Language of document : ECLI:EU:T:2020:592

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Diċembru 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea BASIC – Ismijiet kummerċjali nazzjonali preċedenti basic u basic AG – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali – Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali – Deċiżjoni meħuda wara li l-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni preċedenti – Rinviju tal-każ quddiem Bord tal-Appell – Nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tar-rinviju – Artikolu 143d tar-Regolament (KE) Nru 216/96 – Rikors inċidentali”

Fil-Kawża T‑722/18,

Repsol, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J.‑B. Devaureix u J. C. Erdozain López, avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn H. O’Neill u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Basic AG Lebensmittelhandel, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Altenburg, avukata,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑22 ta’ Awwissu 2018 (Każ R 178/2018‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Basic Lebensmittelhandel u Repsol,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, V. Kreuschitz u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Diċembru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Frar 2019,

wara li rat ir-rikors inċidentali tal-intervenjenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Frar 2019,

wara li rat ir-risposta tar-rikorrenti għar-rikors inċidentali ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Lulju 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO għar-rikors inċidentali ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat it-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mill-EUIPO fl‑4 ta’ Marzu 2020 u mir-rikorrenti fis‑6 ta’ Marzu 2020,

wara s-seduta tat‑3 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid‑29 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti, Repsol, SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej, bil-kuluri blu, aħmar, oranġjo u abjad:

Image not found

3        Is-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 35 u 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 35: “Bejgħ bl-imnut ta’ tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli”;

–        klassi 39: “Servizzi ta’ tqassim ta’ prodotti tal-ikel għall-konsum bażiku, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, ġelat, ikel imħejji, tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 34/2007 tas‑16 ta’ Lulju 2007.

5        It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl‑4 ta’ Mejju 2009 bin-numru 5648159.

6        Fis‑26 ta’ Settembru 2011, l-intervenjenti, Basic AG Lebensmittelhandel, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

7        Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), u fuq l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001).

8        Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sa fejn din kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 53(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-intervenjenti invokat it-trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea segwenti, ippreżentata fil‑15 ta’ Jannar 2004, irreġistrata fid‑29 ta’ April 2005 u debitament imġedda:

Image not found

9        Din it-trade mark preċedenti kienet tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29 sa 33, 35, 42 u 43.

10      Insostenn tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, sa fejn din kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, l-intervenjenti invokat is-“sinjali ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Trade Marks u ta’ Sinjali Distinti Oħra) tal‑25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, u BGBl. 1995 I, p. 156), basic u basic AG, li hija tuża fil-kummerċ fil-Ġermanja u fl-Awstrija għall-provvista ta’ servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, prodotti kożmetiċi, prodotti organiċi u prodotti oħra ta’ konsum regolari, servizzi ta’ ristorazzjoni (ikel)”.

11      Sabiex issostni d-drittijiet tagħha fuq dawn is-sinjali ta’ negozju, l-intervenjenti annettiet serje ta’ provi mat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li jinkludu screenshots stampati mis-sit internet tagħha, ir-rapporti annwali tagħha għas-snin 2004 sa 2006, ittri ta’ fornitur, nota ta’ kunsinna, fatturi, statistiċi tal-bejgħ, affidavit magħmul minn membru tad-dipartiment tal-marketing tagħha, tabelli li juru d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet, fuljetti kummerċjali, materjal promozzjonali u ta’ reklamar, ċertifikat ta’ “imprenditur tas-sena 2006” li ngħata lil żewġ diretturi tagħha, artikoli tal-istampa mill‑2003 sal‑2006 u sentenza tal-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) tad‑9 ta’ Settembru 2006.

12      Fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-intervenjenti ċċitat ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 5 u 15 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Trade Marks u ta’ Sinjali Distinti Oħra kif ukoll deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi li jinterpretaw dawn id-dispożizzjonijiet.

13      Fl‑24 ta’ Mejju 2012, l-intervenjenti wieġbet għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fid‑29 ta’ Diċembru 2011 u pprovdiet serje ta’ provi intiżi sabiex jistabbilixxu li kien sar użu ġenwin tat-trade mark figurattiva preċedenti tal-Unjoni Ewropea riprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq. Hija ppreżentat provi addizzjonali f’anness għall-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fl‑4 ta’ Marzu 2013.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, u ddikjarat l-invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri sa fejn din kienet irreġistrata għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset li, konsegwentement, ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 53(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

15      Fit‑2 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001).

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2015, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell. Huwa qies li din tal-aħħar kienet applikat korrettament ir-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata b’mod partikolari li mill-provi prodotti mill-intervenjenti kien jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li kien sar użu fil-kummerċ tas-sinjali preċedenti basic u basic AG li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa qies li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 53(1)(a) u tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal‑11 ta’ Awwissu 2015, li ġiet irreġistrata bin-numru tal-Każ T‑609/15.

18      Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Repsol YPF vs EUIPO – Basic (BASIC) (T‑609/15, EU:T:2017:640), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal‑11 ta’ Awwissu 2015 għar-raġuni li dan tal-aħħar ma setax jikkonkludi, abbażi biss tal-provi li fuqhom huwa kien ibbaża din id-deċiżjoni, jiġifieri dawk imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq, li l-kundizzjoni li teħtieġ l-użu tas-sinjali invokati fil-kummerċ kienet ġiet issodisfatta. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tal-perijodu rilevanti, li kienet l-intervenjenti li kellha tistabbilixxi li s-sinjali basic u basic AG kienu użati fil-kummerċ fil-Ġermanja mhux biss fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, iżda wkoll fid-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Issa, għalkemm il-provi inkwistjoni kienu juru b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-imsemmija sinjali kienu użati fil-kummerċ fil-Ġermanja fl-ewwel data, mill-banda l-oħra, ma kinux jistabbilixxu li dawn kienu għadhom qegħdin jintużaw b’dan il-mod fit-tieni waħda.

19      Fl‑24 ta’ Jannar 2018, wara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, BASIC (T‑609/15, EU:T:2017:640), il-każ, abbażi tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat‑18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark Komunitarja u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal‑5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)), u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 35(4) tiegħu (li sar l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2018/625), intbagħat lura mill-President tal-Bordijiet tal-Appell quddiem it-Tieni Bord tal-Appell, bir-referenza R 178/2018‑2.

20      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell, wara li eżamina kull waħda mir-raġunijiet għal invalidità invokati mill-intervenjenti, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sa fejn din kienet tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għas-servizzi ta’ “[b]ejgħ bl-imnut ta’ tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli” li jaqgħu fil-klassi 35 u s-“[s]ervizzi ta’ tqassim ta’ tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli” li jaqgħu fil-klassi 39. Mill-banda l-oħra, huwa kkonferma din l-aħħar deċiżjoni sa fejn hija kienet tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għas-“[s]ervizzi ta’ tqassim ta’ prodotti tal-ikel għall-konsum bażiku, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, ġelat, ikel imħejji” li jaqgħu fil-klassi 39. Huwa wasal għal dawn il-konklużjonijiet b’mod partikolari wara li ħa inkunsiderazzjoni, fl-eżami tiegħu tar-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, il-provi li l-intervenjenti kienet ipproduċiet fl‑24 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

 Talbiet tal-partijiet

 Fuq it-talbiet ippreżentati insostenn tar-rikors prinċipali

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

22      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet ippreżentati insostenn tar-rikors inċidentali

23      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors inċidentali;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti fir-risposta tagħha għar-rikors inċidentali.

25      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ r-rikors inċidentali sa fejn dan huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors inċidentali sa fejn dan huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors prinċipali, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed, imqajjem prinċipalment, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(6) tar-Regolament 2017/1001). It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

27      Insostenn tar-rikors inċidentali, l-intervenjenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament. It-tieni wieħed huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.

28      L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija ssostni li l-każ ġie assenjat mill-ġdid lit-Tieni Bord tal-Appell fuq bażi legali żbaljata, jiġifieri l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tinvoka ksur tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009, essenzjalment, billi lmentat li l-Bord tal-Appell injora l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, BASIC (T‑609/15, EU:T:2017:640), billi ħa inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fl-eżami tiegħu tar-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, provi addizzjonali ppreżentati fl‑24 ta’ Mejju 2012.

29      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

30      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif barra minn hekk huwa stabbilit bejn il-partijiet, id-dispożizzjoni li abbażi tagħha l-każ kellu jiġi assenjat mill-ġdid lil Bord tal-Appell wara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, BASIC (T‑609/15, EU:T:2017:640), kienet l-Artikolu 1d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96 tal‑5 ta’ Frar 1996 li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2082/2004 tas‑6 ta’ Diċembru 2004 (ĠU 2004, L 360, p. 8), u mhux l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430.

