Language of document : ECLI:EU:T:2021:628

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Settembru 2021 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati mal-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat wara deċiżjoni li tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki – Interess pubbliku superjuri – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑569/19,

AlzChem Group AG, stabbilita fi Trostberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Borsos u J. Guerrero Pérez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 5602 final tat‑22 ta’ Lulju 2019 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dokumenti relatati mal-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat wara deċiżjoni li tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu-Matei (Relatur) u R. Mastroianni, Imħallfin,

Reġistratur: I. Pollalis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1826 tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33797 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentata mis-Slovakkja għall-NCHZ (ĠU 2015, L 269, p. 71), il-Kummissjoni Ewropea qieset b’mod partikolari li Novácke chemické závody, a.s. (iktar ’il quddiem “NCHZ”), impriża kimika Slovakka, kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment tagħha. Hija ddeċidiet li din l-għajnuna kellha tiġi rrimborsata minn NCHZ kif ukoll minn Fortischem, a.s., bħala suċċessur ekonomiku.

2        Ir-rikorrenti, AlzChem Group AG, hija impriża Ġermaniża attiva fil-qasam tal-kimika, li intervjeniet bħala parti interessata fil-proċedura li wasslet għad-Deċiżjoni 2015/1826.

3        Id-Deċiżjoni 2015/1826 kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament parzjali. Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Fortischem vs Il‑Kummissjoni (T‑121/15, EU:T:2019:684), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala infondat. Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni (T‑284/15, EU:T:2018:950), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2015/1826.

4        Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Din it-talba kienet tirrigwarda d-dokumenti rilevanti miżmuma mill-Kummissjoni, fosthom, b’mod partikolari, Excel spreadsheets, dokumenti Word jew databases interni li jinkludu informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tal-proċedura ta’ rkupru u l-ammont tal-għajnuna mill-Istat irkuprata mir-Repubblika Slovakka wara d-Deċiżjoni 2015/1826 (iktar ’il quddiem id-“dokumenti mitluba”).

5        Il-Kummissjoni ċaħdet din l-applikazzjoni permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ April 2019, minħabba li din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija rrilevat ukoll li ebda argument ma jista’ jistabbilixxi l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma tressaq u li aċċess parzjali ma kienx possibbli.

6        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti indirizzat lill-Kummissjoni applikazzjoni konfermatorja, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija kkontestat ir-rifjut tal-Kummissjoni billi sostniet, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tagħha ma kienet tikkonċerna ebda dokument li jaqa’ fil-kamp tal-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni u li kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Barra minn hekk, hija talbet aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti jew aċċess għalihom fil-bini tal-Kummissjoni.

7        Fil‑11 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li l-applikazzjoni konfermatorja tagħha kienet qiegħda tiġi pproċessata, iżda li ma kinitx ser tingħatalha risposta fit-terminu previst u li t-terminu sabiex tingħata risposta għal din l-applikazzjoni talba kien ġie estiż bi ħmistax-il jum ta’ xogħol, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl‑1 ta’ Lulju 2019, hija indikat lir-rikorrenti li l-elementi kollha neċessarji għall-analiżi kompleta tal-applikazzjoni tagħha u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ma setgħux jiġu ssodisfatti u li kienet ser tintbagħtilha deċiżjoni finali kemm jista’ jkun malajr.

II.    Id-deċiżjoni kkontestata

8        Permezz tad-Deċiżjoni C(2019) 5602 final tat‑22 ta’ Lulju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti mitluba, billi qieset li dawn kienu jaqgħu, minn naħa, fl-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, u, min-naħa l-oħra, dik prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

9        Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni qieset li d-dokumenti mitluba ma kinux jagħmlu parti biss mill-fajl amministrattiv dwar l-investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, iżda kienu jirrigwardaw ukoll investigazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat illegali.

10      Minn naħa, il-Kummissjoni osservat li, skont il-ġurisprudenza, kienet teżisti preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kien jippreġudika l-għanijiet tal-investigazzjonijiet dwar tali għajnuna, anki jekk il-proċedura kienet magħluqa. Hija qieset li d-dokumenti mitluba, li jinkludu informazzjoni dwar l-istat ta’ progress tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni li kellha ssir mill-awtoritajiet Slovakki skont id-Deċiżjoni 2015/1826, kienu jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar din l-għajnuna, li ma kinitx ġiet kompletament irkuprata.

11      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreċiżat li, matul il-fażi ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istat, hija tiżgura, bl-għajnuna attiva tal-Istat Membru kkonċernat, l-implimentazzjoni korretta tad-deċiżjoni li tikkonċerna din l-għajnuna u, għaldaqstant, l-azzjonijiet tagħha u l-miżuri meħuda kienu intrinsikament marbuta mal-investigazzjoni tagħha dwar din l-għajnuna fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, hija indikat li l-fażi ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat kienet seħħet fil-kuntest ta’ proċedura strutturata u fformalizzata li kienet tikkostitwixxi investigazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Hija qieset li, peress li l-assenza ta’ osservanza tad-deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat setgħet twassal għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-fażi tal-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni kellha titqies bħala proċedura prekontenzjuża simili għall-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. Għaldaqstant, l-iżvelar lill-pubbliku tad-dokumenti mitluba jista’ jippreġudika d-djalogu mibdi mar-Repubblika Slovakka, li għall-finijiet tiegħu kien essenzjali ambjent ta’ kunfidenza.

12      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni rrilevat li l-ġurisprudenza kienet irrikonoxxiet preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tad-dokumenti li jagħmlu parti minn wieħed mill-fajls tagħha, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal aċċess kinitx tikkonċerna proċedura ta’ stħarriġ magħluqa jew pendenti. F’dan il-każ, id-dokumenti mitluba juru informazzjoni ddettaljata dwar l-istat ta’ progress u d-diversi stadji tal-proċess ta’ rkupru mibdi mill-impriżi kkonċernati. Din l-informazzjoni kummerċjali hija sensittiva. Fid-dawl tan-natura bilaterali tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat illegali, żvelar prematur ta’ dokumenti relatati mal-istat ta’ progress tal-proċess ta’ rkupru mill-impriżi kkonċernati, qabel l-irkupru effettiv ta’ din l-għajnuna, jippreġudika lil dawn tal-aħħar u jippreġudika b’mod definittiv l-għanijiet tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat pjuttost milli jikkontribwixxi għat-trasparenza.

13      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal aċċess parzjali minħabba l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli għad-dokumenti mitluba.

14      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li l-kunsiderazzjonijiet invokati mir-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri kienu pjuttost ġenerali. Fil-fehma tagħha, il-fatt li d-dokumenti mitluba kienu relatati ma’ investigazzjoni ta’ natura amministrattiva u li ma kinux jikkonċernaw atti leġiżlattivi, li għalihom l-eżistenza ta’ iktar trasparenza kienet ġiet irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza, u l-fatt li hija tippubblika l-informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni wara t-tlestija definittiva tal-proċedura ta’ rkupru, li l-ammont imħallas lura tagħhom, dak mitluf u dak tal-interessi rkuprati jsostnu iktar u iktar il-konklużjoni tal-assenza ta’ interess pubbliku superjuri f’dan il-każ.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Awwissu 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑23 ta’ Marzu 2021.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tar-rifjut li jingħata aċċess għad-dokumenti mitluba f’verżjoni mhux kunfidenzjali jew fil-bini tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 10 tal-istess regolament.

