speċifiċi għall-bżonnijiet partikolari u ċċertifikati tas-servizz, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-adozzjoni ta’ regolament intern skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, u tal-24 ta’ Settembru 2015, L-Italja u Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑124/13 u T‑191/13, EU:T:2015:690). Fl-assenza ta’ tali regolament, ebda deroga mis-sistema lingwistika ma kienet tkun possibbli.

107    Ir-rikorrent huwa għalhekk vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbel mal-kollegi tiegħu bil-lingwa materna Ingliża, Ġermaniża jew Franċiża. Ir-rikorrent jippreċiża li dan il-motiv għandu jinftiehem bħala eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn huwa ma setax, fi stadju preċedenti, jikkontesta direttament dan l-att minħabba nuqqas ta’ interess dirett u individwali.

108    Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li, minkejja li l-ilment tiegħu ġie redatt bil-lingwa Portugiża, il-Parlament irrisponda bl-Ingliż mingħajr ma pprovda traduzzjoni.

109    Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

110    Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ regolamenti speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal, u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli ta’ proċedura tal-istituzzjonijiet, ir-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, li jikkorrispondi, essenzjalment, għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u għall-Artikolu 41(4) tal-Karta, it-testi mibgħuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma redatti, fuq l-għażla tal-ispeditur, f’waħda mil-lingwi uffiċjali, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, u r-risposta tal-istituzzjoni għandha tiġi redatta fl-istess lingwa. Inkwantu komponenti essenzjali tal-osservanza tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li l-importanza tagħha hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE kif ukoll fl-Artikolu 22 tal-Karta, id-dritt mogħti lil dawn il-persuni li jagħżlu, minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, il-lingwa li tintuża għall-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet huwa ta’ natura fundamentali (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 36).

111    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-obbligu tal-Unjoni li tirrispetta d-diversità lingwistika ma jistax jiġi dedott li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt li jiżgura lil kull persuna d-dritt li kwalunkwe ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tagħha tiġi redatta fil-lingwa tagħha fiċ-ċirkustanzi kollha u skont liema l-istituzzjonijiet huma obbligati, mingħajr ma tkun awtorizzata ebda deroga, li jużaw il-lingwi uffiċjali kollha f’kull sitwazzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    B’mod partikolari, fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistgħux jiġu imposti fuq l-istituzzjonijiet obbligi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il-Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Mill-Artikolu 1d(1) u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, għalkemm ma huwiex eskluż li l-interess tas-servizz jista’ jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati għal kompetizzjoni u l-amministrazzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali li l-għarfien tagħhom huwa l-iktar mifrux fl-Unjoni, tali limitazzjoni għandha madankollu tkun ibbażata b’mod imperattiv fuq elementi oġġettivament verifikabbli, kemm mill-kandidati għall-kompetizzjoni kif ukoll mill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Fil-kuntest ta’ avviż ta’ kompetizzjoni rriżervat għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal fis-servizz ta’ istituzzjoni, ir-rekwiżit tal-għarfien ta’ ċerti lingwi jista’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tan-natura interna ta’ din il-kompetizzjoni, peress li l-kandidati kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-ġustifikazzjoni tal-lingwi imposti għall-eżamijiet u l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq l-għażla ta’ dawn il-lingwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑566/10 P, EU:C:2012:752, punt 92, u tal-5 ta’ April 2005, Hendrickx vs Il-Kunsill, T‑376/03, EU:T:2005:116, punti 33 u 34).

115    Dawn il-prinċipji huma applikabbli fir-rigward ta’ att indirizzat lill-kandidati kollha għal proċedura ta’ ċertifikazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, irriżervata biss għall-uffiċjali li għandhom mill-inqas sitt snin ta’ anzjanità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑185/05, EU:T:2008:519, punt 132).

116    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni hija prevista fl-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull uffiċjal fil-grupp ta’ funzjonijiet AST jista’, sa mill-grad 5, jinħatar f’pożizzjoni fil-grupp ta’ funzjonijiet AD.

117    F’dan il-każ, mill-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tas-26 ta’ Settembru 2005 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, il-kandidati kellu b’mod partikolari jkollhom mill-inqas sitt snin ta’ anzjanità fil-grupp tal-funzjoni AST. Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jindika li s-sejħiet għal kandidaturi mnedija skont din id-dispożizzjoni għandhom isemmu l-importanza, għall-kandidati, li jkollhom konoxxenza adegwata ta’ mill-inqas waħda mil-lingwi li fihom huma organizzati l-programm ta’ taħriġ u t-testijiet imsemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni.

118    Fuq din il-bażi, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien isemmi din l-importanza u kien jenfasizza li l-programmi ta’ taħriġ u t-testijiet kienu ser isiru bil-Franċiż u bl-Ingliż. L-avviż ta’ kompetizzjoni kien jindika wkoll li ċ-COPAC kellu jistieden għal intervista lill-kandidati li kellhom l-aħjar riżultati, sabiex jevalwa l-kapaċitajiet lingwistiċi tagħhom bil-Franċiż jew bl-Ingliż, lingwi użati għall-programm ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 45a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

119    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li hija l-amministrazzjoni, li tibgħat deċiżjoni individwali lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, li għandha tifformulaha, skont id-dmir ta’ premura tagħha, f’lingwa li dan ikun jaf b’mod approfondit sabiex ikun jista’ jsir jaf b’mod effettiv u faċli l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punti 44 u 46, u tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑203/03, EU:T:2005:346, punti 61 u 64).

120    Għalhekk, il-fatt li dokumenti indirizzati mill-amministrazzjoni lil wieħed mill-uffiċjali tagħha jkunu redatti b’lingwa differenti mil-lingwa materna ta’ dan l-uffiċjal ma jikkostitwixxi ebda ksur tad-drittijiet tal-imsemmi uffiċjal, jekk dan ikollu għarfien tal-lingwa użata mill-amministrazzjoni li tippermettilu jifhem b’mod effettiv u faċli l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni. B’dan il-mod, in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment f’lingwa li la hija l-lingwa materna tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persuna ikkonċernat, u lanqas dik li fih ġie redatt l-ilment tista’ titqies bħala regolari bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata seta’ jkollha għarfien tagħha b’mod utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punti 44 u 45; tas-7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il-Kummissjoni, T‑118/99, EU:T:2001:44, punt 17, u tas-7 ta’ Frar 2019, Duym vs Il-Kunsill, T‑549/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:72, punt 110).

121    Issa, mid-dokumenti miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikorrent indika fil-formola ta’ kandidatura tiegħu li kellu livell “tajjeb ħafna” ta’ Ingliż, u din il-kwalifika hija l-iktar għolja mit-tlieta offruti lill-kandidati. Barra minn hekk, huwa ffirma d-dikjarazzjoni li kienet tinsab fit-tmiem tal-applikazzjoni ta’ kandidatura li kienet redatta bl-Ingliż (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Ir-rikorrent kiteb bl-Ingliż l-ilment tat-2 ta’ Frar 2018, li għalih twieġeb id-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 li huwa ttratta flimkien mal-ilment tat-13 ta’ April 2018. Barra minn hekk, ir-rikorrent kiteb f’din il-lingwa atti oħra relatati mal-eżerċizzju ta’ ċertifikazzjoni li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura, b’mod partikolari l-att tal-kandidatura tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2017 kif ukoll l-appell tat-8 ta’ Marzu 2018 ippreżentat quddiem iċ-COPAC. Mill-proċess jirriżulta wkoll li r-rikorrent uża l-lingwa Ingliża fil-komunikazzjonijiet elettroniċi tiegħu mal-amministrazzjoni sabiex jitlob eżami mill-ġdid tal-fajl ta’ kandidatura tiegħu fit-13 ta’ Diċembru 2017 kif ukoll sabiex jibgħat l-ilment tat-13 ta’ April 2018. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent, permezz ta’ posta elettronika redatta bl-Ingliż u mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra fit-13 ta’ Diċembru 2017, iddikjara b’mod espliċitu li wettaq żball meta nesa jibgħat il-lista tad-dokumenti insostenn tal-kandidatura tiegħu, mingħajr madankollu ma pprova jiskuża dan l-iżball minħabba diffikultajiet ta’ natura lingwistika li kienu jipprekluduh milli jifhem it-termini tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

122    Il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx tikkostitwixxi kompetizzjoni esterna li kellha b’mod obbligatorju tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha u miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, iżda kompetizzjoni interna rriżervata għal ċerti uffiċjali li għandhom iktar minn sitt snin ta’ anzjanità. Għalhekk huwa mingħajr ma jikser il-prinċipji mfakkra preċedentement li jirregolaw is-sistema lingwistika tal-Unjoni li l-Parlament seta’ jastjeni milli jippubblika l-avviż ta’ kompetizzjoni bil-lingwa Portugiża. Huwa wkoll mingħajr ma kiser l-imsemmija prinċipji li, f’dan l-avviż, il-Parlament talab lir-rikorrent jikkomunika miegħu b’lingwa differenti mil-lingwa Portugiża u li jkollu għarfien adegwat tal-lingwa Ingliża jew tal-lingwa Franċiża. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 1 għandha tiġi miċħuda.

123    L-argument li bih ir-rikorrent jikkritika r-redazzjoni tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 bl-Ingliż u l-assenza ta’ traduzzjoni fil-lingwa Portugiża huwa għalhekk infondat u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

124    Peress li l-ilmenti kollha indirizzati kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent ġew miċħuda fuq il-mertu fid-dawl tal-atti l-oħra u tal-ittri l-oħra li l-annullament tagħhom qiegħed jintalab f’dan il-każ, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament diretti kontra l-imsemmija atti u l-imsemmija ittri, ir-rikors huwa miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

125    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

126    Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      João Miguel Barata huwa kkundannat għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.