Language of document : ECLI:EU:T:2023:834

Kawża T58/21

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

EVH GmbH

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal20 ta’ Diċembru 2023

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Swieq tal-elettriku u tal-gass Ġermaniżi – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘konċentrazzjoni waħda’ – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal smigħ – Delimitazzjoni tas-suq – Perijodu ta’ analiżi – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Impenji – Obbligu ta’ diliġenza ”

1.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Konċentrazzjoni waħda – Kunċett – Kundizzjonijiet – Operazzjonijiet interdipendenti li jagħti lil impriża waħda jew iktar il-kontroll ekonomiku, dirett jew indirett, fuq l-attività ta’ impriża waħda jew iktar – Akkwist minn impriżi indipendenti tal-kontroll ta’ miri differenti fil-kuntest ta’ skambju ta’ assi – Esklużjoni – Assenza ta’ rabta funzjonali bejn l-operazzjonijiet inkwistjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, premessa 20 u Artikolu 3(1))

(ara l-punti 82-86, 97-102)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Deċiżjoni li tawtorizza tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2, Artikolu 6(1) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 107-110, 112-116, 118, 119, 125)

3.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-terzi kkwalifikati – Dritt għal smigħ – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 18(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Artikolu 11(ċ) u Artikolu 16(1))

(ara l-punti 131-143, 146-148)

4.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ pubblikazzjoni – Portata – Pubblikazzjoni ta’ sommarju tad-deċiżjoni kontenzjuża iktar minn sena wara l-adozzjoni tagħha – Assenza ta’ effett fuq il-validità tal-imsemmija deċiżjoni

(Artikoli 15 u 296, Artikolu 297(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 6(1)(c)), Artikolu 8(2) u Artikolu 20(2).

(ara l-punti 164-168)

5.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern – Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni kkomunikata kompatibbli mas-suq intern – Marġni ta' evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2, Artikolu 6(1)(c) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 171-177)

6.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tad-data pprovduta mill-partijiet fl-operazzjoni – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2, Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 185-188)

7.      Rikors għal annullament – Stħarriġ tal-legalità – Kriterji – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att kontenzjuaż – Argumenti dwar analiżi stabbilita wara l-adozzjoni tal-imsemmi att iżda bbażata fuq data eżistenti fid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-istess att – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2 u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 194, 195, 198-201)

8.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà – Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern – Eżami mill-Kummissjoni – Analiżi li tħares ’il quddiem – Delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi – Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2(2) u (3))

(ara l-punti 230-233, 406, 407)

9.      Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Kriterji – Sostitwibbiltà tal-prodotti – Sostitwibbiltà mil-perspettiva tad-domanda – Evalwazzjoni tas-sostitwibbiltà tal-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass fil-kuntest, rispettivament, tal-provvista bażika u tal-kuntratti speċjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2)

(ara l-punti 252-274)

10.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Effett tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2)

(ara l-punti 275-277, 308)

11.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Konċentrazzjoni bejn żewġ impriżi li jipprovdu enerġija bi skambju ta’ assi – Oneru tal-prova fuq il-parti li tikkontesta d-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni – Neċessità li jiġu prodotti indizji serji tali li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li teħtieġ eżami tal-Kummissjoni – Inuffiċjenza ta’ elementi prodotti mill-parti li tikkontesta l-approċċ adottat

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2, Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 313, 314)

12.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tħalli miftuħa din id-definizzjoni – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 6(1)(b) u (ċ) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 323, 329, 336)

13.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern – Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-operazzjoni – Indiżji – Partijiet kbar tas-suq

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, premessa 32 u Artikolu 2; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punti 17 u 18)

(ara l-punti 356-359)

14.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara operazzjoni kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-operazzjoni – Oneru tal-prova fuq il-parti li tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2, Artikolu 6(1)(ċ) u Artikolu 8(2))

(ara l-punti 391-395, 400, 401, 412, 413, 421, 423, 433-435, 440, 445, 454, 465, 467)

15.    Konċentrazzjonijiet bejn impriżi – Eżami mill-Kummissjoni – Evalwazzjonijiet ta' natura ekonomika – Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

(ara l-punti 489-493)

Sunt

F’Marzu 2018, il-kumpanniji rregolati taħt id-dritt Ġermaniż RWE AG u E.ON SE ħabbru li riedu jwettqu skambju kumpless ta’ assi permezz ta’ tliet konċentrazzjonijiet (iktar il quddiem l-“operazzjoni globali”).