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-identifikazzjoni tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati u dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors

20      Ir-rikorrenti ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar ir-Regolament Nru 1049/2001 tidher li għandha ċertu numru ta’ inkoerenzi u kontradizzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-att li jista’ jiġi kkontestat u tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. B’hekk, l-analiżi tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari tas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511), tippermetti li jiġi konkluż li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa ddeterminat mill-aħħar jum li matulu l-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni. Skont ir-rikorrenti, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata hija datata t‑22 ta’ Lulju 2019, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mill‑5 ta’ Ġunju 2019, peress li l-assenza ta’ risposta f’din id-data għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva skont l-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament.

21      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-att li jista’ jiġi kkontestat, meta l-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni fit-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan l-att ikun, skont iċ-ċirkustanzi, jew id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut, jew kemm id-deċiżjoni impliċita kif ukoll id-deċiżjoni espliċita, jew id-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut. Għaldaqstant, ir-rikorrenti titlob li, sa fejn il-Qorti Ġenerali tista’ tasal sabiex tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi wkoll id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut li tirriżulta mis-silenzju tal-Kummissjoni sal‑5 ta’ Ġunju 2019 inklużi, din id-deċiżjoni titqies li tifforma parti integrali mid-deċiżjoni kkontestata.

22      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza l-effetti potenzjalment negattivi u imprevisti tal-ġurisprudenza dwar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni espliċita fil-każ fejn l-adozzjoni tagħha sseħħ wara l-formazzjoni ta’ deċiżjoni impliċita. B’mod partikolari mis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511), u mid-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2012, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593), li, jekk l-att li jista’ jiġi kkontestat huwa d-deċiżjoni espliċita, l-imsemmi terminu jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni impliċita. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellha tifformula mill-ġdid ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni impliċita skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. It-terminu inizjali għall-preżentata tar-rikors li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprepara r-rikors tagħha għalhekk tnaqqas. Issa, it-tqassir mill-ġurisprudenza tat-termini legali li fihom l-individwi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Trattat FUE jista’ jirrestrinġi dawn id-drittijiet b’mod inġustifikat u jikser l-Artikoli 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

23      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li, fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Ġunju u tal‑1 ta’ Lulju 2019 kienu verament qarrieqa u tali li jostakolaw l-aċċess tagħha għall-ġustizzja u li dawn kellhom jiġu kkritikati.

24      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar inkoerenzi u kontradizzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll dawk relatati ma’ aġir potenzjalment qarrieqi min-naħa tagħha.

25      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrenti la fit-terminu inizjali u lanqas fit-terminu tar-risposta wara l-ewwel estensjoni, fil‑11 ta’ Ġunju 2019, li tikkorrispondi għas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda li hija sussegwentement adottat deċiżjoni espliċita ta’ rifjut, li tikkostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata.

26      F’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, deskritta fil-punt 25 iktar ’il fuq, fl-ewwel lok, l-assenza ta’ risposta tal-Kummissjoni għandha titqies bħala deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess. Fil-fatt, it-tieni estensjoni tat-terminu, fl‑1 ta’ Lulju 2019, ma setgħetx validament estendiet it-terminu, peress li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni tista’ testendi t-terminu inizjali darba biss u, fl-iskadenza tat-terminu estiż, deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess titiqes adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punti 38 u 40, u d-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il‑Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:625, punt 99). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-terminu previst mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura imperattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il‑Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, EU:T:2010:15, punti 60 u 70) u ma jistax jiġi estiż ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, inkella dan l-artikolu jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu, peress li ma jibqax possibbli għall-applikant li jkun jaf b’mod eżatt mil-liema data jkun jista’ jippreżenta r-rikors jew l-ilment previsti fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2005, Housieaux, C‑186/04, EU:C:2005:248, punt 26). Tali deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il‑Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:625, punt 101).

27      Madankollu, meta l-Kummissjoni sussegwentement wieġbet b’mod espliċitu u definittiv għall-applikazzjoni konfermatorja billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, hija b’hekk impliċitament irtirat id-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 88 u 89; digriet tas‑27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il‑Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:625, punt 101, u s-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Espírito Santo Financial (il-Portugall) vs BĊE, T‑251/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:234, punt 34). Din id-deċiżjoni espliċita tista’ għalhekk tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

28      Jekk id-deċiżjoni impliċita kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament, ir-rikorrent jitlef l-interess tiegħu ġuridiku, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni espressa, u jkun ikkunsidrat li ma għadx hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmi rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il‑Kummissjoni, C‑127/13 P, EU:C:2014:2250, punti 88 u 89; tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T-509/08, EU:T:2010:511, punt48; tat‑2 ta’ Lulju 2015, Typke vs Il‑Kummissjoni, T‑214/13, EU:T:2015:448, punt 36, u tas‑26 ta’ April 2018, Espírito Santo Financial (il-Portugall) vs BĊE, T‑251/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:234, punt 36). Ir-rikorrent jista’ wkoll jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst għal dan il-għan mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il‑Kummissjoni, T‑291/04, EU:T:2011:760, punt 94). Jekk id-deċiżjoni espliċita ġiet adottata qabel il-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni impliċita, tali rikors li sussegwentement jiġi ppreżentat ikun inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 47).

29      F’dan il-każ, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita, ċertament, b’mod dispjaċir, wara l-iskadenza tat-terminu estiż, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni impliċita u qabel il-preżentata ta’ rikors kontriha. Għaldaqstant, permezz tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni espliċita, il-Kummissjoni rtirat id-deċiżjoni impliċita u d-deċiżjoni li setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament f’dan il-każ hija d-deċiżjoni espliċita ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba tat‑22 ta’ Lulju 2019, li hija d-deċiżjoni kkontestata.

30      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni espliċita għandu jiġi kkalkolat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE u mingħajr ma jista’ jingħadd mid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiżbalja meta tafferma li l-fatti fil-kawża li tat lok għad-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2012, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593), kienu paragunabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ. F’dik il-kawża, ir-rikors għal annullament, li kellu bħala suġġett deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal‑4 ta’ Frar 2011, ġie ppreżentat biss fil‑25 ta’ Mejju 2011 u, għaldaqstant, kien inammissibbli minħabba tardività. Għaldaqstant minn dan id-digriet bl-ebda mod ma jirriżulta li rikors ippreżentat kontra deċiżjoni espliċita għandu jiġi ppreżentat fit-terminu applikabbli fil-każ ta’ rikors għal annullament tad-deċiżjoni impliċita li tippreċediha.

31      F’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata għandu jibda jiddekorri mit‑22 ta’ Lulju 2019 fn-24.00. Għalkemm, ċertament, kif issostni r-rikorrenti, jista’ biss jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma setgħetx testendi t-terminu għal tweġiba fi tmiem l-ewwel estensjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza ma tistax tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha, peress li l-Kummissjoni wieġbet għal din l-applikazzjoni qabel ma r-rikorrenti siltet konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tweġiba fit-termini stabbiliti skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C-477/10‑P, EU:C:2012:394, punt 89, u digriet tas‑27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il‑Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:625, punt 102). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jitqies li hija ma kellhiex it-terminu legali sabiex tipprepara r-rikors tagħha, li seta’ jiġi ppreżentat sat‑2 ta’ Ottubru 2019 inkluż, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikoli 58 u 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

B.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu (3) tar-Regolament Nru 1049/2001

32      Skont ir-rikorrenti, l-iżbalji ta’ liġi u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti, li jissodisfa l-għan li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-leġittimità tal-korpi amministrattivi fil-kuntest tal-attivitajiet deċiżjonali tagħhom u li huwa stabbilit fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Kull eċċezzjoni għal dan id-dritt jew kull limitazzjoni tiegħu għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Ir-rikorrenti tinvoka n-natura kontradittorja tal-pożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-istat tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat.

