Language of document : ECLI:EU:C:2017:941

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu – Klawżola li tipprojbixxi lid-distributuri milli jużaw terz li ma jkunx awtorizzat fil-kuntest tal-bejgħ bl-internet – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 4(b) u (c)”

Fil-Kawża C‑230/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016, fil-proċedura

Coty Germany GmbH

vs

Parfümerie Akzente GmbH,


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Coty Germany GmbH, minn A. Lubberger u B. Weichhaus, Rechtsanwälte,

–        għal Parfümerie Akzente GmbH, minn O. Spieker u M. Alber, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux, assistit minn P. E. Partsch u T. Evans, avocats,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. de Ree u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Meessen, H. Leupold u T. Christoforou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji [ftehimiet] vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).

2        L-imsemmija talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Coty Germany GmbH, fornitur ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu stabbilit fil-Ġermanja, u Parfümerie Akzente GmbH, distributur awtorizzat tal-imsemmija prodotti, dwar il-projbizzjoni imposta fuqha, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva bejn Coty Germany u d-distributuri awtorizzati tagħha, li tagħmel użu b’mod identifikabbli minn impriżi terzi għall-bejgħ bl-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 330/2010, “[d]an ir-Regolament ma għandux jeżenta akkordji [ftehimiet] vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jikkawżaw dannu lill-konsumaturi jew mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza. B’mod partikolari, akkordji vertikali li jinkludu ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni bħalma huma prezzijiet minimi jew fissi għall-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll ċerti tipi ta’ protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati”.

4        L-Artikolu 1(1)(e) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi s-“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” bħala “sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur li jopera dik is-sistema”.

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Skont l-Artikolu 101(3) [TFUE] u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) [TFUE] ma għandux japplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn dawn l-akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.”

6        L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprevedi li:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jaqbiżx it-30% tas-suq rilevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jaqbiżx it-30% tas-suq relevanti li fih jixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.”

7        Bit-titolu “Restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 jistabbilixxi li:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji [ftehimiet] vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

[…]

(b)      ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt [bla ħsara għal restrizzjoni dwar il-post ta’ stabbiliment tiegħu] […]

[…]

(c)      ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li topera [joperaw] fil-livell tal-kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut […]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Coty Germany tbigħ prodotti kożmetiċi ta’ lussu fil-Ġermanja. Hija tikkummerċjalizza ċerti trade marks ta’ dan is-settur permezz ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, abbażi ta’ kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva użata wkoll mill-impriżi li huma affiljati magħha. Dan il-kuntratt huwa kkompletat minn varji kuntratti speċjali li l-għan tagħhom huwa li jiġi organizzat l-imsemmi netwerk.

9        Parfümerie Akzente ilha tiddistribwixxi għal diversi snin il-prodotti ta’ Coty Germany, bħala distributur awtorizzat, kemm fil-punti ta’ bejgħ fiżiċi tagħha kif ukoll fuq l-internet. Il-bejgħ bl-internet isir parzjalment permezz tal-ħanut online tagħha stess u parzjalment permezz tal-pjattaforma “amazon.de”.

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha, Coty Germany tiġġustifika s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħha b’dan il-mod: “in-natura tat-trade marks ta’ Coty Prestige tirrikjedi distribuzzjoni selettiva maħsuba sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu marbuta ma’ dawn it-trade marks” [traduzzjoni libera].

11      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kummerċ fiżiku, il-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva jipprevedi li kull punt ta’ bejgħ tad-distributur għandu jkun awtorizzat minn Coty Germany, li jippreżumi l-osservanza ta’ ċertu numru ta’ rekwiżiti, elenkati fl-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt, f’termini ta’ ambjent, dekor u tqassim ta’ dawn il-punti ta’ bejgħ.

