Language of document : ECLI:EU:T:2023:847

(Kawża T-113/17)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Crédit agricole SA
u
Crédit agricole Corporate and Investment Bank

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tal-20 ta’ Diċembru 2023

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-imgħax denominati f’euro – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ksur uniku u kontinwu – Proċedura “ibrida” mifruxa fuq perijodu ta’ żmien – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Imparzjalità – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Deċiżjoni li temenda li tikkompleta l-motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Inapplikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ kontradittorju – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Ksur – Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41 u 48)

(ara l-punti 42 sa 51, 65 sa 71)

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Smigħ tal-impriżi – Rifjut tal-Kummissjoni li twieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-impriżi kkonċernati matul is-seduta – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 14)

(ara l-punti 54 sa 60)

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Proċedura għar-riżolviment – Proċedura li ma tinvolvix lill-parteċipanti kollha f’akkordju – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżolviment u ta’ deċiżjoni fi tmiem proċedura ordinarja b’mod mifrux fuq iż-żmien – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tad-dmir ta’ imparzjalità u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41 u 48; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 10a)

(ara l-punti 75 sa 107, 137 sa 139)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Obbligu li l-Kummissjoni teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni – Dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni magħmula matul il-proċedura amministrattiva – Dikjarazzjonijiet li jistgħu eventwalment ikunu xhieda ta’ assenza ta’ imparzjalità – Assenza ta’ effett fuq l-evalwazzjoni imparzjali tal-każ mill-Kummissjoni

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 111 sa 121)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Suġġett – Komunikazzjoni tat-tweġibiet għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kundizzjonijiet – Neċessità li ssir distinzjoni bejn id-dokumenti inkriminanti u dawk skaġunanti

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

(ara l-punti 146 sa 170)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Obbligu li l-fajl isir aċċessibbli kollu kemm hu – Limiti – Fajl li jinkludi informazzjoni kunfidenzjali li toriġina minn partijiet oħra fil-proċedura – Konċiljazzjoni tad-drittijiet tad-difiża mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità – Aċċess għall-informazzjoni skont il-proċedura ta’ sala tal-informazzjoni – Ammissibbiltà

(Artikoli 101 u 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 15)

(ara l-punti 171 sa 183)

7.      Akkordji – Ftehimiet bejn impriżi u prattiċi miftiehma – Kunċett – Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom skop antikompetittiv – Inklużjoni – Kundizzjoni – Assenza ta’ tbegħid fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda – Kundizzjoni ssodisfatta

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 213 sa 228)

8.      Akkordji – Prattika miftiehma – Kunċett – Koordinazzjoni u kooperazzjoni inkompatibbli mal-obbligu għal kull impriża li tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq – Skambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri – Skambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn operaturi tas-suq ta’ istituzzjonijiet finanzjarji – Skambji relatati mat-tentattivi ta’ manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambji dwar il-pożizzjonijiet ta operar u dwar l-istrateġiji fil-qasam ta’ prezzijiet fis-settur tal-prodotti indiċjati fuq l-Euribor jew fuq l-EONIA – Assenza ta’ effetti favur il-kompetizzjoni pprovati, rilevanti, speċifiċi għall-ftehim ikkonċernat u suffiċjentement sinjifikattivi – Skambji li għandhom grad ta’ noċovità suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni minħabba l-għan

Artikolu 101(1) TFUE

(ara l-punti 238 sa 254, 260 sa 335)

9.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Imputabbiltà lil impriża tal-aġir tal-impjegati tagħha – Kundizzjonijiet – Impjegati li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom favur u taħt id-direzzjoni tal-impriża

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 338 sa 350)

10.    Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu – Kundizzjonijiet – Prattiki u aġir li jikkostitwixxu ksur li jifformaw parti minn pjan ġenerali – Evalwazzjoni – Kriterji – Kontribuzzjoni għall-għan uniku tal-ksur – Għarfien jew prevedibbiltà tal-pjan globali tal-akkordju u tal-elementi prinċipali tiegħu

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 353 sa 364, 375 sa 432)

11.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Ksur kontinwu

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 438 sa 449)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta – Kriterji ta' evalwazzjoni

(Artikoli 101(1) u 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3) u Artikolu 31)

(ara l-punti 459, 460, 656 sa 683)

13.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-Linji Gwida – Valur ta’ sostituzzjoni stabbilit abbażi tad-dħul tal-flus skontat bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis – Insuffiċjenza tal-motivazzjoni relatata mad-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 13 u 37)

(ara l-punti 474 sa 488, 496 sa 512)

