Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2013 minn BP mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-30 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża F-38/12, BP vs FRA

(Kawża T-658/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: BP (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta’ Settembru 2013, fil-Kawża F-38/12;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni, tas-27 ta’ Frar 2012, li l-kuntratt tal-appellanti ma jiġġeddidx u li tiġi assenjatattrasferita f’dipartiment ieħor; tordna lill-appellata tikkumpensa d-dannu materjali tal-appellanti stmat għal EUR 1 320 kull xahar sa minn Settembru 2012, li magħhom għandhom jiżdiedu interessi moratorji bir-rata prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b’żewġ punti perċentwali; u tordna lill-appellata tikkumpensa d-dannu morali tal-appellanti evalwat ex aequo et bono għal EUR 50 000; u

tordna lill-appellata tbati l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti:

Dwar id-deċiżjoni tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tal-appellanti

L-ewwel nett, l-appellanti tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża u ta’ dritt għal smigħ u ta’ aċċess għall-informazzjoni rilevanti inkorporat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u dan żnatura l-provi;

It-tieni nett, l-appellanti tallega li billi rrifjuta li jawtorizza t-tieni skambju ta’ osservazzjonijiet u l-produzzjoni ta’ provi rilevanti b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-konvenuta u fis-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lill-appellanti ċaħdilha smigħ xieraq.

It-tielet nett, l-appellanti tallega żball manifest mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-evalwazzjoni tal-ewwel motiv li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-appellata fid-deċiżjoni, u distorsjoni tal-fatti u tal-provi;

Ir-raba’ nett, l-appellanti tallega żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-motivi dwar ritaljazzjoni u użu ħażin ta’ poter, distorsjoni tal-fatti u tal-provi.

Dwar id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid

L-ewwel nett, l-appellanti tallega evalwazzjoni illegali, mit-Tribunal għas-Serizz Pubbliku, tat-tieni motiv, li jallega emenda irregolari u unilaterali ta’ element essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol u diskrepanza bejn il-pożizzjoni u l-grad, u distorsjoni tal-provi;

It-tieni nett, l-appellanti tallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-argument tal-appellanti fir-rigward tal-assenza ta’ smigħ mill-appellata qabel ma ngħatat id-deċiżjoni għat-trasferiment, u ksur tad-drittijiet tad-difiża.

L-appellanti tallega ksur tal-Artikoli 87(2) u 88 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-ispejjeż, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.