12      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1)(3) ta’ dan il-kuntratt, “id-dekor u t-tqassim tal-punt ta’ bejgħ, l-offerta ta’ prodotti, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti għall-bejgħ għandhom jivvalorizzaw u jikkonfermaw in-natura lussuża tat-trade marks Coty Prestige. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-faċċati, id-dekor, l-art, il-ħitan u s-soqfa, l-għamara kif ukoll l-uċuħ tal-bejgħ u d-dawl, u finalment l-impressjoni ġenerali ta’ ordni u ta’ ndafa” [traduzzjoni libera].

13      L-Artikolu 2(1)(6) tal-imsemmi kuntratt jippreċiża li “l-identifikazzjoni tal-punt ta’ bejgħ, bl-isem tal-impriża jew biż-żieda ta’ elementi jew tas-slogan tal-impriża, ma tistax tagħti l-impressjoni ta’ għażla limitata ta’ prodotti, ta’ dekor ta’ kwalità medjokri jew tal-assenza ta’ pariri u fi kwalunkwe każ għandha ssir b’mod li ma jgħattix it-tiżjin u l-uċuħ ta’ espożizzjoni tal-bejjiegħ bl-imnut” [traduzzjoni libera].

14      Għaldaqstant, il-kuntest kuntrattwali li jorbot lill-partijiet jinkludi ftehim supplimentari dwar il-bejgħ bl-internet li l-Artikolu 1(3) tiegħu jipprevedi li “[l]-bejjiegħ bl-imnut ma huwiex awtorizzat juża isem ieħor jew juża impriżi terzi li ma jkunux ġew awtorizzati” [traduzzjoni libera].

15      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 330/2010, Coty Germany emendat il-kuntratti tan-netwerk li jirregola d-distribuzzjoni selettiva kif ukoll il-ftehim supplimentari, billi fl-ewwel subparagrafu tal-klawżola I(1) ta’ dan l-istess ftehim supplimentari pprovdiet li “il-bejjiegħ bl-imnut huwa awtorizzat joffri u jbigħ il-prodotti fuq l-internet, madankollu bil-kundizzjoni li din l-attività ta’ bejgħ bl-internet titwettaq permezz ta’ ‘vetrina elettronika’ tal-ħanut awtorizzat u li tinżamm in-natura lussuża tal-prodotti” [traduzzjoni libera]. Barra minn hekk, il-klawżola I(1)(3) tal-imsemmi ftehim supplimentari tipprojbixxi b’mod ċar l-użu ta’ denominazzjoni kummerċjali oħra kif ukoll l-intervent identifikabbli ta’ impriża terza li ma tkunx bejjiegħ bl-imnut awtorizzat ta’ Coty Prestige.

16      Parfümerie Akzente rrifjutat li tiffirma l-modifiki għall-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva. Coty Germany ippreżentat rikors quddiem il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza sabiex din tipprojbixxi lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, skont l-imsemmija klawżola I(1)(3), milli tiddistribwixxi l-prodotti tat-trade mark kontenzjuża permezz tal-pjattaforma “amazon.de”.

17      Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Lulju 2014, għar-raġuni li l-klawżola kuntrattwali kontenzjuża kienet kuntrarja għall-Artikolu 1 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet għall-Kompetizzjoni) jew għall-Artikolu 101(1) TFUE. Hija qieset li l-għan li tinżamm dehra ta’ prestiġju tat-trade mark ma jistax jiġġustifika, f’konformità mas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), l-istabbiliment ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li, bħala prinċipju, tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Din il-klawżola kienet tikkostitwixxi wkoll, skont l-imsemmija qorti, restrizzjoni fundamentali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tar-Regolament Nru 330/2010.

18      Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza qieset li l-imsemmija klawżola lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettulha tibbenefika minn eżenzjoni individwali, peress li ma kienx intwera li l-projbizzjoni ġenerali tal-bejgħ bl-internet permezz ta’ pjattaformi terzi li hija tistabbilixxi kienet twassal għal titjib fl-effiċjenza ta’ natura li jpatti għall-inkonvenjenzi għall-kompetizzjoni li kienu jirriżultaw mir-restrizzjoni fuq il-metodi ta’ kummerċjalizzazzjoni. F’kull każ, din il-qorti qieset li tali projbizzjoni ġenerali ma kinitx neċessarja, peress li kienu jeżistu mezzi oħra daqstant xierqa iżda inqas restrittivi għall-kompetizzjoni, bħall-applikazzjoni ta’ kriterji kwalitattivi speċifiċi għall-pjattaformi terzi.

