Language of document : ECLI:EU:C:2017:941

Kawża C230/16

Coty Germany GmbH

vs

Parfümerie Akzente GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101(1) TFUE – Distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu – Klawżola li tipprojbixxi lid-distributuri milli jużaw terz li ma jkunx awtorizzat fil-kuntest tal-bejgħ bl-internet – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 4(b) u (c)”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas‑6 ta’ Diċembru 2015

1.        Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Sistema ta’ distribuzzjoni selettiva – Distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE)

2.        Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Sistema ta’ distribuzzjoni selettiva – Distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu – Klawżola li tipprojbixxi lid-distributuri milli jużaw terz li ma jkunx awtorizzat fil-kuntest tal-bejgħ bl-internet – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 101(1) TFUE)

3.        Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament Nru 330/2010 – Kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti kożmetiċi ta’ lussu – Klawżola li tipprojbixxi lid-distributuri milli jużaw terz li ma jkunx awtorizzat fil-kuntest tal-bejgħ bl-internet – Restrizzjoni tal-klijentela – Assenza – Restrizzjoni ta’ bejgħ passiv lill-utenti finali – Assenza

(Artikolu 101(3) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 330/2010, Artikolu 4(b) u (c))

1.      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-għażla tal-bejjiegħa mill-ġdid isseħħ abbażi ta’ kriterji oġġettivi ta’ natura kwalitattiva, stabbiliti b’mod uniformi fir-rigward tal-bejjiegħa mill-ġdid potenzjali kollha u applikati b’mod nondiskriminatorju, u sakemm il-kriterji ddefiniti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

(ara l-punt 36 u d-dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi lid-distributuri awtorizzati ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu intiża, prinċipalment, li tinżamm id-dehra ta’ lussu ta’ dawn il-prodotti milli jużaw pjattaformi terzi identifikabbli għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, sakemm din il-klawżola hija intiża li żżomm id-dehra ta’ lussu tal-imsemmija prodotti, hija stabbilita b’mod uniformi u applikata b’mod nondiskriminatorju, u hija proporzjonata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, liema fatti għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punt 58 u d-dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji [ftehimiet] vertikali u prattiċi miftiehma, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta fuq il-membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva ta’ prodotti ta’ lussu, li joperaw bħala distributuri fis-suq, li jintużaw impriżi terzi identifikabbli għall-bejgħ bl-internet, ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-klijentela, fis-sens tal-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament, jew restrizzjoni tal-bejgħ passiv lill-utenti finali, fis-sens tal-Artikolu 4(c) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 69 u d-dispożittiv 3)