Permezz tal-ewwel operazzjoni, RWE, li tintervjeni tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija f’diversi pajjiżi Ewropej, xtaqet takkwista l-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON, fornitur tal-elettriku li jopera f’diversi pajjiżi Ewropej. It-tieni operazzjoni kienet tikkonsisti fl-akkwist minn E.ON tal-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċ bl-imnut tal-enerġija kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy SE, sussidjarja ta’ RWE. Fir-rigward tat-tielet operazzjoni, hija kienet tipprevedi l-akkwist minn RWE ta’ 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON.

L-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni kienu suġġetti għal kontroll mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li t-tielet konċentrazzjoni ġiet ikkontrollata mill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja).

F’April 2018, l-impriża Ġermaniża EVH GmbH, li tipproduċi l-elettriku fit-territorju Ġermaniż minn sorsi ta’ enerġija kemm konvenzjonali kif ukoll rinnovabbli, ikkomunikat lill-Kummissjoni x-xewqa tagħha li tipparteċipa fil-proċedura dwar l-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni u, konsegwentement, li tirċievi l- dokumenti relatati magħhom.

It-tieni konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Jannar 2019. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u, għaldaqstant, li kien hemm lok li tinfetaħ proċedura ta’ eżami approfondit, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004 (1). Fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni madankollu qieset, fid-dawl tal-offerta ta’ impenji ppreżentata minn E.ON sabiex tirrimedja għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni, li dawn l-impenji kienu suffiċjenti sabiex jiġu esklużi d-dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq intern Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2019, hija, konsegwentement, iddikjarat il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (2).

EVH (3) ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Billi ċaħdet dan ir-rikors fl-intier tiegħu, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha, parzjalment, fuq kunsiderazzjonijiet analogi għal dawk li wassluha tiċħad, permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Mejju 20233 (4), ir-rikors ippreżentat minn EVH kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-ewwel konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq qsim żbaljat tal-analiżi tal-operazzjoni globali, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll l-ilmenti tagħha dwar id-delimitazzjoni tal-perijodu ta’ analiżi. Mitluba, barra minn hekk, sabiex tiddeċiedi dwar żbalji differenti identifikati minn EVH bħala tali li jivvizzjaw l-analiżi ppreżentata mill-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjonijiet li waslet għalihom din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-definizzjoni tas-swieq rilevanti kif ukoll fl-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha f’dan ir-rigward billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-analiżi li għandha ssir mill-Kummissjoni skont il-prerogattivi tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad sensiela ta’ motivi bbażati fuq qsim żbaljat tal-analiżi tal-operazzjoni globali, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt ta’ din tal-aħħar għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-parteċipazzjoni fil-proċedura li EVH setgħet tippretendi skont ir-Regolament (KE) dwar l-Għaqdiet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, meta terz jitlob li jinstema’ u jkollu interess suffiċjenti f’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha tinforma lil dan tal-aħħar bin-natura u bis-suġġett tal-proċedura, sa fejn huwa neċessarju sabiex hija tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-konċentrazzjoni, mingħajr madankollu ma tagħtih dritt ta’ aċċess għall-atti kollha tal-proċess. Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti kienet taf sew bin-natura u s-suġġett tal-proċedura inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tikkomunikalha l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha u lanqas, konsegwentement, li kisret id-dritt għal smigħ tagħha.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq intern. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha mir-Regolament (KE) dwar il-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li hija msejħa tagħmel f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-eżerċizzju ta’ tali setgħa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ evalwazzjoni hekk irrikonoxxut lill-Kummissjoni.