19      Coty Germany appellat mis-sentenza mogħtija mill-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja). F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-legalità, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, tal-klawżola kuntrattwali eżistenti bejn iż-żewġ partijiet fit-tilwima.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Is-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju u intiżi prinċipalment sabiex tinżamm id-‘dehra ta’ lussu’ tal-imsemmija prodotti jikkostitwixxu element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda[,] [i]l-projbizzjoni assoluta, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk ġewx miksura b’mod konkret ir-rekwiżiti leġittimi tal-produttur għal dak li jirrigwarda l-kwalità, tista’ titqies li hija element ta’ kompetizzjoni konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE?

3)      L-Artikolu 4(b) tar-Regolament [Nru 330/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan tal-klijentela tal-bejjiegħ bl-imnut?

4)      L-Artikolu 4(c) tar-Regolament [Nru 330/2010] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni, imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-għan tal-bejgħ passiv lill-utenti finali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

22      Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti kull ftehim bejn impriżi, kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u kull prattika miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

23      Għal dak li jirrigwarda l-ftehimiet li jikkostitwixxi sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li tali ftehimiet jinfluwenzaw neċessarjament il-kompetizzjoni fis-suq intern.

24      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-organizzazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha u applikati b’mod nondiskriminatorju, sakemm il-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni jkunu jeħtieġu tali netwerk ta’ distribuzzjoni sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb u, fl-aħħar nett, sakemm il-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C‑439/09, EU:C:2011:649, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk id-distribuzzjoni selettiva tistax tkun neċessarja fir-rigward ta’ prodotti ta’ lussu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-kwalità ta’ tali prodotti tirriżulta mhux biss mill-karatteristiċi materjali tagħhom, iżda wkoll mill-attrazzjoni u mid-dehra ta’ prestiġju li jagħtuhom sensazzjoni ta’ lussu, li din is-sensazzjoni tikkostitwixxi element essenzjali tal-imsemmija prodotti sabiex il-konsumaturi jiddistingwuhom minn prodotti oħra simili, u li, għaldaqstant, ħsara lill-imsemmija sensazzjoni ta’ lussu tista’ taffettwa l-kwalità stess ta’ dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, EU:C:2009:260, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata)

26      Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-karatteristiċi u l-metodi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva jistgħu, fihom innifishom, iżommu l-kwalità u jiżguraw l-użu xieraq ta’ tali prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, EU:C:2009:260, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata)

27      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset b’mod partikolari li l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva intiża li tiżgura preżentazzjoni li żżid il-valur ta’ prodotti ta’ prestiġju fil-punt ta’ bejgħ hija ta’ natura li tikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-prodotti inkwistjoni u għalhekk għaż-żamma tas-sensazzjoni ta’ lussu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, EU:C:2009:260, punt 29).

28      Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom u tan-natura tagħhom, il-prodotti ta’ lussu jistgħu jeħtieġu l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva sabiex tinżamm il-kwalità u jiġi żgurat l-użu tajjeb tagħhom.

29      Għalhekk, sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti hija konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.

30      Kuntrarjament għal dak li jsostnu Parfümerie Akzente kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Lussemburġiż, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-affermazzjoni li tinsab fil-punt 46 tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649).

31      Fil-fatt din l-affermazzjoni għandha tinqara u tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest ta’ din is-sentenza.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-qorti tar-rinviju kienet qiegħda tistaqsi dwar il-konformità, taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, mhux ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva kkunsidrata fl-intier tagħha, iżda ta’ klawżola kuntrattwali speċifika imposta fuq distributuri awtorizzati, fil-kuntet ta’ tali sistema, li tistabbilixxi projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-prodotti koperti mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni f’dik il-kawża ma kinux prodotti ta’ lussu, iżda prodotti kożmetiċi u prodotti għall-iġjene personali.