14.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni – Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda – Inammissibbiltà

(Artikoli 101 (1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 519 sa 526)

15.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Applikazzjoni tal-metodoloġija prevista mil-Linji Gwida – Valur ta’ sostituzzjoni stabbilit abbażi tad-dħul tal-flus skontat bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis – Kalkolu tad-dħul fi flus tal-impriżi involuti fl-istess ksur skont metodi eteroġenji – Effett negliġibbli fuq il-valuri magħżula – Ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 532 sa 556, 571 sa 587)

16.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Obbligu li l-Kummissjoni tivverifika l-informazzjoni kollha trażmessa – Assenza – Indizji suffiċjenti sabiex ikun hemm dubju dwar l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta – Obbligu li l-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ investigazzjoni addizzjonali

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18)

(ara l-punti 559 sa 569)

17.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Tariffa tad-dħul – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 25)

(ara l-punti 617-624)

18.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Livell inqas intens ta’ parteċipazzjoni fil-ksur meta mqabbel mal-parteċipazzjoni tal-atturi prinċipali – Tnaqqis ta’ 10 fil-mija tal-ammont bażiku – Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

(ara l-punti 628 sa 652)

Sunt

Fl-2011, il-grupp bankarju Barclays ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea talba għal klemenza, fejn informaha bl-eżistenza ta’ kartell fis-settur tal-prodotti dderivati tar-rati ta’ imgħax denominati f’euro (Euro Interest Rate Derivatives, iktar’ il quddiem l-“EIRD”).

Dawn l-EIRD huma indiċjati fuq l-Euribor (Euro Interbank Offered Rate), grupp ta’ rati ta’ imgħax ta’ referenza intiżi li jirriflettu l-ispiża tas-self interbankarju denominat f’euro, jew fuq l-EONIA (Euro OverNight Index Average), li kienet taqdi funzjoni ekwivalenti għall-Euribor, iżda fir-rigward tar-rati ta’ kuljum. Ir-rata Euribor hija bbażata fuq il-kwotazzjoni individwali indikata mill-banek li jiffurmaw parti mill-bord kompost minn 47 istituzzjoni finanzjarju (iktar’ il quddiem il-“Bord Euribor”).

Wara li l-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur, l-istituzzjonijiet finanzjarji Barclays, Deutsche Bank, Royal Bank of Scotland u Société générale ddeċidew li jipparteċipaw fi proċedura għar-riżolviment b’applikazzjoni tal-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (1). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat, fl-4 ta’ Diċembru 2013, deċiżjoni (2) li tikkonstata li dawn l-istabbilimenti kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu li l-għan tiegħu kien il-bdil tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD.

Peress li l-istituzzjonijiet finanzjarji Crédit agricole SA u Crédit agricole Corporate and Investment Bank (iktar’ il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Crédit agricole”), JP Morgan u HSBC ma ssottomettewx proposta ta’ riżolviment, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha kontrihom.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 (3), il-Kummissjoni kkonstatat li Crédit agricole kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, mis-16 ta’ Ottubru 2006 sad-19 ta’ Marzu 2007, fi ksur uniku u kontinwu li bħala għan kellu l-bdil tal-kors normali tal-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-EIRD u imponitilha multa ta’ EUR 114 654 000.

Skont il-Kummissjoni, l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Crédit agricole kien jikkonsisti fi skambji bejn l-operaturi tas-suq tagħha u operatur tas-suq ta’ istituzzjoni finanzjarja oħra li tifforma parti mill-Bord Euribor li kienu jirrigwardaw, essenzjalment, il-manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet tal-banek tagħhom lill-imsemmi bord għall-finijiet tal-kalkolu tal-Euribor, pożizzjonijiet ta’ operar f’dak li jirrigwarda l-EIRD u l-intenzjonijiet u l-istrateġiji tagħhom fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet tal-EIRD.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, Crédit agricole titlob, minn naħa, l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

Wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li emenda (4)sabiex tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tas-sentenza HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni, mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’kawża konnessa (5).