Wara li ppreċiżat dan, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, qabel kollox, li l-eżami tal-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni investigat il-fajl ma jiżvela ebda element adattat li jsostni l-argument ta’ EVH li jgħid li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Kummissjoni għandha tirrikonċilja n-neċessità li twettaq investigazzjoni kompleta sabiex ikollha l-elementi rilevanti kollha għall-evalwazzjoni tagħha mar-rekwiżit ta’ ħeffa impost fuqha, f’kull proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li bbażat ruħha esklużivament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, fin-nuqqas ta’ indizji tal-ineżattezza tagħhom, u sa fejn din tikkostitwixxi d-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-rikorrenti tista’ tippreżenta studji mfassla speċifikament sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn ma jikkostitwixxux tentattiv li jinbidel il-kuntest ġuridiku u fattwali sottomess preċedentement lill-Kummissjoni fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, f’dan il-każ, l-istudji prodotti mir-rikorrenti huma bbażati fuq data differenti minn dik li kienet teżisti waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dawn ma jistgħux juru li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerta data. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel investigazzjoni tas-suq twettqet b’mod korrett, qabel ma kkonkludiet li l-ilment ibbażat fuq allegat assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerta data kien infondat.

Sussegwentement, wara li kkonstatat li EVH ma kellhiex raġun tikkritika lill-Kummissjoni b’delimitazzjoni żbaljata tal-perijodu ta’ analiżi għal raġunijiet relatati essenzjalment man-natura prospettiva tal-analiżi meħtieġa min-naħa ta’ din tal-aħħar, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’dan ir-rigward fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Mejju 2023, il-Qorti Ġenerali tindirizza l-eżami tal-ilmenti bbażati fuq definizzjoni żbaljata tas-swieq rilevanti (5).

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, fl-ewwel lok, dwar id-delimitazzjoni tas-swieq ta’ provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass, ikkontestata, f’dan il-każ, kemm fir-rigward tal-prodotti kif ukoll fir-rigward tal-portata ġeografika tagħhom. Meta l-Kummissjoni rrilevat, qabel kollox, li, sabiex tistabbilixxi distinzjoni fis-suq ta’ prodotti bejn il-klijenti li jibbenefikaw mill-provvista bażika u dawk li jibbenefikaw minn kuntratti speċjali, hija bbażat ruħha fuq analiżi kompetittiva tas-sostitwibbiltà bejn il-kuntratti bażiċi u l-kuntratti speċjali ta’ provvista tal-klijentela kkonċernata, ikkonkludiet, f’dan il-każ, li l-livell tagħha kien insuffiċjenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li EVH ma rnexxilhiex turi l-iżball ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kummissjoni, billi għamlet, fid-dawl tal-konstatazzjoni preċedenti, distinzjoni bejn dawn iż-żewġ modi ta’ provvista. Bl-istess mod, fid-definizzjoni tas-suq ġeografiku, il-Kummissjoni lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar fil-kuntest tal-provvista bażika kellha dimensjoni lokali, limitata għaż-żona ta’ provvista bażika kkonċernata, u li l-provvista bl-imnut tal-elettriku u tal-gass lid-djar u lill-klijenti kummerċjali żgħar fil-kuntest ta’ kuntratti speċjali kellha dimensjoni nazzjonali b’elementi lokali.

