Language of document : ECLI:EU:T:2007:250

Kawża T-35/06

Honig-Verband eV

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Rikors għal annullament — Regolament (KE) Nru 1854/2005 — Indikazzjoni ġeografika protetta — ‘Miel de Provence’ — Att ta’ applikazzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

(Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikolu 7; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1854/2005)

Huwa inammissibbli r-rikors għal annullament imressaq minn assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ l-għasel, stabbilita fil-Ġermanja, kontra r-Regolament Nru 1854/2005, li jikkompleta l-anness tar-Regolament 2400/96 f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ isem fir-“Reġistru ta’ denominazzjoni protetta ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” li jinsab fir-Regolament Nru 2081/92, safejn dan jirreġistra, bħala indikazzjoni ġeografika protetta, l-isem “Miel de Provence”.

Minn naħa, fil-fatt, dan ir-regolament jikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni ġenerali fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, peress li, billi jirrikonoxxi lill-impriżi kollha, li l-prodotti tagħhom jissodisfaw r-rekwiżiti ġeografiċi u kwalitattivi preskritti, id-dritt li jikkumerċjalizzawhom taħt l-isem imsemmi iktar’il fuq, u billi jiċħad dan id-dritt lil dawk kollha li l-prodotti tagħhom ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet, li huma identiċi għall-impriżi kollha, dan japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u jipproduċi l-effetti ġuridiċi tiegħu fil-konfront ta’ kategoriji ta’ persuni kkontemplati b’manjiera astratta.

Min-naħa l-oħra, għalkemm mhuwiex eskluż li dispożizzjoni li hija, minħabba n-natura u l-applikazzjoni tagħha, ta’ natura leġiżlattiva, tista’ tirrigwarda individwalment persuna fiżika jew ġuridika meta din taffettwaha, minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjaha minn kull persuna oħra, u minħabba dan, tindividwalizzaha bl-istess mod bħad-destinatarju ta’ deċiżjoni, dan mhuwiex il-każ f’dan il-każ.

L-ewwel nett, fil-kuntest tal-proċedura ta’ oġġezzjoni prevista mir-Regolament Nru 2081/92, il-garanziji proċedurali mogħtija lill-individwi jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri u mhumiex applikabbli fil-konfront tal-Kummissjoni, b’mod li l-imsemmi regolament ma jistabbilixxix, fil-livell Komunitarju, garanziji proċedurali speċifiċi favur individwi, u li għaldaqstant, l-imsemmija assoċjazzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq dawn il-garanziji proċedurali.

It-tieni nett, il-fatt li att ta’ applikazzjoni ġenerali jista’ jkollu effetti konkreti differenti għad-diversi suġġetti tad-dritt li fil-konfront tagħhom huwa japplika mhuwiex ta’ natura li jikkaratterizzahom mill-operaturi l-oħra kkonċernati meta, bħal f’dan il-każ, l-att jiġi applikat abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata.

It-tielet nett, il-fatt li rikorrenti tinstab, fil-mument li fiħ jiġi adottat regolament li jirreġistra denominazzjoni ta’ oriġini, f’sitwazzjoni fejn ikollha tipproċedi għal tibdiliet fl-istruttura ta’ produzzjoni tagħha sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, mhuwiex biżżejjed sabiex hija tkun ikkonċernata individwalment b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ att.

(ara l-punti 39, 41-43, 47, 53-54, 57, 61-62)