Language of document : ECLI:EU:T:2010:61

Kawża T-36/06

Bundesverband deutscher Banken eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Trasferiment ta’ assi pubbliċi favur il-Landesbank Hessen — Thüringen Girozentrale — Deċiżjoni li tikkonstata li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna — Kriterju ta’ investitur privat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Diffikultajiet serji”

Sommarju tas-sentenza

Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni

(Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3 KE)

Il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, li tagħti lill-Istati Membri u lis-setturi kkonċernati l-garanzija li jinstemgħu u li tippermetti li l-Kummissjoni tkun kompletament informata bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma’ tieħu d-deċiżjoni tagħha, hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk il-miżura tal-Istat hijiex kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha għall-fażi preliminari tal‑Artikolu 88(3) KE sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli dwar miżura ta’ Stat biss jekk hija f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, wara eżami preliminari, li din il‑miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew inkella, jekk tikkwalifika bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq komuni.

Għalkemm is-setgħa tal-Kummissjoni hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tinfetaħ din il-proċedura, il-Kummissjoni tista’, skont il-finalità tal‑Artikolu 88(3) KE u skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, tiftaħ diskussjoni mal-Istat li nnotifika l-għajnuna u ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il‑proċedura ta’ eżami preliminari, diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom. Madankollu, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. Il‑kwistjoni dwar jekk jeżistux tali diffikultajiet tirrikjedi investigazzjoni kemm taċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat l-att ikkontestat kif ukoll tal-kontenut tiegħu, u din għandha ssir b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn ir-raġunijiet għad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal‑għajnuna kkontestata mas-suq komuni. Ir-rikorrent għandu l-oneru li jipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u jista’ jinħeles minn tali oneru billi jippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat ma għandhiex tiġi konfuża mal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, l-eżami tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma jeżiġix li jsir magħruf jekk il‑Kummissjoni applikatx b’mod korrett l-Artikolu 87 KE iżda li jiġi stabbilit jekk hija kellhiex, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni suffiċjentement kompluta sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq komuni.

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma weġbitx għal ċerti ilmenti li tressqu mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ kawża paralleli ma jimplikax li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti deċiżjoni dwar il-miżura inkwistjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li għalhekk kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tikkompleta l-investigazzjoni tagħha. Fil-fatt, kull argument imqajjem minn parti kkonċernata fil-kuntest ta’ proċedura separata relatata ma’ fatti simili ma huwiex neċessarjament ta’ natura li jagħti lok għal diffikultajiet serji li jeżiġu l‑ftuħ tal-proċedura formali. Meta, bħal fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet simili, u, matul tali proċedura, ġiet diskussa l-importanza ta’ ċerti karatteristiċi komuni għat-tranżazzjonijiet kollha, jista’ jiġi kkunsidrat li mhux biss talli l‑Kummissjoni kellha, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni li kienet tippermettiha tevalwa r-rilevanza tal-imsemmija karatteristiċi, iżda talli kull persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija kienet tqis neċessarju f’dan ir‑rigward.

(ara l-punti 125-127, 129-131)