33      L-affermazzjoni li tinsab fil-punt 46 tas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), taqa’ fil-kuntest ta’ kunsiderazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju kkonċernata f’dik il-kawża l-elementi ta’ interpretazzjoni neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn dik il-klawżola kuntrattwali kinitx iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk din riditx tilħaq dan l-għan b’mod proporzjonat.

34      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-neċessità li tinżamm id-dehra ta’ prestiġju tal-prodotti kożmetiċi u tal-prodotti għall-iġjene personali kkonċernati ma kinitx tikkostitwixxi rekwiżit leġittimu sabiex tiġi ġġustifikata projbizzjoni assoluta ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti fuq l-internet. L-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 46 ta’ dik is-sentenza tirrigwarda, għalhekk, unikament il-prodotti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza u l-klawżola kuntrattwali kkonċernata f’dik il-kawża.

35      Għall-kuntrarju, mis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649) ma jistax jiġi dedott li l-punt 46 tagħha kien intiż li jistabbilixxi dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tgħid li l-protezzjoni tad-dehra ta’ lussu ma tistax minn issa ’il quddiem tkun ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-eżistenza ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, fir-rigward ta’ kull prodott, b’mod partikolari l-prodotti ta’ lussu, u li temenda b’hekk il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra fil-punti 25 sa 27 ta’ din is-sentenza.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha u applikati b’mod nondiskriminatorju, u sakemm il-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

38      Din id-domanda tirrigwarda l-legalità, taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, ta’ klawżola speċifika ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu u ta’ prestiġju.

39      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-evalwazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-ewwel domanda, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, l-għan li jikkonsisti fiż-żamma tad-dehra ta’ lussu tagħhom huwa ta’ natura li jiġġustifika l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-imsemmija prodotti.

40      Fil-kuntest ta’ tali sistema, klawżola kuntrattwali speċifika intiża li tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-prodotti kkonċernati hija legali taħt l-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

41      Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-użu ta’ pjattaformi terzi għall-bejgħ online tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, hija madankollu l-Qorti tal-Ġusitzzja li għandha tagħtiha għal dan il-għan l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tiddeċiedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal, 31/80, EU:C:1980:289, punt 14).

42      F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tinżamm id-dehra ta’ lussu u ta’ prestiġju tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li din il-klawżola hija oġġettiva u uniformi u li hija tapplika mingħajr diskriminazzjoni fil-konfront tad-distributuri awtorizzati kollha.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta minn fornitur fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu li jintużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti ta’ lussu kkonċernati hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri jekk tali projbizzjoni hijiex xierqa sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti u jekk hija tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

44      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-obbligu impost fuq id-distributuri awtorizzati li jbigħu fuq l-internet il-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt unikament permezz tal-ħwienet online tagħhom stess u l-projbizzjoni imposta fuq l-imsemmija distributuri li jagħmlu użu minn isem kummerċjali ieħor kif ukoll li jintużaw pjattaformi terzi identifikabbli jiggarantixxu immedjatament lill-fornitur li, fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku ta’ dawn il-prodotti, dawn tal-aħħar huma assoċjati esklużivament mad-distributuri awtorizzati.

45      Issa, peress li tali assoċjazzjoni hija preċiżament wieħed mill-għanijiet imfittxija meta tintuża tali sistema, jidher li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi limitazzjoni li hija koerenti fid-dawl tal-karatteristiċi tas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva.

46      Konsegwentement, jekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-karatteristiċi jagħmlu s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva mezz adegwat sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ prodotti ta’ lussu, u jikkontribwixxu għalhekk għaż-żamma tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Copad, C‑59/08, EU:C:2009:260, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), limitazzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-projbizzjoni fil-kawża prinċipali, li r-riżultat tagħha huwa inerenti għall-imsemmija karatteristiċi, għandha titqies ukoll li hija ta’ natura li żżomm il-kwalità u d-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti.