31      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 80 tar-Regolament Delegat 2017/1430 ħassar, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 216/96, madankollu, huwa kien jipprevedi li dan kellu jkompli japplika “għall-proċedimenti li għaddejjin fejn […] ir-Regolament [Delegat 2017/1430] ma [kienx japplika] skont l-Artikolu 81 tiegħu, sa meta jiġu konklużi dawn il-proċedimenti”. Issa, mill-Artikolu 81(2)(j) tar-Regolament Delegat 2017/1430 jirriżulta li t-Titolu V tiegħu, li taħtu kien jinsab b’mod partikolari l-Artikolu 35(4) tiegħu, ma kienx japplika għall-appelli ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell qabel l‑1 ta’ Ottubru 2017. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, BASIC (T‑609/15, EU:T:2017:640), li tannulla, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal‑11 ta’ Awwissu 2015, kellha l-effett li telimina retroattivament din id-deċiżjoni mill-ordinament ġuridiku u li tagħmel l-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fit‑2 ta’ Diċembru 2013, jiġifieri qabel l‑1 ta’ Ottubru 2017, pendenti mill-ġdid.

32      L-Artikolu 1d tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, intitolat “Rinviju ta’ każ skond deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”, kien jipprevedi dan li ġej:

“1. Jekk, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [65](6) tar-[Regolament Nru 207/2009], il-miżuri li jwasslu għat-twettiq ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tħassar id-deċiżjoni, jew parti minnha, tal-Bord ta’ Appell jew tal-Bord Superjuri, jinkludu eżaminazzjoni mill-ġdid, minn naħa tal-Bordijiet ta’ Appell, tal-każ li għalih tkun ittieħdet id-deċiżjoni, il-Presidju jiddeċiedi jekk il-każ ikunx rinvijat lill-bord li jkun ħa din id-deċiżjoni, lil bord ieħor jew lill-Bord Superjuri.

2. Meta każ ikun rinvijat lil bord ieħor, dan hu magħmul b’tali mod li ma jinkludi l-ebda membru li jkun ħa sehem fid-deċiżjoni involuta. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tgħoddx jekk il-każ ikun rinvijat quddiem il-Bord Superjuri.”

33      L-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430 kien jipprevedi dan li ġej:

“Meta deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell fuq kawża tiġi annullata jew tinbidel permezz ta’ sentenza finali mill-Qorti Ġenerali jew, skont il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Bordijiet tal-Appell għandu, bil-għan li jikkonforma ma’ dik is-sentenza skont l-Artikolu 65(6) tar-Regolament […] Nru 207/2009, jerġa’ jalloka l-kawża skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lil Bord tal-Appell, li ma għandux jinkludi fih dawk il-membri li kienu adottaw id-deċiżjoni annullata, ħlief meta l-kawża tiġi riferita lill-Bord tal-Appell estiż […] jew meta d-deċiżjoni annullata tkun ittieħdet mill-[Bord tal-Appell Estiż].”

34      Għalhekk, skont l-Artikolu 1d(1) tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, id-deċiżjoni li każ jiġi assenjat mill-ġdid lil Bord tal-Appell partikolari wara sentenza ta’ annullament taqa’ taħt il-kompetenza tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell, filwaqt li, skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430, din id-deċiżjoni kienet taqa’ taħt il-kompetenza tal-President tal-Bordijiet tal-Appell. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li l-każ jiġi assenjat mill-ġdid lit-Tieni Bord tal-Appell wara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, BASIC (T‑609/15, EU:T:2017:640), ittieħdet minn awtorità li ma kinitx kompetenti sabiex tagħmel dan, f’dan il-każ il-President tal-Bordijiet tal-Appell.

35      L-EUIPO, mingħajr ma jikkontesta l-konklużjoni preċedenti, isostni li, minkejja li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ inkwistjoni saret abbażi tal-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430, fil-prattika, din kienet konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 1d tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat. Skont l-EUIPO, jista’, fil-fatt, jitqies li, f’dan il-każ, il-Presidju eżamina u approva l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ lit-Tieni Bord tal-Appell, peress li, matul il-laqgħa tiegħu tat‑23 ta’ April 2018, huwa ma qajjem l-ebda oġġezzjoni kontra din l-assenjazzjoni mill-ġdid, li ssemma f’rapport li, skont deċiżjoni tal-President tal-Bordijiet tal-Appell applikabbli sa mill‑1 ta’ Ottubru 2017, ġie approvat minn dan tal-aħħar u ppreżentat lill-Presidju sabiex jinformah bil-każijiet annullati matul perijodu partikolari u jippermettilu jagħmel kwalunkwe osservazzjonijiet fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid tagħhom.