Permezz tas-sentenza tagħha, l-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tippreċiża l-kriterji li jippermettu li tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi prattiki antikompetittivi, b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni, fis-settur tal-prodotti finanzjarji. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi multa fuq Crédit agricole. Sussegwentement hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tiegħu u timponi fuq Crédit Agricole multa ta’ ammont stabbilit għal EUR 110 000 000.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Peress li Crédit agricole invokat b’mod partikolari ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tal-prinċipju ta’ kontradittorju minħabba l-assenza ta’ tweġiba, waqt is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta, għal uħud mill-mistoqsijiet tagħha dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjoni prevista, il-Qorti Ġenerali tosserva li, filwaqt li l-uffiċjal tas-seduta jista’, b’mod fakultattiv, jawtorizza li l-partijiet jagħmlu mistoqsijiet waqt is-seduta, l-għan prinċipali tal-imsemmija seduta huwa li tingħata l-possibbiltà, b’mod partikolari lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jiżviluppaw il-perspettiva tagħhom dwar il-konstatazzjonijiet preliminari tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipprovdi, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, preċiżazzjonijiet dwar il-mod li bih hija għandha l-intenzjoni timplimenta l-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża ta’ Crédit agricole billi organizzat l-aċċess tagħha għal ċerti dokumenti tal-fajl li joriġinaw minn partijiet oħra permezz ta’ sala ta’ informazzjoni. Fil-fatt, peress li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx tilfet in-natura kunfidenzjali tagħha minkejja li kienet antika, il-proċedura ta’ sala ta’ informazzjoni kienet tikkostitwixxi għodda xierqa sabiex id-drittijiet tad-difiża ta’ Crédit agricole jiġu rrikonċiljati mal-interessi ta’ kunfidenzjalità li setgħu jiġu invokati mill-banek l-oħra li pprovdew din id-data. Barra minn hekk, Crédit agricole ma wrietx li hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża aħjar li kieku kisbet direttament aċċess sħiħ għall-imsemmija informazzjoni minflok permezz tal-konsulenti esterni tagħha.

Il-Qorti Ġenerali sussegwentement tikkonferma l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur imputabbli lil Crédit agricole.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-iskambji bejn l-operaturi tas-suq użati fil-konfront ta’ Crédit agricole fid-deċiżjoni kkontestata jiżvelaw b’mod ċar il-komunikazzjoni tal-preferenzi ta’ rati, tal-pożizzjonijiet ta’ operar assoċjati magħhom u tal-offerta jew tal-intenzjoni tal-operaturi tas-suq ta’ Crédit agricole li jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet tal-bank tagħhom lill-Bord Euribor.

Barra minn hekk, l-argumenti mressqa minn Crédit agricole intiżi li juru r-rwol minuri li din l-istituzzjoni kellha fil-manipulazzjonijiet inkwistjoni huma ineffettivi, peress li dawn l-elementi, relatati man-numru u mal-intensità tal-aġiri antikompetittivi, ma humiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa ta’ impriża, iżda biss għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti u, jekk ikun il-każ, għad-determinazzjoni tal-multa.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ksur uniku adottata mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li tliet elementi huma determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża pparteċipat f’tali ksur:

i) id-diversi aġir inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt “pjan ġenerali” li għandu għan uniku;

ii) l-impriża ried ikollha għarfien tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur ippjanat jew implimentat minn impriżi oħra fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta li taċċetta dan ir-riskju tagħhom;

iii) l-impriża ried ikollha l-intenzjoni li tikkontribwixxi, bl-aġir rispettiv tagħha, għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha.

Fir-rigward tal-ewwel element, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-iskambji kollha inkwistjoni jifformaw parti mill-għan uniku, kif ikkunsidrat mill-Kummissjoni, li l-flussi tal-flus dovuti abbażi tal-EIRD jiġu influwenzati għad-detriment tal-atturi tas-suq li ma jipparteċipawx f’dawn l-iskambji.

Fir-rigward tat-tieni element, il-Qorti Ġenerali tindika li l-Kummissjoni kellha provi diretti li juru li Crédit agricole kienet konxja li hija kienet qiegħda tipparteċipa ma’ banek oħra f’azzjonijiet miftiehma intiżi li jimmanipulaw ir-rata Euribor sabiex tbiddel il-flussi tal-flus dovuti abbażi tal-EIRD. Fil-fatt, mill-elementi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-operaturi tas-suq tagħha kienu jafu jew setgħu raġonevolment jipprevedu li l-iskambji tagħhom intiżi sabiex jimmanipulaw ir-rata Euribor kienu jifformaw parti minn “pjan ġenerali” li jmur lil hinn mill-kuntest tal-iskambji bilaterali.

Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-iskambji dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġiji fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet, li għalihom il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi stabbilit li Crédit agricole kienet taf jew kellha tkun taf bil-fatt li dawn kienu jmorru lil hinn mill-kuntest bilaterali u kienu jifformaw parti minn pjan ġenerali li jinvolvi wkoll banek oħra. Fir-rigward ta’ dawn l-iskambji, Crédit agricole ma setgħetx tiġi imputata b’parteċipazzjoni fil-ksur uniku.