33      L-ewwel motiv maqsum f’ħames partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tallega li l-applikazzjoni għal aċċess ma kienet tikkonċerna ebda dokument relatat ma’ investigazzjoni jew li jagħmel parti minn fajl relatat ma’ investigazzjoni u li, għaldaqstant, hija la kienet taffettwa l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li l-applikazzjoni għal aċċess ma setgħetx tiġi miċħuda la fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni previst fl-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Permezz tat-tielet parti, hija tallega li l-applikazzjoni għal aċċess ma kienet tikkonċerna ebda informazzjoni jew data ta’ interess kummerċjali li teħtieġ li tiġi protetta skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament. Permezz tar-raba’ parti, hija tinvoka implimentazzjoni diskriminatorja fid-deċiżjoni kkontestata tal-eċċezzjonijiet għall-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-irkupru. Permezz tal-ħames parti, hija tallega li l-implimentazzjoni ta’ kull eċċezzjoni għall-iżvelar hija eskluża minn interess pubbliku superjuri.

34      Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrenti.

35      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha, ir-rifjut ta’ aċċess fid-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux fuq l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ammettiet dan waqt is-seduta, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta. Għaldaqstant, l-argumenti tagħha huma irrilevanti sa fejn jirrigwardaw l-allegata applikazzjoni tal-Artikolu 64(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u għandhom jiġu miċħuda.

36      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li dan huwa intiż sabiex jagħti dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jkun l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma tirrikjedix l-istess estensjoni tal-aċċess għal dokumenti bħal dik rikjesta mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑451/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:588, punt 80).

38      Mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistitwixxi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, jirriżulta li dan id-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat. Peress li dawn l-eċċezzjonijiet jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, dawn għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Meta istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li quddiemu titressaq applikazzjoni għal aċċess għal dokument jiddeċiedi li jiċħad din it-talba abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dan għandu, bħala prinċipju, jipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn din l-eċċezzjoni u r-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kien madankollu possibbli għal din l-istituzzjoni, korp jew organu li jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal applikazzjonijiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      L-għan ta’ dawn il-preżunzjonijiet jinsab b’hekk fil-possibbiltà, għall-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni kkonċernata, li tikkunsidra li l-iżvelar ta’ ċerti kategoriji ta’ dokumenti, bħala prinċipju, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni li hija tinvoka, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina b’mod konkret u individwali kull wieħed mid-dokumenti mitluba (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, C‑178/18 P, EU:C:2020:24, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Bl-istess mod, il-ġurisprudenza teħtieġ li l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett peress li huma jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs MyTravel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 75, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Il‑Kunsill vs in’ t Veld, C‑350/12 P, EU:C:2014:2039, punt 48), ir-rikonoxximent u l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għandhom ikunu kkunsidrati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 81).

43      Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku, li tiegħu ntalab l-iżvelar, ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni jew li jeżisti, taħt l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 62 u tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 66).

44      Huwa fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod żbaljat l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

45      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba, iżda qieset essenzjalment li dawn kienu koperti minn żewġ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għad-dokumenti relatati mal-progress tal-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat u mal-ammonti rkuprati, wara d-deċiżjoni tagħha li tordna l-irkupru tal-imsemmija għajnuna. Il-preżunzjonijiet applikati mill-Kummissjoni huma bbażati, minn naħa, fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terzi, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament.

1.      Fuq l-ewwel parti u fuq it-tieni parti, ibbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li l-applikazzjoni għal aċċess ma setgħetx tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

46      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tagħha ma kienet tikkonċerna ebda dokument relatat ma’ investigazzjoni jew li jagħmel parti minn fajl relatat ma’ investigazzjoni, kemm jekk jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat ikkonstatata fid-Deċiżjoni 2015/1826 jew deċiżjoni futura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Hija kienet tikkonċerna informazzjoni fattwali preċiża dwar l-istat ta’ progress tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826 u, għaldaqstant, elementi miġbura wara l-adozzjoni tagħha. Peress li t-talba tagħha ma tirrigwardax argumenti sostantivi ppreżentati mir-Repubblika Slovakka, il-fatt li din tintlaqa’ ma setax jitqies li jippreġudika r-rieda tal-Istati Membri li jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa minnha. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-applikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni bħala li tikkonċerna dokumenti jew informazzjoni fil-fajl ta’ każ jew dokumenti relatati ma’ investigazzjoni ma għandha l-ebda bażi fil-ġurisprudenza. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tagħha ma setgħetx taffettwa l-attivitajiet ta’ investigazzjoni previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

47      Fit-tieni parti, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-applikazzjoni tagħha kienet tikkonċerna dokumenti jew informazzjoni li formalment huma parti mill-fajl rilevanti li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiċħadha. Skont ir-rikorrenti, l-aċċess għad-dokumenti mitluba ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jippreġudika r-rieda tal-Istati Membri li jikkooperaw mal-Kummissjoni, peress li l-applikazzjoni tagħha ma kinitx tirrigwarda analiżi jew noti interni li jinkludu l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar fuq każ jew investigazzjoni partikolari.

48      Fir-replika, ir-rikorrenti tirrileva li, skont il-Kummissjoni, l-informazzjoni mitluba dwar l-istat tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat hija marbuta ma’ investigazzjonijiet oħra, b’mod partikolari dik dwar il-proċedura ta’ rkupru prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), u dik dwar il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, permezz ta’ riferiment b’analoġija għall-proċedura “EU-Pilot”. Madankollu, il-Kummissjoni la rreferiet għall-imsemmija proċeduri fl-ittra tal‑24 ta’ April 2019 u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata u ma semmietx l-eżistenza ta’ proċedura miftuħa kontra r-Repubblika Slovakka f’dan ir-rigward. Hija ma tistax issa tinvoka fatti u motivi ġodda.

49      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li d-dokumenti mitluba dwar l-istat ta’ progress tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkomunikati minħabba li jinkludu informazzjoni sostanzjali. Data kwantitattiva setgħet tiġi prodotta mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni sostanzjali, pereżempju bit-trażmissjoni ta’ dokument li juri li ċerta perċentwali tal-għajnuna mill-Istat kienet ġiet irkuprata jew li ebda ammont ma kien ġie rkuprat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha l-prassi li tibgħat informazzjoni sostanzjali fir-risposti tagħha għall-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

50      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni estensiva tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali tal-iżvelar tad-dokumenti pubbliċi, stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001, ġaladarba l-prattika tagħha stess tenfasizza li l-motivi li hija tinvoka ma humiex applikabbli għall-applikazzjoni għal aċċess. Hija tiċċita, bħala eżempju, sitt każi li fihom il-Kummissjoni ppubblikat, qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur, informazzjoni paragunabbli ma’ dik li l-applikazzjoni kienet intiża li tikseb.

51      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

52      Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, fl-ewwel lok, il-fatt li d-dokumenti mitluba jaqgħu f’fażi ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari għaliex l-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat kienet ingħalqet bid-Deċiżjoni 2015/1826. Fit-tieni lok, hija tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba fuq żewġ bażijiet distinti. Minn naħa, hija qieset li d-dokumenti mitluba kienu jappartjenu għall-fajl dwar l-għajnuna mill-Istat ikkonstatata fid-Deċiżjoni 2015/1826 u li, għaldaqstant, kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri l-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. B’hekk, hija qieset li kienet applikabbli għall-imsemmija dokumenti l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità dwar id-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, kif irrikonoxxuta fis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 61), u mfakkra b’mod partikolari fis-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni (C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punti 36 sa 38), tat‑13 ta’ Marzu 2019, AlzChem vs Il‑Kummissjoni (C‑666/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:196, punt 31), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni (T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 62).

