Language of document : ECLI:EU:C:2017:359

Kawża C-302/16

Bas Jacob Adriaan Krijgsman

vs

Surinaamse Luchtvaart Maatschappij NV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-rechtbank Noord-Nederland)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1)(c) – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar online – Trasportatur bl-ajru li informa fiż-żmien lill-aġent tal-ivvjaġġar dwar bidla fil-ħin tat-titjira – Aġent tal-ivvjaġġar li kkomunika l-imsemmija informazzjoni lil passiġġier permezz tal-posta elettronika għaxart ijiem qabel it-titjira”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-11 ta’ Mejju 2017

Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kuntratt ta’ trasport konkluż permezz ta’ aġent tal-ivvjaġġar online – Trasportatur bl-ajru li informa fiż-żmien lill-aġent tal-ivvjaġġar dwar bidla fil-ħin tat-titjira – Aġent tal-ivvjaġġar li kkomunika l-imsemmija informazzjoni lil passiġġier permezz tal-posta elettronika għaxart ijiem qabel it-titjira – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7)

L-Artikolu 5(1)(c) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportatur bl-ajru effettiv għandu l-obbligu jħallas il-kumpens previst minn dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira li fir-rigward tagħha ma ngħatatx informazzjoni lill-passiġġier mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, inkluż meta dan it-trasportatur ikun informa b’din il-kanċellazzjoni, mill-inqas ġimagħtejn qabel dan il-ħin, lill-aġent tal-ivvjaġġar li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż mal-passiġġier ikkonċernat u fejn dan tal-aħħar ma jkunx ġie informat minn dan l-aġent f’dan it-terminu ta’ żmien.

(ara l-punt 31 u d-dispożittiv)