Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2023 – Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1092/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Slovak Telekom a.s (Bratislava, is-Slovakkja) (rappreżentant: J. Azud, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas lir-rikorrenti kumpens fl-ammont ta’ EUR 112 525.77 għad-dannu li din tal-aħħar ġarrbet jew, alternattivament, jekk kumpens f’dan l-ammont ma jingħatax mill-Qorti Ġenerali, tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas lir-rikorrenti kumpens ieħor fl-ammont li l-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq;

tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, li l-kumpens mogħti lir-rikorrenti mill-Qorti Ġenerali għandu jiżdied b’interessi moratorji per annum bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs, liema interessi jibdew jiddekorru mid-data li fiha r-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’din l-azzjoni, u li jkomplu jiddekorru sakemm il-Kummissjoni tħallas dan il-kumpens fl-intier tiegħu jew, alternattivament, jekk il-Qorti Ġenerali ma tordnax li jitħallsu tali interessi moratorji, tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, li l-kumpens mogħti lir-rikorrenti mill-Qorti Ġenerali għandu jiżdied b’somma oħra ta’ interessi moratorji li l-Qorti Ġenerali tqis li hija xierqa;

tordna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, li permezz tiegħu hija tallega li, skont id-deċiżjoni fil-kawżi Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni 1 , Printeos vs Il-Kummissjoni 2 u deċiżjonijiet relatati li jsir riferiment għalihom f’dawn is-sentenzi, l-eżekuzzjoni korretta tas-sentenza ta’ annullament tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 266(1) TFUE għandha tinkludi wkoll il-ħlas tal-interessi moratorji lir-rikorrenti mill-Kummissjoni. Dan ifisser li wara li parti mill-multa li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti ġiet annullata, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont l-Artikolu 266(1) TFUE, li tħallas lura lir-rikorrenti mhux biss il-parti annullata mill-multa fl-ammont ta’ EUR 776 037, iżda wkoll l-interessi moratorji marbuta mal-multa li tħallset lura.

In-nuqqas tal-Kummissjoni milli tħallas lura tali interessi moratorji jirrappreżenta ksur serju tal-Artikolu 266(1) TFUE u jiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 266(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 340(2) TFUE, u jagħti lir-rikorrenti d-dritt li, skont l-Artikolu 268 TFUE, tippreżenta dan ir-rikors għal kumpens għad-dannu li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi moratorji.

Ir-rikorrenti tallega li, kuntrarjament għall-oġġezzjoni tal-Kummissjoni, id-dritt tar-rikorrenti għall-ħlas tal-interessi moratorji ma huwiex affettwat mill-Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega 1 , u l-ammont tal-interessi moratorji għandu jiġi kkalkolat b’analoġija mal-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega.

____________

1     Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2022, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-610/19, EU:T:2022:15).

1     Sentenzi tat-12 ta’ Frar 2019, Printeos vs Il-Kummissjoni (T-201/17, EU:T:2019:81) u tal-20 ta’ Jannar 2021, Il-Kummissjoni vs Printeos (C-301/19 P, EU:C:2021:39).

1     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni  (ĠU 2012, L 362, p. 1).