36      Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-Presidju ġie informat b’deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid meħuda minn awtorità li ma għandhiex kompetenza, jiġifieri awtorità differenti minnu, u li huwa ma għamel l-ebda oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni ma jistax ifisser li huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala l-awtur tagħha u, għaldaqstant, li l-illegalità kkonstatata fil-punt 34 iktar ’il fuq ġiet irrimedjata. Għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li l-EUIPO ma rrefera għal ebda dispożizzjoni leġiżlattiva li tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni kuntrarja.

37      Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-EUIPO, li kien sostnut mill-intervenjenti waqt is-seduta, li r-riżultat kien ikun l-istess kieku ġie applikat, f’dan il-każ, l-Artikolu 1d tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, fis-sens li l-każ kien ukoll ġie assenjat mill-ġdid lil Bord tal-Appell fid-dawl tal-eżami mill-ġdid tiegħu, u li r-rikorrenti ma tispjegax kif l-applikazzjoni tal-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430 minflok dik tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq kienet tikkawżalha xi dannu.

38      Huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2018, Philip Morris Brands vs EUIPO – Explosal (Superior Quality Cigarettes FILTER CIGARETTES Raquel), T‑105/16, EU:T:2018:51, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-argument tal-EUIPO dwar l-effett tal-ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolament Nru 216/96, kif emendat, fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa ta’ natura totalment spekulattiva. Ċertament, skont din id-dispożizzjoni, il-Presidju assenja l-każ mill-ġdid lil Bord tal-Appell sabiex dan jiddeċiedi mill-ġdid fuqu. Ċertament ukoll, l-għażla tiegħu setgħet tkun ukoll dik tat-Tieni Bord tal-Appell. Madankollu, huwa seta’ wkoll jassenja l-każ mill-ġdid lil Bord tal-Appell ieħor, inkluż dak li kien ħa d-deċiżjoni annullata mill-Qorti Ġenerali, mingħajr, f’din l-aħħar ipoteżi, b’differenza għal dak li kien jirriżulta skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430, ma jkollu jikkomponih b’mod li ma jinkludi l-ebda wieħed mill-membri li kienu ħadu sehem f’din id-deċiżjoni. Peress li l-għażla u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Appell hija stadju qabel it-teħid ta’ deċiżjoni u għandha influwenza primordjali fuq il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, ma huwa possibbli la li jiġi affermat u lanqas li jiġi invalidat li, billi każ jintbagħat lura quddiem Bord tal-Appell ieħor, id-deċiżjoni li għandu jadotta l-imsemmi Bord tal-Appell ser tkun differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2013, Cytochroma Development vs UASI – Teva Pharmaceutical Industries (ALPHAREN), T‑106/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:340, punt 31).

40      Fl-aħħar nett, huwa għalxejn li l-EUIPO jinvoka l-fatt li r-rikorrenti ma qajmitx, quddiem it-Tieni Bord tal-Appell, il-kwistjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid tal-każ fuq bażi legali żbaljata filwaqt li, permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-Bordijiet tal-Appell tal‑24 ta’ Jannar 2018, jiġifieri kważi seba’ xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa kien ġie informat bir-rinviju tal-imsemmi każ quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell abbażi tal-Artikolu 35(4) tar-Regolament Delegat 2017/1430. Fil-fatt, din l-ittra kienet tikkostitwixxi biss sempliċi ittra ta’ informazzjoni, li ma kien fiha l-ebda stedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet eventwali.

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors prinċipali għandha tintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni parti ta’ dan il-motiv jew it-tieni motiv ta’ dan ir-rikors. Peress li dan l-annullament għandu l-effett li jċaħħad ir-rikors inċidentali, li huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, minn skop, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuqu.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

43      F’dan il-każ, skont ir-rikors prinċipali, peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, l-EUIPO u l-intervenjenti għandhom ibatu, kull wieħed minnhom, nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

44      Fir-rigward tar-rikors inċidentali, peress li n-nuqqas ta’ skop tiegħu jirriżulta mill-fondatezza tar-rikors prinċipali, hemm lok ukoll li l-EUIPO u l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, kull wieħed minnhom, għal nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat22 ta’ Awwissu 2018 (Każ R 178/20182) hija annullata.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors inċidentali.

3)      L-EUIPO u Basic AG Lebensmittelhandel għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, kull wieħed minnhom, nofs dawk sostnuti minn Repsol, SA.

Collins

Kreuschitz

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑9 ta’ Diċembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.