Fir-rigward tat-tielet element, mill-iskambji użati mill-Kummissjoni kontra Crédit agricole jirriżulta li l-operaturi tas-suq involuti kellhom l-intenzjoni li jwettqu prattiki antikompetittivi.

Peress li kkonfermat parzjalment il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba għal annullament sa fejn il-konstatazzjoni ta’ ksur kienet ikkonċernata, sa fejn din hija ġġustifikata b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-konstatazzjonijiet li ma humiex ivvizzjati bi żball. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi multa ta’ EUR 114 654 000 fuq Crédit agricole.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva, minn naħa, li din is-sanzjoni ma tirriflettix il-parteċipazzjoni ta’ Crédit agricole fil-ksur uniku u kontinwu, peress li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta imputatilha l-aġiri tal-banek l-oħra relatati mal-iskambji dwar l-intenzjonijiet u l-istrateġiji fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet li ma seħħewx fil-perspettiva tal-manipulazzjonijiet tar-rati.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Crédit agricole hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Crédit agricole, fuq id-dħul tal-flus skontat bħala valur ta’ sostituzzjoni għall-valur tal-bejgħ, hija ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom il-fattur ta’ tnaqqis applikat għal dan id-dħul ġie stabbilit għal 98.849 %. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li ma kienx possibbli għaliha, fil-prattika, li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt dwar dan il-punt, il-motivazzjoni addizzjonali mogħtija f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni li temenda, li min naħa tagħha ma temendax id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma tista’ tiġi aċċettata.

Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti peress li, minkejja indizji suffiċjenti sabiex tiġi ddubitata l-uniformità tal-metodoloġiji segwiti mill-banek ikkonċernati għall-kalkolu tad-dħul tal-flus tagħhom, hija ma adottatx miżuri ta’ investigazzjoni addizzjonali. Madankollu, tali ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk Crédit Agricole jirnexxila turi li l-konsegwenzi tad-diverġenzi metodoloġiċi inkwistjoni kienu li l-ammonti bażiċi tal-multi imposti jkunu ġew ikkalkolati bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Issa, fid-dawl tal-effett negliġibbli tal-imsemmija diverġenzi fuq il-livell tad-dħul tal-flus, dawn ma humiex ta’ natura li jwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ.

Fl-aħħar nett, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali teżamina t-talbiet ta’ Crédit agricole għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

Filwaqt li tenfasizza li l-iffissar ta’ multa skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż, il-Qorti Ġenerali tuża, l-istess bħall-approċċ segwit mill-Kummissjoni, il-valur tad-dħul tal-flus imnaqqas bħala data inizjali għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, sa fejn dan il-valur jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż tal-impriża fil-ksur.

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ tnaqqis, li l-applikazzjoni tiegħu hija neċessarja sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multa dissważiva wisq, il-Qorti Ġenerali tosserva li huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan il-fattur jammonta għal mill-inqas 98.849 %.

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, sa fejn l-aġiri inkwistjoni kien jirrigwardaw il-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-EIRD, dawn jgħoddu, minħabba n-natura tagħhom, mar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi. Barra minn hekk, il-prattiki inkwistjoni huma partikolarment gravi u dannużi sa fejn dawn jistgħu mhux biss joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti tal-EIRD, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, jikkompromettu l-fiduċja fis-sistema bankarja u fis-swieq finanzjarji fit-totalità tagħhom kif ukoll il-kredibbiltà tagħhom.

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li huwa ċertament minnu li r-rwol ta’ Crédit agricole fil-ksur kien inqas importanti minn dak tal-atturi prinċipali. Madankollu, il-parteċipazzjoni tagħha fl-aġiri li jikkostitwixxu ksur kienet intenzjonali. Barra minn hekk, l-aġiri inkwistjoni huma kkaratterizzati minn gravità ikbar. Konsegwentement, l-effett taċ-ċirkustanzi attenwanti kkunsidrati jista’ jkun biss marġinali.

Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 110 000 000.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din timponi multa fuq Crédit agricole, tiffissa l-ammont tal-multa għal EUR 110 000 000, u tiċħad il-kumplament tar-rikors.


1      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).


2      Id-Deċiżjoni C(2013) 8512 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro [(EIRD]) (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżolviment”).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 finali tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 - Derivattivi tar-rati tal-imgħax f’euro (EIRD)) (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 4610 finali tat-28 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-deċiżjoni kkontestata.


5      Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (T‑105/17, EU:T:2019:675). Dik is-sentenza ġiet parzjalment annullata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11).