54      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, essenzjalment, li l-proċedura ta’ rkupru setgħet twassal direttament għall-ftuħ ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u qieset li l-fażi tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar din l-għajnuna kellha titqies bħala proċedura prekontenzjuża, simili għall-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Wara li fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli għad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija kkunsidrat li r-raġunament segwit sabiex tiġi rrikonoxxuta tali preżunzjoni kien japplika mutatis mutandis għar-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Hija għalhekk qieset li dawn id-dokumenti kienu koperti, minħabba applikazzjoni b’analoġija, mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità dwar id-dokumenti relatati mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE, kif irrikonoxxuta fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65), u mfakkra b’mod partikolari fis-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2017, Justice kor Environment vs Il‑Kummissjoni (T‑727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 46), u tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Campbell vs Il‑Kummissjoni (T‑312/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:876, punt 29).

55      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u sussegwentement, jekk tali preżunzjoni teżistix jew għandhiex tiġi rrikonoxxuta, jekk il-Kummissjoni applikathiex f’dan il-każ mingħajr ma tivvizzja d-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ evalwazzjoni.

a)      Fuq l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità

56      Għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna d-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat tkopri espliċitament id-dokumenti dwar l-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi f’deċiżjoni, b’mod partikolari, li teżisti għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru tagħha. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni għadha ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar rifjut ta’ aċċess għal dokumenti relatati mal-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Istat Membru kkonċernat.

57      Għaldaqstant, għalkemm ir-rikonoxximent tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq ċertament jikkonċerna l-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE, dan jirrigwarda biss b’mod ċert id-dokumenti tal-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni li fiha hija tikkonkludi b’mod partikolari li teżisti għajnuna mill-Istat u tordna l-irkupru tagħha.

58      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-fażi ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, dawn ċertament jistgħu jaqgħu formalment fl-istess fajl bħal dak li taħtu jaqgħu d-dokumenti tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u li wassluha sabiex tadotta din id-deċiżjoni, kif wara kollox tammetti r-rikorrenti. Id-dokumenti kollha fil-fatt jirrigwardaw l-istess miżura jew miżuri nazzjonali. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 42, iktar ’il fuq, l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett sa fejn jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif issostni r-rikorrenti, ma jistax jitqies li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità fil-qasam tal-stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, kif irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza (ara l-punt 53 iktar 'il fuq), tkopri neċessarjament id-dokumenti li jikkonċernaw il-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li jagħmlu parti mill-istess fajl amministrattiv.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dokumenti relatati mal-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Istat Membru kkonċernat jistgħux jiġu koperti wkoll minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, kemm jekk dik fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, li għalhekk titqies li tkopri wkoll dawn id-dokumenti, jew preżunzjoni ġenerali oħra ta’ kunfidenzjalità.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet diversi kriterji għar-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, li jirrigwardaw id-dokumenti kkonċernati u l-preġudizzju għall-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni.

1)      Fuq id-dokumenti kkonċernati

61      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità tkun validament ikkontestata mill-persuna li titlob l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa neċessarju li d-dokumenti mitluba jagħmlu parti mill-istess kategorija ta’ dokumenti jew ikunu tal-istess natura (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, T‑729/15, EU:T:2018:67, punt 25; ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 50, u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, EU:C:2013:671, punt 72).

62      Fil-kawżi kollha li wasslu għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu tali preżunzjonijiet, ir-rifjut ta’ aċċess inkwistjoni kien dwar grupp ta’ dokumenti evidentement limitat mill-appartenenza komuni tagħhom għal fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja pendenti (sentenza tal‑5 ta’ Frar 2018, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, T‑729/15, EU:T:2018:67, punt 28; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 128; tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 49 u 50, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punti 69 u 70).

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li d-dokumenti kollha tal-fajl amministrattiv dwar proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat kienu jifformaw kategorija unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 64). Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni ma wasslitx sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dokumenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonkludi li teżisti għajnuna mill-Istat u għall-irkupru tagħha u dawk relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-implimentazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jappartjenux għall-istess kategorija ta’ dokumenti. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk jistgħu jappartjenu għall-istess fajl tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, stricto sensu, dawn jaqgħu f’żewġ kategoriji ta’ dokumenti distinti.

64      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkontestat li d-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jifformaw kategorija unika, sa fejn huma ddefiniti b’mod ċar mill-appartenenza komuni tagħhom għall-fajl relatat ma’ proċedura amministrattiva, sussegwenti għal dik li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

2)      Fuq il-preġudizzju għall-interess protett mill-eċċezzjoni invokata

65      Skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni ta’ preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità hija ddettata mill-bżonn superjuri li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u li jiġi ggarantit li l-għanijiet tagħhom ma jkunux kompromessi. B’hekk, ir-rikonoxximent ta’ tali preżunzjoni jista’ jkun ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tal-aċċess għal dokumenti ta’ ċerti proċeduri mal-iżvolġiment tajjeb tagħhom u fuq ir-riskju li dawn il-proċeduri jiġu ppreġudikati, peress li l-preżunzjonijiet ġenerali jippermettu li tiġi ppreżervata l-integrità tal-iżvolġiment tal-proċedura billi tiġi limitata l-interferenza ta’ terzi (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑451/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:588, punt 21, u tal‑5 ta’ Frar 2018, MSD Animal Health Innovation u Intervet international vs EMA, T‑729/15, EU:T:2018:67, punt 26).

66      Ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità favur kategorija ġdida ta’ dokumenti jippreżupponi b’hekk li jintwera minn qabel li l-iżvelar tat-tip ta’ dokumenti li jaqgħu f’din il-kategorija jista’, b’mod raġonevolment prevedibbli, effettivament jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑701/18, EU:T:2020:224, punt 39).

67      F’dan il-kuntest, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk id-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jaqgħux f’fażi ta’ investigazzjoni, fatt li r-rikorrenti tikkontesta. Jekk ikun il-każ, għandu sussegwentement jiġi evalwat jekk il-karatteristiċi ta’ tali investigazzjoni jiġġustifikawx ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri l-imsemmija dokumenti.

i)      Fuq l-eżistenza ta’ investigazzjoni

68      Għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni b’mod partikolari tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament.

69      Skont il-ġurisprudenza il-kunċett ta’ investigazzjoni, li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sens abitwali tiegħu kif ukoll il-kuntest li jaqa’ fih (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:639, punt 45). Peress li l-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” jaqa’ f’eċċezzjoni għar-regola ġenerali li d-dokumenti kollha għandhom ikunu aċċessibbli, dan għandu jiġi interpretat u applikat b’mod strett (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:280, punt 101).

70      Mingħajr il-bżonn li tiġi stabbilita definizzjoni eżawrjenti tal-“attivitajiet ta’ investigazzjoni”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tikkostitwixxi tali attività, proċedura strutturata u fformalizzata tal-Kummissjoni li jkollha l-għan li tinġabar u tiġi analizzata informazzjoni bil-għan li din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha previsti mit-Trattati UE u FUE. Din il-proċedura ma għandhiex neċessarjament tkun intiża sabiex tinnota jew tinvestiga ksur jew irregolarità. Il-kunċett ta’ “investigazzjoni” jista’ jkopri wkoll l-attività tal-Kummissjoni intiża sabiex tikkonstata fatti bil-għan li tevalwa sitwazzjoni partikolari (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter, C‑331/15 P, EU:C:2017:639, punti 46 u 47).

71      Fl-aħħar nett, kif indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat, il-kunċett ta’ “investigazzjoni” ma huwiex intiż biss sabiex jipproteġi l-għanijiet ta’ attivitajiet investigattivi intiżi lejn ċerti impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni, T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560, punt 70).

72      Għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li timponi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, hija tiġbor u tevalwa l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat sabiex tiddetermina jekk huwa b’mod partikolari ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra kompletament l-għajnuna u, jekk ikun il-każ, sabiex jiddeċiedi li jmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

73      Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, tali attività tikkostitwixxi proċedura strutturata u fformalizzata tal-Kummissjoni li l-għan tagħha huwa l-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni sabiex din l-istituzzjoni tkun tista’ tadotta pożizzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, huwa previst fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament 2015/1589 li, “[f]ejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet kondizzjonali jew negattivi, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropea direttament skont l-Artikolu 108(2) tat- TFUE”.

75      Għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE ma jipprevedix fażi prekontenzjuża, b’differenza mill-Artikolu 258 TFUE. Kif issostni l-Kummissjoni, il-fażi ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha li tirrikjedi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat għandha titqies li hija paragunabbli mal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, li tikkorrispondi ma’ attivitajiet ta’ investigazzjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali Wathelet irrileva, essenzjalment, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Franza vs Schlyter (C‑331/15 P, EU:C:2017:280, punt 99), il-kunċett ta’ “attivitajiet ta’ investigazzjoni” previst mir-Regolament Nru 1049/2001 ikopri l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 70), u tal-investigazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-ftuħ ta’ din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 62 u 65).

76      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti u kif issostni l-Kummissjoni, il-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat tikkorrispondi għal attivitajiet ta’ investigazzjoni, imwettqa mill-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif iddefiniti fil-ġurisprudenza.

77      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, jekk il-ġustifikazzjoni esposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), kienet applikabbli għal dokumenti li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża eventwalment fil-kuntest ta’ proċeduri futuri ta’ ksur potenzjali, il-prinċipju tal-aċċess għal dokumenti u r-Regolament Nru 1049/2001 jitilfu s-sens tagħhom. Fil-fehma tagħha, kważi d-dokumenti kollha miġbura mill-Kummissjoni fi kwalunkwe kuntest jistgħu fil-fatt ma jiġux żvelati, peress li kwalunkwe dokument jista’ jintuża fil-kuntest ta’ proċeduri li jista’ jkollhom effett fuq investigazzjonijiet potenzjali mwettqa mill-Kummissjoni, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom inġabar. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma hijiex kwistjoni ta’ investigazzjonijiet potenzjali, iżda ta’ proċedura amministrattiva preċiża, li l-punt tat-tluq tagħha hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni sussegwenti għall-adozzjoni tagħha sabiex tittieħed deċiżjoni ġdida min-naħa tagħha, dwar it-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

78      Barra minn hekk, għalkemm ma jistax jiġi miċħud li teżisti rabta bejn il-fażi ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat u dik ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni sa fejn it-tieni waħda hija l-konsegwenza tal-ewwel waħda, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, teżisti kontinwità proċedurali bejn dawn iż-żewġ fażijiet. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-attivitajiet ta’ investigazzjoni matul kull waħda minnhom huma differenti fir-rigward tar-raġuni għat-tnedija u għall-għan tagħhom. Għaldaqstant l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

ii)    Fuq il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-għanijiet ta’ attivitajiet ta’ investigazzjonijiet

79      Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument li tiegħu ntalab l-iżvelar, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni kkonċernat għandu wkoll jagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għall-imsemmi dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 116; tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 44, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punt 68).

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fażi ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat għandha titqies li hija paragunabbli mal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE (ara l-punt 75 iktar ’il fuq).

81      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, jista’ jiġi preżunt li l-iżvelar tad-dokumenti marbuta ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-fażi prekontenzjuża tagħha, għandu r-riskju li jibdel in-natura ta’ din il-proċedura kif ukoll jimmodifika l-iżvolġiment tagħha, u li, għalhekk, dan l-iżvelar jikkonċerna, fil-prinċipju, ksur għall-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 65, u tal‑11 ta’ Mejju 2017, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑562/14 P, EU:C:2017:356, punt 40).

82      Fil-fatt hija kunsidrat li l-istħarriġ li l-Kummissjoni intalbet twettaq fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura amministrattiva, li fil-kuntest tiegħu hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u għandha djalogu bilaterali mal-Istati Membri kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-partijiet l-oħra minbarra dawn l-Istati Membri ma kellhomx garanziji proċedurali speċifiċi li l-osservanza tagħhom kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, T‑111/11, EU:T:2013:482, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha d-dritt tħares il-kunfidenzjalità tad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni relatata ma’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-iżvelar tagħhom ikun jista’ jippreġudika l-klima ta’ fiduċja li għandha teżisti, bejnha stess u bejn l-Istat Membru kkonċernat, bl-għan ta’ soluzzjoni kunsenswali għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni li eventwalment jinstab (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, T‑111/11, EU:T:2013:482, punt 60).

84      Fir-rigward tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-proċedura hija bilaterali, peress li din tiżvolġi bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-partijiet interessati minbarra dan l-Istat Membru ma jibbenefikawx mid-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u l-ebda rwol partikolari ma huwa rriżervat għalihom.

85      Għaldaqstant, jekk il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat ikunu f’pożizzjoni li jiksbu, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, tali żvelar ikun jista’ jbiddel in-natura u l-iżvolġiment ta’ tali proċedura bilaterali, billi jippermetti, jekk ikun il-każ, lil terzi jieħdu pożizzjoni dwar l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat u b’hekk jippreġudikaw il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ investigazzjoni.

86      Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat, kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-Istat responsabbli mill-għoti tal-għajnuna huma indispensabbli sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Għalkemm l-imsemmi Stat Membru huwa obbligat jeżegwixxi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u għalkemm din tal-aħħar għandha tiżgura l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru teħtieġ skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari, iżda mhux biss, meta dan tal-aħħar jiltaqa’ ma’ diffikultajiet waqt l-irkupru.

87      Issa, djalogu bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippermetti li tiġi żgurata l-kooperazzjoni leali ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li tiġi żgurata mill-Kummissjoni l-eżekuzzjoni tajba tad-deċiżjoni tagħha mill-iktar fis possibbli. Kif issostni din tal-aħħar, żvelar tad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jikkomprometti s-segwitu ta’ din il-proċedura u r-rieda tal-Istati Membri li jipprovdu spjegazzjonijiet iddettaljati b’mod partikolari fuq l-istat ta’ progress tal-irkupru u fuq id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom waqt l-irkupru tagħhom. B’hekk, jista’ jkun iktar diffiċli għall-Kummissjoni li tikseb tali informazzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, li tibda proċess ta’ negozjati u li tasal għal ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, li jtemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jiġi allegat fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sabiex id-dritt tal-Unjoni jkun jista’ jiġi osservat u jiġi evitat rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 63).

88      Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fl-okkażjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u b’mod partikolari tal-fażi prekontenzjuża tagħha, imfakkra fil-punti 81 u 83 iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-pożizzjoni partikolari tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi ammess li, bħala prinċipju, l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ din il-proċedura jikkomprometti d-djalogu u, għaldaqstant, il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-imsemmi Stat Membru.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat huma parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni dwar il-miżura jew miżuri nazzjonali inkwistjoni li għandha tiġi distinta minn dik li tikkonċerna l-fażi ta’ klassifikazzjoni tal-miżura jew miżuri ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 63 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, il-fażi ta’ investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha tiġi distinta minn dik tal-verifika tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punt 78 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex koperti mill-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tikkonċerna d-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat ma’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, kif irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

90      Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet li wasslu għar-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikabbli għad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar proċedura potenzjali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġġustifikaw ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali, skont l-istess dispożizzjoni, applikabbli għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 88 iktar ’il fuq).

91      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni applikatx, f’dan il-każ, il-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-punt 91 iktar ’il fuq, mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

b)      Fuq l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti mitluba

93      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat, kif tammetti r-rikorrenti, li l-assenza ta’ osservanza tad-deċiżjoni tagħha li tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat seta’ wassal għall-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant hija qieset li r-raġunament segwit sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità applikabbli għad-dokumenti miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu japplika mutatis mutandis sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni f’dan il-każ.

94      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa eżatt li, kif issostni r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment għall-proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament 2015/1589, madankollu jsir riferiment ċar biżżejjed għall-proċedura ta’ rkupru u għaldaqstant huwa irrilevanti li hija ma ċċitatx din id-dispożizzjoni.

95      Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 4 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbet l-aċċess għad-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni li fihom informazzjoni dwar il-progress tal-irkupru u dwar l-ammont tal-għajnuna mill-Istat irkuprat mir-Repubblika Slovakka wara d-Deċiżjoni 2015/1826.

96      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni tqis li d-dokumenti mitluba kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, ibbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tapplika għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 91 iktar ’il fuq).

97      Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod ikkontestata bl-argumenti tar-rikorrenti.

98      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-fatt li tintlaqa’ l-applikazzjoni tagħha għal aċċess għad-dokumenti mitluba ma jistax jippreġudika r-rieda tar-Repubblika Slovakka li tikkoopera mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha. Anki jekk, kif hija ssostni, l-applikazzjoni tagħha ma tikkonċernax argumenti sostantivi ppreżentati minn dan l-Istat, dan huwa minnu biss sa fejn dawn l-argumenti jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-miżuri nazzjonali eżaminati fid-Deċiżjoni 2015/1826. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tista’ tikkonċerna argumenti sostantivi tal-imsemmi Stat dwar l-implimentazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

99      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm isir riferiment għal numru ta’ sentenzi preċedenti fid-deċiżjoni kkontestata, l-ebda waħda minnhom ma hija applikabbli f’dan il-każ. Fil-fehma tagħha, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il‑Kummissjoni (T‑191/99, EU:T:2001:284), id-digriet tat‑13 ta’ Novembru 2012, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni (T‑278/11, EU:T:2012:593), u s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Chambre de commerce et d’industrie métropolitaine Bretagne-Ouest (port de Brest) vs Il‑Kummissjoni (T‑39/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:560), kienu jikkonċernaw applikazzjonijiet għal aċċess għal “dokumenti sostantivi” mfassla mill-Kummissjoni dwar ksur potenzjali tad-dritt tal-Unjoni, u mhux informazzjoni speċifika dwar l-istat ta’ progress tar-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ċċitat it-tielet sentenza msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li l-azzjonijiet li hija kienet bdiet fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità ta’ għajnuna mill-Istat kienu jikkostitwixxu attivitajiet ta’ investigazzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istess japplika fir-rigward tas-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Franza vs Schlyter (C‑331/15 P, EU:C:2017:639), li għaliha r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li tirreferi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, hekk kif hija ppreċiżat waqt is-seduta, meta hija kienet semmiet b’mod żbaljat is-“sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċċitat l-ewwel żewġ sentenzi msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq insostenn tal-affermazzjoni tagħha li r-raġunament segwit dwar l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tkopri d-dokumenti li jikkonċernaw investigazzjonijiet li jistgħu eventwalment iwasslu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien applikabbli mutatis mutandis għad-dokumenti bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, ġie kkunsidrat li dawn ir-raġunamenti tal-Kummissjoni ma kinux ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

101    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li, anki jekk jiġi aċċettat, kif ġie ssuġġerit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738), li informazzjoni dwar proċedura ta’ ksur tista’ tibbenefika mill-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, hija ma kienet taf dwar ebda proċedura ta’ ksur li kienet inbdiet kontra r-Repubblika Slovakka wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dan l-Istat huwa obbligat li jirkupra l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni skont id-Deċiżjoni 2015/1826 u li, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tirreferi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru, ma hemmx bżonn li “tinbeda” proċedura ġdida fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE jew li “tinbeda” proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE kontra dan l-Istat. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni wkoll ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Kummissjoni ma tirreferix għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra r-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826.

102    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni estensiva tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali tal-iżvelar tad-dokumenti pubbliċi, stabbilit mir-Regolament Nru 1049/2001, meta l-prattika tagħha stess tenfasizza li l-motivi li hija tinvoka ma humiex applikabbli għall-applikazzjoni għal aċċess. Hija tiċċita, bħala eżempju, sitt każi li fihom il-Kummissjoni ppubblikat, qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ ksur, komunikati stampa li jinkludu informazzjoni komparabbli għal dik li hija kienet qiegħda tfittex li tikseb permezz tal-applikazzjoni tagħha. F’dawn il-komunikati kif ukoll fl-ittra tagħha ta’ Ġunju 2015 li tinforma lil AlzChem Trostberg AG dwar l-istat ta’ progress tal-irkupru minn terzi ta’ ċerti multi fil-qasam tal-akkordji, il-Kummissjoni b’hekk uriet li kien possibbli li tiġi prodotta data kwantitattiva mingħajr ma tiżvela data sostanzjali. F’dan il-każ, hija setgħet għalhekk tillimita ruħha li tiżvela biss l-informazzjoni kwantitattiva dwar l-istat tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

103    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fis-sitt każi ċċitati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika, permezz ta’ komunikati stampa, ċerta informazzjoni, bħad-deċiżjoni tagħha li tmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors dirett kontra kull wieħed mis-sitt Stati Membri kkonċernati. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, il-pubblikazzjoni ta’ tali komunikati ma tippreġudikax l-applikabbiltà tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għad-dokumenti li jikkonċernaw il-fażi ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2018, Campbell vs Il‑Kummissjoni, T‑312/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:876, punt 38). Dan huwa iktar u iktar minnu, kif tirrileva l-Kummissjoni, meta hija tkun għadha ma ddeċidietx li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

104    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tar-rikorrenti jista’ jiġi interpretat bħala applikazzjoni għal aċċess parzjali għad-dokumenti inkwistjoni, billi jkollu aċċess biss għal ċerta informazzjoni, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-kunċett ta’ dokument u dak ta’ informazzjoni għandhom jiġu distinti. Id-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokument tal-istituzzjonijiet jirrigwarda biss dokumenti, u mhux informazzjoni mifhuma b’mod iktar ġenerali, u ma jimplikax li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jwieġbu għal kull talba għal informazzjoni ta’ individwu (sentenza tal‑25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il‑Kunsill, T‑264/04, EU:T:2007:114, punt 76).

105    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet tibgħatilha dokument li juri li ċertu perċentwali tal-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli kienet ġiet irkuprata, dan ikun ifisser li tiġi kkomunikata lilha informazzjoni sostanzjali, kuntrarjament għal dak li timplika. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti li għalihom tapplika preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, bħal dawk mitluba, l-imsemmija preżunzjoni tfisser li d-dokumenti koperti minnha jevitaw l-obbligu ta’ żvelar, sħiħ jew parzjali, tal-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 68, u tas‑7 ta’ Settembru 2017, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑451/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:588, punti 93 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

2.      Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq implimentazzjoni diskriminatorja tal-eċċezzjonijiet għall-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-irkupru

107    Ir-rikorrenti tallega li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni implimentat b’mod diskriminatorju, bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, eċċezzjonijiet għall-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. Fl-ewwel lok, hija ssostni li, f’sitt kawżi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ppubblikat informazzjoni dwar ammonti li ma kinux ġew irkuprati, u dan qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati u meta kienu pendenti proċeduri ġudizzjarji relatati mad-deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat sottostanti. L-interess allegat tas-salvagwardja tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni pendenti jew tal-interessi kummerċjali għalhekk ma pprekludiex lill-Kummissjoni milli tiżvela l-isem tal-benefiċjarji, li ġew identifikati jew identifikabbli.