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-swieq tas-servizzi tal-għadd u tal-elettromobbiltà, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika, bil-kontra, lill-Kummissjoni talli ħalliet miftuħa l-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti rispettivament inkwistjoni, peress li hija kienet indikat b’mod espliċitu li ebda waħda mid-definizzjonijiet tas-suq ma kienet tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva wara l-konċentrazzjoni, mingħajr ma ntwera żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt. Dan japplika wkoll, skont il-Qorti Ġenerali, jekk il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi tkun xi tkun id-definizzjoni adottata, sakemm, wara l-bidliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, il-konċentrazzjoni ma tkunx tista’ tostakola iktar b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, tkun xi tkun id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-effetti fuq is-swieq ta’ provvista bl-imnut tal-enerġija elettrika u tal-gass, l-eżami tal-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha ma juri ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, sa fejn din ikkunsidrat li l-konċentrazzjoni ma tostakolax b’mod sinjifikattiv l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq ikkunsidrati, fil-kuntest tal-provvista bażika fil-Ġermanja. Minn dan l-eżami jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni analizzat b’mod suffiċjenti l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-swieq ikkunsidrati fil-kuntest ta’ kuntratti speċjali mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħolqien ta’ kapaċità jew ta’ inċentivi għal strateġija eventwali ta’ prezz b’marġni negattivi sabiex teskludi l-kompetituri ż-żgħar jew sabiex tokkupa l-ewwel postijiet fil-klassifikazzjonijiet tas-siti internet għat-tqabbil tal-prezzijiet.

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-effetti fuq is-swieq tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass, ir-rikorrenti lanqas ma għandha raġun tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx biżżejjed l-effetti tal-attivitajiet żviluppati fuq dawn is-swieq u talli tat manifestament evalwazzjoni żbaljata tagħhom, fid-dawl tal-elementi esposti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tasal għal konklużjoni analoga dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq tas-servizzi tal-għadd u tal-elettromobbiltà. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet analiżi koerenti u kompleta, inkluż barra l-awtostrada, tal-elementi kompetittivi mill-perspettiva tal-iżgħar suq konċepibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-partijiet tas-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, tal-prossimità kompetittiva tagħhom, tal-istruttura tas-suq u tal-ostakoli għad-dħul, mingħajr ma r-rikorrenti turi li d-data użata mill-Kummissjoni kienet żbaljata.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-effetti tas-soluzzjonijiet tal-klijenti bbażati fuq id-data tal-imsemmija klijenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li kisret, bi kwalunkwe mod, l-obbligu ta’ diliġenza li kellha fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.


1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).


2 Deċiżjoni C (2019) 6530 finali tas‑17 ta’ Settembru 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8870 - E.ON vs Innogy).


3      Għandu jiġi nnotat li għaxar impriżi oħra ppreżentaw ukoll rikorsi għal annullament kontra din l-istess deċiżjoni. Dawn ir-rikorsi kollha huma miċħuda, jew bħala inammissibbli (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Stadtwerke Frankfurt am Main vs Il‑Kummissjoni, T‑63/21), jew fuq il-mertu (sentenzi tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Stadtwerke Leipzig vs Il‑Kummissjoni (T‑55/21), TEAG vs Il‑Kummissjoni (T‑56/21), Stadtwerke Hameln Weserbergland vs Il‑Kummissjoni (T‑58/21), eins energie in sachsen vs Il-Kummissjoni (T‑59/21), Naturstrom vs Il‑Kummissjoni (T‑60/21), EnergieVerbund Dresden vs Il‑Kummissjoni (T‑61/21), GGEW vs Il‑Kummissjoni (T‑62/21), Mainova vs Il‑Kummissjoni (T‑64/21) u enercity vs Il-Kummissjoni (T‑65/21)).


4      Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2023, EVH vs Il‑Kummissjoni (T‑466/20, EU:T:2021:252)


5      F’dan il-każ, l-attivitajiet eżerċitati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni kkonċernata wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddistingwi, għall-finijiet tal-analiżi tagħha, bejn erba’ swieq globali, jiġifieri s-swieq rispettivi tal-elettriku u tal-gass, is-suq tas-servizzi tal-għadd kif ukoll dak tal-elettromobbiltà.