47      It-tieni nett, il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-fornitur ta’ prodotti ta’ lussu jikkontrolla li l-prodotti tiegħu ser jinbiegħu online f’ambjent li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet kwalitattivi li jkun ftiehem fuqhom mad-distributuri awtorizzati tiegħu.

48      Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza minn distributur tal-kundizzjonijiet ta’ kwalità stabbiliti mill-fornitur jippermetti lil dan tal-aħħar jieħu azzjoni kontra dan id-distributur, abbażi tar-rabta kuntrattwali li teżisti bejn dawn iż-żewġ partijiet. L-assenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur u l-pjattaformi terzi tikkostitwixxi madankollu ostakolu għalih sabiex ikun jista’, fuq tali bażi, jirrikjedi minn dawn il-pjattaformi terzi l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kwalità li jkun impona fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu.

49      Issa, il-bejgħ online ta’ prodotti ta’ lussu permezz ta’ pjattaformi li ma jappartjenux għas-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ dawn il-prodotti, li fil-kuntest tiegħu l-fornitur ma għandux il-possibbiltà li jikkontrolla l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ta’ dawn il-prodotti, jinvolvi riskju ta’ deterjorament fil-preżentazzjoni tal-imsemmija prodotti fuq l-internet, li huwa ta’ natura li jippreġudika d-dehra ta’ lussu tagħhom u, għaldaqstant, in-natura stess tagħhom.

50      It-tielet nett, fid-dawl tal-fatt li dawn il-pjattaformi jikkostitwixxu mezz ta’ bejgħ għal kull tip ta’ prodott, il-fatt li l-prodotti ta’ lussu ma jinbigħux permezz ta’ tali pjattaformi, u li l-bejgħ tagħhom online jsir unikament fil-ħwienet online tad-distributuri awtorizzati jikkontribwixxi għal din id-dehra ta’ lussu fost il-konsumaturi u, b’hekk, għaż-żamma ta’ waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta’ dawn il-prodotti mfittxija mill-konsumaturi.

51      Għaldaqstant, il-projbizzjoni imposta minn fornitur ta’ prodotti ta’ lussu fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu li jintużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet ta’ dawn il-prodotti, hija xierqa sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti.

52      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, għad-differenza tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C‑439/09, EU:C:2011:649), il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix b’mod assolut lid-distributuri awtorizzati milli jbigħu fuq l-internet l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Fil-fatt, skont din il-klawżola huwa pprojbit biss il-bejgħ online tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt permezz ta’ pjattaformi terzi li joperaw b’mod identifikabbli fil-konfront tal-konsumaturi.

53      Għaldaqstant, id-distributuri awtorizzati huma awtorizzati jbigħu l-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt permezz kemm tas-siti tal-internet tagħhom stess, sakemm jiddisponu minn vetrina elettronika tal-ħanut awtorizzat u tinżamm in-natura lussuża tal-prodotti, kif ukoll ta’ pjattaformi terzi mhux awtorizzati meta l-intervent ta’ dawn tal-aħħar ma huwiex identifikabbli mill-konsumatur.

54      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mir-riżultati provviżorji tal-inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku mwettqa mill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), adottati fil-15 ta’ Settembru 2016, minkejja l-importanza li qiegħda tiżdied tal-pjattaformi terzi fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ distributuri, il-mezz ta’ distribuzzjoni l-iktar importanti, fil-kuntest tad-distribuzzjoni fuq l-internet, huwa madankollu l-ħwienet online tad-distributuri stess, li jintużaw minn iktar minn 90 % tad-distributuri intervistati. Din iċ-ċirkustanza ġiet ikkonfermata fir-rapport finali dwar din l-inkjesta, tal-10 ta’ Mejju 2017.

55      Dawn l-elementi jippermettu li jitqies li projbizzjoni, bħal dik imposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fuq id-distributuri awtorizzati tagħha, li jintużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet ta’ prodotti ta’ lussu ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti.