108    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka fir-replika l-iżvelar mill-Kummissjoni ta’ informazzjoni kwantitattiva u sostanzjali dwar l-istat ta’ rkupru ta’ multi fil-qasam tal-akkordji, filwaqt li wħud mid-deċiżjonijiet li jimponuhom kienu s-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni.

109    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

110    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdi li “[k]ull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi”. Qabel ma l-Artikolu 6 TUE jagħti saħħa legalment vinkolanti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza kien wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li kellhom jiġu rrispettati minn kwalunkwe qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, EU:C:1977:160, punt 7). L-osservanza ta’ dan il-prinċipju tirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C‑313/04, EU:C:2006:454, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Fl-ewwel lok, kif issostni r-rikorrenti, fl-ittra tal‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni rrifjutatilha l-aċċess għad-dokumenti mitluba għar-raġuni li d-Deċiżjoni 2015/1826 kienet is-suġġett ta’ proċeduri pendenti u li, għaldaqstant, kien japplika t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-kunsiderazzjoni ma ġietx riprodotta fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni li hija tadotta bi tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja, bl-ebda mod ma hija obbligata żżomm il-bażi legali użata insostenn tar-risposta tagħha għat-talba inizjali (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑210/15, EU:T:2017:224, punt 83). Għaldaqstant huwa irrilevanti l-fatt li, f’erba’ mis-sitt każi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iċċitati mir-rikorrenti li għalihom ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom l-Istat Membru kkonċernat kien marbut b’obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħal f’dan il-każ fir-rigward tad-Deċiżjoni 2015/1826.

112    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma jistax jinftiehem kif il-Kummissjoni setgħet tqis li l-investigazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna kienet magħluqa fis-sitt każi li hija tiċċita, filwaqt li l-kunċett ta’ investigazzjonijiet pendenti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ikopri l-perijodi li matulhom il-proċeduri jitkomplew quddiem il-qorti tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni kienet għaldaqstant l-istess f’dawn is-sitt każi u f’dan il-każ. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 103 iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li ngħatat għajnuna mill-Istat timplika li din l-istituzzjoni tqis li l-investigazzjoni tagħha intiża sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat wasslitha għal konklużjoni, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-imsemmija deċiżjoni hija s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qorti tal-Unjoni għandu bħala konsegwenza li d-dokumenti relatati mal-imsemmija investigazzjoni jibqgħu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità. L-istess japplika fir-rigward tad-dokumenti relatati mal-fażi ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tikkunsidra li d-deċiżjoni tagħha li tirrikjedi l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma ġietx eżegwita. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet tqis li l-investigazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna kienet twettqet fi tmiemha fis-sitt każi li hija tiċċita, ma teżistix differenza bejniethom u dan il-każ fir-rigward tal-applikabbiltà tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tapplika għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat.

113    Madankollu, fir-rigward tas-sitt każi ċċitati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tatx aċċess għal dokumenti, iżda informat lill-pubbliku, permezz ta’ komunikati stampa, bid-deċiżjoni tagħha li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-Istati Membri kkonċernati, minħabba li, fil-fehma tagħha, huma ma kinux eżegwixxew deċiżjonijiet li jirrikjedu l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, kif tiddikjara l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni f’dawn is-sitt każi hija differenti minn dik tal-każ preżenti sa fejn ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, ma jeżistux elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-Repubblika Slovakka, billi invokat l-assenza ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826 (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).

114    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-każi fil-qasam ta’ pagament ta’ multi ċċitati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif tinvoka l-Kummissjoni, il-provi prodotti huma ġodda, peress li ġew prodotti fl-istadju tar-replika. Issa, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova intiża sabiex turi li d-dokumenti prodotti, li huma, minn naħa, l-applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti mressqa minn AlzChem Trostberg skont ir-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-ammont tal-multi effettivament imħallsa mid-destinatarji ta’ diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ każi fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (Anness C.1 tar-replika) u, min-naħa l-oħra, ir-risposta tal-Kummissjoni għal din l-applikazzjoni, ma kinux fil-pussess tagħha fil-mument tal-preżentata tar-rikors, u lanqas ma kienu fil-pussess tagħha, lanqas elementi li jippermettu li jiġu stabbiliti r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija provi ma ġewx prodotti mar-rikors. Għaldaqstant, il-produzzjoni tagħhom fl-istadju tar-replika hija tardiva u l-Annessi C.1 u C.2 tar-replika huma inammissibbli skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

115    Fi kwalunkwe każ, minbarra l-fatt li, b’differenza mill-proċedura ta’ rkupru wara d-Deċiżjoni 2015/1826, tlieta mis-seba’ każi ċċitati kienu magħluqa u li l-Kummissjoni, permezz tal-ittra tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2005, li tinsab fl-Anness C.2, ma tatx aċċess għal dokumenti, iżda kkomunikat informazzjoni, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat jinsab, kif issostni l-Kummissjoni, f’kuntest legali differenti minn dak tal-ħlas ta’ multa imposta f’deċiżjoni li hija tadotta skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). B’hekk, kif tesponi l-Kummissjoni, l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat ma huwiex sanzjoni imposta fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna, u lanqas barra minn hekk fuq l-Istat Membru kkonċernat, u l-proċedura ta’ rkupru tiżvolġi esklużivament ma’ dan l-Istat, destinatarju tad-deċiżjoni ta’ rkupru, bħala l-unika parti li wettqet ksur tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 108(3) TFUE), filwaqt li multa imposta fuq impriża tissanzjona l-ksur tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni. Dawn id-differenzi kollha jimplikaw li dawn ma humiex sitwazzjonijiet paragunabbli.

116    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri

117    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-applikazzjoni tagħha kienet tikkonċerna dokumenti koperti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fl-ewwel lok, hija kellha tiżvelahom abbażi tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, li jikkonsisti fil-garanzija tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

118    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-importanza tat-trasparenza u tal-kontroll pubbliku fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni. B’hekk, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u l-Kummissjoni ma għandhiex tkun awtorizzata tużaha bil-għan biss li tevadi l-kontroll tal-pubbliku. Anki jekk ir-rikorrenti ma tikkritikax lill-Kummissjoni li ma tiftaħx proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Slovakka skont l-Artikolu 258 TFUE, peress li din id-deċiżjoni taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tagħha, din l-istituzzjoni hija madankollu responsabbli fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha.

119    Il-protezzjoni tal-baġit tal-Istati Membri kontra l-effetti devastanti tat-tiġrija għall-għajnuna mill-Istat u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam huma, kull waħda minnhom, ta’interess pubbliku superjuri, u mhux tal-interess privat tar-rikorrenti. Kif osservat il-Kummissjoni fl-istudju tagħha dwar l-applikazzjoni fuq livell nazzjonali tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, żewġ istituzzjonijiet Ġermaniżi enfasizzaw l-interess pubbliku marbut mal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali.

120    Ir-rikorrenti żżid li l-qorti tal-Unjoni interpretat u applikat b’mod restrittiv ir-Regolament Nru 1049/2001, li ġie kkritikat mill-Parlament Ewropew, filwaqt li kwalunkwe eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jew kwalunkwe limitazzjoni ta’ dan id-dritt għandha tiġi interpretata b’mod strett. Peress li l-applikazzjoni tagħha ma tirrigwardax dokument jew informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil NCHZ, il-Kummissjoni ma għandhiex tkun awtorizzata li tillimita anki iktar id-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti taċ-ċittadini tal-Unjoni.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

122    Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta”, b’mod partikolari “l-iskop ta' ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki, jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu”.

123    Kif tfakkar fil-punt 43 iktar ’il fuq, preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija.

124    Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-parti li ssostni li hemm interess pubbliku superjuri li għandha tinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni, C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 40).

125    B’hekk, is-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li jkunu promossi mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma ppreġudikati minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑451/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:588, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrenti.

127    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka l-interess pubbliku superjuri li jikkonsisti fil-garanzija tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, ma hemmx lok li jiġi eżaminat dan l-ilment, peress li, meta ġiet mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat l-assenza ta’ rabta diretta bejn ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba u l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Hija indikat ukoll li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni r-riferiment għall-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv, kif imsemmi fit-titlu tal-ħames parti tal-ewwel motiv, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

128    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka, billi tirreferi għall-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-importanza tat-trasparenza u tal-iskrutinju pubbliku fuq l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma għandhiex tkun awtorizzata tuża l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament bil-għan biss li tkopri n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha u li tevita l-kontroll tal-pubbliku.

129    Għandu jiġi rrilevat li l-interess marbut mat-trasparenza jikkostitwixxi ċertament interess pubbliku, sa fejn huwa ta’ natura oġġettiva u ġenerali (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Arca Capital Bohemia vs Il‑Kummissjoni, T‑440/17, EU:T:2018:898, punt 76; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il‑Kummissjoni, T‑480/11, EU:T:2015:272, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, sa fejn jikkonċerna t-trasparenza u l-kontroll pubbliku tal-azzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li l-attività amministrattiva tagħha ma kinitx tirrikjedi l-istess portata tal-aċċess għad-dokumenti bħal dik rikjesta mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. Fil-każ inkwistjoni, id-dokumenti mitluba jaqgħu manifestament fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, jiġifieri proċedura ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat wara deċiżjoni tal-Kummissjoni.

130    Barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-prinċipju ta’ trasparenza u d-dritt tal-pubbliku li jiġi informat dwar ix-xogħol tal-istituzzjonijiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-iżvelar ta’ dokumenti relatati mal-proċedura ta’ kontroll tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tista’ twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u hija paragunabbli mal-fażi prekontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara l-punt 75 iktar ’il fuq) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑612/13 P, EU:C:2015:486, punti 91 u 93).

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra dan l-Istat, li għandha tiddetermina d-dispożizzjonijiet li jkun kiser u li tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tiegħu. Konsegwentement, ir-rikorrenti jew ċittadin ma għandux id-dritt li jirrikjedi li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni f’sens partikolari jew li tikkontesta rifjut tal-Kummissjoni li tibda proċedura kontra r-Repubblika Slovakka (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 60 u 61).

132    Għaldaqstant, l-għan invokat mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba, li jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ kontroll fuq l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2015/1826 inkwistjoni, iwassal sabiex tiġi miċħuda, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, l-eżistenza tas-setgħa diskrezzjonali li tgawdi din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, filwaqt li l-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità marbuta mad-dokumenti kollha relatati ma’ tali proċedura hija intiża preċiżament sabiex tipproteġi l-azzjoni, b’mod partikolari, in-natura utli tal-azzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punti 61, 63 u 65).

133    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, kif ġustament irrilevat, għandha tiżgura li tinforma lill-pubbliku dwar il-progress ta’ fajls ta’ ksur speċifiċi permezz tal-pubblikazzjoni ta’ komunikati stampa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2017, Justice & Environment vs Il‑Kummissjoni, T‑727/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:18, punt 60).

134    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, l-interess pubbliku dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll l-interess pubbliku tal-protezzjoni tal-baġit tal-Istati Membri kontra l-effetti devastanti tat-tiġrija għall-għajnuna mill-Istat u tal-obbligu ta’ integrazzjoni mill-ġdid tal-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern fil-baġit tal-Istati Membri kkonċernati minn deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat. Kif issostni l-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti tingħata aċċess għad-dokumenti mitluba ma jippermettix li jiġi ggarantit l-interess pubbliku tal-protezzjoni tal-baġit tal-Istati Membri permezz tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali.

135    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-qorti tal-Unjoni applikat b’mod restrittiv ir-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li kwalunkwe eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti jew kwalunkwe limitazzjoni ta’ dan id-dritt għandhom jiġu interpretati b’mod strett, u li, essenzjalment, l-applikazzjoni tagħha ma taqax fl-eċċezzjoni intiża sabiex tipproteġi l-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Issa, sa fejn hija tikkontesta l-fatt li l-applikazzjoni tagħha għal aċċess setgħet tiġi koperta mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-argumenti tagħha jirrigwardaw kwistjoni distinta minn dik dwar jekk, fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ eċċezzjoni, interess pubbliku superjuri jippermettix li tali applikazzjoni tiġi eskluża. Għaldaqstant din hija irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-parti. Barra minn hekk, din ġiet eżaminata u miċħuda fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

136    Għaldaqstant, il-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kif ukoll l-ewwel motiv kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tielet parti tagħha, sa fejn l-eċċezzjoni intiża sabiex tipproteġi l-investigazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienet bażi awtonoma u suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u sa fejn żball eventwali li jivvizzja t-tieni motiv tal-imsemmija deċiżjoni, dwar l-eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, li hija s-suġġett tat-tielet parti tal-ewwel motiv huwa fi kwalunkwe każ mingħajr effett fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

C.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba f’verżjoni mhux kunfidenzjali jew fil-bini tal-Kummissjoni.

137    Ir-rikorrenti tindika li pproponiet, fl-applikazzjoni konfermattiva, aċċess għad-dokumenti f’verżjoni mhux kunfidenzjali jew fil-bini tal-Kummissjoni. Madankollu, din ikkunsidrat li, minħabba l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità għall-iżvelar parzjali, aċċess parzjali ma setax jingħata. Ir-rikorrenti tqis li, peress li hija rrifjutat il-motivi kollha li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba, fosthom il-preżunzjonijiet ġenerali ta’ kunfidenzjalità invokati mill-Kummissjoni, mir-raġunament ta’ din tal-aħħar jirriżulta a contrario li hija kellha tilqa’ l-applikazzjoni tagħha, tal-inqas billi tagħtiha aċċess parzjali jew fil-bini tagħha, skont, rispettivament, l-Artikolu 4(6) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, il-Kummissjoni ma esponietx il-motivi tar-rifjut tagħha f’dan ir-rigward.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

139    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2008, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, C‑408/04, EU:T:2008:236, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-istħarriġ tiegħu għandu jiġi eżaminat fil-mertu ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 179). Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantivi tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għad-dokumenti kkonċernati, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija ppreċiżat li d-dokumenti mitluba kienu madankollu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament u li tali preżunzjoni kienet teskludi l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għall-fajl. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Sea Handling vs Il‑Kummissjoni (C‑271/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:557, punt 61).

142    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni esponiet il-motivi li għalihom hija ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb aċċess għad-dokumenti f’verżjoni mhux kunfidenzjali jew fil-bini tagħha. B’hekk hija qiegħdet lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tifhem il-motivi li għalihom din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata u ppermettiet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward.

143    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tallega li, peress li rrifjutat il-motivi kollha li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut li jiġu żvelati d-dokumenti mitluba, il-Kummissjoni kellha tilqa’ l-applikazzjoni tagħha sabiex tikseb aċċess għalihom f’verżjoni mhux kunfidenzjali jew fil-bini tagħha, għandu jiġi kkonstatat li ma tinvokax difett jew insuffiċjenza fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li tikkontesta l-fondatezza tagħha. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni, tirrifjuta l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal aċċess għad-dokumenti mitluba billi tinvoka preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, l-argumenti tar-rikorrenti huwa bbażati fuq premessa żbaljata.

144    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

V.      Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      AlzChem AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Spielmann

Spineanu-Matei

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Settembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.