56      B’mod partikolari, fid-dawl tal-assenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur u l-pjattaformi terzi li tippermettilu jirrekjedi minn dawn il-pjattaformi l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kwalità li jkun impona fuq id-distributuri awtorizzati tiegħu, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-imsemmija distributuri li jintużaw tali pjattaformi bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità ddefiniti minn qabel ma tistax titqies li hija daqstant effikaċi bħall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57      Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għal verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, tali projbizzjoni tidher legali taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, sakemm din il-klawżola hija intiża li żżomm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, hija stabbilita b’mod uniformi u applikata b’mod nondiskriminatorju, u hija proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, liema fatti għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

59      Huwa biss fl-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE li tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola tistax tibbenefika, bis-saħħa tal-Artikolu 101(3) TFUE, minn eżenzjoni taħt ir-Regolament Nru 330/2010. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-limiti ta’ sehem mis-suq previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 330/2010 ma nqabżux. Għaldaqstant, l-imsemmija klawżola tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

60      Madankollu, ir-Regolament Nru 330/2010 jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet li jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi serji, indipendentament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati. Dawn huma r-restrizzjonijiet fundamentali previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

61      L-eżenzjoni skont il-kategorija prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 330/2010 ma tistax, għalhekk, tiġi applikata għal projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk din tikkostitwixxi waħda mill-imsemmija restrizzjonijiet fundamentali.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010

62      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala distributuri fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-klijentela, fis-sens tal-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament jew restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tal-imsemmi regolament.

63      Skont l-Artikolu 4(b) u (c) tar-Regolament Nru 330/2010, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tiegħu tapplika biss għall-ftehimiet vertikali li għandhom l-għan li jirrestrinġu t-territorju li fuqu, jew il-klijentela li lilha, xerrej, li jkun parti mill-ftehim, ikun jista’ jbigħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew li jirrestrinġu l-bejgħ attiv jew l-bejgħ passiv lill-utenti finali mill-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li joperaw bħala bejjiegħa bl-imnut fis-suq.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrestrinġix il-klijentela li lilha d-distributuri awtorizzati jistgħu jbigħu l-prodotti ta’ lussu kkonċernati jew jekk hija tirrestrinġix il-bejgħ passiv tad-distributuri awtorizzati lill-utenti finali.

65      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li, għad-differenza tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique (C-439/09, EU:C:2011:649), il-klawżola inkwistjoni f’din il-kawża ma tipprojbixxix l-użu tal-internet bħala mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jkunu is-suġġett tal-kuntratt, hekk kif ġie espost fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza.

66      Sussegwentement, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jidhirx li huwa possibbli li jiġu limitati, fi ħdan il-grupp ta’ xerrejja online, il-klijenti ta’ pjattaformi terzi.

67      Fl-aħħar nett, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, lid-distributuri awtorizzati li jirreklamaw permezz tal-internet fuq pjattaformi terzi u l-użu ta’ muturi ta’ tfittxija online, b’tali mod li, kif josserva l-Avukat Ġenerali fi-punt 147 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-klijenti normalment jistgħu jsibu l-offerta fuq l-internet tad-distributuri awtorizzati, billi jużaw tali muturi.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk tirrestrinġi forma partikolari ta’ bejgħ fuq l-internet, projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela tad-distributuri, fis-sens tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010, u lanqas restrizzjoni tal-bejgħ passiv tad-distributuri awtorizzati lill-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) ta’ dan ir-regolament.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala distributuri fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela, fis-sens tal-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament, jew restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha u applikati b’mod nondiskriminatorju, u sakemm il-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, sakemm din il-klawżola hija intiża li żżomm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, hija stabbilita b’mod uniformi u applikata b’mod nondiskriminatorju, u hija proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, liema fatti għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

3)      L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji [ftehimiet] vertikali u prattiċi miftiehma, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala distributuri fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela, fis-sens tal-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament, jew restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tal-imsemmi regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż